Language of document : ECLI:EU:T:2016:494

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti marbuta mad-diskussjonijiet ta’ qabel l-adozzjoni tad-direttiva marbuta mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali – Drittijiet tad-difiża – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑710/14,

Herbert Smith Freehills LLP, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Wytinck, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Rebasti, M. Veiga u J. Herrmann, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 18/c/01/14, tat-23 ta’ Lulju 2014, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti marbuta mal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Junius, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2014, ir-rikorrenti, Herbert Smith Freehills LLP, ressqet quddiem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), applikazzjoni għal aċċess li tirrigwarda “kull dokument (inklużi d-dokumenti interni u l-abbozzi) redatti minn uffiċjali tad-dipartiment legali tal-Kunsill, li jikkonċernaw l-evalwazzjoni, mid-dipartiment legali, tal-bażi legali tal-proposti għal direttiva ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill marbuta mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati […] bi preparament għal laqgħat ta’ trilogi marbuta ma’ [din id-direttiva] fl-2013, b’reazzjoni għal dawn il-laqgħat jew wara dawn il-laqgħat jew li huma marbuta magħhom”. Barra minn hekk, hija indikat li, “[f]il-kuntest tat-trattament ta’ din l-applikazzjoni mid-dipartiment legali tal-Kunsill, [hija stenniet] li tirċievi (tal-inqas) dokumenti (inklużi d-dokumenti interni u l-abbozzi) marbuta mal-eżami jew mal-istudju, mid-dipartiment legali, tal-Artikolu 24 tal-proposta tad-[direttiva]”.

2        Fl-4 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill wieġeb għall-applikazzjoni tar-rikorrenti, billi rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba.

3        F’din id-deċiżjoni inizjali ta’ rifjut, il-Kunsill indika li d-dipartiment legali tiegħu ma kien ipproduċa l-ebda parir bil-miktub dwar l-aspetti msemmija mill-applikazzjoni. Fir-rigward tad-dokumenti interni u l-abbozzi, huwa rrileva numru limitat ta’ skambji bil-miktub bejn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill, uffiċjali tad-dipartimenti legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u delegati tal-Istati Membri, u li ċerti elementi minn din il-korrispondenza kienu jinkludu fl-annessi tagħhom verżjonijiet intermedjarji tal-Artikolu 24 tal-proposta għal direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill marbuta mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (iktar ’il quddiem “DPT”) u l-partijiet tal-proposta marbuta magħha. Il-Kunsill qies li l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-interess li jintalbu u li jiġi riċevuti pariri legali sinċieri, oġġettivi u komprensivi u, fir-rigward tad-data ta’ natura personali, li l-iżvelar kien jikser l-interess għall-ħajja privata tal-persuni li jkunu pparteċipaw f’dan l-iskambju ta’ ittri.

4        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja għal aċċess għad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni inizjali.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2014, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-24 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill ċaħad l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti u rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti identifikati (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

6        Mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dokumenti li r-rikorrenti identifikat bħala li huma suġġetti għal rifjut ta’ aċċess huwa dawn li ġejjin (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, id-“dokumenti li saret applikazzjoni għall-aċċess tagħhom”):

–        ittra tal-21 ta’ Novembru 2013, mibgħuta minn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill lil uffiċjali tad-dipartimenti legali tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li tinkludi pożizzjonijiet legali preliminari marbuta mal-formulazzjoni tal-Artikolu 24 tad-DPT (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru 1”);

–        ittra tas-26 ta’ Novembru 2013, mibgħuta minn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill lil konsulent legali ta’ Stat Membru, li tinkludi spjegazzjoni qasira ħafna tal-għan legali prinċipal ta’ abbozz speċifiku; verżjoni intermedjarja tal-Artikoli 24 tad-DPT u l-partijiet tal-proposta tal-Kummissjoni li huma marbuta magħha li jinsabu fl-anness (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru 2”);

