Language of document : ECLI:EU:T:2021:892

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Ambjent – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Obbligu tal-Istati Membri li jipproteġu u li jtejbu l-kwalità tal-arja ambjentali – Talba għal eżami mill-ġdid intern – Ċaħda tat-talba bħala inammissibbli”

Fil-Kawża T‑569/20,

Stichting Comité N 65 Ondergronds Helvoirt, stabbilit f’Helvoirt (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn T. Malfait u A. Croes, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Haasbeek, G. Gattinara u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, M. de Ree, J. Langer u J. Hoogveld, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn W. Kuzmienko u C. Ionescu Dima, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel u A. Maceroni, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑6 ta’ Lulju 2020 li tiċħad bħala inammissibbli talba għal eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura ta’ lment CHAP (2019) 2512,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, F. Schalin u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Stichting Comité N 65 Ondergronds Helvoirt, huwa kumitat ta’ azzjoni li twaqqaf fit‑2 ta’ Marzu 2011 fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni, mill-komuni ta’ Vught, ta’ Haaren, ta’ Oisterwijk, ta’ Tilbourg u ta’ Bois-le-Duc (il-Pajjiżi l-Baxxi), tal-viżjoni tagħhom tat-triq reġjonali N 65 u tal-madwar tagħha.

2        Wara li beda diversi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fuq il-livell nazzjonali, ir-rikorrent, fid‑29 ta’ Awwissu 2019, ressaq ilment kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Huwa qies li l-implimentazzjoni, mill-awtoritajiet Olandiżi, tal-kontroll u tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja madwar it-triq reġjonali N 65 kienet tmur kontra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1). Ir-rikorrent qies li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjoni li tgħid li l-miżuri ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali ma kellhomx jitwettqu iktar minn għaxar metri mix-xifer tal-bankina.

3        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija kienet iddeċidiet li tagħlaq mingħajr tkomplija l-fajl tal-ilment, bir-referenza CHAP (2019) 2512, minħabba li, fl-ittri tiegħu tas‑6 u tal‑21 ta’ Settembru 2019 u tat‑8 ta’ Jannar 2020, huwa ma kien ressaq l-ebda element rilevanti ġdid li seta’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

4        Fit‑12 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent ressaq talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Aarhus”).

5        Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami intern mill-ġdid tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura ta’ lment CHAP (2019) 2512 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija qieset li l-ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020 ma kinitx tikkostitwixxi “att amministrattiv” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus jew “ommissjoni amministrattiva” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(h) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, hija indikat li kienet adottat, bħala korp ta’ stħarriġ amministrattiv, skont l-Artikolu 258 TFUE, l-ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020 intiża li tagħlaq il-fajl tal-ilment mingħajr tkomplija. Hija qieset li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus, tali att ma kienx jikkostitwixxi att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

7        Fil‑25 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

8        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fit‑3, fid‑9 u fl‑10 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Parlament Ewropew talbu li jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni.

9        Fit‑12 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent ippreżenta r-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

10      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Jannar 2021, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizzat l-intervent tal-Kunsill, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Parlament, rispettivament.

11      Fil‑25 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

12      Fl‑1, fit‑2 u fl‑4 ta’ Marzu 2021, il-Parlament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kunsill ippreżentaw, rispettivament, in-nota ta’ intervent tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

13      Il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

14      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tibgħat il-fajl lura lill-Kummissjoni sabiex din tiddikjarah ammissibbli u tiddeċiedi fuq il-mertu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

16      Il-Parlament jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni u tiċħad ir-rikors.

17      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni u tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, kull wieħed minnhom maqsum f’diversi partijiet.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tal-Artikolu 216 TFUE, tal-Artikolu 1(1)(d), tal-Artikolu 2(1)(g) u (2) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus

19      Fil-kuntest tal-ewwel motiv maqsum f’żewġ partijiet, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1 u l-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), l-Artikolu 216 TFUE, l-Artikolu 1(1)(d), l-Artikolu 2(1)(g) u (2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus.

