Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2014 – CEAHR vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-712/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Confédération Européenne des Associations d’Horlogers-Réparateurs (CEAHR) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Mathijsen u P. Dyrberg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara nulla, d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2014) 5462 finali, tad-29 ta’ Lulju 2014;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2014) 5462 finali, tad-29 ta’ Lulju 2014, fil-Każ AT.39097 – Watch Repair, li permezz tagħha, l-Kummissjoni tiċħad l-ilment tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 1 dwar ir-rifjut minn varji produtturi ta’ arloġġi ta’ prestiġju/lussu li jfornu spare parts lill-persuni indipendenti li jagħmlu t-tiswija.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li i) l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, ii) li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tagħti spjegazzjoni adegwata għal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u iii) li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat ta’ proċedura li fiha l-Kummissjoni naqset milli teżamina bir-reqqa l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt imqajma fl-ilment, bi ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba.