Language of document : ECLI:EU:T:2010:15

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

19 ta’ Jannar 2010 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jikkonċernaw is-suq Komunitarju ta’ importazzjoni tal-banana – Rifjut impliċitu segwit minn rifjut espliċitu ta’ aċċess – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi – Osservanza tat-termini – Ftehim minn qabel tal-Istat Membru – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑355/04 u T‑446/04,

Co-Frutta Soc. coop., stabbilita f’Padova (l-Italja), irrappreżentata minn W. Viscardini u G. Donà, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Visaggio u P. Aalto, sussegwentement minn P. Aalto u L. Prete, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑355/04, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, li tiċħad applikazzjoni inizjali ta’ aċċess għad-data relatata mal-operaturi rreġistrati fil-Komunità għall-importazzjoni tal-banana u talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess kif ukoll, fil-Kawża T-446/04, talba għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 li tiċħad l-aċċess għal din id-data,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti

1        Skont l-Artikolu 225(1) KE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.”

2        Dawn il-prinċipji u dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

3        L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess, jipprovdi:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–      interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[…]

jekk [sakemm] ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

5        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-ipproċessar ta’ talbiet inizjali, jipprovdi:

“1.      Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

3.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.”

6        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonċerna l-ipproċessar ta’ talbiet konfermatorji, jipprovdi:

“1.      Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 [KE] u 195 [KE], rispettivament.

2.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il-jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

3.      Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed [twieġeb] fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

7        B’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2001/937/KE, KEFA, KEEA, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU L 345, p. 94), u li anness magħha jinsabu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal aċċess għad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni, li essenzjalment jirriproduċu d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1049/2001.

2.     Leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-importazzjoni tal-banana

8        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1), introduċa, mill-1 ta’ Lulju 1993, sistema komuni ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

9        Fil-kuntest ta’ din is-sistema, hekk kif implementata, mill-1 ta’ Jannar 1999, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, li jipprovdi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 fir-rigward tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li ta’ kull sena jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-listi tal-operaturi rreġistrati fi ħdanhom flimkien mad-data relatata mal-kwantitajiet ikkummerċjalizzati minn kull wieħed minnhom matul perijodu ta’ referenza, mal-volumi tat-talbiet imressqa mill-operaturi għas-sena kurrenti u mal-kwantitajiet effettivament ikkummerċjalizzati bl-indikazzjoni tan-numri taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni li jkunu ntużaw [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1442/93, tal-10 ta’ Ġunju 1993, li jipprovdi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 142, p. 6), u l-Artikolu 6(2), u l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 2362/98], kif ukoll ċerta informazzjoni ta’ natura statistika u ekonomika trimestrali relatata, b’mod partikolari, maċ-ċertifikati ta’ importazzjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1442/93 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2362/98).

10      Kull operatur tradizzjonali għandu aċċess għall-kwoti tariffarji fil-limiti ta’ kwantità individwali ta’ referenza kkalkulata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-importazzjonijiet magħmula matul perijodu partikolari. It-trażmissjoni tal-listi inkwistjoni tippermetti li l-Kummissjoni tivverifika d-data li tinsab għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, sa fejn huwa neċessarju, tikkomunika l-listi lill-Istati Membri l-oħrajn bil-għan li jiġu identifikati jew ipprevenuti d-dikjarazzjonijiet abbużivi tal-operaturi. Abbażi tad-data trażmessa, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjent uniku ta’ konverżjoni li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri għall-kwantitajiet ta’ referenza tal-operaturi, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1442/93 u l-Artikoli 6 u 28 tar-Regolament Nru 2362/98.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrenti, Co-Frutta Soc. coop., hija kumpannija Taljana li tieħu ħsieb il-maturazzjoni tal-banana. Permezz tal-istampa Taljana, hija saret taf dwar allegata importazzjoni frawdolenta ta’ banana b’dazju mnaqqas fil-Komunità Ewropea bejn Marzu 1998 u Ġunju 2000, fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni foloz.

12      Ir-rikorrenti tqis li dawn l-importazzjonijiet kellhom inċidenza fuqha minħabba distorsjonijiet serji fil-prezz maħluqa mit-tqegħid fis-suq Komunitarju ta’ kwantitajiet supplimentari, li wasslu sabiex inqabżet il-kwota tariffarja, u tqis li d-dannu subit ikun ferm ikbar li kieku kellu jirriżulta li l-importazzjonijiet saru mhux b’ċertifikati foloz, iżda b’ċertifikati regolarment maħruġa fuq il-bażi ta’ kwantitajiet ta’ referenza ffalsifikati jew żbaljati, b’konsegwenza li kien hemm tnaqqis fil-kwantità ta’ referenza tagħha.

13      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni (T‑47/01, Ġabra p. II‑4441, iktar ’il quddiem is-“sentenza Co‑Frutta I”), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni li tirrifjutalha parzjalment l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mas-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana.

14      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2004 indirizzata lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” tal-Kummissjoni, irreġistrata fil-21 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għal-lista tal-operaturi tradizzjonali rreġistrati matul is-snin 1998, 1999 u 2000, flimkien mal-indikazzjoni:

a)      tal-kwantità ta’ banana importata minn kull operatur, matul il-perijodu mill-1994 sal-1996;

b)      tal-kwantità ta’ referenza provviżorja attribwita lil kull operatur, għas-snin 1998, 1999 u 2000;

ċ)      taċ-ċertifikati (ammonti) maħruġa għal kull operatur matul is-snin 1998, 1999 u 2000 u l-użu korrispondenti tagħhom.

15      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2004, il-kap tal-unità B 1 tad-DĠ “Agrikoltura” informa lir-rikorrenti dwar l-estensjoni tat-terminu previst bi ħmistax-il jum tax-xogħol sabiex tintbagħat it-tweġiba għal din l-applikazzjoni. Barra minn hekk, huwa nnota l-impossibbiltà li jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-punt 14(ċ) iktar ’il fuq, peress li dawn kienu “dokumenti tal-istituzzjoni nazzjonali li ma ġewx trażmessi lill-Kummissjoni Ewropea” [traduzzjoni libera].

16      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti esprimiet id-dubji tagħha lill-Kummissjoni fir-rigward tal-legalità tal-estensjoni tat-terminu u stednitha sabiex tilqa’ b’mod immedjat l-applikazzjoni inizjali tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti.

17      Peress li ma rċeviet ebda tweġiba fl-iskadenza tat-terminu wara li ġie estiż, fit-13 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

18      Fit-28 ta’ April 2004, ir-rikorrenti rċeviet tweġiba negattiva min-naħa tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura” għall-applikazzjoni inizjali tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti.

19      Fit-3 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti bagħtet applikazzjoni konfermatorja ġdida lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fejn speċifikat li, permezz ta’ dan l-att, hija kienet qed tirtira l-applikazzjoni tagħha tat-13 ta’ April 2004.

20      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2004 tal-Kap tal-unità B 2 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, it-terminu previst għall-komunikazzjoni tat-tweġiba dwar l-applikazzjoni konfermatorja tat-3 ta’ Mejju 2004 ġie estiż bi ħmistax-il jum tax-xogħol.