–        ittra tal-21 ta’ Diċembru 2013, mibgħuta minn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill lil uffiċjali tad-dipartimenti legali tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li tinkludi rimarkja qasira ħafna dwar l-interpretazzjoni possibbli ta’ test; verżjoni intermedjarja tal-Artikolu 24 tad-DPT u l-partijiet tal-proposta tal-Kummissjoni li huma marbuta magħha li jinsabu fl-anness (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru 3”);

–        ittra tat-3 ta’ Diċembru 2013, mibgħuta minn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill lil uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “B 4B” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jagħmel riferiment fil-qosor għal abbozz li jinsab fl-anness tagħha; verżjoni intermedjarja tal-Artikolu 24 tad-DPT u l-partijiet tal-proposta tal-Kummissjoni li huma marbuta magħha li jinsabu fl-anness (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru 4”);

–        ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013, mibgħuta minn uffiċjal tad-dipartiment legali tal-Kunsill lil uffiċjali tad-dipartimenti legali tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li tagħmel riferiment għal sentenza u li tindika fil-qosor il-pożizzjonijiet preliminari dwar ir-rilevanza tagħha (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru 5”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikkonstata li d-dokumenti li saret applikazzjoni li tinkludi pariri legali fil-forma ta’ skambju informali dwar il-pożizzjonijiet legali preliminari marbuta ma’ dispożizzjoni tad-DPT li kienet partikolarment qajmet kontroversji u li kienet suġġetta għal diskussjonijiet kumplessi u diffiċli fi ħdan il-Kunsill u bejn l-istituzzjonijiet.

8        Sussegwentement, il-Kunsill ikkonstata li d-DPT kienet ikkontestata ferm mill-industrija tat-tabakk waqt il-proċess leġiżlattiv, li produttur ieħor tat-tabakk kien fetaħ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati Ingliżi li tikkontesta l-legalità tad-DPT u li kien jeżisti, għaldaqstant, riskju reali u prevedibbli li jsir rinviju għal deċizjoni preliminari. Il-Kunsill għamel riferiment ukoll għal indikazzjonijiet li skonthom il-Polonja kienet tipprevedi l-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament tad-DPT quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, huwa qies li l-“kalwżola ta’ moviment liberu”, li tinsab fl-Artikolu 24 tad-DPT u li ġiet analizzata fid-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom, b’mod inevitabbli kienet tifforma parti mid-dibattitu ġudizzjarju msemmi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ikkunsidra li l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika l-effiċjenza tad-difiża tiegħu quddiem il-qrati u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża.

9        Il-Kunsill enfasizza wkoll li d-dokumenti redatti minn uffiċjali tad-dipartiment legali tiegħu fuq bażi informali u preliminari kellhom jibbenefikaw minn protezzjoni partikolari, speċifikament minħabba n-natura informali u intermedjarja tagħhom. Skont il-Kunsill, l-iżvelar ta’ tali dokumenti jista’ jkollu konsegwenzi konsiderevoli fuq il-mod kif jiffunzjona d-dipartiment legali u fuq il-libertà tiegħu li huwa jesprimi pożizzjonijiet u, finalment, jippreġudika l-kapaċità tiegħu li jitlob u li jirċievi parir legali “sinċier, oġġettiv u komprensiv”.

10      Konsegwentement, il-Kunsill minn dan ikkonkluda li d-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom kienu jaqgħu taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali.

11      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess superjuri eventwali li jiġġustifika l-iżvelar, il-Kunsill iqis, fid-dawl tan-natura partikolarment sensittiva tal-pariri legali inkwistjoni, li kienu jirrigwardaw kwistjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kawża, li l-interess tat-transparenza u tal-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv ma kienx jipprevali, f’dan il-każ, fuq in-neċessità li jiġu protetti l-pożizzjonijiet legali li jinsabu fid-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom, liema dokumenti, fi kwalunkwe każ, huma biss ta’ natura preliminari u ma jirriflettux il-pożizzjonijiet uffiċjali tal-Kunsill.

