Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2014 – Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill

(Kawża T-710/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Herbert Smith Freehills LLP (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: P. Wytinck, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 18/c/01/14, tat-23 ta’ Lulju 2014; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 18/c/01/14, tal-24 ta’ Lulju 2014, li biha l-Kunsill irrifjuta l-applikazzjoni għall-aċċess taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 1 għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE 2 .

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn i) mhux id-dokumenti kollha identifikati mill-Kunsill jaqgħu fil-kamp tal-eċċezzjoni li tirrigwarda l-protezzjoni ta’ parir legali; u ii) hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti identifikati skont it-talba tar-rikorrent għall-aċċess għad-dokumenti.It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn ma pprovdiex aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iskop tat-talba tar-rikorrent għall-aċċess għad-dokumenti.