21      Fit-18 ta’ Ġunju 2004, fil-jum li fih kellu jiskadi t-terminu estiż sabiex tiġi pprovduta tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja tat-3 ta’ Mejju 2004, il-Kap tal-unità B 2 informa lir-rikorrenti, permezz tal-posta elettronika, dwar l-impossibbiltà li jagħtiha tweġiba fit-terminu previst, filwaqt li wiegħed li jagħtiha tweġiba imminenti.

22      Fit-30 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti rċeviet ittra mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004”), li kkonfermat, essenzjalment, id-deċiżjoni inizjali ta’ rifjut ta’ aċċess tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura” tat-28 ta’ April 2004, filwaqt li kkonċediet aċċess parzjali għad-dokumenti msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, billi kienet tinsab annessa l-lista tal-operaturi tradizzjonali rreġistrati għas-snin 1999 u 2000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Awwissu (Kawża T‑355/04) u fid-9 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑446/04), ir-rikorrenti ressqet dawn ir-rikorsi.

24      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2007, ġie ordnat li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

25      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2008.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti, tat-28 ta’ April 2004, id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2004, l-applikazzjoni konfermatorja ppreżentata fit-3 ta’ Mejju 2004 (Kawża T-355/04), u d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 (Kawża T-466/04);

–        bħala miżura istruttorja, tordna lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta t-tweġibiet kollha miksuba mill-Istati Membri wara l-konsultazzjoni li hija mexxiet fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għal aċċess (Kawża T-446/04);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż (Kawżi T‑355/04 u T‑446/04).

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 Argumenti tal-partijiet

28      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod formali, kif ġie indikat fis-seduta, il-Kummissjoni ssostni, billi tirreferi għall-punt 31 tas-sentenza Co-Frutta I, li r-rikors dirett kontra kull att minbarra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 huwa inammissibbli minħabba li dan ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.

29      Ir-rikorrenti tqis li t-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura” li tiċħad l-applikazzjoni inizjali għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli. It-tweġiba pprovduta mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura”, fir-rigward tal-applikazzjoni inizjali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att purament preparatorju distint mid-deċiżjoni finali, peress li din tal-aħħar hija komposta mit-tweġiba mogħtija għall-applikazzjoni inizjali u mis-skiet li kien hemm wara l-applikazzjoni konfermatorja.

30      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li ż-żewġ rikorsi, fil-Kawżi T-355/04 u T-446/04, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, li kieku ngħatat tweġiba espliċita għall-applikazzjoni konfermatorja fit-termini previsti, jew f’kull każ, li kieku rċevietha kmieni biżżejjed qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors kontra ċ-ċaħda impliċita, hija kienet ċertament tikkontesta unikament u esklużivament il-miżura espliċita.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-tliet atti li huma suġġetti għal talba għal annullament min-naħa tar-rikorrenti. L-ewwel hija t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti tat-28 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-28 ta’ April 2004”); it-tieni hija d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita”); it-tielet hija d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004.

 Fuq l-ittra tat-28 ta’ April 2004

32      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni Komunitarja lid-destinatarju tagħha, bi tweġiba għal talba magħmula minn dan tal-aħħar, sabiex tali ittra tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u b’hekk tiftaħ it-triq għar-rikors għal annullament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 1993, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑83/92, Ġabra p. II‑1169, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE, T‑3/00 u T‑337/04, Ġabra p. II‑4779, punt 58).

33      B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’fażijiet differenti, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan jirriżulta li miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni, T‑426/04, Ġabra p. II‑4765, punt 25, u tas-17 ta’ Ġunju 2008, FMC Chemical vs EFSA, T‑312/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

34      Il-proċedura ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, irregolata mill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll mill-Artikoli 2 sa 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, tiżvolġi ruħha f’żewġ stadji. Inizjalment, l-applikant għandu jibgħat lill-Kummissjoni applikazzjoni inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni għandha twieġeb għall-applikazzjoni inizjali f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Sussegwentement, fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’ jippreżenta, f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol wara li jirċievi t-tweġiba inizjali tal-Kummissjoni, applikazzjoni konfermatorja indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li bħala prinċipju dan tal-aħħar għandu jwieġeb għaliha f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’ jressaq rikors ġudizzjarju kontra l-istituzzjoni u/jew jippreżenta lment quddiem l-Ombudsman, skont il-kundizzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 230 KE u 195 KE.

35      Skont il-ġurisprudenza, jirriżulta b’mod ċar mill-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 3 u 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, kif ukoll mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, li t-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ma hi xejn ħlief teħid ta’ pożizzjoni inizjali, li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jeżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 47).

36      B’hekk, hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti, li tista’ tipproduċi effetti legali ta’ natura li jista’ jkollhom inċidenza fuq l-interessi tal-applikant u, minħabba f’hekk, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Co‑Frutta I, punti 30 u 31). Għalhekk, it-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ma tipproduċix effetti ġuridiċi u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

37      Minn dan jirriżulta li r-rikors ippreżentat fil-Kawża T-355/04 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra tat-28 ta’ April 2004.

 Fuq id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

38      Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita, ir-rikorrenti tqis ġustament li din id-deċiżjoni ngħatat wara li skada t-terminu sabiex tingħata tweġiba. Fil-fatt, l-applikazzjoni konfermatorja ġiet ippreżentata mir-rikorrenti fit-3 ta’ Mejju 2004 u ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2004. It-terminu għal tweġiba ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol ġie estiż mill-Kummissjoni bi ħmistax-il jum tax-xogħol, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2004. Dan it-terminu ġdid skada fit-18 ta’ Ġunju 2004. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, in-nuqqas ta’ tweġiba tal-Kummissjoni għandu jitqies li wassal, mal-iskadenza tat-terminu, għal tweġiba negattiva li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Komunitarja tista’ teżamina ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II-3253, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika hija ammissibbli biss sa fejn il-parti rikorrenti jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (ara s-sentenza MCI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, l-interess ġuridiku ta’ parti rikorrenti għandu jeżisti fil-fażi tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà.

42      Peress li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tressaq il-prova, b’mod partikolari billi tippreżenta rċevuta, tal-ġurnata li fiha r-rikorrenti rċeviet l-ittra li tikkontjeni d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, għandu jiġi kkonstatat li, meta ġie ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T-355/04, ir-rikorrenti kellha interess ġuridiku u li, f’din id-data, ir-rikors kien ammissibbli.

43      Issa, l-interess ġuridiku għandu jissussisti sad-deċiżjoni finali taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, liema ħaġa tissupponi li r-rikors jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ lill-parti li tkun ressqitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punti 35 sa 38).

44      Jekk l-interess ġuridiku tal-parti rikorrenti jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni fuq il-mertu tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tkun ta’ ebda benefiċċju għaliha (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li ma hemmx lok għal deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T-355/04 sa fejn dan huwa dirett kontra d-deċiżjoni impliċita, peress li r-rikorrenti ma għandhiex iżjed interess ġuridiku kontriha, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, li hija titlob l-annullament tagħha fil-Kawża T-446/04. Fil-fatt, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita tal-10 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni, minħabba f’hekk, ipproċediet sabiex tirtira d-deċiżjoni impliċita mogħtija preċedentement.