 Fuq l-ewwel parti, invokata prinċipalment, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(1)(d), tal-Artikolu 2(1)(g) u (2) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus

20      Fl-ewwel parti, ippreżentata prinċipalment, ir-rikorrent isostni li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus hija distinta mill-proċedura ta’ ksur skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE, li, fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni individwali fil-qasam tal-ambjent li għandha effett legali vinkolanti, li din tal-aħħar fil-fatt taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus u li għalhekk din id-deċiżjoni setgħet tiġi eżaminata mill-ġdid, peress li r-rikors kontra din tal-aħħar ma setax jiġi ddikjarat inammissibbli.

21      Il-Kummissjoni, sostnuta f’dan is-sens mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tikkontesta dawn l-argumenti.

22      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandha d-dritt li tagħmel talba għal eżami mill-ġdid intern lill-istituzzjoni tal-Unjoni li adottat att amministrattiv taħt id-dritt dwar l-ambjent.

23      Il-kunċett ta’ att amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala miżura ta’ portata individwali adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni taħt id-dritt dwar l-ambjent u li għandha effett estern u legalment vinkolanti.

24      L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus jistabbilixxi wkoll il-limiti ta’ dan il-kunċett ta’ att amministrattiv billi jipprovdi li dan ma jinkludix il-miżuri meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, jew l-ommissjonijiet tagħhom, fil-kwalità tagħhom ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv, b’mod partikolari skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE, li jikkonċernaw il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

25      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid, imressqa mir-rikorrent, tal-ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020 – jiġifieri l-ittra li tinforma lill-imsemmi rikorrent li hija ddeċidiet li tagħlaq mingħajr tkomplija l-fajl tal-ilment, peress li hija qieset li ma kellha l-ebda element rilevanti ġdid li seta’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

26      Qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus, ma kienx possibbli eżami mill-ġdid intern fil-każ ta’ miżuri jew ommissjonijiet min-naħa ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv.

27      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-proċedura ta’ lment permezz tal-għodda ta’ complaint handling (ġestjoni ta’ lmenti) (iktar ’il quddiem il-“proċedura CHAP”) mibdija mir-rikorrent setgħet tikkostitwixxi l-ewwel stadju li jwassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur, fis-sens li din kienet tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-każijiet ta’ ksur potenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri u tieħu l-miżuri li hija tqis xierqa.

28      Barra minn hekk, hija indikat li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus, il-proċeduri ta’ ksur ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus jew ta’ ommissjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 2(1)(h) tal-imsemmi regolament, minn naħa, u li l-proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti kienu jeżistu biss sabiex hija tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati skont l-Artikolu 17 TUE u l-Artikoli 258 TFUE et seq, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali proċeduri ta’ pproċessar tal-ilmenti ma setgħux, bis-saħħa tar-Regolament Aarhus, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-proċeduri ta’ ksur innifishom.

29      Barra minn hekk, hija fakkret li, konformement mal-punt 10 tad-dokument imsemmi “Proċeduri amministrattivi għall-immaniġġar ta’ relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, anness mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolat “Id-Dritt tal-[Unjoni]: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10), hija kienet informat lir-rikorrent bir-raġunijiet għalfejn hija kienet qiegħda tipproponi li tagħlaq il-fajl u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

30      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni osservat li l-ittri tar-rikorrent tas‑6 u tal‑21 ta’ Settembru 2019 u tat‑8 ta’ Jannar 2020 ma kinux jinkludu elementi ġodda rilevanti u li għalhekk hija kienet għalqet il-fajl tal-ilment.

31      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern imressqa mir-rikorrent.

32      Għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li t-talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus imressqa mir-rikorrent kienet inammissibbli.

33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx qiegħda taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv skont il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE meta, permezz tal-ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020, hija għalqet mingħajr tkomplija l-fajl tal-ilment tar-rikorrent u, għaldaqstant, jekk, skont l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus, din l-ittra kinitx tikkostitwixxi att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Aarhus.

34      Fl-ilment tiegħu, ir-rikorrent sostna li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien kiser id-Direttiva 2008/50 u, b’mod partikolari, l-Anness III tagħha (li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja u l-post tal-punti ta’ kampjunament għall-kejl), minħabba li l-mod li bih kienu mkejla l-valuri limitu stabbiliti mill-imsemmija direttiva kienu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tagħha.

