Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' April 2011 - ZZ vs Bank Ewropew għall-Investiment

(Kawża F-52/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew għall-Investiment

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annullament ta' ittra li permezz tagħha l-President tal-BEI ddikjara li, wara li l-Kummissjoni ta' investigazzjoni ddeċidiet li l-ilment dwar fastidju psikoloġiku mressaq mir-rikorrent kellu jiġi miċħud, ma kienet meħtieġa ebda azzjoni u lanqas ma kien meħtieġ l-annullament ta' deċiżjonijiet oħrajn relatati mal-investigazzjoni dwar fastidju psikoloġiku. Min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li r-rikorrent kien vittma ta' fastidju psikoloġiku.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla l-ittra tal-1 ta' Settembru 2010 sa fejn il-President tal-BEI, barra milli ma adotta ebda miżura fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku li għalih ilu suġġett għal snin ir-rikorrent, qies li seta' jinvestiga l-mertu tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni ta' investigazzjoni;

jannulla r-rapport u l-konklużjonijiet adottati mill-Kummissjoni ta' investigazzjoni fit-30 ta' Ġunju 2010, sa fejn ma wettqet ebda investigazzjoni fuq l-aġir tal-Kummissjoni tal-ilmenti u tal-komponenti tiegħu, fil-parti fejn ġie definit il-fastidju psikoloġiku u, fl-aħħar nett, fil-parti fejn ċaħdet l-ilment, illimitat lilha nnifisha biss għall-eżami tal-aġir ta' xi persuni u arbitrarjament eskludiet l-investigazzjoni fuq xi wħud mill-fatti rrapportati;

jannulla l-ittri tas-17 ta' Novembru 2010 u tat-30 ta' Novembru 2010 li permezz tagħhom il-President tal-BEI, fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma awtorizzax lir-rikorrent jirrappreżenta lilu nnifsu, filwaqt li min-naħa l-oħra l-Bank kien irrappreżentat minn impjegat tiegħu;

jannulla l-messaġġ tal-14 ta' April 2011 li permezz tiegħu d-Direttur tar-Riżorsi Umani irrifjuta kwalsiasi kumpens;

jannulla l-atti kollha relatati, konsegwenti u preċedenti, fosthom, bla ebda dubju, dawk użati mill-Kummissjoni għal fastidju psikoloġiku;

jiddikjara li kien hemm fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrent;

jordna lill-BEI itemm il-fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrent u jikkundannah, minbarra għall-ħlas ta' kumpens għad-danni fiżiċi, morali u materjali li rriżultaw b'konsegwenza tal-fastidju, għall-ispejjeż tal-kawża, għall-interessi u għar-rivalutazzjoni tal-krediti magħrufa lilu.

____________