Language of document : ECLI:EU:C:2018:533

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post fejn tkun seħħet il-ħsara u post tal-fatt li kkawża l-ħsara – Talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn aġir antikompetittiv imwettaq fi Stati Membri differenti – Il-punt 5 tal-Artikolu 5 – Operat ta’ fergħa – Kunċett”

Fil-Kawża C‑27/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

AB“flyLAL-Lithuanian Airlines”, fi stralċ,

vs

“Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” VAS,

“Air Baltic Corporation” AS,

fil-preżenza ta’:

“ŽIA Valda” AB,

“VA Reals” AB,

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AB “flyLAL-Lithunian Airlines”, minn R. Audzevičius, advokatas,

–        għal “Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” VAS, minn R. Simaitis, M. Inta u S. Novicka advokatai,

–        għal “Air Baltic Corporation” AS, minn R. Zaščiurinskaitė, D. Pāvila, D. Bublienė, I. Norkus u G. Kaminskas, advokatai,

–        għal “ŽIA Valda” AB u “VA Reals” AB, minn P. Docka, advokatas,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u J. Davidoviča, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, G. Meessen u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, AB “flyLAL-Lithuanian Airlines” (iktar ’il quddiem “flyLAL”), kumpannija rregolata mid-dritt Litwan fi stralċ, kif ukoll il-partijiet intervenjenti “ŽIA Valda” AB u “VA Reals” AB, u min-naħa l-oħra, żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Latvjan “Starptautiskā lidosta ‘Riga’” VAS (iktar ’il quddiem l-“ajruport ta’ Riga”) u “Air Baltic Corporation” AS (iktar ’il quddiem “Air Baltic”), intiża għal dikjarazzjoni li l-allegat aġir antikompetittiv adottat mill-ajruport ta’ Riga u Air Baltic imur kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE u sabiex dawn jiġu kkundannati jħallsu kumpens għad-dannu riżultanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3        L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

[…]

3.      f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, quddiem il-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż;

[…]

5.      fir-rigward ta’ kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, quddiem il-qrati tal-post li fih ikunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament Nru 44/2001

4        Il-premessi 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet [ikun jeħtieġ] fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15) Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jagħti ġurisdizzjoni ġenerali lill-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [post fejn il-fatt dannuż] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]

5.      f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih ikunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment.

[…]”

 Id-dritt Litwan

7        Skont l-Artikolu 782 taċ-Civilinio proceso kodeksas (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), il-qorti għandha tivverifika ex officio jekk il-proċedura pendenti quddiemha taqax fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Il-kumpannija tal-ajru Litwana flyLAL kienet topera, b’mod partikolari, titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius (il-Litwanja).

9        Fl-2004, il-kumpannija tal-ajru Latvjana Air Baltic bdiet topera titjiriet minn u lejn dan l-ajruport, u parti minn dawn it-titjiriet kellhom l-istess destinazzjonijiet bħal dawk li kienu moqdija minn flyLAL.

10      Wara li sostniet telf finanzjarju, flyLAL tqiegħdet fi stralċ.

11      Peress li qieset li Air Baltic kienet eliminata mis-suq billi applikat prezzijiet predatorji fuq ċerti rotot tal-ajru minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius, li kienu ffinanzjati mit-tnaqqis, favur Air Baltic, tat-tariffi għas-servizzi tal-ajruport ipprovduti mill-ajruport ta’ Riga (il-Latvja), fit-22 ta’ Awwissu 2008, flyLAL ippreżentat rikors quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) kontra Air Baltic u l-ajruport ta’ Riga, intiż għall-kumpens, li jammonta għal EUR 57 874 768.30, għad-danni allegatament ikkawżati mill-aġir antikompetittiv tagħhom. FlyLAL sostniet ukoll li, wara li hija ġiet eliminata mis-suq b’dan il-mod, Air Baltic biddlet ir-rotta tal-maġġoranza tat-titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius għall-ajruport internazzjonali ta’ Riga. ŽIA Valda u VA Reals, azzjonisti ta’ flyLAL, intervjenew fil-proċedura prinċipali insostenn ta’ din tal-aħħar.