35      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija kienet iddeċidiet li tagħlaq il-fajl tal-ilment mingħajr tkomplija, minħabba li, fl-ittri tiegħu tas‑6 u tal‑21 ta’ Settembru 2019 u tat‑8 ta’ Jannar 2020, dan ma kien ressaq l-ebda element rilevanti ġdid li seta’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

36      Iċ-ċirkustanzi mfakkra iktar ’il fuq iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent għandha tinftiehem b’mod ċar bħala li tesprimi r-rifjut tal-Kummissjoni li tibda proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li dan l-Istat Membru għandu taħt id-dritt tal-Unjoni.

37      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment ittieħdet sabiex tingħalaq il-proċedura CHAP (2019) 2512, jiġifieri proċedura intiża sabiex jiġu ttrattati t-talbiet ta’ investigazzjoni u l-ilmenti rċevuti mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni tal-Istati Membri, kif ukoll minn diversi riferimenti espliċiti f’dan is-sens tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat‑30 ta’ Jannar 2020.

38      Fil-fatt, wara li indikat li hija ma kinitx tikkostitwixxi qorti tal-appell tad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Olandiżi, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod inekwivoku li hija kienet tipprevedi azzjoni kontra Stat Membru biss meta d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tiegħu kienu jidhru li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. F’dan is-sens, hija semmiet b’mod ċar li, f’dan il-każ, ma kienx hemm indizji suffiċjenti li jippermettu li tiġi ġġustifikata l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ksur.

39      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jipprova jagħmel distinzjoni bejn il-proċedura EU Pilot u l-proċedura CHAP u jsostni li l-kunsiderazzjoni li l-proċedura EU Pilot hija marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tistax tiġi estiża għall-proċedura CHAP.

40      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura EU Pilot tikkostitwixxi tip ta’ “prekursur” tal-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE u li hija għalhekk marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li, anki jekk ma hijiex ibbażata fuq din id-dispożizzjoni, il-proċedura EU Pilot tat struttura għall-passi li l-Kummissjoni tradizzjonalment ħadet meta rċeviet ilment jew meta aġixxiet fuq l-inizjattiva tagħha stess (sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, EU:T:2014:816, punt 66) u għalhekk sempliċement ifformalizzat jew tat struttura għall-iskambji ta’ informazzjoni li tradizzjonalment seħħew bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul il-fażi informali ta’ investigazzjoni dwar ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 43).

41      Fid-dawl ta’ dan, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan ir-raġunament dwar il-proċedura EU Pilot jistax jiġi estiż għall-proċedura CHAP, mibdija f’dan il-każ mir-rikorrent.

42      Għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ lment CHAP mibdija mir-rikorrent kienet tikkostitwixxi l-ewwel stadju li seta’ jwassal għall-ftuħ tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u li din il-proċedura ma kellhiex skop ieħor ħlief li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kompitu tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati skont l-Artikolu 17 TUE u l-Artikolu 258 TFUE.

43      Il-kunsiderazzjoni li l-ilment imressaq mir-rikorrent quddiem il-Kummissjoni seta’ jinftiehem biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE hija msaħħa bil-konstatazzjoni li l-unika soluzzjoni favorevoli li l-Kummissjoni setgħet tagħti lill-imsemmi lment kienet preċiżament li tibda tali proċedura kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑15 ta’ Jannar 2007, Sellier vs Il‑Kummissjoni, T‑276/06, mhux ippubblikat, EU:T:2007:6, punt 9; tas‑16 ta’ April 2012, F91 Diddeléng et vs Il‑Kummissjoni, T‑341/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:183, punti 24 u 25, u tal‑21 ta’ Ottubru 2014, Bharat Heavy Electricals vs Il‑Kummissjoni, T‑374/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:931, punt 8).

44      Ċertament, kif enfasizza r-rikorrent, huwa minnu li, flimkien mal-ftuħ ta’ proċedura EU Pilot jew ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew mat-twaqqif mingħajr tkomplija tal-fajl tal-ilment, il-proċedura CHAP tista’ twassal ukoll għal mekkaniżmi oħra ta’ soluzzjoni ta’ problemi u li din il-proċedura tippermetti għalhekk li tiġi evitata proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat.

