Language of document : ECLI:EU:C:2024:340

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Valuri u għanijiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 2 TUE – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Qorti indipendenti u imparzjali – Organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi ġudizzjarji fi ħdan Stat Membru – Tneħħija ta’ qorti kriminali speċjalizzata – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑634/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

OT,

PG,

CR,

VT,

MD,

fil-preżenza ta’:

Sofiyska gradska prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, E. Rousseva u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) u (3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra ħames persuni għal fatti kklassifikati bħala kriminalità organizzata.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-punt 43 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali taż-zakon za izmenenie i dopalnanie na Zakona za sadebnata vlast (il-Liġi li Temenda u li Tikkompleta l-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju) (DV, Nru 32, tas‑26 ta’ April 2022, iktar ’il quddiem iż-“ZIDZZSV”) jipprovdi:

“Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ser jitneħħew l-iSpetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija)], l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija)], l-iSpetsializirana prokuratura [(l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija)] u l-Apelativna spetsializirana prokuratura [(l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Appell Speċjalizzat, il-Bulgarija)].”

4        Il-punt 44 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali jipprovdi:

“(1)      L-imħallfin tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u tal-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) għandhom jiġu assenjati mill-ġdid taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċedura previsti fl-Artikolu 194(1).

(2)      F’terminu ta’ erbatax-il jum mill-adozzjoni ta’ din il-liġi, il-persuni li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 jistgħu jippreżentaw ittra quddiem il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju fejn jikkonstataw li jixtiequ jiġi reintegrati fil-pożizzjoni ġudizzjarja li kienu jokkupaw qabel l-assenjazzjoni tagħhom lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u tal-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata), skont il-każ.

(3)      F’terminu ta’ tletin jum sa mill-iskadenza tat-terminu tal-paragrafu 2, il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju għandu jadotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ġudizzjarji fil-qrati, korrispondenti għal dawk li tneħħew fl-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u tal-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ xogħol tal-qorti rispettiva. Massimu ta’ kwart tal-imħallfin tal-iSpetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)] mneħħija u massimu ta’ terz tal-imħallfin tal-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzat)] imneħħija għandhom ikunu assenjati mill-ġdid lill-istess qorti.

(4)      Wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 3, il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju għandu jassenja mill-ġdid lill-imħallfin sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

(5)      Id-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju li għalihom jirreferi l-paragrafu 4 għandhom ikunu immedjatament eżegwibbli.”

5        Il-punt 49 tal-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji u finali jipprevedi:

“Il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)] li fihom tkun għadha ma nżammet ebda seduta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jintbagħtu lill-qrati kompetenti fi żmien sebat ijiem mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.”

6        Il-punt 50 tal-istess dispożizzjonijiet tranżitorji u finali huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)] li fihom kienet inżammet seduta għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tas-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija)] u l-eżami tagħhom għandu jitkompla mill-kulleġġ ġudikanti li żamm is-seduta.

(2)      L-imħallfin tal-kulleġġi ġudikanti li ma jkunux ġew assenjati mill-ġdid lis-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija)] għandhom jiġu kkummissjonati sabiex jipparteċipaw fl-eżami tal-kawżi sat-tmiem tal-proċeduri.

(3)      L-imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti li eżaminaw il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza li fihom tkun ingħatat sentenza għandhom jiġu kkummissjonati sabiex jimmotivawha jekk ma jkunux ġew assenjati mill-ġdid lis-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija)].

[...]”

7        Skont il-punt 59 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali taż-ZIDZSV:

“(1)      Is-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija)] għandha tkun is-suċċessur tal-attiv, tal-passiv, tad-drittijiet u tal-obbligi tal-iSpetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)].

(2)      L-Apelativen sad Sofia [(il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija)] għandha tkun is-suċċessur tal-attiv, tal-passiv, tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata)].”

 Ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        Mit‑12 ta’ Lulju 2019, OT, PG, CR, VT u MD huma mħarrka, inizjalment quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u, sa mit-tneħħija tagħha, quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), għall-parteċipazzjoni tagħhom fi grupp kriminali organizzat li kien involut f’attivitajiet ta’ estorsjoni miftiehma.

9        L-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u l-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“qrati kriminali speċjalizzati”) inħolqu mil-leġiżlatur Bulgaru matul is-sena 2011. Oriġinarjament, dawn il-qrati kriminali speċjalizzati kellhom kompetenza biss sabiex jieħdu konjizzjoni tar-reati kriminali mwettqa minn gruppi kriminali organizzati. Sussegwentement, il-kompetenza tagħhom ġiet estiża għar-“reati kriminali kontra r-Repubblika [tal-Bulgarija]” u għar-reati ta’ korruzzjoni f’dak li jirrigwarda persuni li jokkupaw pożizzjonijiet pubbliċi ta’ livell għoli.

10      Bis-saħħa taż-ZIDZSV, il-qrati kriminali speċjalizzati tneħħew mit‑28 ta’ Lulju 2022.

11      Iż-ZIDZSV jipprevedi li, minn din id-data, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u l-Apelativen sad Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) għandhom ikunu s-suċċessuri tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u tal-Apelativen Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata), rispettivament.

12      Mill-espożizzjoni tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata ż-ZIDZSV jirriżulta li tali bidliet strutturali u organizzattivi għandhom l-għan li jiggarantixxu l-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-ġudikatura u d-difiża tad-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini, peress li l-qrati kriminali speċjalizzati ma laħqux, matul l-għaxar snin ta’ attività tagħhom, l-għanijiet li kienu ġew stabbiliti għalihom waqt l-istabbiliment tagħhom u peress li t-taħlit tal-kriterji ta’ speċjalizzazzjoni ratione materiae u ratione personae li jiddefinixxu l-kompetenza ta’ dawn il-qrati qajmu kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar.

13      Skont il-punt 50 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali taż-ZIDZSV, għandu jitkompla l-eżami tal-kawżi, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li fihom tkun inżammet seduta preliminari qabel id-dħul fis-seħħ taż-ZIDZSV, mill-kulleġġ ġudikanti li jkun żamm din is-seduta, minkejja t-tneħħija tal-qrati kriminali speċjalizzati. Għal dan l-għan, il-leġiżlatur Bulgaru ppreveda t-trasferiment ta’ dawn il-kawżi lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u lill-Apelativen sad Sofija (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija), l-emenda tal-mandat tal-ġurati parteċipanti fihom sabiex dawn jitqiesu bħala ġurati fi ħdan dawn l-aħħar qrati u l-kollokament, fi ħdanhom, tal-imħallfin tal-qrati kriminali speċjalizzati li ma ġewx assenjati mill-ġdid lill-qorti.

14      F’dan il-każ, l-awla tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), li issa hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, hija għalhekk komposta bl-istess mod bħall-awla tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), li kienet, qabel it-tneħħija ta’ din l-aħħar qorti, kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

15      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, fil‑25 ta’ Frar 2022, filwaqt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ liġi li wasslet għall-adozzjoni taż-ZIDZSV kienet pendenti, l-avukata ta’ OT, fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjoni mhux governattiva, esprimiet ruħha pubblikament favur it-tneħħija tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), minħabba li din il-qorti kriminali speċjalizzata ma kinitx tippermetti li tiġi ggarantita ż-żamma ta’ smigħ xieraq.

16      Madankollu, anki wara l-adozzjoni taż-ZIDZSV, ma tressqet l-ebda talba għal rikuża minn OT. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma taħseb li għandha tirrikuża ruħha peress li hija tqis li ma teżistix parzjalità suġġettiva min-naħa tagħha f’dak li jirrigwarda l-kawża jew il-partijiet fil-kawża prinċipali.

17      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, dikjarazzjoni pubblika bħal dik tal-avukata ta’ OT tqajjem tħassib leġittimu dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha. L-istess japplika għar-raġunijiet li tressqu mil-leġiżlatur Bulgaru sabiex jiġġustifika t-tneħħija tal-qrati kriminali speċjalizzati, peress li dawn ir-raġunijiet jikkontestaw l-indipendenza mhux biss tal-awla li kellha konjizzjoni tal-proċeduri kriminali mibdija kontra OT, iżda tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) kollha.

18      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija raġunijiet mad-dritt tal-Unjoni.

19      Hija tirrileva għalhekk li, sal-adozzjoni taż-ZIDZSV, kien paċifiku li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) kienet tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

20      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, ir-raġunijiet mogħtija mil-leġiżlatur Bulgaru sabiex wasal għall-konklużjoni li l-qrati kriminali speċjalizzati ma kinux indipendenti u ma kinux jipproteġu d-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini, qatt ma kienu bbażati fuq provi konkreti, filwaqt li tali raġunijiet kellhom jiġu ssostanzjati b’mod adegwat.

21      Fit-tielet u fl-aħħar lok, din il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tar-raġunijiet li ġġustifikaw it-tneħħija tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), hija tistax tkompli tieħu konjizzjoni tal-proċeduri mibdija quddiemha u, fil-każ li hija ma tirrikużax ruħha, xi jkunu l-konsegwenzi fuq id-deċiżjonijiet li hija tadotta.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2 TUE u 6(1) u (3) TUE, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretat fis-sens li jkun hemm preġudizzju għall-indipendenza ta’ qorti, li tkun tneħħiet permezz ta’ emenda adottata fiż-[ZIDZSV] iżda li l-imħallfin sedenti fiha għandhom ikomplu jeżaminaw sa dik id-data l-kawżi li jkunu ġew assenjati lilhom, kif ukoll, wara din id-data, il-kawżi [tal-imsemmija qorti], li fihom ikunu żammew seduti preliminari, sa fejn bit-tneħħija tagħha jiġu ggarantiti l-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju u l-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini, mingħajr ma ġew debitament esposti argumenti dwar il-fatti li jwasslu għall-konklużjoni li kien hemm ksur [ta’ dan il-prinċipju]?