12      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest ta’ proċedura distinta minn dik fil-kawża prinċipali, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2006, il-Latvijas Republikas Konkurences padome (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, il-Latvja), iddikjara li s-sistema ta’ tnaqqis ipprattikata mill-ajruport ta’ Riga mill-1 ta’ Novembru 2004, li kienet tipprevedi tnaqqis sa 80 % għas-servizzi ta’ tlugħ, ta’ nżul u ta’ sigurtà tal-inġenji tal-ajru, kienet tikser il-punt ċ tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE, li sar il-punt c tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, u ordnalu jwaqqaf din il-prattika. Żewġ kumpanniji tal-ajru, fosthom Air Baltic, kienu bbenefikaw minn din is-sistema.

13      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2016, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ flyLAL billi kkundannat lil Air Baltic tħallasha s-somma ta’ EUR 16 121 094 bħala danni, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata annwali ta’ 6 %. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet ir-rikors ta’ flyLAL sa fejn dan kien indirizzat kontra l-ajruport ta’ Riga kif ukoll it-talbiet ta’ ŽIA Valda u ta’ VA Reals.

14      Peress li l-ajruport ta’ Riga u Air Baltic invokaw quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Litwani sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, din il-qorti qabelxejn osservat, fl-imsemmija sentenza, li dan l-aspett kien diġà ġie deċiż mil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008.

15      Permezz ta’ din is-sentenza, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), li kienet ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-ajruport ta’ Riga u minn Air Baltic kontra digriet tal-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) tal-25 ta’ Settembru 2008, li kien jordna, bħala miżuri provviżorji u kawtelatorji, it-tqegħid taħt sekwestru tal-beni mobbli u/jew immobbli kif ukoll tad-drittijiet għall-proprjetà ta’ Air Baltic u tal-ajruport ta’ Riga, ikkonstatat ukoll li l-qrati Litwani kellhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali abbażi tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. L-imsemmija sentenza kienet is-suġġett ta’ talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni quddiem il-Augstākās tiesas Senāts (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja) u din il-qorti ħadet l-okkażjoni sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319).

16      Il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) sussegwentement ikkonstatat li l-qrati Litwani bbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq l-Artikolu 5(3) u (5) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn, minn naħa, l-aġir antikompetittiv li kkawża dannu lil flyLAL, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, l-aġġustament tal-ħinijiet tat-titjiriet, ir-reklamar illegali, it-tneħħija tat-titjiriet diretti kif ukoll it-trasferiment tat-traffiku tal-passiġġieri lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Riga, kien seħħ fil-Litwanja u, min-naħa l-oħra, Air Baltic kienet topera fil-Litwanja permezz tal-fergħa tagħha.

17      FlyLAL, l-ajruport ta’ Riga u Air Baltic kif ukoll ŽIA Valda u VA Reals appellaw mis-sentenza tal-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) tas-27 ta’ Jannar 2016 quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja).

18      Din il-qorti tfakkar li mis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319), jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija ta’ natura ċivili u kummerċjali u li hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Hija tiddikjara, min-naħa l-oħra, li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Hija tispeċifika li għandha l-obbligu li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha, f’dan l-istadju tal-proċedura, abbażi tal-Artikolu 782 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

19      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” previst fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li dan il-kunċett ikopri kemm il-post fejn tkun seħħet il-ħsara u l-post tal-fatt li kkawża l-ħsara, tqis, l-ewwel nett, li d-determinazzjoni tal-post tal-fatt li kkawża l-ħsara ma hijiex faċli peress li, f’dan il-każ, atti li jistgħu jwasslu, flimkien jew b’mod iżolat, għal ħsara twettqu fi Stati Membri differenti, jiġifieri fil-Litwanja u fil-Latvja.