45      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-mekkaniżmi possibbli ta’ soluzzjoni ta’ problemi, anki effettivi, huma informali u li l-użu tagħhom jibqa’ sospiż għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Jekk din ma tkunx issodisfatta mill-iżvolġiment tad-diskussjonijiet f’dan il-kuntest, hija dejjem tista’ tkompli l-proċedura uffiċjali. Issa, jekk din il-proċedura uffiċjali titkompla, din twassal inevitabbilment għall-għeluq mingħajr tkomplija tal-fajl tal-ilment, għall-ftuħ ta’ fajl EU Pilot jew għall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

46      Min-naħa l-oħra, ix-xebh qawwi bejn il-proċedura CHAP u l-proċedura EU Pilot jirriżulta wkoll mill-fatt li t-tnejn jippermettu, minbarra li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, li tiġi evitata l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura.

47      Għaldaqstant, għandu jitqies li, l-istess bħal proċedura EU Pilot, il-proċedura CHAP mibdija mir-rikorrent kienet marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

48      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura ta’ lment mibdija mir-rikorrent kienet tikkostitwixxi l-ewwel stadju ta’ proċedura li tista’ twassal lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u li din għalhekk aġixxiet fil-kwalità tagħha ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020 – li tinforma lir-rikorrent li hija ddeċidiet li tagħlaq il-fajl tal-ilment mingħajr tkomplija – ma setgħetx tikkostitwixxi att amministrattiv li jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus. Fil-fatt, l-Artikolu 2(2)(b) tal-istess regolament jeskludi b’mod ċar dan l-att mill-kunċett ta’ att amministrattiv iddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament.

49      Għalhekk, u kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, it-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ talba mressqa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus, peress li dan il-kamp huwa limitat mill-Artikolu 2(2) tal-istess regolament.

50      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura ta’ lment CHAP (2019) 2512.

51      Ir-rikorrent ma rnexxilux jikkontesta din il-konklużjoni.

52      L-ewwel, ir-rikorrent isostni li, billi ddikkjarat inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet ambjentali – f’dan il-każ, fuq l-interpretazzjoni korretta tat-Taqsima Ċ tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50 – u li hija tassumi ġurisdizzjoni li ma hijiex tagħha.

53      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, hija ma assumiet l-ebda ġurisdizzjoni, iżda llimitat ruħha li teżerċita setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mit-Trattat FUE u ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni enfasizzat li hija kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tiftaħ jew le proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, l-individwi ma għandhomx id-dritt li jeżiġu li hija tieħu pożizzjoni f’sens speċifiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibda proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE. Ir-rikorrent li ressaq ilment ma kellux, fl-assenza ta’ drittijiet proċedurali previsti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulu jeżiġi li l-Kummissjoni tinformah u tisimgħu, il-possibbiltà li jippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni eventwali li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tiegħu (digrieti tal‑14 ta’ Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs Il‑Kummissjoni, T‑202/02, EU:T:2004:5, punt 46, u tad-19 ta’ Novembru 2014, Mirelta Ingatlanhznosító vs Il‑Kummissjoni u L-Ombudsman Ewropew, T‑430/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:996, punt 6; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Lulju 1998, Sateba vs Il‑Kummissjoni, C‑422/97 P, EU:C:1998:395, punt 42).

54      L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus isegwi l-loġika tat-Trattat FUE – u b’mod partikolari, għal din il-kawża, tal-Artikolu 258 TFUE – u ta’ ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, sa fejn jipprevedi li l-miżuri meħuda jew l-ommissjonijiet skont l-Artikoli 258 u 260 TFUE huma esklużi mill-atti u mill-ommissjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament.

