Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2014 – IPSO vs BĊE

(Kawża T-713/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Organizzazzjoni tal-impjegati mal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (IPSO) (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-BĊE tat-30 ta’ Mejju 2014, ippubblikata fis-16 ta’ Lulju 2014, li tiffissa għal sentejn it-tul massimu ta’ ċerti kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju inkarigati b’funzjonijiet ta’ natura segretarjali u amministrattiva;

tikkundanna lill-konvenut għall-kumpens għad-dannu morali stmat ex aequo et bono għal EUR 15 000;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tar-rikorrenti kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewopea u fid-Direttiva 2002/14 1 u ppreċiżat u implementat permezz tal-ftehim qafas dwar ir-rikonoxximent, it-tqassim ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni u l-ftehim ad hoc ta’ Jannar 2014 li jistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma dwar il-ħaddiema temporanji, konkluż bejn il-BĊE u l-IPSO, u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-imsemmija ftehimiet.It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ u tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni, drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fndamentali tal-Unjoni Ewropea.