20      F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li huwa paċifiku li Air Baltic ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 80 % fuq il-prezzijiet tas-servizzi pprovduti mill-ajruport ta’ Riga. Din is-sistema ta’ tnaqqis tat lok għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, tat-22 ta’ Novembru 2006, li tikkonstata ksur tal-punt ċ tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE, li sar il-punt c tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. Skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, dan it-tnaqqis kien bbażat fuq atti regolatorji, maħruġa mill-awtoritajiet Latvjani, u l-implimentazzjoni tiegħu seħħ biss fil-Latvja, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-imsemmi tnaqqis, tal-provvista ta’ servizzi fl-ajruport ta’ Riga, kif ukoll permezz tal-profitt miksub minn Air Baltic. Min-naħa l-oħra, flyLAL tallega li din is-sistema ta’ tnaqqis, filwaqt li tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, hija bbażata fuq ftehim antikompetittiv konkluż bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali bi ksur tal-Artikolu 81 KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE. Skont din tal-aħħar, minħabba l-profitti miksuba minn dan il-ftehim u minħabba s-sussidji trażversali pprattikati, Air Baltic kienet f’pożizzjoni li teżegwixxi atti antikompetittivi fl-ajruport ta’ Vilnius, inkluża l-prattika ta’ prezzijiet predatorji u operazzjonijiet marbuta mal-aġġustament tal-ħinijiet tat-titjiriet, ir-reklamar illegali u t-tneħħija tat-titjiriet wara li flyLAL irtirat mis-suq ikkonċernat. Għalhekk, fl-opinjoni tagħha, id-dannu allegat oriġina fil-Litwanja.

21      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-post fejn seħħet il-ħsara, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dannu allegatament sostnut minn flyLAL jikkonsisti fi profitti mitlufa matul is-snin 2004 sa 2008 fis-suq tat-titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi kklassifikat dan id-dannu kif ukoll dwar il-post fejn dan seħħ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-danni li jikkonsistu esklużivament f’telf finanzjarju, murija permezz tas-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari, (C-364/93, EU:C:1995:289), tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C-168/02, EU:C:2004:364), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C-12/15, EU:C:2016:449).

22      L-imsemmija qorti tistaqsi, it-tielet nett, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operat ta’ fergħa”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

23      F’dan ir-rigward, hija ma għandhiex dubju dwar il-fatt li l-fergħa ta’ Air Baltic fil-Litwanja, li l-attività tagħha tikkonsisti fit-trasport internazzjonali bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija u ta’ posta, tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kklassifikata bħala “fergħa” fis-sens tal-imsemmi artikolu. Hija tikkonstata wkoll li, mill-istatut ta’ din il-fergħa jirriżulta li hija kellha s-setgħa li tiffissa l-prezzijiet tat-titjiriet ta’ Air Baltic minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius. Madankollu, ma teżistix, skont din il-qorti, informazzjoni li turi li l-fergħa effettivament iffissat dawn il-prezzijiet.

24      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività tal-fergħa ta’ Air Baltic fil-Litwanja tistax tiġġustifika l-applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appel tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq [post fejn seħħ il-fatt dannuż]’ użata [fil-punt 3 tal-]Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-post tal-konklużjoni, mill-konvenuti, tal-ftehim illegali kontra [l-punt ċ tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE] [li sar il-punt c tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102] jew bħala li tirreferi għall-post fejn l-atti li jisfruttaw il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn dan il-ftehim twettqu, billi jintalbu prezzijiet predatorji (permezz ta’ sussidji trażversali) sabiex jikkompetu mar-rikorrenti fl-istess swieq inkwistjoni?

2.      Id-dannu (profitti mitlufa) subit mir-rikorrenti f’din il-kawża bħala konsegwenza tal-fatti illegali mwettqa mill-konvenuti jista’ jitqies bħala ħsara fis-sens tal-[punt 3] tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001]?