55      It-tieni, ir-rikorrent isostni b’mod żbaljat li, billi kkunsidrat li ma huwiex possibbli li jintalab l-eżami mill-ġdid ta’ teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tagħha bi tweġiba għal ilment, il-Kummissjoni tattribwixxi kompetenza esklużiva fuq il-kwistjonijiet marbuta mal-ambjent. Fil-fatt, it-talba għal eżami mill-ġdid intern hija, f’dan il-każ, inammissibbli għal raġuni speċifikata b’mod ċar fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Aarhus, jiġifieri li din hija diretta kontra deċiżjoni li ma tinfetaħx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru.

56      Barra minn hekk, ir-rikorrent bl-ebda mod ma juri li, minbarra l-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus, l-ilmenti dwar kwistjonijiet ambjentali mressqa quddiem il-Kummissjoni jġarrbu l-istess destin u għalhekk kollha ser jiġu ddikjarati inammissibbli.

57      It-tielet, fl-aħħar nett, ir-rikorrent għalxejn isostni li l-Kummissjoni rendiet, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent tad-drittijiet li huma jisiltu kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mit-trattati internazzjonali, li hija b’hekk kisret ir-ratio legis tar-Regolament Aarhus u li hija ppreġudikat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent.

58      Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni kkonformat mar-restrizzjoni li l-leġiżlatur innifsu kien ippreveda fir-Regolament Aarhus, jiġifieri dik li ma jiġux inklużi, fost l-atti jew l-ommissjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament, ċerti atti jew ommissjonijiet bħal dawk adottati skont l-Artikolu 258 TFUE.

59      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus hija intiża sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi – peress li dawn tal-aħħar ma għandhomx għalfejn juru interess suffiċjenti, u lanqas għandhom bżonn jallegaw ksur ta’ dritt sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt konformement mal-Artikolu 263 TFUE – u li l-imsemmi regolament għalhekk jirrikonoxxi li dawn il-gruppi għandhom il-kwalità ta’ destinatarji (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 124, u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, C‑82/17 P, EU:C:2018:837, punt 36).

60      Għaldaqstant, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus ma għandhiex l-għan li tippermetti l-preżentata ta’ rikors kontra miżuri li, għal raġunijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-assenza ta’ locus standi ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, ma jistgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE.

61      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, invokata sussidjarjament, ibbażata, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, fuq l-assenza ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, fuq l-Artikolu 2(2)(b) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 216 TFUE

62      Fit-tieni parti, ir-rikorrent iqajjem, sussidjarjament, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2(2)(b) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, kif ukoll ksur tal-Artikolu 216 TFUE.

63      Il-Kummissjoni – sostnuta f’dan is-sens mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Parlament u mill-Kunsill – tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent.

64      Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tar-rikorrent huwa bbażat biss fuq is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni (T‑396/09, EU:T:2012:301), u fuq ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310).

65      Fis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni (T‑396/09, EU:T:2012:301), il-Qorti Ġenerali kienet qieset li, bħal kull ftehim internazzjonali ieħor li għalih kienet parti l-Unjoni, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienet tgawdi mis-supremazija fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li l-qorti tal-Unjoni setgħet teżamina l-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma kinux jipprekludu dan u, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi.

66      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, billi rreferiet b’mod partikolari għas-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254), u tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li hija kellha teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li ma kinux ta’ natura li joħolqu d-dritt għall-individwu li jibbaża ruħu fuqhom fi proċeduri ġudizzjarji meta l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew fil-każ li l-att ta’ dritt sekondarju inkwistjoni rrefera b’mod espliċitu għad-dispożizzjonijiet preċiżi tiegħu. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-qorti tal-Unjoni kellha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali, meta dan ir-regolament kien intiż li jimplimenta obbligu impost minn dan il-ftehim fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09, EU:T:2012:301, punt 54).

67      Il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti fil-kawża inkwistjoni peress li, minn naħa, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ma kinux invokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, kienu jikkontestaw, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 277 TFUE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Aarhus fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament kien ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif kien jirriżulta mill-Artikolu 1(1) kif ukoll mill-premessa 18 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, sa fejn kien jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern biss għal att amministrattiv iddefinit bħala “kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali” – u b’hekk jeskludi l- “miżuri ta’ portata ġenerali”, ma kienx kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09, EU:T:2012:301, punti 57, 58 u 69).

