Language of document : ECLI:EU:C:2018:533

Kawża C27/17

AB “flyLAL-Lithunian Airlines”

vs

“Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” VAS
u
“Air Baltic Corporation” AS

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos apeliacinis teismas)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post fejn tkun seħħet il-ħsara u post tal-fatt li kkawża l-ħsara – Talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn aġir antikompetittiv imwettaq fi Stati Membri differenti – Il-punt 5 tal-Artikolu 5 – Operat ta’ fergħa – Kunċett”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Kunċett – Post fejn tkun seħħet il-ħsara u post tal-fatt li kkawża l-ħsara

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post fejn tkun seħħet il-ħsara – Dannu – Kunċett – Telf ta’ bejgħ imġarrab minħabba aġir antikompetittiv – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv– Post tas-suq affettwat mill-imsemmi aġir

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali  – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv – Post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv jew post ta’ applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor – Kriterji li jiddeterminaw jekk azzjoni ġudizzjarja hijiex marbuta ma’ Stat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 5 tal-Artikolu 5)

6.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor – Kunċett – Kawża intiża għall-kumpens għal dannu kkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ impriża li jkollha fergħa li tkun ipparteċipat f’din il-prattika – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 5 tal-Artikolu 5)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 46)

2.      Kif tfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn il-ħsara inizjali, li tirriżulta direttament mill-fatt li kkawża l-ħsara, li l-post tat-twettiq tiegħu jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, mill-konsegwenzi dannużi sussegwenti li ma jistgħux jiġġustifikaw attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, fil-punti 14 u 15 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C-364/93, EU:C:1995:289), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” ma jistax jiġi interpretat b’mod estensiv tant li jinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża ħsara li effettivament seħħet f’post ieħor. Konsegwentement, hija speċifikat li dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet dannu patrimonjali li jsegwi ħsara inizjali li seħħet u ġġarrbet minnha fi Stat ieħor.

Għandu jiġi, ukoll, ikkunsidrat li profitti mitlufa li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’telf ta’ bejgħ allegatament imġarrab minħabba aġir antikompetittiv kuntrarju għall-Artikoli 101 u 102 TFUE jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħsara” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jippermetti li fuqhom tiġi bbażata, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ il-fatt dannuż.

(ara l-punti 31, 32, 36)

3.      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari għall-post fejn ikun seħħ it-telf ta’ profitti li jikkonsisti f’telf ta’ bejgħ, jiġifieri l-post tas-suq affettwat mill-imsemmi aġir li fih il-vittma tallega li hija ġarrbet dan it-telf.

F’dan il-każ, u fir-rigward ta’ telf imġarrab minn kumpannija tal-ajru fuq it-titjiriet operati minn u lejn il-kapitali tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-imsemmija kumpannija, is-suq essenzjalment affettwat għandu jitqies li huwa dak tal-imsemmi Stat Membru li fuqu l-imsemmija kumpannija tiżviluppa l-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ bejgħ tagħha relatati ma tali titjiriet, jiġifieri s-suq Litwan.

(ara l-punti 39, 43 u d-dispożittiv  1)

4.      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi jew għall-post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, jew għall-post fejn il-prezzijiet predatorji ġew offruti u applikati, jekk dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 102 TFUE.

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv  2)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 59)

6.      Il-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa” jkopri kawża intiża għall-kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, meta fergħa tal-impriża li għandha l-pożizzjoni dominanti tkun, b’mod effettiv u sinjifikattiv, ipparteċipat f’din il-prattika abbużiva.

(ara l-punt 66 u d-dispożittiv  3)