3.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-attività tal-fergħa tal-Air Baltic fil-Litwanja taqa’ fil-kunċett ta’ ‘operazzjonijiet ta’ fergħa’ fis-sens tal-[punt 5] tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

26      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li huwa biss b’deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa domiċiljat il-konvenut, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Sa fejn kemm il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll dik tal-qrati tal-post fejn tkun tinsab fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor fir-rigward tal-kontestazzjonijiet dwar l-operat tagħhom, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, jikkostitwixxu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u restrittiv, li ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, fil-qasam ta’ operat ta’ fergħa, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punti 7 u 8, kif ukoll, fil-qasam ta’ responsabbiltà delittwali, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fil-punti 3 u 5 tal-Artikoli 5 tal-imsemmi regolament huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati li jistgħu jieħdu konjizzjoni tal-kawża, li jiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni effettiva tal-proċeduri (ara, f’dan is-sens, fil-qasam ta’ operat ta’ fergħa, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punt 7, u tas-6 ta’ April 1995, Lloyd’s Register of Shipping, C‑439/93, EU:C:1995:104, punt 21, kif ukoll, fil-qasam ta’ responsabbiltà delittwali, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 26, u tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan, C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 26).

28      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn it-termini jkopru kemm il-post fejn tkun seħħet il-ħsara kif ukoll il-post tal-fatt li kkawża din il-ħsara, b’tali mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger, C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 19; tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 45, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C-12/15, EU:C:2016:449, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

 Fuq it-tieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, it-telf ta’ profitti allegat mill-vittma ta’ dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi ħsara li fuqha tista’ tiġi bbażata l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-“post fejn seħħ il-fatt dannuż”. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment ukoll għat-twettiq ta’ tali ħsara, din id-domanda għandha tinftiehem, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, bħala relatata, b’mod partikolari, mad-determinazzjoni tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara.

31      Kif tfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħsara inizjali, li tirriżulta direttament mill-fatt li kkawża l-ħsara, li l-post tat-twettiq tiegħu jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, mill-konsegwenzi dannużi sussegwenti li ma jistgħux jiġġustifikaw attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

32      F’dan ir-rigward, fil-punti 14 u 15 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv tant li jinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża ħsara li effettivament seħħet f’post ieħor. Konsegwentement, hija speċifikat li dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet dannu patrimonjali li jsegwi ħsara inizjali li seħħet u ġġarrbet minnha fi Stat ieħor.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok, jekk telf ta’ profitti, bħal dak allegat minn flyLAL, jistax jiġi kklassifikat bħala “ħsara inizjali”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, jew jekk jikkostitwixxix biss dannu finanzjarju bħala konsegwenza, li ma jistax jiġġustifika, waħdu, l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

34      Kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, il-profitti mitlufa allegati minn flyLAL jikkonsistu fit-telf allegatament imġarrab minħabba d-diffikultà ta’ operazzjoni b’mod profittabbli tat- titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius, minħabba l-prezzijiet predatorji pprattikati minn Air Baltic, li ġew iffinanzjati mit-tnaqqis tat-tariffi tal-ajruport li Air Baltic ibbenefikat minnhom qabel, permezz ta’ ftehim antikompetittiv konkluż mal-ajruport ta’ Riga. F’dan il-każ, kif ġie sostnut minn flyLAL waqt is-seduta, dan jikkonsisti b’mod partikolari f’telf ta’ bejgħ fuq ir-rotot tal-ajru minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius li kienu affettwati minn dan l-aġir.

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, li tirriżulta mill-offerta fuq siti internet ta’ prodotti li jaqgħu taħt dan in-netwerk, li t-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ u t-telf ta’ profitti riżultanti, imġarrba minn distributur awtorizzat, jikkostitwixxu dannu li jirrendi applikabbli il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence, C‑618/15, EU:C:2016:976, punti 33 u 35).

36      Għandu jiġi, ukoll, ikkunsidrat li profitti mitlufa li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’telf ta’ bejgħ allegatament imġarrab minħabba aġir antikompetittiv kuntrarju għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jista’ jiġi kklassifikat bħala “ħsara” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jippermetti li fuqu tiġi bbażata, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ il-fatt dannuż.

37      It-tieni domanda hija intiża, fit-tieni lok, għall-istabbiliment tal-post fejn seħħet tali ħsara.

38      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-aġir allegatament antikompetittiv tal-konvenuti fil-kawża prinċipali affettwa s-suq tat-titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius, li wassal, skont flyLAL, għal distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan dan is-suq. Min-naħa l-oħra, dan l-aġir ikkawża dannu lil flyLAL.

