Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fid-29 ta’ Ġunju 2023 – LEGO Juris A/S vs “SZOTI” Ipari, Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.

(Kawża C-396/23, LEGO Juris)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LEGO Juris A/S

Konvenut: “SZOTI” Ipari, Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.

Domandi preliminari

Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-prassi ġudizzjarja ta’ Stat Membru li tikkonsisti f’li jitqies li użu mhux awtorizzat ta’ trade mark bħall-użu kontenzjuż fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kontrafazzjoni ta’ trade mark li tipproteġi r-rappreżentazzjoni fotorealistika ta’ element ta’ logħba ta’ kostruzzjoni fil-forma ta’ briks, filwaqt li huwa speċifikat li dan l-użu jirrizulta f’dan il-każ mill-preżenza, fl-imballaġġ magħluq tal-logħba ta’ kostruzzjoni kontenzjuża, ta’ briks (iktar ’il quddiem l-“element modulari”) li l-forma tiegħu tista’ tiġi mfixkla mar-rappreżentazzjoni tal-briks protett mit-trade mark, kif ukoll ta’ gwida ta’ assemblaġġ li tirrappreżenta dan l-element modulari b’mod li jista’ jiġi mfixkel mat-trade mark, iżda li la r-rappreżentazzjoni tal-briks protett mit-trade mark u lanqas xi sinjal li jista’ jiġi mfixkel magħha ma huma rriprodotti fuq l-imballaġġ magħluq tal-logħba ta’ kostruzzjoni, jew parzjalment biss, u li ebda element ieħor tal-imballaġġ ma jagħmel riferiment għall-proprjetarju tat-trade mark?

Jekk jitqies li l-użu deskritt iżjed ’il fuq ikun użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jaġixxi kontrih skont l-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks 1 , din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmi proprjetarju tat-trade mark jista’ jeżiġi l-waqfien tal-importazzjoni tal-logħba ta’ kostruzzjoni kollha bħala prodott, kif ukoll il-qbid tal-prodott għal dan l-għan, anki jekk l-użu tat-trade mark jirriżulta minn biċċa waħda jew minn numru żgħir ta’ biċċiet tal-logħba ta’ kostruzzjoni, dissoċċjabbli minnha u teknikament ekwivalenti għal elementi modulari oħrajn, u mir-rappreżentazzjoni tagħhom fil-gwida ta’ assemblaġġ?

Fil-każ li d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark tista’ tirrigwarda l-prodott kollu anki jekk l-użu mhux awtorizzat tiegħu jirriżulta mill-preżenza ta’ element modulari wieħed jew numru żgħir tal-logħba ta’ kostruzzjoni, dissoċjabbli minnu u teknikament ekwivalenti għal elementi modulari oħrajn, u tar-rappreżentazzjoni tagħhom fil-gwida ta’ assemblaġġ, allura għandu jitqies li d-dritt Komunitarju jippermetti lill-qorti nazzjonali, fid-dawl tan-natura parzjali tal-kontrafazzjoni, limitata għal element modulari wieħed jew għal numru żgħir ta’ tali elementi inklużi f’imballaġġ magħluq, tal-portata u tal-gravità limitati tal-imsemmija kontrafazzjoni meta mqabbel mal-prodott kollu, kif ukoll tal-interess marbut mal-kummerċ mingħajr restrizzjoni ta’ logħba ta’ kostruzzjoni mhux kontenzjuża fil-parti l-kbira tagħha, li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha sal-punt li ma tilqax talba għal miżuri provviżorji intiża għall-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-imsemmija logħba ta’ kostruzzjoni u għall-qbid tal-merkanzija għal dan l-għan?

____________

1     ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5.