46      Issa, annullament eventwali minħabba difett ta’ natura sostanzjali tad-deċiżjoni impliċita, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 minħabba nuqqas ta’ kompetenza, tista’ tagħti biss lok għal deċiżjoni ġdida, identika mill-aspett tal-mertu għad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, Ġabra p. 2191, punt 7; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il-Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punt 54, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punti 97 u 98]. Barra minn hekk, l-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ma tistax tiġġustifika ruħha la permezz tal-għan li jiġi evitat li tirriproduċi ruħha l-illegalità allegata, fis-sens tal-punt 50 tas-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u lanqas permezz tal-għan li jiġi ffaċilitat eventwali rikors għad-danni, peress li dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz tal-eżami tar-rikors fil-Kawża T-446/04.

47      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li ma hemmx iktar lok għal deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T-355/04.

2.     Fuq il-mertu

48      Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T-446/04, kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 minħabba l-ksur tat-termini proċedurali imposti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni ta’ ċerti Stati Membri u tan-natura kontradittorja tal-motivazzjoni tal-ittra tat-28 ta’ April 2004, li tikkostitwixxi ksur tar-regoli relatati mal-konsultazzjoni tat-terzi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tan-natura żbaljata u kontradittorja tar-rifjut ta’ aċċess parzjali għal ċerti dokumenti. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 14(ċ) iktar ’il fuq.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 u fuq il-ksur tat-termini proċedurali imposti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004

–       Argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 ġiet adottata meta l-Kummissjoni kienet tilfet is-setgħa li teżamina l-applikazzjoni konfermatorja. Ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

50      Għaldaqstant, peress li l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti tressqet fit-3 ta’ Mejju 2004, u peress li l-Kummissjoni estendiet it-terminu għal tweġiba permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Mejju 2004, dan it-terminu skada fit-18 ta’ Ġunju 2004. Issa, ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni hija tal-10 ta’ Awwissu 2004, u li hija rċevietha biss fit-30 ta’ Awwissu 2004.

51      Ir-rikorrenti tqis li, f’każijiet fejn regola tattribwixxi lis-skiet tal-Kummissjoni tifsira preċiża ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, li kontriha jista’ jitressaq rikors, din iċ-ċaħda impliċita tifforma d-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni u tneħħilha l-kompetenza sabiex tkompli bl-eżami tal-applikazzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li r-regola tipprovdi b’mod espliċitu għal dan it-telf ta’ kompetenza.

52      Ir-rikorrenti ssostni li ammissjoni fis-sens li l-Kummissjoni għandha dejjem il-possibbiltà li tadotta deċiżjoni espliċita, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, tinċentiva lill-Kummissjoni sabiex tinjora t-termini imperattivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti. Skont ir-rikorrenti, dan jikkostitwixxi ksur manifest tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jobbliga liċ-ċittadini sabiex, hekk kif għamlu lill-istess rikorrenti, jippreżentaw żewġ rikorsi għal annullament, wieħed kontra d-deċiżjoni impliċita u l-ieħor kontra d-deċiżjoni espliċita.

53      Il-Kummissjoni ssostni li t-termini proċedurali previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 għandhom bħala sempliċi għan li jiżguraw żvolġiment kemm jista’ jkun mgħaġġel tal-proċedura li tippermetti li l-applikant jikseb deċiżjoni definittiva li tikkonċerna l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess, f’terminu ta’ żmien raġjonevoli. Li kieku t-termini kienu imperattivi, kull deċiżjoni adottata tardivament fir-rigward ta’ applikazzjoni konfermatorja tkun invalida minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni, u dan anki fl-ipoteżi fejn finalment hija tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

54      Il-Kummissjoni tenfasizza li dannu eventwali kkawżat minn dekorriment tat-termini jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni. F’kull każ, id-dekorriment tat-termini ma jistax ikollu inċidenza fuq il-validità tad-deċiżjoni adottata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Fi proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha l-obbligu li tosserva l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 56 u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 128).

56      It-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol li jista’ jiġi estiż, u li fih l-istituzzjoni għandha twieġeb l-applikazzjoni konfermatorja, previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa imperattiv. Madankollu, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma għandux bħala effett li jneħħi lill-istituzzjoni s-setgħa li tadotta deċiżjoni.

57      Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jorbot tali konsegwenza mas-skiet tal-istituzzjonijiet, kien ikun hemm referenza speċifika mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka ġustament l-Artikolu 4(3) u (4) u l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23). Fir-Regolament Nru 1049/2001 ma jinstabux dispożizzjonijiet simili.

58      Fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, il-leġiżlatur ippreveda l-konsegwenzi ta’ dekorriment tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi pprovda, fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-istituzzjoni jagħti lok għad-dritt li jitressaq rikors ġudizzjarju.

59      F’dan il-kuntest, il-konsegwenzi li r-rikorrenti tixtieq tattribwixxi lid-dekorriment, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jitqiesu bħala sproporzjonati. Fil-fatt, l-ebda prinċipju ġuridiku ma jtellef lill-amministrazzjoni mill-kompetenza tagħha li twieġeb applikazzjoni, anki barra mit-termini mogħtija f’dan ir-rigward. Il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġie stabbilit bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tweġibx applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti u taħrab minn kull stħarriġ ġudizzjarju, u mhux sabiex kull deċiżjoni tardiva ssir illegali. Bil-kontra, l-amministrazzjoni, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tipprovdi tweġiba motivata għal kull applikazzjoni li ssir minn persuna amministrata minnha, anki jekk din it-tweġiba tingħata tardivament. Tali soluzzjoni hija konformi mal-funzjoni tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tikkonsisti f’li tippermetti lill-persuni amministrati li jikkontestaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni bil-għan li jiksbu tweġiba motivata mingħandha.

60      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni ma għandhiex effett fuq l-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni amministrati mfittex mill-Artikolu 253 KE, u ma tippermettix li l-Kummissjoni tinjora t-termini imperattivi stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937. Fil-fatt, il-ħlas ta’ dannu eventwali kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ tweġiba jista’ jintalab permezz ta’ rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

61      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tat-termini proċedurali imposti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937

–       Argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret it-termini ta’ żmien proċedurali li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti.

63      Barra minn hekk, l-estensjoni ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol tat-terminu ta’ tweġiba tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni konfermatorja, minħabba l-ħtieġa li jiġu kkonsultati xi terzi fir-rigward ta’ ċerti dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz tal-ittra tas-27 ta’ Mejju 2004, hija illegali.

64      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-possibbiltà li jiġi estiż it-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol huwa previst esklużivament fil-każ ta’ talbiet kumplessi jew kbar, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937. Din id-dispożizzjoni mkien ma ssemmi l-possibbiltà li testendi t-terminu fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha tikkonsulta lil terz fir-rigward tal-applikazzjoni għal aċċess.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 5(5) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, li jgħid li “[l]-awtur parti terza konsultat għandu jkollu limitu ta’ żmien biex iwieġeb li ma għandux ikun iqsar minn ħamest ijiem tax-xogħol iżda huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni li timxi mal-limiti ta’ żmien tagħha għat-tweġiba”. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni, anki jekk l-awtur tad-dokumenti inkwistjoni jwieġeb tardivament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni oħra mal-Istati Membri kkonċernati, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar aċċess għad-dokumenti.

66      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza li t-termini indikati fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jikkostitwixxu obbligi veri u proprji għall-Kummissjoni.

