Language of document : ECLI:EU:T:2016:727

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2016(*)

“BĊE – Persunal tal-BĊE – Ħaddiema temporanji – Limitazzjoni tat-tul massimu ta’ servizz tal-istess ħaddiem temporanju – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Interess dirett u inidvidwali – Interess ġuridiku – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-organizzazzjoni sindikali rikorrenti – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T-713/14,

Organizzazzjoni tal-impjegati tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (IPSO), stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn L. Levi, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn B. Ehlers, I. Köpfer u M. López Torres, sussegwentement minn Ehlers, P. Pfeifhofer u F. Malfrère, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, min-naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u li hija intiża għall-annullament ta’ att tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tal-20 ta’ Mejju 2014 li jillimita għal sentejn it-tul massimu li matulu l-BĊE jkun jista’ juża s-servizzi tal-istess ħaddiem temporanju għal kompiti amministrattivi u segretarjali u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u għallkumpens għad-danni morali subiti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti      

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, l-Organizzazzjoni tal-impjegati tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (International and European Public Services Organisation, IPSO), hija sindakat professjonali li, skont l-istatuti tagħha, tirrappreżenta l-interessi tal-persuni impjegati minn jew li jaħdmu għall-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej stabbiliti fil-Ġermanja.

2        Fit-3 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iffirmaw ftehim qafas bit-titolu “Protokoll ta’ ftehim bejn il-[BĊE] u l-[IPSO] fuq ir-rikonoxximent, il-qsim ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni” li ġie kkompletat b’addendum tat-23 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”).

3        Il-ftehim qafas jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, il-modalitajiet ta’ informazzjoni, ta’ intervent bikri u ta’ konsultazzjoni tal-IPSO f’dak li jikkonċerna l-miżuri li jistgħu jimplikaw l-effetti fuq is-sitwazzjoni jew fuq l-interessi tal-persunal tal-BĊE.

4        Fuq inizjattiva tar-rikorrenti, il-BĊE daħal f’diskussjonijiet ma’ din tal-aħħar fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdanu.

5        Waqt il-laqgħa tad-29 ta’ Jannar  2014, ġie miftiehem bejn il-partijiet, fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli mill-persunal, li jinħoloq grupp ta’ xogħol fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħaddiema temporanji (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ xogħol”). Il-partijiet intrabtu li jippreżentaw lill-imsemmi membru tal-Bord Eżekuttiv rapport dwar il-konklużjonijiet li huma jaslu għalihom wara dawn id-diskussjonijiet.

6        Inżammu diversi laqgħat oħra dwar is-suġġett tal-ħaddiema temporanji bejn ir-rikorrenti u l-BĊE, irrappreżentata minn membri tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni”, fi ħdan il-grupp ta’ xogħol bejn it-18 ta’ Frar 2014 u l-5 ta’ Diċembru 2014 u komplew wara din id-data.

7        Waqt il-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2014, il-Bord Eżekuttiv ħa pożizzjoni fuq ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji mal-BĊE u, b’mod partikolari, fuq il-limitazzjoni ta’ sentejn bħala żmien massimu ta’ servizz mal-BĊE tal-istess ħaddiem temporanju allokat għall-kompiti amministrattivi u segretarjali (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). L-att ikkontestat, li ħa l-forma ta’ minuti ta’ din il-laqgħa, jipprovdi dan li ġej:

“Meħud kont tal-informazzjoni mogħtija fid-dokumentazzjoni u meħud kont b’mod partikolari tal-fatt li d-DĠ [“Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni”] ser ikompli d-diskussjonijiet mad-dipartimenti kkonċernati bil-għan li jnaqqas progressivament id-dipendenza tal-BĊE fuq il-persunal temporanju fir-rigward ta’ kompiti rikorrenti, il-Bord Eżekuttiv : a) iddeċieda kif ġej : i) bħalissa, jeħtieġ li jintuża persunal temporanju allokat għal kompiti amministrattivi u segretarjali biss sabiex jinqdew il-bżonnijiet temporanji, u t-tul totali tal-kuntratti suċċessivi tagħhom ma għandux jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar […]”

8        Kienu previsti ċerti miżuri tranżitorji għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din il-miżura. Il-Bord Eżekuttiv ħa nota wkoll b’mod partikolari tal-fatt li d-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” kellu jipprepara nota separata għal dak li jikkonċerna l-futur tal-persunal temporanju allokat għas-sapport tal-informatika.