68      Fil-kuntest tal-proċedura tal-appell, l-Avukat Ġenerali Jääskinen għalhekk qies li, fid-dawl tal-għan u tal-istruttura tiegħu, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kien għalhekk jikkostitwixxi, parzjalment, regola ċara biżżejjed sabiex ikun jista’ jservi bħala bażi għall-istħarriġ tal-legalità fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet li għandhom il-kapaċità li jaġixxu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dik tal-Unjoni, u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni setgħet isservi bħala kriterju ta’ riferiment għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310, punt 95).

69      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali u sostnuta mill-Avukat Ġenerali Jääskinen.

70      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 45; tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 110, u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 54).

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma kien jinkludi l-ebda obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 45). Fil-fatt, hija qieset li, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li [ssodisfaw] il-kriterji eventwali previsti [bid]-dritt intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li kellhom id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni, din id-dispożizzjoni kienet suġġetta, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 55).

72      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li fuqu kien ibbażat l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Aarhus, ma setax jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 61). Din is-soluzzjoni tfakkret diversi drabi mill-Qorti Ġenerali (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736, punt 50, u tal‑14 ta’ Marzu 2018, TestBioTech vs Il‑Kummissjoni, T‑33/16, EU:T:2018:135, punt 88).

73      Għandu jiġi rrilevat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent irriproduċa kelma b’kelma r-raġunament adottat mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2014:310) u sempliċement enfasizza li l-pożizzjoni sostnuta minnu ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti. Madankollu, huwa ma ppreżenta l-ebda argument li jiġġustifika li l-Qorti Ġenerali titbiegħed mis-soluzzjoni finalment adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4).

74      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax iservi bħala dispożizzjoni invokabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus.

75      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 2(2)(b) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi miċħud bħala infondat.

76      L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrent ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

77      L-ewwel, u għar-raġuni indikata fil-punt 74 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jinvoka mingħajr suċċess il-konklużjonijiet tal-kumitat ta’ eżami tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tas‑17 ta’ Marzu 2017, intitolati “Findings and Recommendations of the Compliance Committee with Regard to Communication ACCC/C/2008/32 (Part II) Concerning Compliance by the European Union” (Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Eżami fid-dawl tal-Komunikazzjoni ACCC/C/2008/32 (Parti II) dwar l-Osservanza tad-Dispożizzjonijiet mill-Unjoni Ewropea), li skonthom l-approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-obbligi relatati mal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

78      Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ma jikkonkludux b’mod espliċitu li d-dispożizzjoni li tipprevedi l-inammissibbiltà ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus dwar id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE hija illegali.

79      Fil-fatt, fil-punti 106 sa 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kumitat ta’ eżami esprima riżervi dwar il-konformità tal-kunċett ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv li jinsab fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus. L-imsemmi kumitat enfasizza li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus teskludi mill-kunċett ta’ awtorità pubblika l-“korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda mhux il-korpi li jaġixxu fil-kwalità ta’ “korp amministrattiv ta’ reviżjoni”. Il-kumitat ta’ eżami b’hekk qies li l-konklużjoni li kellha tinsilet minnu kienet li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienet tagħmel distinzjoni bejn il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi u teskludi lill-awtoritajiet pubbliċi biss meta dawn jaġixxu b’mod ġudizzjarju, iżda mhux meta dawn jaġixxu b’kontroll amministrattiv. Il-kumitat ta’ eżami kkonkluda li, jekk ma kienx konvint li l-atti jew l-ommissjonijiet tal-korpi kollha ta’ stħarriġ amministrattiv elenkati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus, bħal dawk tal-Ombudsman, għandhom jiġu suġġetti għal eżami skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, huwa kellu dubji dwar il-fatt li l-esklużjoni ġenerali tal-atti amministrattivi kollha u l-ommissjonijiet kollha ta’ istituzzjonijiet li jaġixxu bħala korpi ta’ stħarriġ amministrattiv kienet konformi mal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, huwa ppreċiża li ma kellux eżempji konkreti ta’ ksur u li ma kienx ser jistabbilixxi nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim f’dan ir-rigward.