67      Il-Kummissjoni ma tikkontestax in-natura obbligatorja tat-termini previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937, iżda ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini tagħti lok għal konsegwenzi ta’ natura purament proċedurali u mhux sostantiva.

68      Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 5(5) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, il-Kummissjoni tenfasizza li f’dan il-każ, il-konsultazzjoni kienet partikolarment importanti, fid-dawl tal-fatt li l-awturi terzi kienu Stati Membri kif ukoll li r-Regolament Nru 1049/2001 jagħtihom trattament partikolari.

69      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll, fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, li s-Segretarju Ġenerali ma wettaqx konsultazzjoni ġdida tal-Istati Membri wara li ġiet irreġistrata l-applikazzjoni konfermatorja. Bil-għan li tiġi ppreparata t-tweġiba għal din l-applikazzjoni, il-persuni li jaqgħu taħt id-dipartimenti kompetenti tas-Segretarjat Ġenerali sempliċement iddiskutew il-fajl kollu mill-ġdid, b’mod partikolari r-riżultati tal-konsultazzjoni organizzata mid-DĠ “Agrikoltura”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

70      L-istituzzjoni li saritilha applikazzjoni ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u dan tal-aħħar għandhom, meta din l-applikazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, jibdew mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jibqgħu attenti b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini previsti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament, li jobbligawaha tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni ta’ aċċess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW”, punt 86). Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 jimponi lill-Kummissjoni sabiex tosserva t-terminu imperattiv ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol, eventwalment estiż, anki fil-każ ta’ konsultazzjoni ta’ terzi.

71      Madankollu, id-dekorriment tat-termini previsti minn din id-dispożizzjoni ma jagħtix awtomatikament lok għall-annullament tad-deċiżjoni adottata barra mit-termini (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni, T‑44/01, T‑119/01 u T‑126/01, Ġabra p. II‑1209, punti 167 sa 170). Fil-fatt, l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba s-sempliċi fatt li ddekorra t-terminu previst mir-Regolament Nru 1049/2001 u mid-Deċiżjoni 2001/937 ikollu biss l-effett li terġa’ tinbeda l-proċedura amministrattiva ta’ aċċess għad-dokumenti. F’kull każ, il-kumpens għal eventwali preġudizzju dovut minħabba risposta tardiva min-naħa tal-Kummissjoni jista’ jintalab permezz ta’ rikors għad-danni.

72      Fir-rigward tal-legalità tal-estensjoni tat-terminu ta’ tweġiba, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937 jipprovdi l-possibbiltà li jiġi estiż it-terminu fil-każ ta’ applikazzjoni kumplessa. In-numru ta’ dokumenti mitluba u d-diversità tal-awturi tagħhom, bħal fil-fatti ta’ din il-kawża, huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kwalifika ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti bħala waħda kumplessa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-ħtieġa li testendi t-terminu, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għaldaqstant għandu jitwarrab l-argument dwar l-estensjoni illegali tat-terminu ta’ tweġiba.

73      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument dwar konsultazzjoni ulterjuri tal-Istati Membri min-naħa tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova li turi li l-Kummissjoni wettqet tali konsultazzjoni bejn iċ-ċaħda tal-applikazzjoni inizjali u ċ-ċaħda espliċita tal-applikazzjoni konfermatorja. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

74      B’hekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni ta’ ċerti Stati Membri u fuq il-ksur tar-regoli relatati mal-konsultazzjoni tat-terzi

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni ta’ ċerti Stati Membri

–       Argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 5 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937, fir-rigward tad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni iżda li huma attribwibbli għal terzi, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni kellha tindika l-argumenti invokati minnha, mislufa mir-rimarki fformulati mit-terzi kkonsultati, u, fil-każ fejn hija eskludiet dawn ir-rimarki, kellha tiżviluppa kritika rilevanti. Skont ir-rikorrenti, l-Istati Membri ma jistgħux sempliċement jesprimu r-rifjut tagħhom li jiżvelaw id-dokumenti, iżda għandhom jadottaw pożizzjoni espliċita fuq l-eċċezzjonijiet li qed isostnu.

76      Sabiex teżamina l-portata tad-dikjarazzjonijiet ifformulati mill-Istati Membri u l-evalwazzjoni korrispondenti li saret mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lil din tal-aħħar, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja, sabiex, skont l-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tippreżenta t-tweġibiet kollha pprovduti mill-Istati Membri li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha.

77      Fir-rigward tal-appoġġ tagħha għar-rifjut tal-iżvelar mill-maġġoranza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ssostni li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza IFAW (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, T‑168/02, Ġabra p. II‑4135, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza IFAW”, punti 58 u 59), l-oppożizzjoni ta’ Stat Membru, anki jekk ma tkunx immotivata, “tikkostitwixxi inġunzjoni lill-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument in kwisjtoni”.

78      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li t-talbiet għal miżuri istruttorji ppreżentati mir-rikorrenti huma inutli, peress li r-rifjuti mill-iżvelar espressi mill-Istati Membri ma jippreżentaw ebda interess ġaladarba ma huwiex meħtieġ li jiġu mmotivati u peress li jorbtu lill-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni adottata fuq is-sempliċi bażi ta’ rifjut mill-iżvelar invokat mill-Istati Membri ġiet annullata.

80      B’mod partikolari, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, il-leġiżlatur Komunitarju abolixxa r-regola tal-awtur li kienet prevalenti sa dak iż-żmien. F’dan il-kuntest, għandu jiġi aċċettat li interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat Membru mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tiegħu, fis-sens li jagħti lill-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u mingħajr kundizzjonijiet, li jippermettilu jikkontesta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument fil-pussess ta’ istituzzjoni Komunitarja, minħabba s-sempliċi fatt li l-imsemmi dokument joriġina minn dan l-Istat Membru, ma hijiex kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW, punt 58).

81      Fil-fatt, l-istituzzjoni ma tistax tilqa’ l-kontestazzjoni ċara espressa minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija kontestazzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni ma hijiex spjegata b’referenza għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha tagħti aċċess għad-dokument mitlub, jekk min-naħa tagħha hija tqis li ma tapplika ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW, punt 88).

82      B’hekk, meta l-kontestazzjoni espressa minn Stat Membru wieħed jew iktar għall-iżvelar ta’ dokument ma hijiex konformi ma’ din il-ħtieġa ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tqis, b’mod awtonomu, li waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplika għad-dokumenti suġġetti għall-applikazzjoni ta’ aċċess.

83      F’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni effettivament invokat ir-rifjut ta’ ċerti Stati Membri milli jiġu żvelati ċerti dokumenti mitluba, min-naħa tagħha, hija bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-iżvelar tagħhom bħal ma hu indikat fil-punt 4 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004. Għaldaqstant, l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-appoġġ tal-Kummissjoni għar-rifjut ikkontestat minn ċerti Stati Membri ma jistax jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004.