9        Waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ xogħol tal-5 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ġiet informata mir-rappreżentanti tad-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” bl-adozzjoni mill-Bord Eżekuttiv tal-att ikkontestat.

10      Fis-16 ta’ Lulju 2014, inżammet sessjoni ta’ informazzjoni intiża għall-ħaddiema temporanji u li tirrigwarda l-mizuri adottati mill-att ikkontestat segwita mit-tqassim ta’ informazzjoni dwar dawn il-miżuri fuq is-sit Intranet tal-BĊE bil-kliem li ġej:

“Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ddeċieda li jimponi limitu ta’ sentejn għall-kuntratti tal-persunal temporanju responsabbli minn xogħol amministrattiv u segretarjali […] Mil-lum ’il quddiem, il-persunal inkarigat b’kompiti amministrattivi u segretarjali (impjegat sabiex jaqdi bżonnijiet temporanji, sostituzzjonijiet jew sabiex jaħdem fuq proġetti speċifiċi) ikun jista’ jservi lil BĊE għal sentejn biss, abbażi ta’ kuntratti temporanji, uniċi jew konsekuttivi. Madankollu, għandha tapplika miżura tranżitorja […] Id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv ma tikkonċernax is-sottokuntratturi tad-DG-IS u lanqas lill-kollegi allokati għal funzjonijiet tekniċi bħalma huma l-inġiniera jew tekniċi oħra”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors li ġie pppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla l-att ikkontestat;

–        tikkundanna lill-BĊE jħallas kumpens għad-danni morali stmat ex aequo et bono EUR 15 000;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

13      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, prinċipalment, bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

14      Mingħajr ma ressqet formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, il-BĊE jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors u jqajjem, kif ikkonferma waqt is-seduta, erba’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti, it-tielet waħda, fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tagħha u, ir-raba’ waħda, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

 Fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

15      Il-BĊE ssostni, prinċipalment, li att ikkontestat ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza, minħabba li ma jipproduċix effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-att ikkontestat jikkostitwixxi direttiva interna jew gwida interna indirizzata lil dawk biss li huma responsabbli mid-dipartimenti tal-BĊE, intiżi li jarmonizzaw id-deċiżjonijiet li dawn jiġu biex jieħdu fil-kuntest tal-“ġestjoni deċentralizzata” tal-għoti tal-kuntratti li jikkonċernaw l-għażla tal-offerti ppreżentati minn impriżi ta’ xogħol temporanju u li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-kriterji interni ta’ għażla fis-sens ta’ modifika futura tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, jiġifieri l-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz tas-7 ta’ Awwissu 1972 (liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema temporanji, BGBl I p. 1393, iktar ’il quddiem l-“AÜG”). Skont il-BĊE, hija biss l-AÜG, u mhux l-att ikkontestat, li huwa rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ, peress li l-BĊE jkollu jikkonforma ruħu ma’ kull tibdil f’din il-liġi.

16      Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat huwa att li jista’ jiġi kkontestat sa fejn, min-naħa, stabbilixxa kuntest ġuridiku vinkolanti ġdid għal dak li jikkonċerna l-użu mill-BĊE tal-ħaddiema temporanji allokati għall-kompiti amministrattivi jew segretarjali u, min-naħa l-oħra, jipproduċi effetti li jmorru lil hinn mill-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tal-BĊE, peress li jbiddel b’mod sostanzjali, min-naħa, is-sitwazzjoni legali tal-impriżi ta’ xogħol temporanju, u min-naħa l-oħra, dik tal-ħaddiema temporanji, li t-tul ta’ impjieg tagħhom mal-BĊE jkun limitat.