12      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jistax jingħata aċċess parzjali, il-Kunsill ikkonkluda li l-partijiet tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom, imsemmija f’din l-applikazzjoni għal aċċess parzjali, kienu jaqgħu fl-intier tagħhom taħt l-eċċezzjoni invokata.

13      Fl-aħħar, il-Kunsill irrifjuta l-aċċess għad-data personali inkluża fid-dokumenti, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżenta dan ir-rikors flimkien ma’ talba għal proċedura mħaffa.

15      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

16      Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill ippreżentat ir-risposta tiegħu.

17      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2015.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Marzu 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

19      Fil-15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

20      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2015.

21      L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-nota ta’ intervent ġew ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2015.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

23      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2015, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kunsill jipproduċi kopja tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom, abbażi tal-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u indikat li, skont l-Artikolu 104 ta’ dawn ir-regoli, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kkomunikati lir-rikorrenti. Il-Kunsill issodisfa din it-talba fit-terminu stabbilit.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2016.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tippreżenta, wara li tirrinunzja għat-tielet motiv tagħha fir-replika, żewġ motivi, ibbażat, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament.

 Osservazzjonijiet preliminari

28      Hemm lok li jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa suġġett għall-volontà espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li jinbeda stadju ġdid fil-proċess li joħloq “[unjoni] dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa”, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar fil-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34; tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 68, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 72).

29      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 73).

30      Ċertament, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 70 u 71 ; tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 74, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 29).

31      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-ikbar aċċess possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63 ; tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36 ; tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 73, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75).

32      Madakollu, iċ-ċirkustanza waħida li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 51, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 69).

33      Fil-fatt, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, invokata minnha. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Min-naħa l-oħra, meta tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, istituzzjoni għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45 ; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 53).

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, manifestament, rilevanza partikolari meta l-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li preċiżament f’tali każ għandu jiġi awtorizzat aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti. F’dan ir-rigward, it-trasparenza tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 33).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

36      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, li huwa kompost minn żewġ partijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser f’żewġ istanzi, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

37      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti Nri 1, 2, 3 u 5 ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

38      Fil-kuntest tat-tieni parti, hija ssostni li, anki jekk id-dokumenti Nri 1, 2, 3 u 5 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn, kif ukoll id-dokument Nru 4, għandhom madankollu jiġi kkomunikati minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

39      Skont ir-rikorrenti, l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tiġi estiża għall-ittri skambjati ma’ terzi fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, id-dokumenti Nri 1, 2, 3 u 5 huma biss il-prodott ta’ dibattitu interistituzzjonali marbut mal-kontenut tal-att leġiżlattiv propost. L-imsemmija eċċezzjoni tapplika biss għal pariri interni pprovduti mid-dipartiment legali tal-istituzzjoni inkwistjoni. B’hekk il-Kunsill wettaq żball billi invoka l-eċċezzjoni kkonċernata għall-komunikazzjonijiet mibgħuta lil uffiċjali tad-dipartimenti legali tal-Parlament u tal-Kummissjoni kif ukoll lil konsulent legali ta’ Stat Membru.

40      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

41      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, sakemm l-iżvelar tal-imsemmi dokument ma jkunx iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri.

42      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eżami li għandu jitwettaq mill-Kunsill meta huwa jiġu mitlub jiżvela dokument għandu neċessarjament isir fi tliet biċċiet li jikkorrospondu għat-tliet kriterji li jinsabu f’din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 37; u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 95).

43      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab jiżvela jikkonċerna verament parir legali. Fit-tieni lok, huwa għandu jeżamina jekk l-iżvelar ta’ partijiet mid-dokument inkwistjoni identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali jippreġudikax il-protezzjoni li minnha għandhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar, fis-sens li huma jippreġudikaw l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi. Ir-riskju ta’ preġudizzju lil dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. Fit-tielet u l-aħħar lok, jekk il-Kunsill iqis li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni dovuta lill-pariri legali bħal kif għadha kif ġiet iddefinita, huwa għandu l-obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn hekk għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 38 sa 44; u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 96).