84      Konsegwentement, il-parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-appoġġ tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni ta’ ċerti Stati Membri għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tar-regoli relatati mal-konsultazzjoni tat-terzi

–       Argumenti tal-partijiet

85      Skont ir-rikorrenti, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura” indika fid-deċiżjoni msemmija fl-ittra tat-28 ta’ April 2004, wara li estenda t-terminu għal tweġiba minħabba allegata ħtieġa li jiġu kkonsultati l-Istati Membri u wara li mmotiva r-rifjut ta’ aċċess billi indika l-kontestazzjoni espressa minn numru ta’ Stati Membri, li fi kwalunkwe każ, it-tweġiba kienet tkun negattiva, peress li d-dokumenti mitluba jikkonċernaw dokumenti li fir-rigward tagħhom ma jistax jingħata aċċess minħabba l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti tosserva li, jekk il-Kummissjoni kienet konvinta sa minn meta nbdew il-proċeduri li hija ma setgħetx tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni minħabba l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ma kellhiex tikkonsulta lill-Istati Membri.

86      Ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 56 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza IFAW, li tgħid li “l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tikkonsulta l-partijiet terzi skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament [Nru 1049/2001] ma jaffettwax is-setgħa tagħha li tiddeċiedi jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) ta[’ dan i]r-Regolament hijiex applikabbli”, sabiex tikkonkludi li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprojbixxi l-konsultazzjoni tat-terzi meta jkun ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat.

87      Il-Kummissjoni tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata tindika kjarament li r-rifjut ta’ aċċess jirriżulta minn żewġ raġunijiet kumulattivi, jiġifieri r-rifjut ikkontestat mill-Istati Membri u, f’kull każ, l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-operaturi.

88      Il-Kummissjoni ssostni li ma kienx hemm applikazzjoni żbaljata tar-regoli li jirregolaw il-konsultazzjoni tat-terzi. Hija tindika li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat numru ta’ drabi li l-Istati Membri jgawdu minn trattament partikolari fir-rigward tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, peress li, skont l-Artikolu 4(5) tiegħu, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbutin li jiżvelaw dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru biss bi ftehim minn qabel ma’ dan tal-aħħar. Skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tagħha talli kkonsultat lill-Istati Membri awturi tad-dokumenti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jixtieq ikollha aċċess, minkejja l-fatt li hija kienet tqis, min-naħa tagħha, li ma kellhiex tiżvela d-dokumenti inkwistjoni skont l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-operaturi tradizzjonali.

89      Il-Kummissjoni ssostni li, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri ġew ikkonsultati illegalment, din ma tkunx raġuni suffiċjenti sabiex jiġi invalidat ir-rifjut ta’ aċċess ikkontestat, ġaladarba dan ir-rifjut jibqa’ kompletament fondat fir-rigward tal-eċċezzjoni l-oħra kkunsidrata, relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-operaturi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tgħaqqad flimkien il-konsultazzjoni tal-Istati Membri u l-invokazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 61; tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punt 114, u tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 40).

91      Fis-sentenza tagħha IFAW, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, anki fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-Istati Membri għall-iżvelar ta’ dokument, il-Kummissjoni għandha, ex officio, tinvoka waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW, punti 68 u 99).

92      Anki jekk jitqies li l-konsultazzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni kienet illegali, din iċ-ċirkustanza hija mingħajr rilevanza fir-rigward tal-fondatezza tal-invokazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess kummerċjali tat-terzi, li barra minn hekk hija s-suġġett tat-tielet motiv.

93      Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni taż-żewġ motivazzjonijiet sostnuti mill-Kummissjoni bħala kontraddiċenti ma hijiex possibbli filwaqt li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi kkunsidrata bħala infondat.

94      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tan-natura żbaljata u kontradittorja tar-rifjut ta’ aċċess parzjali għal ċerti dokumenti

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Argumenti tal-partijiet

95      Ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement issemmi bi kliem ieħor l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma tispjega r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni tqis li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-operaturi kkonċernati. Ir-rikorrenti ssostni li dan jikkostitwixxi ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2001/937, u, b’mod iktar ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost mill-Artikolu 253 KE.

96      Billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata man-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet, kif ukoll li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Hija tiddeduċi minn dan li l-Kummissjoni għandha tindika, b’mod analitiku, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li hija applikabbli l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interess kummerċjali, u li hija ma tistax tillimita ruħha sabiex tinvoka l-eċċezzjoni mingħajr ġustifikazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza timponi li, minn tal-inqas għal kull kategorija ta’ dokumenti mitluba, il-Kummissjoni tindika raġunijiet speċifiċi intiżi sabiex il-parti li lilha tkun indirizzata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tal-istess deċiżjoni.

97      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi espressament ir-raġuni għar-rifjut, billi tindika li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni seta’ “[j]ippreġudika l-interessi kummerċjali tal-operaturi, ġaladarba dawn jagħmlu pubbliċi l-kwantitajiet ta’ referenza attribwiti għal kull operatur kif ukoll il-kwantitajiet effettivament importati minn kull operatur”, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi identifikat xi interess pubbliku marbut mal-iżvelar tal-imsemmija dokumenti.

98      Il-Kummissjoni ssostni li l-kwantitajiet ta’ banana importata minn kull operatur jippermettu li jiġi ddeterminat il-volum ta’ attività reali ta’ kull operatur u l-previżjonijiet dwar l-iżvilupp tan-negozju tagħhom. Il-Kummissjoni tqis din it-tip ta’ data bħala waħda li tikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tal-impriżi u ma hijiex pubblika. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti, li tintervjeni professjonalment fis-suq tal-banana, ma tistax raġonevolment tallega li ma tafx ir-raġuni għalfejn hija ssemmi d-dannu kummerċjali tal-operaturi kkonċernati. Bħala prova, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li r-rikorrenti argumentat biżżejjed fuq il-mertu billi invokat applikazzjoni żbaljata ta’ din l-eċċezzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni, u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-partijiet interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata kif ukoll li l-qorti kompetenzi teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑380/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 70).

100    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-ħtiġijiet tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Terezakis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

101    Fir-rigward ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għad-dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li jkun qiegħed jintalab l-aċċess għalihom ikunu effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, jista’ jkun impossibbli li jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiċċaħħad mill-finalità essenzjali tagħha (sentenza Terezakis vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

102    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat kjarament li, indipendentement mill-pożizzjoni tal-Istati Membri, l-eċċezzjoni li fuqha l-Kummissjoni tibbaża r-rifjut tagħha hija dik tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din il-prattika hija konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja IFAW (punti 68 u 99).

103    Barra minn hekk, hekk kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament adottat motivazzjoni fil-qosor li tixbah il-kliem tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

104    Madankollu, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, adottata bi tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti, hija dokument ta’ ħames paġni, li tinkludi analiżi ċara. Fil-fatt, fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li b’mod konsistenti hija kkunsidrat fil-prattika deċiżjonali tagħha li l-kwantitajiet ta’ referenza u l-kwantitajiet effettivament importati mill-operaturi jikkostitwixxu data li ma tistax tinxtered, peress li l-iżvelar tagħha jista’ jkun dannuż għall-interessi kummerċjali tal-imsemmija operaturi. Il-Kummissjoni tenfasizza li konsegwentement din l-informazzjoni taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-punt 5 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tispjega li hija xtaqet tikkonferma l-analiżi tagħha billi tikkonsulta lill-Istati Membri awturi tad-dokumenti inkwistjoni. Peress li maġġoranza kbira minnhom ikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riskju li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali tal-operaturi kkonċernati, hija rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba li joriġinaw mill-Istati Membri li kkontestaw l-iżvelar, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, fil-punt 7 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni qieset li l-interess tar-rikorrenti li tikseb l-aċċess għad-dokumenti mitluba ma setax jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri.