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-443/97, EU:C:2000:190, punt 27, u d-digriet tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT, T-456/07, EU:T:2010:39, punt 52).

18      Sabiex jiġi stabbilit jekk att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jipproduċix tali effetti, wieħed irid iħares lejn is-sustanza tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9), il-kuntest li fih ikun ġie adottat (sentenza tas-17 ta’ Frar 2000, Stork Amsterdam vs Il‑Kummissjoni, T-241/97, EU:T:2000:41, punt 62) kif ukoll l-intenzjoni tal-awtur tiegħu fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, EU:C:2008:422, punti 42, 46 u 52, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52). Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jiġi adottat hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il‑Parlament, C-208/03 P, EU:C:2005:429, punt 46). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż minn daqshekk li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-forma li ġew adottati biha l-atti li jkun intalab l-annullament tagħhom, sa fejn din tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi identifikata n-natura tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Il-Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il‑Kummissjoni, 44/81, EU:C:1982:197, punt 12, u d-digriet tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT, T-456/07, EU:T:2010:39, punt 58).

19      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma tikkostiwixxix miżura li tista’ tiġi kkontestata, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, miżura meħuda minn istituzzjoni li tirrifletti biss l-intenzjoni tagħha, jew ta’ wieħed mid-dipartimenti tagħha, li ssegwi, f’qasam partikolari, ċerta linja ta’ aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, 114/86, EU:C:1988:449, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C-180/96, EU:C:1998:192, punt 28). Tali Linji gwida interni, li jindikaw il-punti ġenerali li abbażi tagħhom l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tadotta sussegwentement deċiżjonijiet individwali li l-legalità tagħhom tkun tista’ tiġi kkontestata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 263 TFUE, jipproduċu effetti biss fl-ambitu intern tal-amministrazzjoni u ma joħolqu ebda dritt jew obbligu għal dak li jikkonċerna lil terzi. Tali atti, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw preġudizzju li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-443/97, EU:C:2000:190, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-punti 33 u 34, u tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-185/05, EU:T:2008:519, punt 41).

20      Huwa biss l-att li bih l-awtur tiegħu jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, taħt forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Il-Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il-Kummissjoni, 44/81, EU:C:1982:197, punt 12, u d-digriet tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT, T-456/07, EU:T:2010:39, punt 54).

21      F’dan il-każ, l-att ikkontestat huwa differenti minn sempliċi struzzjoni jew gwida intiża għad-dipartimenti tal-BĊE kemm fil-kontenut tiegħu kif ukoll fiċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat, kif ukoll mill-mod li bih ġie fformulat u miġjub għall-konjizzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

22      Fil-fatt, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, redatt f’termini ċari u mhux ekwivoċi, l-att ikkontestat jikkostitwixxi deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE li tillimita għal sentejn, b’riżerva għal miżuri tranżitorji, it-tul li fih il-BĊE jkun jista’ juża s-servizzi tal-istess ħaddiem temporanju għall-kompiti amministrattivi u segretarjali sabiex jaqdi bżonnijiet temporanji. B’kuntrast ma’ dak li jsostni l-BĊE, bil-fatt li ħa din il-pożizzjoni, il-Bord Eżekuttiv mar lil hinn minn dak li kellu jimplika l-fatt tal-għoti ta’ gwidi interni lid-dipartimenti tal-BĊE għal dak li jikkonċerna r-redazzjoni ta’ dokumenti għal sejħiet ta’ offerti intiżi għall-għażla ta’ offerti ppreżentati minn impriżi ta’ xogħol temporanju. Fil-fatt, il-Bord Eżekuttiv ma llimitax ruħu sabiex jistabbilixxi indikazzjonijiet jew linji ta’ aġir mhux vinkolanti, iżda adotta, diġà, regoli ta’ applikazzjoni ġenerali, li jistabbilixxu b’mod definittiv tal-inqas ċerti kriterji li għandhom ikunu segwiti fil-kuntest tal-ingaġġ ta’ ħaddiema temporanji fi ħdan din l-istituzzjoni, jiġifIeri t-tul massimu tal-ingaġġ tal-istess ħaddiem temporanju assenjat għall-kompiti amministrattivi u segretarjali.