39      F’dan il-każ, u fir-rigward ta’ telf imġarrab minn kumpannija tal-ajru fuq it-titjiriet operati minn u lejn il-kapitali tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-imsemmija kumpannija, is-suq essenzjalment affettwat għandu jitqies li huwa dak tal-imsemmi Stat Membru li fuqu l-imsemmija kumpannija tiżviluppa il-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ bejgħ tagħha relatati ma tali titjiriet, jiġifieri s-suq Litwan.

40      Meta s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv ikun jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun allegatament seħħet il-ħsara allegata, għandu jiġi kkunsidrat li l-post fejn tkun seħħet il-ħsara, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, huwa f’dan l-Istat Membru. Din is-soluzzjoni, ibbażata fuq il-konkordanza ta’ dawn iż-żewġ elementi, tirrispondi, fil-fatt, għall-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, sa fejn, minn naħa, il-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab is-suq affettwat huma fl-aħjar pożizzjoni biex jeżaminaw tali rikorsi għal danni u li, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku li jwettaq aġir antikompetittiv jista’ raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati tal-post fejn l-aġir tiegħu jkun wettaq distorsjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni b’saħħitha.

41      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali determinazzjoni tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara hija konsistenti mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40), sa fejn, skont l-Artikolu 6(3)(a) ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli fil-każ ta’ kawżi għad-danni flimkien ma’ att li jillimita l-kompetizzjoni tkun dik tal-pajjiż li fih is-suq huwa jew jista’ jkun affettwat.

42      Peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tinvolvi diversi konvenuti, għandu jitfakkar li, barra minn hekk, dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni japplika wkoll fil-każ ta’ pluralità ta’ awturi ta’ ħsara, sa fejn il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti abbażi tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara allegata fir-rigward tal-atturi kollha allegatament responsabbli, bil-kundizzjoni li din timmaterjalizza ruħha fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Hi Hotel HCF, C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 40).

43      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, għall-post fejn ikun seħħ it-telf ta’ profitti li jikkonsisti f’telf ta’ bejgħ, jiġifieri l-post tas-suq affettwat mill-imsemmi aġir li fih il-vittma tallega li ġarrbet dan it-telf.

 Fuq l-ewwel domanda

44      Għalkemm l-ewwel domanda tikkonċerna, skont il-kliem tagħha, il-prattika ta’ prezzijiet predatorji li taqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE, hija tirrigwarda wkoll l-ipoteżi tal-konklużjoni, minn qabel, ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE.

45      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi jew għall-post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, jew li jirreferi għall-post fejn l-atti li jisfruttaw il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn dan il-ftehim twettqu, li jikkonsistu fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti previst fl-Artikolu 102 TFUE.

46      Għandu jiġi osservat qabelxejn, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti lir-rikorrent il-fakultà li jressaq kawża jew quddiem il-qorti tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara, jew inkella quddiem dik tal-post tal-fatt li kkawża l-ħsara, b’tali mod li qorti tista’ tiġi legalment adita abbażi ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ kapijiet ta’ ġurisdizzjoni.

47      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ katina ta’ fatti li kull wieħed minnhom jista’ jikkostitwixxi, fih nnifsu, il-“fatt li kkawża l-ħsara” allegata, filwaqt li tibqa’ madankollu miftuħa wkoll l-ipoteżi li l-ħsara tirriżulta mill-interazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, minn naħa, għal aġir antikompetittiv li fil-kuntest tiegħu l-ajruport ta’ Riga ta skontijiet preferenzjali lil Air Baltic, relatati mas-servizzi ta’ tlugħ, ta’ nżul u ta’ sigurtà tal-inġenji tal-ajru, li saħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ din tal-aħħar fis-suq tat-titjiriet minn u lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Riga, kif ukoll għal ftehim antikompetittiv allegatament konkluż bejn l-imsemmi ajruport u Air Baltic għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, għal atti li jisfruttaw il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn dan il-ftehim, b’mod partikolari bl-applikazzjoni, minn Air Baltic, ta’ prezzijiet predatorji fuq ċerti titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius. Peress li l-eżistenza ta’ ftehim illegali skont l-Artikolu 101 TFUE ġiet allegata fil-kawża prinċipali, il-prattika tal-prezzijiet predatorji tista’ tkun limitata għal eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim jew tista’ tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, ksur distint skont l-Artikolu 102 TFUE.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolarment kumplessi, id-determinazzjoni konkreta tal-post fejn seħħet il-ħsara tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-aġir antikompetittiv allegat jikkostitwixxix ftehim antikompetittiv, skont l-Artikolu 101 TFUE, u/jew abbuż minn pożizzjoni dominanti, skont l-Artikolu 102 TFUE.