80      Għaldaqstant, minn dawn il-konklużjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-kumitat ta’ eżami kkonkluda li l-inammissibbiltà ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Aarhus dwar id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE ma hijiex konformi mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

81      It-tieni, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 216 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament li jinsab fis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent fl-ebda mument ma jagħmel riferiment għal din id-dispożizzjoni, u lanqas jispeċifika r-raġunijiet għall-allegat ksur tiegħu, kif isostnu l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill. Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud.

82      Fi kwalunkwe każ, għalkemm l-allegat ksur tal-Artikolu 216 TFUE għandu jinftiehem bħala konsegwenza tal-fatt li l-Kummissjoni ma tosservax l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

83      Fil-fatt, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi li “kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-partijiet kontraenti għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni, C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 88).

84      It-tielet, l-allegat ksur tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus la jinsab fid-deskrizzjoni tal-motiv u lanqas fil-motivazzjoni tiegħu u għalhekk għandu jiġi miċħud.

85      Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

86      Fid-dawl tal-eżami tal-ewwel motiv, għandu jiġi kkunsidrat ineffettiv l-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni intimat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jikkoreġi r-regoli interni tiegħu fil-qasam tat-teħid ta’ kampjuni u li din l-intimazzjoni tikkostitwixxi prova li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma wettaqx l-obbligi tiegħu konformement mad-Direttiva 2008/50.

87      Fil-fatt, anki jekk jitqies li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kiser id-Direttiva 2008/50, dan il-ksur eventwali ma għandu l-ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-talba għal eżami mill-ġdid ġiet miċħuda minħabba n-natura inammissibbli tagħha u mhux minħabba li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma wettaq l-ebda ksur tal-imsemmija direttiva.

88      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, kemm fl-ewwel parti tiegħu kif ukoll fit-tieni parti tiegħu, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tal-Artikoli 2 u 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-Artikoli 2 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 3(3), tal-Artikolu 9, tal-Artikolu 168(1) u tal-Artikolu 191(1) u (2) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 6, 7, 23 u tat-Taqsima B tal-Annessi III u XI tad-Direttiva 2008/50

89      Fil-kuntest tat-tieni motiv, maqsum f’erba’ partijiet, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikoli 2 u 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, l-Artikoli 2 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 3(3), l-Artikolu 9, l-Artikolu 168(1), u l-Artikolu 191(1) u (2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 6, 7, 23 u t-Taqsima B tal-Annessi III u XI tad-Direttiva 2008/50.

90      Il-Kummissjoni, sostnuta f’dan is-sens mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tqis li l-motiv huwa ineffettiv.

91      Għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura ta’ lment CHAP (2019) 2512. Il-motiv ta’ inammissibbiltà msemmi fid-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq il-fatt li, waqt l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni aġixxiet fil-kwalità tagħha ta’ korp ta’ stħarriġ amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Aarhus u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament.

92      Id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura ta’ lment għalhekk ma tinkludix konklużjonijiet definittivi dwar il-kwistjoni jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienx kiser id-Direttiva 2008/50 jew le. Din id-deċiżjoni kien fiha biss evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tinfetaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

93      Issa, l-argument żviluppat mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni motiv huwa bbażat biss fuq argumenti sostantivi bbażati fuq il-ksur, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, konsegwentement, mill-Kummissjoni, rispettivament, tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja, tal-kriterju ta’ espożizzjoni u tal-obbligu li jiġi stabbilit pjan dwar il-kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva 2008/50 kif ukoll tad-dritt għall-ħajja stabbilit fl-Artikoli 2 u 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fl-Artikoli 2 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tad-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem stabbilit fl-Artikolu 9, fl-Artikolu 168(1) u fl-Artikolu 191(1) TFUE.

94      Minn dan isegwi li l-motiv imressaq mir-rikorrent huwa ineffettiv.

95      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

96      Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrent intiża sabiex il-fajl jintbagħat lura lill-Kummissjoni sabiex din tiddikjarah ammissibbli u tiddeċiedi fuq il-mertu, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

98      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Stichting Comité N 65 Ondergronds Helvoirt huwa kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Tomljenović

Schalin

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.