105    Ladarba d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 turi kjarament ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni, ikun eċċessiv li wieħed jeżiġi motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-evalwazzjonijiet li jistrieħ fuqhom dan ir-raġunament. Wara kollox, għandu jiġi osservat li ċerta data ma tistax tiġi kkomunikata mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni l-protezzjoni effettiva tal-interessi kummerċjali tal-operaturi l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I-4777, punti 108 u 109).

106    Ir-rikorrenti, operatur tradizzjonali fis-suq tal-importazzjoni tal-banana fil-Komunità, talbet l-aċċess għal dokumenti preċiżi ħafna li jikkonċernaw in-negozju ta’ importazzjoni tal-kompetituri tagħha. Hekk kif jirriżulta mil-lista tal-operaturi li l-Kummissjoni kkonċediet l-aċċess għaliha għas-snin 1999 u 2000, ir-rikorrenti titlob sabiex tiġi mxerrda d-data relatata mal-importazzjonijiet ta’ 622 impriża kompetitriċi stabbilita fi ħmistax-il Stat Membru. Il-Kummissjoni indikat, fil-punt 4 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, li t-tixrid tad-dokumenti inkwistjoni jista’ “jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-operaturi, peress li dawn jagħmlu pubbliċi l-kwantitajiet ta’ referenza attribwiti kif ukoll il-kwantitajiet effettivament importanti għal kull operatur”. Issa, huwa evidenti li l-kwantitajiet importati jolqtu l-qalba nnifisha tan-negozju tal-impriżi attivi fis-suq tal-importazzjoni tal-banana.

107    Isegwi li r-rikorrenti kienet kompletament f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet għar-rifjut li ngħataw lilha u sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 ma hijiex ivvizzjata minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

108    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, relatata mal-applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti tallega li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma ġewx sodisfatti.

110    Hija tenfasizza li l-prinċipju ġenerali li jikkonsisti f’li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni, rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jimponi li kull eċċezzjoni tiġi interpretata b’mod restrittiv.

111    Ir-rikorrenti tqis li, fis-settur tal-banana, il-Kummissjoni ma teżerċitax ir-rwol tradizzjonali ta’ awtorità ta’ kontroll li tipproteġi l-kompetizzjoni, iżda fil-verità tiddetermina hija stess – permezz tal-kontroll u tal-paragun tad-data mibgħuta mill-Istati Membri – is-sehem tas-suq relatat ma’ kull operatur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija marbuta b’iktar trasparenza minn dik meħtieġa f’setturi oħrajn.

112    Skont ir-rikorrenti, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jistax jippreġudika l-interess kummerċjali tal-operaturi l-oħra, peress li s-settur tal-kummerċ tal-banana jikkostitwixxi suq strettament irregolat fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana, fejn ebda dannu relatat mal-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali ma jista’ jiġi konsegwentement invokat mill-operaturi l-oħra.

113    Ir-rikorrenti ssostni li l-għarfien tal-informazzjoni mitluba ma jistax jikkostitwixxi mezz ta’ kif jinkiseb vantaġġ kompetittiv indebitu, iżda jippermettilha sempliċement li tikseb il-mezzi neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tagħha stess.

114    Barra minn hekk, hija ssostni li l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet għall-iżvelar issib il-limitu tagħha hawnhekk, peress li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument”. B’hekk, ir-rikorrenti tindika li hija ma tistax tikseb vantaġġ kummerċjali mid-dokumenti inkwistjoni, peress li dawn jikkonċernaw perijodu preċedenti ta’ erba’ sa għaxar snin għad-data li fiha ġiet introdotta l-applikazzjoni tagħha.

115    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka interess pubbliku superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti li huma normalment koperti mill-eċċezzjoni. Dan l-interess jinsab fl-importanza tal-iskoperta ta’ abbuż imwettaq mill-kompetituri tagħha bil-għan li jiġi żgurat li l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana taħdem kif suppost.

116    Hija tqis li l-eċċezzjoni li huwa bbażat fuqha r-rifjut tal-Kummissjoni ma tistax tiġi invokata: l-uniku operatur li ssubixxa dannu hija r-rikorrenti, li, mingħajr il-possibbiltà ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba, tinsab fl-impossibbiltà li tistabbilixxi l-eżistenza eventwali ta’ frodi li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ banana.

117    Il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti hija direttament marbuta man-negozju ta’ kull operatur u għaldaqstant taqa’ mingħajr dubju taħt il-kunċett ta’ interessi kummerċjali msemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament. Il-fatt li wieħed jopera fil-kuntest ta’ kwoti tariffarji ma jeskludix li l-iżvelar tal-attivitajiet kummerċjali ta’ kull operatur jista’ jippreġudikahom.

118    Il-Kummissjoni ssostni li r-rwol tagħha jillimita ruħu sabiex tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ aġġustament applikabbli għall-kwantitajiet ta’ referenza kollha ddeterminati mill-Istati Membri meta s-somma ta’ dawn il-kwantitajiet taqbeż it-total tal-kwantitajiet disponibbli fil-kuntest tal-kwoti tariffarji. B’hekk, hija ma jista’ jkollha ebda obbligu speċifiku.

119    Il-Kummissjoni ssostni li ma kienx neċessarju li tipprovdi motivazzjoni speċifika għal kull kategorija tad-dokumenti li intalab l-aċċess għalihom, peress li ma kienx hemm raġunijiet differenti għal rifjut.

120    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li d-dokumenti mitluba huma qodma bl-ebda mod ma għandu inċidenza fuq in-natura sensibbli ħafna tal-interessi kummerċjali protetti u ssemmi, bħala eżempju, il-protezzjoni mogħtija lill-arkivji storiċi tal-Komunitajiet, li tista testendi għal iktar minn 30 sena. Hija żżid li d-data ta’ bejn l-1994 u l-1996 serviet bħala bażi sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ referenza tal-operaturi tradizzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana attwalment fis-seħħ, filwaqt li d-data ta’ bejn l-1999 u l-2000 hija wisq riċenti biex ma tibbenefikax minn tali protezzjoni.

121    Il-Kummissjoni ssostni li huwa impossibbli li wieħed jikkunsidra l-iżvelar tad-dokumenti mitluba bħala ta’ interess pubbliku. Hija tenfasizza li r-rikorrenti għandha l-libertà li tikkostitwixxi ruħha parti ċivili fil-proċeduri penali mressqa minħabba l-frodi allegata u tippreċiża li, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, hija lesta li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bid-dokumenti kollha li jintalbu mingħandha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

122    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet tal-aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Isvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 36; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni, T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 66).

123    Barra minn hekk, l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għad-dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun ġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument b’mod konkret u effettivament kienx jippreġudika l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk kienx jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

124    Eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li applikazzjoni għal aċċess tirrigwarda dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss tali eżami li jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Wara kollox, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41), il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà qieset bħala insodisfaċenti evalwazzjoni ta’ dokumenti mfassla skont kategoriji pjuttost milli skont l-elementi ta’ informazzjoni konkreti li jinsabu f’dawn id-dokumenti. L-eżami meħtieġ min-naħa ta’ istituzzjoni għandu għaldaqstant jippermettilha li tevalwa b’mod konkret jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab f’dawn id-dokumenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, T‑123/99, Ġabra p. II‑3269, punt 46; tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 73, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117).