23      Tali att jipproduċi effetti legali obbligatorji, sa fejn il-BĊE ma jistax, sakemm din ir-regola ma tkunx formalment emendata jew imħassra, jevitah meta jkun qiegħed jevalwa l-offerti ppreżentati mill-impriżi ta’ xogħol temporanju fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti li jikkonċernaw l-ingaġġ tal-ħaddiema temporanji min-naħa tal-istituzzjoni.

24      Din in-natura deċiżjonali tal-att ikkontestat hija kkonfermata mill-forma li fiha ġiet adottata din il-miżura. Fil-fatt, min-naħa, huwa juża l-espressjoni “il-Bord Eżekuttiv iddeċieda” (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, fl-informazzjoni mibgħuta permezz tas-sit Intranet tal-BĊE, sar riferiment għall-att ikkontestat bil-mod kif ġej: “[i]l-Bord Eżekuttiv [...] iddeċieda li jimponi” u “deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv ” (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2014 indirizzata lir-rikorrenti, [ il-president tal-BĊE rrefera għall-att ikkontestat billi uża l-espressjoni “il-Bord Eżekuttiv iddeċieda”.

25      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq, għalkemm sabiex jiġi stabbilit jekk att jipproduċix effetti legali jeħtieġ li wieħed iħares lejn is-sustanza tiegħu, il-forma tal-att tikkostitwixxi indikazzjoni, fost oħrajn, li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddefinixxi s-sustanza tal-att inkwistjoni, anki jekk hija ma tistax, minnha nnifisha, tippermetti li tikklassifika lil din tal-aħħar bħala att li jikkawża preġudizzju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, mingħajr ma tingħata importanza determinanti lil din il-konstatazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-użu min-naħa tal-BĊE tal-kliem “il-Bord Eżekuttiv iddeċieda” u “deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv ” fil-kuntest tal-att ikkontestat huwa tali li jikkorrobora l-interpretazzjoni tal-kontenut tiegħu, kif ippreżentata fil-punt 22 iktar ’il fuq, li tippermetti li jiġi konkluż li dan huwa ta’ natura deċiżjonali.

26      Iċ-ċirkustanzi marbuta mal-adozzjoni tal-att ikkontestat u mal-komunikazzjoni tal-portata tiegħu lill-persunal tal-BĊE jikkorroboraw il-konstatazzjoni li dan huwa ta’ natura deċiżjonali.

27      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-pożizzjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE adottata fl-att ikkontestat issegwi l-intenzjoni ta’ din l-istituzzjoni sabiex “progressivament tnaqqas l-użu ta’ ħaddiema temporanji għal kompiti rikorrenti”, u dan kif jirriżulta mill-att ikkontestat u mid-dokument bit-titolu “Nota fuq i) [l-]informazzjoni aġġornata fuq l-użu ta’ persunal temporanju mill-BĊE; ii) [l-]għażla għal żmien qasir u żmien medju intżia li tnaqqas id-dipendenza tal-BĊE fuq il-persunal temporanju”, ippreparata mid-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” għall-attenzjoni tal-Bord Eżekuttiv u meħuda inkunsiderazzjoni minn dan waqt l-adozzjoni tal-att ikkontestat (iktar ’il quddiem in-“nota tad-DĠ ‘Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni’”). Minn dan isegwi li, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Bord Eżekuttiv kellu l-intenzjoni li jdaħħlu fil-kuntest tal-politika ġenerali intiża li tnaqqas l-użu tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE.