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sa fejn l-iżvelar tal-pariri tad-dipartiment legali tal-Kunsill maħruġ fil-kuntest ta’ proċeduri leġiżlattivi jista’ jippreġudika l-interess tal-protezzjoni tal-indipendenza tad-dipartiment legali tal-Kunsill, dan ir-riskju għandu jitwieżen mal-interessi pubbliċi superjuri li fuqhom huwa msejjes ir-Regolament Nru 1049/2001. Jikkostitwixxi tali interess pubbliku superjuri l-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu l-parir tad-dipartiment legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali naxxenti minn dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw informazzjoni li tkun kkostitwiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv, kif previst, b’mod partikolari, fil-premessi 2 u 6 tal-imsemmi regolament. Mill-premessi suesposti jirriżulta li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tal-pariri tad-dipartiment legali tal-Kunsill marbuta ma’ proċess leġiżlattiv (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 67 u 68).

45      Madankollu din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv, iżda li għandu natura partikolarment sensittiva, jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-protezzjoni tal-pariri legali. F’tali każ, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tagħti raġuni ddettaljata għar-rifjut (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 69).

46      Kif jirriżulta mill-punt 39 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta fl-ewwel lok l-eżami mwettaq mill-Kunsill.

47      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “parir legali”, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdix bażi għall-interpretazzjoni magħżula mir-rikorrenti ta’ dan il-kunċett.

48      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “parir legali” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, mill-ġurisprudenza naxxenti mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 38 u 39), jirriżulta li l-kunċett ta’ “parir legali” huwa marbut mal-kontenut ta’ dokument u mhux mal-awtur jew id-destinatarji tiegħu. Kif jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tat-termini “parir legali”, dan huwa parir marbut ma’ kwistjoni ta’ dritt, irrispettivament mill-modalitajiet segwiti sabiex jingħata tali parir. Fi kliem ieħor, huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-parir legali, li d-dokument li jinkludi tali parir kien ingħata fi stadju prekoċi, avvanzat jew finali tal-proċess deċiżjonali. Bl-istess mod, il-fatt li l-parir ingħata f’kuntest formali jew informali huwa irrilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini.

49      Fit-tieni lok, il-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jippermettix il-konklużjoni li huwa jikkonċerna biss il-parir ipprovdut jew riċevut internament minn istituzzjoni.

50      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li jirriżulta mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 42), li l-eċċezzjoni marbuta mal-parir legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata bħala intiża li tipproteġi l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi.

51      Minkejja li, bħala prinċipju, istituzzjoni tirrikorri għad-dipartiment legali tagħha, xejn ma jżomm l-imsemmija istituzzjoni, fejn applikabbli, li testernalizza t-talba għal tali parir. Dan ikun il-każ pereżempju jekk l-istituzzjoni inkwistjoni titlob parir lil uffiċju ta’ avukati.

52      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-parir legali hux maħruġ minn awtur intern jew estern ma hijiex ta’ importanza għall-istituzzjoni li tinvoka l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri.

53      Finalment, bl-istess mod, xejn ma jżomm lill-istituzzjoni li invokat l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali milli tikkondividi dan il-parir ma’ “terz”. Issa, il-fatt li dokument li jinkludi parir legali maħruġ minn istituzzjoni intbagħat lid-dipartimenti legali ta’ istituzzjonijiet oħra jew lil Stat Membru ma jolterax, bħala tali, in-natura ta’ dan id-dokument.

54      Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi r-rikorrenti, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jirriżultax li parir legali għandu jkun maħruġ minn istituzzjoni għal użu intern biss.

55      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, kif isostni l-Kunsill u kif setgħet tikkonstata l-Qorti Ġenerali wara li ġew prodotti d-dokumenti fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni invokata fil-punt 23 iktar ’il fuq, kien hemm skambju bejn tliet istituzzjonijiet fil-kuntest trilogu, li mid-definizzjoni tiegħu jimplika skambji “esterni” tal-istituzzjoni kkonċernata bil-għan li jiġi adottat test leġiżlattiv definittiv.