125    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

126    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

127    F’dan il-każ, il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni relatata mal-preġudizzju tal-interessi kummerċjali tal-operaturi sabiex tirrifjuta l-aċċess għal listi li jikkonċernaw l-indikazzjoni, għal kull operatur, tal-kwantità ta’ banana importata matul il-perijodu bejn l-1994 sal-1996 u tal-kwantità ta’ referenza provviżorja attribwita lil kull operatur, għas-snin 1999 u 2000, filwaqt li enfasizzat, fl-aħħar paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, li ma kinitx teżisti lista tal-operaturi tradizzjonali għas-sena 1998 fis-sens tar-Regolament Nru 2362/98,.

128    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti jinkludu informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kumpanniji li jimportaw il-banana u mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, u b’hekk għandhom jitqiesu li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

129    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni eżaminatx jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jippreġudikax b’mod konkret u effettivament l-interess protett, liema ħaġa hija kkontestata mir-rikorrenti billi tinvoka l-ġeneralità tal-ġustifikazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni, li t-tixrid ta’ dawn id-dokumenti seta’ “jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-operaturi, ladarba jippubblika l-kwantità ta’ referenza attribwiti kif ukoll il-kwantitajiet effettivament importanti għal kull operatur”.

130    Bħala prinċipju, huwa mixtieq li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Madankollu, hija għandha l-obbligu li tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li jkun intalab l-iżvelar tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Ir-Renju tal-Isvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

131    Id-dokumenti inkwistjoni f’dan il-każ jikkonċernaw żewġ elementi preċiżi tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana: il-kwantitajiet ta’ banana importata u dawk li l-importazzjoni tagħhom hija awtorizzata għal kull operatur tradizzjonali. Dawn l-indikazzjonijiet jippermettu li tiġi ddeterminata l-attività kummerċjali tal-impriżi li jimportaw il-banana fil-Komunità. Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni setgħet tesponi eżami konkret u individwali ta’ kull dokument mingħajr ma tippreżenta l-figuri inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif jirriżulta mil-lista tal-operaturi li l-Kummissjoni tat aċċess għaliha, li, għas-snin 1999 u 2000, ir-rikorrenti titlob it-tixrid tad-data relatata mal-importazzjonijiet ta’ 622 impriża kompetitriċi stabbiliti fi ħmistax-il Stat Membru. Eżami konkret u individwali dwar kull waħda minn dawn il-figuri, jew anki fuq kull lista mibgħuta minn kull Stat Membru, ma jistax jippermetti li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiċċaħħad mill-għan essenzjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza WWF UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

132    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jistax jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-operaturi l-oħra, peress li s-settur tal-kummerċ tal-banana ma jikkostitwixxix suq miftuħ għall-kompetizzjoni libera, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jeskludi kull dokument li jirreferi għal organizzazzjoni komuni tas-suq mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, anki fi ħdan organizzazzjoni komuni tas-suq, l-iżvelar tal-kwantitajiet ta’ referenza provviżorji u tal-użu reali tagħhom jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, peress li din id-data tippermetti li jiġu evalwati kemm il-volum massimu teoriku kif ukoll il-volum reali tal-attività tal-operaturi u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, kif ukoll is-suċċess tal-istrateġiji kummerċjali tagħhom.

133    Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk dan ir-riskju għandux jiġi kkunsidrat, bħal ma tippretendi r-rikorrenti, min-naħa ta’ interess pubbliku superjuri (sentenzi Ir-Renju tal-Isvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza T‑166/05 Borax Europe vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 7749, punt 51; ara wkoll il-punt 124 iktar ’il fuq). L-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti hija intiża sabiex tikkontrolla l-eżistenza ta’ prattiċi frawdolenti min-naħa tal-kompetituri tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti qegħdha tfittex, fost għanijiet oħra, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tagħha. Issa, ma huwiex possibbli li wieħed jikkwalifika l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti bħala ta’ “interess pubbliku akbar” meta mqabbel mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-operaturi tradizzjonali, għan segwit permezz tar-rifjut ta’ aċċess għal parti mid-dokumenti mitluba. Barra minn hekk, it-tiftix tal-interess pubbliku li jikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-frodi bil-għan li jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb tas-suq tal-banana hija responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Komunitarji kompetenti, jekk ikun il-każ wara talba minn operatur, iżda ma hijiex responsabbiltà tal-operaturi.

134    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tqis li l-kwantitajiet importati mill-1994 sal-1996 u mill-1998 sal-2000 ma għandhomx jibbenefikaw iżjed minn protezzjoni.

135    L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

136    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom jippreġudika interessi kummerċjali jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali, peress li l-aċċess għalihom jista’ jiġi pprojbit għal perijodu ta’ iktar minn tletin sena. Madankollu, tali protezzjoni għandha, f’kull każ, tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

137    Id-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess jirreferu għas-suġġett innifsu tal-attività kummerċjali ta’ importazzjoni, peress li dawn jindikaw is-sehem fis-suq, l-istrateġija kummerċjali u l-politika ta’ bejgħ ta’ dawn l-impriżi. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jiġġustifika terminu ta’ protezzjoni.

138    Għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 2362/98 u mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 250/2000, tal-1 ta’ Frar 2000 fuq importazzjonijiet ta’ banana taħt il-kwoti tariffarji u ta’ banana tradizzjonali ACP, u l-iffissar ta’ kwoti indikattivi għat-tieni perijodu trimestrali tas-sena 2000 (ĠU L 26, p. 6), jirriżulta li, għall-operaturi tradizzjonali, l-importazzjonijiet imwettqa bejn l-1994 u l-1996 servew bħala bażi għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ referenza għas-snin 1999 u 2000. B’hekk, anki l-importazzjonijiet imwettqa fl-1994 kellhom inċidenza diretta fuq il-kwantitajiet ta’ referenza tas-sena 2000.

139    Id-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija dik tal-adozzjoni tagħha. Fl-10 ta’ Awwissu 2004, l-eżami tal-Kummissjoni kien jikkonċerna dokumenti preċedenti b’erba’ snin. F’dan is-sens, perijodu ta’ erba’ snin, bil-figuri tal-1994 jinfluwenzaw dawk tal-2000 filwaqt li l-aċċess ġie rrifjutat fl-2004, għandu jiġi kkunsidrat bħala perijodu li matulu l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali inkwistjoni huwa ġustifikat.

140    Għaldaqstant, l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha titqies li hija ġustifikata.

141    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura żbaljata u kontradittorja tar-rifjut ta’ aċċess parzjali fir-rigward ta’ ċerti dokumenti

–       Argumenti tal-partijiet

142    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 hija wkoll illegali fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiżguraw aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba ladarba ma jkunx possibbli l-aċċess sħiħ.

143    Hija tirreferi wkoll għall-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi espressament li, jekk partijiet biss mid-dokument mitlub huma koperti minn eċċezzjoni jew numru ta’ eċċezzjonijiet, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Hija tqis li dan il-prinċipju ta’ aċċess parzjali japplika wkoll fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna numru ta’ dokumenti.