28      Il-BĊE jsostni madankollu li l-att ikkontestat kellu bħala għan li jantiċipa, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-emenda tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tikkonċerna x-xogħol temporanju, jiġifieri l-AÜG, li tapplika għall-kuntratti li huwa jikkonkludi mal-impriżi ta’ xogħol temporanju.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-proposta tal-Gvern Ġermaniż li jemenda l-AÜG sabiex jillimita l-kuntratti temporanji għal tmintax-il xahar tissemma fin-nota tad-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” kif ukoll fl-informazzjoni dwar l-att ikkontestat imqassam fuq l-intranet tal-BĊE fis-16 ta’ Lulju 2014. Madankollu, is-sempliċi fatt li din il-proposta kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat ma huwiex tali li jikkorrobora l-argument tal-BĊE fejn jgħid li dan jikkostitwixxi miżura adottata b’antiċipazzjoni tal-emenda tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti.

30      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi nnutat li l-emenda tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li għaliha jirreferi l-BĊE kienet għadha ma ġietx adottata waqt l-adozzjoni tal-att ikkontestat u li l-portata tagħha, f’dak il-mument, kienet għadha ma kinitx stabbilita b’ċertezza. Għalkemm l-intenzjoni tal-BĊE kienet effettivament li jantiċipa l-adozzjoni tal-emenda tal-AÜG, hija kienet tallinja d-dħul fis-seħħ tal-miżuri adottati mill-att ikkontestat mad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija emenda. Issa, il-miżuri previsti mill-att ikkontestat kienu japplikaw b’effett mis-16 ta’ Lulju 2014 kif jirriżulta mill-informazzjoni mqassma fl-istess jum fuq is-sit Intranet tal-istituzzjoni, filwaqt li l-emenda tal-AÜG kienet għadha ma ġietx adottata f’dik id-data u, barra minn hekk, xorta ma kinitx adottata fil-jum tas-seduta f’din il-kawża, u dan kif ikkonferma l-BĊE.

31      Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li l-proposta ta’ emenda tal-AÜG, kif imsemmija fin-nota tad-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni”, kienet tipprovdi li l-kuntratti temporanji jiġu limitati għal tmintax-il xahar, minkejja li l-att ikkontestat kien stabbilixxa l-perijodu massimu għall-użu tal-istess ħaddiem temporanju fi ħdan il-BĊE għal erbgħa u għoxrin xahar. Għaldaqstant, l-att ikkontestat ma jistax jitqies bħala li ġie adottat b’sempliċi antiċipazzjoni tal-miżuri previsti fil-livell nazzjonali.

32      Fit-tielet lok, il-miżura adottata bl-att ikkontestat tapplika biss, kif tenfasizza r-rikorrenti, għal kategorija ta’ ħaddiema temporanji mal-BĊE, jiġifieri dawk allokati għall-kompiti amministrattivi u segretarjali, peress li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji allokati għal kompiti oħrajn, b’mod partikolari dawk ta’ sapport fl-informatika jridu jkunu s-suġġett ta’ nota separata min-naħa tad-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” u dan kif jirriżulta minn punt b)(i) tal-att ikkontestat u kif tixhed l-informazzjoni mqassma fuq is-sit Intranet tal-BĊE (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-att ikkontestat ma jistax jitqies bħala li ġie adottat b’antiċipazzjoni tal-emenda tal-AÜG, peress li wieħed ma jistax jippreżumi li din tal-aħħar tapplika biss għal din il-kategorija ta’ ħaddiema temporanji u mhux għall-persunal temporanju kollu.

33      Konsegwentement, għandha raġun ir-rikorrenti li ssostni, fis-sustanza, li, fin-nuqqas ta’ emendi f’dan is-sens, tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, huwa l-att ikkontestat li stabbilixxa l-kuntest ġuridiku li jillimita għal sentejn it-tul ta’ servizz mal-BĊE tal-istess ħaddiem temporanju allokat għall-kompiti amministrattivi u segretarjali mhux rikorrenti.

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnutat li l-miżura adottata mill-att ikkontestat nġiebet għall-konjizzjoni tal-persunal tal-BĊE, u b’mod partikolari tal-ħaddiema temporanji, mhux biss permezz tat-tqassim tal-informazzjoni fuq l-Intranet tal-istituzzjoni, imma wkoll waqt sessjoni ta’ informazzjoni organizzata speċifikament għal dan il-għan intiża għall-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE. Kif jenfasizza d-direttur tal-BĊE fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2014 indirizzata lir-rikorrenti, l-għan ta’ din is-sessjoni ta’ informazzjoni kienet li tipprovdi lill-ħaddiema temporanji “informazzjoni ċara fuq is-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom”.