56      Trilogu huwa laqgħa informali bejn tliet partijiet li fiha jipparteċipaw rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-għan ta’ dawn il-kuntatti huwa li jintlaħaq ftehim f’qasir żmien fuq għadd ta’ emendi aċċettabbli għall-Parlament u għall-Kunsill. Filwaqt li diskussjonijiet leġiżlattivi mmexxija waqt trilogu ħafna drabi jirrigwardaw kwistjonijiet politiċi, dawn jistgħu kultant jirrigwardaw kwistjonijiet legali tekniċi. F’dan l-aħħar imsemmi każ, id-dipartimenti legali tat-tliet istituzzjonijiet ikollhom jiddiskutu u jilħqu ftehim fuq pożizzjoni, liema ftehim sussegwentement ikollu jiġi approvat minn kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

57      B’hekk, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu294 TFUE, proċedura li intużat għall-adozzjoni tad-DPT, tinvolvi tliet stadji (l-ewwel qari, it-tieni qari u t-tielet qari bil-konċiljazzjoni), iżda kull stadju jista’ jingħalaq jekk jintlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill. Minkejja li l-proċedura tista’ tirrikjedi sa tliet istanzi ta’ qari, l-użu miżjud tat-trilogi juri li ħafna drabi jintlaħaq ftehim waqt l-ewwel qari.

58      F’dan il-każ, id-DPT ġiet adottata abbażi tal-ewwel qari mill-Parlament. Fid-dawl tat-tmiem tal-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni, rispettivament f’Ġunju u f’Ottubru 2014, ġew immexxija negozjati fi trilogu bejn il-Parlament, il-Kunsill, u il-Kummissjoni, fuq talba tal-Parlament, bil-għan li jiġi nnegozjat, b’mod partikolari, il-kontenut tal-Artikolu 24 tad-DPT u sabiex jiftiehmu dwar il-kliem tiegħu.

59      Issa, l-iskambji ta’ opinjonijiet legali bejn id-dipartimenti legali ta’ tliet istituzzjonijiet bil-għan li jintlaħaq kompromess fuq test leġiżlattiv fil-kuntest ta’ trilogu jistgħu jiġu kklassifikati, fejn applikabbli, bħala pariri legali u, għaldaqstant, jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali.

60      Fil-fatt, id-dipartimenti legali jaġixxu skont mandat u bil-għan li jsibu ftehim. Għaldaqstant huma jaġixxu kemm bħala negozjanti kif ukoll bħala konsulenti fuq punti legali.

61      Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dokument Nru 2, ittra tal-Kunsill mibgħuta lil Stat Membru, u b’hekk, skont ir-rikorrenti, dokument skambjat ma’ terz, minħabba f’hekk, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tikkonċerna l-pariri legali, hemm lok li jiġi rrimarkat li l-Istati Membri jifformaw il-Kunsill. Għaldaqstant, l-iskambju ta’ korrispondenza bejn id-dipartimenti tal-Kunsill u r-rappreżentazzjonijiet permanenti tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv jista’, fejn xieraq, ikun kopert mill-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

62      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kunsill ġustament ikkunsidra li d-dokumenti kontenzjużi kienu jikkonċernaw pariri legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqsant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

63      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn id-dokumenti Nru 1 sa 5 huma protetti mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom.

64      F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46). Minnha jirriżulta li l-pariri legali maħruġa fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv għandhom, bħala prinċipju, jiġu żvelati u li l-iżvelar tagħhom huwa ta’ natura li żżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li ssaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li tkun serviet bħala bażi ta’ att leġiżlattiv. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti targumenta li d-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom kienu dwar element essenzjali tal-ordinament kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-bażi legali tad-DPT, li huwa marbut mal-prinċipju tal-għoti sanċit mill-Artikolu 5 TUE. Barra minn hekk, dan l-element essenzjali huwa wkoll suġġett għal kwistjoni ta’ interpretazzjoni mqajma quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizza suprema (Ingliterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (awla amministrattiva), Renju Unit], fatt, li skont ir-rikorrenti, ukoll juri interess pubbliku importanti.