144    Minn dan, ir-rikorrenti tiddeduċi li f’kull każ, il-Kummissjoni kellha tagħtiha aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri li ma qajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tad-Danimarka u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Hija tilmenta li l-Kummissjoni ttrattat il-każ b’mod superfiċjali, peress li hija ppreċiżat biss fl-istadju tar-risposta li dawn l-aħħar żewġ Stati Membri kienu favorevoli għall-iżvelar tad-dokumenti.

145    Il-Kummissjoni tindika li d-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Awwissu 2004 kienet fil-fatt tiżgura lir-rikorrenti l-aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba billi bagħtitilha l-lista tal-operaturi tradizzjonali rreġistrati fil-Komunità għas-sena 2000, identika għal dik li tikkonċerna s-sena 1999. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti hija mingħajr skop.

146    Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rikorrenti sabiex tikseb, b’aċċess parzjali, id-dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri li ma kkontestawx l-iżvelar, il-Kummissjoni tosserva li dawn id-dokumenti, bħal ma ġie indikat fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-operaturi, u li għaldaqstant ma jistgħux jiġu żvelati. In-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri awturi tad-dokumenti inkwistjoni ma huwiex, fih innifsu, raġuni suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tawtorizza l-iżvelar tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

147    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni effettivament tat aċċess lir-rikorrenti għal parti mid-dokumenti msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, jiġifieri l-lista tal-operaturi tradizzjonali rreġistrati għas-sena 2000, identika għal dik li tikkonċerna s-sena 1999, mingħajr madankollu ma tispeċifika l-kwantitajiet importati għal kull operatur tradizzjonali bejn l-1994 u l-1996. Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx lista ta’ operaturi tradizzjonali għas-sena 1998.

148    Fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw minn Stati Membri li ma oġġezzjonawx għall-iżvelar tagħhom, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni invokat, b’mod awtonomu, l-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-eżami tat-tieni motiv, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004 hija dovuta għall-fatt li n-natura tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba hija identika jkun liema jkun l-Istat Membru li minnu oriġina d-dokument, jiġifieri figuri relatati mal-kwantitajiet importati minn kull operatur matul il-perijodu mill-1994 sal-1996 u fuq il-kwantità ta’ referenza provviżorja attribwita għal kull operatur għas-snin 1998, 1999 u 2000. Il-konstatazzjoni li tgħid li l-iżvelar ta’ din id-data jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi l-oħra li jimportaw il-banana hija għaldaqstant valida fir-rigward tad-dokumenti kollha li joriġinaw mill-Istati Membri.

149    Għalhekk, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni fir-rigward taċ-ċertifikati

 Argumenti tal-partijiet

150    Ir-rikorrenti tikkontesta l-punt 2 tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2004, li jgħid li l-Kummissjoni tirrifjuta b’mod espliċitu l-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali.

151    Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tallega li ma hijiex fil-pussess taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni maħruġa għal kull operatur matul is-snin 1998, 1999 u 2000 u tal-prova tal-użu tagħhom. Hija tirreferi għas-sentenza Co‑Frutta I (punti 44 u 45), li, fil-fehma tagħha, stabbilixxiet li minn tal-inqas id-dokumenti li jikkonċernaw il-perijodu tal-1998 sal-1999 intbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

152    Il-Kummissjoni ssostni li hija ma għandhiex id-dokumenti msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali. Hija tippreċiża li bis-saħħa tar-Regolament Nru 2362/98 l-Istati Membri kkomunikawlha biss id-data globali fuq l-użu taċ-ċerkifikati ta’ importazzjoni tas-snin 1998, 1999 u 2000, u mhux id-data ta’ natura individwali għal kull operatur. Barra minn hekk, ma teżisti ebda data għas-sena 1998 peress li d-definizzjoni ta’ operatur tradizzjonali ma kinitx teżisti fis-sens tar-Regolament Nru 1442/93, li kien fis-seħħ dak iż-żmien.

153    Il-Kummissjoni ssostni li mis-sentenza Co‑Frutta I ma jistax jiġi dedott li hija tinsab fil-pussess tad-dokumenti msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

154    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni sostniet b’mod kostanti li ma kinitx fil-pussess tad-dokumenti msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali, jiġifieri ċ-ċertifikati maħruġa għal kull operatur matul is-snin 1998, 1999 u 2000 u l-użu relatat tagħhom.

155    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull dikjarazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dokumenti mitluba tgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità. Madankollu, din hija preżunzjoni sempliċi li r-rikorrent jista’ jikkonfuta bil-mezzi kollha, abbażi ta’ provi rilevanti u konsistenti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Terezakis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 155). Din il-preżunzjoni għandha tiġi applikata b’analoġija fil-każ fejn l-istituzzjoni tiddikjara li ma tinsabx fil-pussess tad-dokumenti mitluba.

156    Fir-rigward tal-unika prova invokata mir-rikorrenti, ibbażata fuq is-sentenza Co‑Frutta I, jeħtieġ qabel kollox li jiġi kkonstatat li d-data relatata tikkonċerna biss is-snin 1998 u 1999. Sussegwentement, fir-rigward tas-sena 1998, il-punt 46 ta’ din is-sentenza jistabbilixxi li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) u (5), u mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1442/93, li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-listi tal-operaturi kollha rreġistrati, kif ukoll id-data globali li tikkonċerna l-kwantitajiet relattivi għaċ-ċertifikati ta’ importazzjoni maħruġa u dawk relattivi għaċ-ċertifikati li ntużaw, miġbura fuq bażi nazzjonali, għal kull tliet xhur u għal kull kategorija ta’ operaturi. Għaldaqstant, id-data individwali ma hijiex ipprovduta, f’dan is-sens, lill-Kummissjoni. Fir-rigward tas-sena 1999, is-sentenza Co‑Frutta I, fil-punt 46, tirreferi għar-Regolament Nru 2362/98. Issa, fir-rigward tal-operaturi tradizzjonali, l-Artikolu 28(2)(a) tar-Regolament Nru 2362/98 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-listi tal-operaturi, flimkien mal-indikazzjoni, għal kull operatur tradizzjonali, tal-kwantità ta’ banana importata matul is-snin 1994 sa 1996 u l-kwantitajiet ta’ referenza provviżorji tagħhom. Minn dan jirriżulta li dawn id-dokumenti ma jinkludux l-informazzjoni msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali tar-rikorrenti.

157    Isegwi li, fin-nuqqas ta’ provi rilevanti u konsistenti li jindikaw mod ieħor, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija ma tinsabx fil-pussess tad-dokumenti msemmija fil-punt (ċ) tal-applikazzjoni inizjali, għandha tiġi kkunsidrata bħala eżatta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Terezakis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 162 sa 167).

158    Għalhekk, il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u b’hekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

159    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti, jirriżulta, minn naħa, mill-atti tal-proċess u, min-naħa l-oħra, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, li dawn il-miżuri ma jippreżentaw ebda utilità għas-soluzzjoni tal-kontroversja. Għaldaqstant, it-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

160    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-kawża T‑355/04.

2)      Ir-rikors fil-kawża T‑446/04 huwa miċħud.

3)      Co-Frutta Soc. coop. għandha tbati l-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Jannar 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.