35      Għaldaqstant, il-BĊE ma llimitax ruħu li jqassam l-informazzjoni biss sabiex jiżgura t-trasparenza, l-ugwaljanza fit-trattament jew l-effikaċja tal‑amministrazzjoni, kif huwa jallega, iżda qies li kien neċessarju, barra minn hekk, li ġustament jorganizza sessjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-portata tal-att ikkontestat u l-implikazzjoni tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE.

36      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li l-BĊE ried jagħti lill-att ikkontestat effetti legali obbligatorji, billi jillimita għal sentejn il-perijodu ta’ servizz, fi ħdan il-BĊE, tal-ħaddiema temporanji allokati għall-kompiti amministrattivi u segretarjali mhux rikorrenti, u dan kien tali li jaffettwa l-interessi ta’ dawn tal-aħħar, billi ċċaħħadhom għaldaqstant mill-possibbiltà li jkunu allokati fi ħdan il-BĊE għal tul iktar minn dak ta’ dan il-limitu ta’ żmien.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex megħluba mill-argumenti l-oħra tal-BĊE.

38      Fl-ewwel lok, il-BĊE jfakkar li l-kuntest ġuridiku ta’ din it-tilwima huwa magħmul minn żewġ relazzjoni kuntrattwali: min-naħa, dik eżistenti bejn il-BĊE u l-impriżi ta’ xogħol temporanju u, min-naħa l-oħra, dik eżistenti bejn dawn tal-aħħar u l-ħaddiema temporanji. Peress li dawn iż-żewġ relazzjonijiet kuntrattwali huma distinti, u l-ħaddiema temporanji u l-BĊE ma humiex marbutin kuntrattwalment, l-att ikkontestat ma jipproduċix, fi kwalunkwe każ, effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji, li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati mir-rikorrenti, imma biss fuq is-sitwazzjoni kuntrattwali eżistenti bejn il-BĊE u l-impriżi ta’ xogħol temporanju.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-att ikkontestat ma jaqax unikament u sempliċiment fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-BĊE u l-impriżi ta’ xogħol temporanju, imma jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali li jipproduċi effetti legali lil hinn minn dawn ir-relazzjonijiet. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 22 u 36 iktar ’il fuq, huwa jistabbilixxi kuntest ġuridiku għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-użu mill-BĊE ta’ ħaddiema temporanji, u dan għandu bħala konsegwenza li jillimita l-possibbiltà għall-istess ħaddiem temporanju li jiġi ngaġġat fi ħdan din l-istituzzjoni għal żmien itwal minn sentejn, u għaldaqstant taffettwalu s-sitwazzjoni legali tiegħu.

40      Fit-tieni lok, għandu wkoll jiġi skartat l-argument tal-BĊE fejn jgħid li l-limitazzjoni tat-tul ta’ servizz ta’ ħaddiem temporanju mal-BĊE ma tipprekludix li dan ikun sussegwentement allokat għal pożizzjoni oħra jekk il-kuntratt li jorbtu mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju jipprevediha. Fil-fatt, dan l-argument, anki jekk ma huwiex infondat, huwa differenti mill-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jipproduċix effetti legali inkwantu huwa jillimita għal sentejn il-perijodu massimu ta’ servizz ta’ ħaddiem temporanju mal-BĊE, u dan indipendentement minn kompiti oħra li dan jista’ jiġi allokat mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju.

41      Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 17 sa 20 iktar ’il fuq, l-att ikkontestat jikkostitwixxi fil-fatt att li jikkawża preġudizzju u għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandha tkun miċħuda.