49      Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju dwar, f’dan il-każ, ir-rabta bejn id-diversi istanzi ta’ aġir antikompetittiv ikkonċernati, għandu jiġi osservat li, sa fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali li l-ftehim antikompetittiv, allegatament konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, jikkostitwixxi l-fatt li kkawża l-ħsara allegata, il-ġurisdizzjoni, abbażi tal-“post tal-fatt li kkawża l-ħsara” u fir-rigward tal-awturi kollha ta’ dan il-ftehim, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża għal dannu allegatament ikkawżat minnu, skont il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, tista’ tkun tal-qorti tal-post fejn il-ftehim ikun ġie definittivament konkluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 50). F’tali każ, il-post tal-konklużjoni tal-allegat ftehim antikompetittiv jista’ jiġi identifikat bħala li huwa l-Latvja.

50      Tali soluzzjoni għandha tiġi adottata wkoll jekk jiġi stabbilit li l-prattika minn Air Baltic ta’ prezzijiet predatorji fuq ċerti titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius kienet limitata għal atti ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim.

51      Għall-kuntrarju, jekk il-prattika ta’ prezzijiet predatorji tikkostitwixxi ksur distint tal-Artikolu 102 TFUE, il-qorti tal-post fejn l-aġir antikompetittiv ikkonċernat ikun ġie implimentat ikollha ġurisdizzjoni skont il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

52      Fil-fatt, b’mod differenti minn ħsara li tirriżulta minn akkordju illegali bejn diversi parteċipanti, il-fatt li kkawża l-ħsara fil-każijiet ta’ operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti ma huwiex ibbażat fuq ftehim, iżda jikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ dan l-operat, jiġifieri fl-atti mwettqa mill-impriża dominanti sabiex iqiegħdu fil-prattika, b’mod partikolari billi joffri u japplika prezzijiet predatorji fis-suq ikkonċernat.

53      Fil-każ li l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali jkunu jagħmlu parti minn strateġija komuni intiża għall-eliminazzjoni ta’ flyLAL mis-suq tat-titjiriet minn u lejn l-ajruport ta’ Vilnius u flimkien jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ħsara allegata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-fatt ta’ importanza partikolari għall-implimentazzjoni ta’ tali strateġija fil-kuntest tal-katina ta’ fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54      Dan l-eżami ser jitwettaq biss għall-identifikazzjoni tal-punti ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C-12/15, EU:C:2016:449, punt 44), peress li l-qorti tar-rinviju għandha tillimita ruħha f’dan ir-rigward għal eżami prima facie tat-tilwima mingħajr ma twettaq eżami fuq il-mertu tagħha sa fejn, kif essenzjalment ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 89 sa 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-determinazzjoni tal-elementi tar-responsabbiltà ċivili delittwali, inkluż il-fatt li kkawża d-dannu, taqa’ taħt id-dritt nazzjonali applikabbli.

55      Fil-fatt, soluzzjoni li tikkonsisti fid-dipendenza tal-identifikazzjoni tal-punt ta’ rabta fuq kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mid-dritt sostantiv nazzjonali tmur kontra l-għan ta’ ċertezza legali, peress li, skont id-dritt applikabbli, l-aġir ta’ persuna li jkun twettaq fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita jista’ jiġi kklassifikat jew le bħala fatt li kkawża l-ħsara għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni skont il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 35).