65      Il-Kunsill, sostnut mil-Kummissoni, jikkontesta l-fatt li, fil-qasam leġiżlattiv, dejjem kien jeżisti interess supejuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom. Iż-żewġ istituzzjonijiet jinvokaw il-parir speċifiċi maħruġa dwar l-Artikolu 24 tad-DPT, parir li huwa ta’ natura sensittiva u kontenzjuża. L-iżvelar tagħhom jippreġudika l-interess li jintalbu u li jiġu riċevuti pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi, il-kapaċità tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jiddefinixxu u li jaddattaw il-linja tad-difiża tagħhom matul proċedura ġudizzjarja futura u s-serenità u l-integrità tad-dibattiti legali quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’kont meħud ta’ dawn ir-riskji, l-interess allegatament pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar li huwa invokat mir-rikorrenti ma jipprevalixxix fuq l-interess pubbliku tal-protezzjoni tal-parir legali inkwistjoni.

66      Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma qajmitx ilment li jikkontesta l-eżistenza ta’ riskju reali, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku li l-iżvelar tad-dokumenti kollha li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-protezzjoni tal-parir legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Iċ-ċirkustanza li hija għamlet riferiment fl-atti tagħha għad-dubju dwar in-natura partikolarment sensittiva tad-dokumenti inkwistjoni għandha titqies biss fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interess tal-Kunsill fil-protezzjoni tal-pariri inkwistjoni mal-interess superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn il-pariri. Għaldaqstant, l-eżami mwettaq mill-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ riskju reali li l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-interess tiegħu li jitlob parir legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi ma huwiex is-suġġett tal-kawża odjerna.

67      Sa fejn l-iżvelar ta’ parir legali jista’ jippreġudika l-interess protett, dan ir-riskju għandu jitwieżen mal-interessi superjuri li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha twieżen l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod paritkolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva t-tieni premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, sehem aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika.

68      L-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun differenti mill-prinċipji li jservu bħala bażi għar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 74 u 75, u tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11, EU:C:2013:738, punt 92).

69      Madankollu, l-espożizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifkaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 158 ; tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11, EU:C:2013:738, punt 93; tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 105, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 131).

70      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kunsill, ebda interess pubbliku superjuri ma jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom. Essenzjalment, kif jirriżulta mill-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, imqassar fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikkunsidra, b’kont meħud tan-natura partikolarment sensittiva tal-pariri legali inkwistjoni, marbuta ma’ kwistjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kawża, li l-interess tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv ma kienx jipprevali, f’dan il-każ, fuq in-neċessità tal-protezzjoni tal-pożizzjonijiet legali li jinsabu fid-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom.

71      Ebda mill-argumenti invokati mir-rikorrenti u deskritti fil-qosor fil-punt 64 iktar ’il fuq ma jistgħu jikkonfutaw din l-evalwazzjoni.

72      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li t-trasparenza neċessarja għall-komprensjoni tal-proċess leġiżlattiv kienet tikkonstitwixxi fiha nnifisha interess pubbliku li għandu jiġi protett li l-Kunsill naqas milli jieħu kont tiegħu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, kunsiderazzjoni daqstant ġenerali ma tistax tkun ta’ natura li tistabbilixxi li l-prinċipju ta’ trasparenza jippreżenti, f’dan il-każ, huwa partikolarment b’saħħtu li jista’ jissupera r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 157 u 158).