 Fuq in-nuqqas ta’ interess dirett u individwali fuq l-interessi tar-rikorrenti

42      Il-BĊE jsostni, sussidjarjament, li l-att ikkontestat ma jaffettwax direttament u individwalment l-interessi tar-rikorrenti inkwantu, min-naħa, ma hijiex id-destinatarja tiegħu u, min-naħa l-oħra, hija ma tibbenefika minn ebda dritt li tkun ikkonsultata jew informata fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ att, bħalma hu l-att ikkontestat, li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE.

43      Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jirrigwardaha direttament u individwalment, fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn l-interessi proprji tagħha, bħala interlokutriċi tad-djalogu soċjali, kif ukoll id-drittijiet proċedurali tagħha, kif jirriżultaw kemm mill-ftehim qafas kif ukoll mid-diskussjonijiet li fihom daħlet mal-BĊE fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, li hija tikklassifika bħala “ftehim ad hoc” ma ġewx irrispettati fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat.

44      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

45      Huwa paċifiku li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tal-att ikkontestat. Barra minn hekk, peress li din ma tippretendix li l-att ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, iżda dan l-att jirrigwardaha direttament u individwalment, għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk f’dan il-każ humiex issodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex ikun jista’ jsir rikors għal annullament.

46      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni tal-interess dirett, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett ta’ rikors teħtieġ li l-att ikkontestat ikun joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C-125/06 P, Ġabra, EU:C:2008:159, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effett individwali, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarja ta’ att tista’ tkun individwalment ikkonċernata biss, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk hija tkun milquta mill-att inkwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzaha b’mod simili għal dak tad-destinatarju tal-att (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C-133/12 P, EU:C:2014:105, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Organizzazzjoni bħalma hija r-rikorrenti, ikkostitwita għad-difiża tal-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ partijiet fil-kawża, ma tistax titqies bħala li hija direttament u individwalment ikkonċernata b’att li jaffettwa l-interessi ġenerali ta’ din il-kategorija (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill, 16/62 u 17/62, mhux ippubblikata, EU:C:1962:47, p. 919, u tat-18 ta’ Marzu 1975, Union syndicale-Service public européen et vs Il-Kunsill, 72/74, EU:C:1975:43, punt 17).

49      Madankollu, l-azzjonijiet imressqa minn assoċjazzjonijiet, bħalma hija r-rikorrenti, li jkunu responsabbli li jiddefendu l-interessi kollettivi tal-persuni huma ammissibbli, skont il-ġurisprudenza, fi tliet sitwazzjonijiet, jiġifieri meta huma jkunu jirrappreżentaw l-interess ta’ persuni li, huma stess ikollhom interess ġuridiku, jew meta dawn ikunu individwati minħabba li jkunu ntlaqtu fl-interessi proprji tagħhom bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħhom ta’ negozjatur tkun ġiet affettwata mill-att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu, jew inkella meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxilhom b’mod espress serje ta’ possibbiltajiet ta’ natura proċedurali (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T-189/08, Ġabra, EU:T:2010:99, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li t-tibdil bl-att ikkontestat fis-sitwazzjoni tat-terzi persuni, jiġifieri l-membri tal-persunal tal-BĊE u l-ħaddiema temporanji, tkun rilevanti sabiex tistabbilixxi li s-sitwazzjoni legali ġiet mibdula, fid-dawl tar-rwol ta’ sindakat tagħha li l-għan soċjali tiegħu huwa li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-persuni impjegati minn jew li jaħdmu għal organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej stabbiliti fil-Ġermanja, hija ma tippretendix li dawn il-persuni jkollhom huma stess interess ġuridiku. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li hija għandha locus standi sa fejn, min-naħa, l-interessi tagħha stess bħala sieħba soċjali u negozjatriċi li pparteċipat fid-diskussjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-aġenti temporanji fi ħdan il-BĊE u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet proċedurali tagħha jkunu miksura mill-BĊE.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala negozjatriċi, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq, li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha fid-diskussjonijiet magħmula fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, ġiet affettwata bl-att ikkontestat, il-BĊE sostna li dan ma huwiex il-każ, sa fejn, min-naħa, l-att ikkontestat huwa dokument intern indirizzat lid-dipartimenti tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ dokument iffirmat fil-forma korretta, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-istabbiliment tal-grupp ta’ xogħol jista’ jixxebbah ma’ ftehim li minnu hija tista’ tislet id-drittijiet li hija qiegħda tallega.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li organizzazzjoni sindakali li tirrappreżenta lill-persunal tkun ipparteċipat fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni ta’ att ma huwiex biżżejjed sabiex ibiddel in-natura tad-dritt ta’ azzjoni li, fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, hija jista’ jkollha fil-konfront tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975, Union syndicale-Service public européen et vs Il-Kunsill, 72/74, EU:C:1975:43, punt 19).