2)      Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk previsti [fiż-ZIDZSV], li jwasslu għat-tneħħija kompleta bħala awtorità awtonoma tal-poter ġudizzjarju Bulgaru (tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)), għar-raġunijiet indikati, u għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin ([inkluż dak] tal-kulleġġ ġudikanti li qiegħed jeżamina din il-kawża [kriminali]) ta’ din il-qorti lejn diversi qrati, iżda li jobbligaw lil dawn l-imħallfin ikomplu jisimgħu l-kawżi li kienu bdew jittrattaw meta ġiet xolta l-qorti?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, liema għandhom ikunu l-atti proċedurali tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati li tneħħew fil-kawżi tal-qorti li tneħħiet (li l-liġi tobbligahom [ikomplu jeżaminaw]), fid-dawl ukoll tal-obbligu tagħhom li jevalwaw ir-raġunijiet għal rikuża f’dawn il-kawżi? Liema huma l-konsegwenzi għad-deċiżjonijiet [proċedurali] mogħtija fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti li tneħħiet li l-eżami tagħhom għandu [jitkompla] u għall-atti li jagħlqu dawn il-kawżi?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

23      Il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li l-problemi dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri, bħalma huma dawk li tqajmu permezz tad-domandi preliminari, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ dawn tal-aħħar u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

24      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ ċertament fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 75, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, mill-kliem tad-domandi magħmula jirriżulta b’mod ċar li dawn ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Bulgaru, iżda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fihom.

26      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

27      Il-Gvern Pollakk iqis li peress li l-kawża prinċipali ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, id-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

28      Il-Kummissjoni Ewropea tqis ukoll li dawn id-domandi huma inammissibbli peress li d-dubji tal-qorti tar-rinviju huma ipotetiċi sa fejn din il-qorti ma ssemmi ebda raġuni suġġettiva sabiex tirrikuża ruħha u peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx l-imparzjalità oġġettiva tagħha. Barra minn hekk, l-imsemmija domandi huma irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-bidliet strutturali u organizzattivi mwettqa miż-ZIDSZV jikkonċernaw biss l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u mhux il-qorti tar-rinviju.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti s-sentenza tagħha” fil-kawża li tkun adita biha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-membri ta’ qorti li tkun tneħħiet minn Stat Membru sabiex jiġi ppreżervat il-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-ġudikatura u għall-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini jkunu jistgħu jkomplu jieħdu konjizzjoni, bħala membri tal-qorti li hija s-suċċessur tal-qorti li tkun tneħħiet b’dan il-mod, ta’ wħud mill-kawżi li kienu tressqu quddiemhom bħala membri ta’ din l-aħħar qorti.

33      Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari jirrigwardaw, b’mod iktar partikolari, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, kif iggarantit mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li t-tqassim jew l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi ġudizzjarji fi ħdan Stat Membru jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-libertà tal-Istati Membri ggarantita fl-Artikolu 4(2) TUE, dan huwa biss bla ħsara, b’mod partikolari, għall-fatt li tali tqassim jew organizzazzjoni mill-ġdid ma jkunx jippreġudika l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, u r-rekwiżiti li joħorġu, f’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fosthom dawk dwar l-indipendenza, l-imparzjalità kif ukoll l-istabbiliment minn qabel bil-liġi tal-qrati mitluba sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 263).

35      Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel wieħed, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew subordinata għal ebda korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, b’tali mod li b’hekk tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti Kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin jeżiġi li s-sistema applikabbli għat-trasferimenti tal-membri tal-ġudikatura mingħajr il-kunsens tagħhom toffri l-garanziji meħtieġa sabiex jiġi evitat kull riskju li din l-indipendenza tiġi pperikolata permezz ta’ interventi esterni diretti jew indiretti. Għalhekk huwa importanti li tali miżuri jiġu deċiżi biss għal raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari ma’ tqassim tar-riżorsi disponibbli li jippermettu li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema –Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 117 u 118).

37      F’dan il-każ, il-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda li jneħħi l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) minħabba rekwiżiti imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mingħajr madankollu ma kkontesta l-indipendenza individwali tal-membri ta’ din il-qorti.

38      Fil-fatt, minn naħa, mill-espożizzjoni tar-raġunijiet taż-ZIDZSV, kif imsemmi fil-punt 15 tad-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li hija l-konċentrazzjoni ta’ kawżi sensittivi ħafna li għandhom jiġu ttrattati mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) li kienet tirriskja li tesponi lil din il-qorti għal nuqqas ta’ effettività u għal pressjonijiet indebiti. Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru rilevanti jirriżulta li l-imħallfin li kienu jikkostitwixxu l-imsemmija qorti tqiesu mil-leġiżlatur Bulgaru bħala suffiċjentement indipendenti u imparzjali sabiex ikomplu jittrattaw, fi ħdan is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), kawżi li fihom seduta preliminari kienet diġà nżammet quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).

39      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma kkontestawx l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-qorti tar-rinviju u din tal-aħħar ma għandha l-ebda dubju dwar l-imparzjalità suġġettiva tagħha.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika li hija tikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta fuq dan il-punt jinħoloq dubju serju (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom tali dubju jeżisti f’dan il-każ.

41      Għaldaqstant, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li minnhom jirriżultaw ir-rekwiżiti dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni ma tidhirx li hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

42      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat28 ta’ Settembru 2022, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.