56      Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għażla ta’ fatt speċifiku bħala rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ġurisdizzjoni tevita proliferazzjoni ta’ ġurisdizzjonijiet. Dan huwa konformi man-natura speċjali tal-ġurisdizzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, u mal-ħtieġa għal interpretazzjoni restrittiva, filwaqt li jippermetti prevedibbiltà aħjar.

57      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi jew għall-post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, jew għall-post fejn il-prezzijiet predatorji ġew offruti u applikati, jekk dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 102 TFUE.

 Fuq it-tielet domanda

58      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett “kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ kriterji li jiddeterminaw jekk azzjoni ġudizzjarja dwar l-operat ta’ fergħa hijiex marbuta ma’ Stat Membru. Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “fergħa” jippreżupponi l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jkun jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali. Fit-tieni lok, it-tilwima għandha tikkonċerna jew atti li jirrigwardaw l-operat ta’ fergħa, jew impenji meħuda minnha f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn tinsab din il-fergħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Skont il-qorti tar-rinviju, ma jeżisti l-ebda dubju li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel kriterju, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza, huma ssodisfatti f’dan il-każ. Din il-qorti tistaqsi biss, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni kriterju, jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċernax l-“operat” tal-fergħa li Air Baltic għandha fil-Litwanja.

61      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, għalkemm din il-fergħa għandha, skont l-istatut tagħha, is-setgħa li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi ma’ terzi, u b’mod partikolari li tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi tagħha, ma teżisti l-ebda informazzjoni li turi li hija fil-fatt iffissat il-prezzijiet tat-titjiriet fis-swieq ikkonċernati mill-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija ma stabbilixxietx kontabbiltà separata għaliha minn dik tas-sede prinċipali.

62      Peress li l-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni indikata fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, huwa għandu, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jiġi interpretat b’mod restrittiv.

63      Konsegwentement, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 137 u 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ ta’ kawżi bbażati fuq ir-responsabbiltà delittwali, sabiex il-kontestazzjoni tkun tirrigwarda l-operat ta’ fergħa, hija għandha effettivament tipparteċipa f’xi wħud mill-atti li jikkostitwixxu delitt ċivili.

64      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-eventwali rwol tal-fergħa ta’ Air Baltic fit-twettiq tal-aġir antikompetittiv allegat. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk l-attivitajiet imwettqa minn din il-fergħa kkonsistewx f’atti effettivi ta’ offerta u ta’ applikazzjoni tal-prezzijiet predatorji allegati u jekk din il-parteċipazzjoni fl-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat kinitx suffiċjentement sinjifikattiva sabiex tiġi kkunsidrata bħala li tirrappreżenta rabta stretta mat-tilwima fil-kawża prinċipali.

65      Fir-rigward tal-fatt li l-fergħa ta’ Air Baltic ma stabbilixxietx dokumenti ta’ kontabbiltà distinti minn dawk tal-kumpannija omm, għandu jiġi rrilevat li tali fatt ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk din il-fergħa effettivament ipparteċipatx fil-prattika tal-prezzijiet predatorji li flyLAL tikkritika lil Air Baltic li segwiet.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa” jkopri kawża intiża għall-kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, meta fergħa tal-impriża li għandha l-pożizzjoni dominanti tkun, b’mod effettiv u sinjifikattiv, ipparteċipat f’din il-prattika abbużiva.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari għall-post fejn ikun seħħ it-telf ta’ profitti li jikkonsisti f’telf ta’ bejgħ, jiġifieri l-post tas-suq affettwat mill-imsemmi aġir li fih il-vittma tallega li hija ġarrbet dan it-telf.

2)      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi jew għall-post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, jew għall-post fejn il-prezzijiet predatorji ġew offruti u applikati, jekk dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 102 TFUE.

3)      Il-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa” jkopri kawża intiża għall-kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, meta fergħa tal-impriża li għandha l-pożizzjoni dominanti tkun, b’mod effettiv u sinjifikattiv, ipparteċipat f’din il-prattika abbużiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.