73      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-interess pubbliku superjuri kien ukoll stabbilit mill-fatt li kien hemm kawża pendenti quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja suprema (Ingliterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (awla amministrattiva), Renju Unit], hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti taġixxi għan-nom ta’ British American Tobacco UK Ltd, li fis-27 ta’ Ġunju 2014, bdiet l-imsemmija kawża, li tikkontesta l-validità tad-DPT, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha, fid-dawl tal-Artikolu 114 TFUE, u talbet lil dik il-qorti tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-DPT. Issa, il-fatt li r-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizza suprema (Ingliterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (awla amministrattiva), Renju Unit] iktar turi li dan huwa interess privat milli interess pubbliku superjuri. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fil-pendezi ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-imsemmija qorti, talbet proċedura mħaffa (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), billi sostniet li hija kellha interess manifest li tingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni sabiex tipprepara aħjar osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari mistennija u li tissottometti dawn id-dokument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, permezz ta’ dan, ikkonfermat l-interess privat tagħha.

74      Jeħtieġ li jiġi nnotat li, fir-rigward tan-neċessità li tikseb l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom abbażi tal-interess superjuri bil-għan li tkun f’pożizzjoni li tipprepara aħjar l-intervent tagħha fil-proċedura ġudizzjarja suesposta, tali argument ma jikkostitwixxix, bħala tali, interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar li jista’ jipprevali fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti kif sanċit fl-Artikolu 15 TUE u tal-premessi 1 u 2 tal-imsemmi Regolament, dan l-interess għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi mfixkel ma’ interessi partikolari jew privati.

75      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

76      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma applikax korrettement l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn huwa ma tax aċċess parzjali għad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom. Kull theddida għall-protezzjoni tal-parir legali setgħet ġiet imnaqqsa b’mod kunsiderevoli kieku l-ittri elettroniċi kienu ġew moħbija. Barra minn hekk, hija tqis li, tal-inqas għandu jingħata aċċess għall-komunikazzjoni tal-verżjonijiet provviżorji intermedjarji tal-Artikolu 24 tad-DPT, mehmuża mad-dokumenti Nru 2, 3 u 4.

77      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss mid-dokument mitlub tkun koperta minn waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

78      F’dan il-każ, il-Kunsill ikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet tal-korrispondenza kkonċernati mill-applikazzjoni tar-rikorrenti għal aċċess kienu kollha koperti mill-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali u li għaldaqstant kien impossibbli li jingħata aċċess parzjali.

79      Il-Kunsill żied ukoll, fir-replika, li żvelar ta’ tislijiet jew ta’ informazzjoni ta’ loġistika insinjifikattiva li tinsab fl-ittri elettroniċi identifikati ma kienu jipprovdu l-ebda informazzjoni rilevanti lir-rikorrenti u b’hekk kien ikun inutli.

80      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrimarkat, skont il-Kunsill, li skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet għandhom dritt ma jagħtux aċċess parzjali, f’każ li l-eżami tad-dokumenti inkwistjoni jkunu juru li l-imsemmi aċċess parzjali ikun mingħajr sens peress li l-partijiet ta’ dawn id-dokumenti, jekk jiġu żvelati, ma jkunu tal-ebda utilità għall-persuna li titlob l-aċċess (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑204/99, EU:T:2001:190, punt 69).

81      Għaldaqstant, sa fejn il-partijiet tad-dokumenti inkwistjoni kkonċernati mill-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti, huma kollha koperti mill-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-parir legali u li l-partijiet rimanenti jikkonċernaw biss tislijiet u informazzjoni ta’ loġistika insinjifikattiva, huwa b’mod ġust li l-Kunsill ikkonkluda li aċċess parzjali ma jagħmel l-ebda sens.

82      Fir-rigward tal-verżjonijiet intermedjarji tat-test tal-Artikolu 24 tad-DPT, mehmuża mad-dokumenti Nri 2, 3 u 4, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-pariri skambjati bejn it-tliet dipartimenti legali ġew riflessi, permezz tal-funzjoni intitolata “Segwitu tal-emendi”, fit-test ta’ dawn il-verżjonijiet u jifformaw parti integrali mill-pariri legali. Minħabba dan, huwa applikabbli l-istess raġunament bħal dak indikat fil-punti 71 sa 75 iktar ’il fuq.

83      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, anki r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk esposti mill-Kunsill, b’mod konformi mat-talbiet tiegħu.

85      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Herbert Smith Freehills LLP għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016 .

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.