53      Madankollu, ir-rikors ta’ assoċjazzjoni jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli meta hija tiddefendi l-interessi tagħha stess, li huma distinti minn dawk tal-membri tagħha, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni ta’ negozjatriċi tagħha tkun ġiet affettwata mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 21 sa 24 ; tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C-313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30, u d-digriet tat-23 ta’ Novembru 1999, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, T-173/98, EU:T:1999:296, punt 54), u dan f’sitwazzjonijiet partikolari li fihom hija kellha l-pożizzjoni bħala negozjatriċi limitat b’mod ċar u marbut mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li tpoġġiha f’sitwazzjoni ta’ fatt li jiddistingwiha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, EU:C:2000:277, punt 45, u d-digriet tat-3 ta’ April 2014, CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il-Kummissjoni, T-2/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:226, punt 35).

54      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega li l-interessi proprji tagħha bħala interlokutriċi soċjali tal-BĊE u negozjatriċi fil-kuntest tad-diskussjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan din l-istituzzjoni ġew affettwati bl-att ikkontestat, u dan fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li dan kien riżultat tal-mandat tal-grupp ta’ xogħol li r-rapport tiegħu kien għadu ma ġiex aadottat fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat u li hija kienet l-unika sieħba soċjali li pparteċipat f’dan il-grupp ta’ xogħol u l-firmatarja tal-ftehim qafas.

55      Iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti, li sunt tagħhom jinsab fil-punt 54 iktar ’il fuq, huma tali li jindividwalizzawha, f’dan il-każ, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 iktar ’il fuq, meta mqabbla ma’ kull organizzazzjoni sindakali li tirrappreżenta persuni impjegati minn jew li jaħdmu mal-BĊE, fid-dawl tar-rwol ta’ interlokutriċi soċjali li hija kellha fid-diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-BĊE rigwardanti s-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan din l-istituzzjoni, li kien limitat u marbut mas-suġġett stess tal-att ikkontestat.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti hija l-unika organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-persuni impjegati mal-BĊE u li jaħdmu għalih li daħlet f’diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-BĊE fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan din l-istituzzjoni, b’mod partikolari billi pparteċipat fil-grupp ta’ xogħol ikkostitwit għal dan il-għan. Hija segwiet dawn id-diskussjonijiet b’mod attiv, billi żammet kuntatt mill-qrib mad-dipartimenti kompetenti, b’mod partikolari, billi pparteċipat fid-diversi laqgħat u billi skambjat korrispondenza magħhom, bħalma huma dokument preparatorji tal‑laqgħat u l-minuti tagħhom (ara l-punti 5, 6 u 9 iktar ’il fuq). Kif jirriżulta b’mod partikolari mil-lista tas-suġġetti tad-diskussjoni fi ħdan il-grupp ta’ xogħol u l-minuti tal-laqgħa li dan żamm fit-18 ta’ Frar 2014 id-diskussjonijiet li saru hemmhekk kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni tal-perijodu massimu tas-servizzi tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE, preċiżament marbutin mas-suġġett stess tal-att ikkontestat.

57      Mingħajr il-bżonn li tiġi deċiża, f’dan l-istadju, il-kwistjoni dwar jekk id-diskussjonijiet u l-kuntatti fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, imsemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ftehim ad hoc”, kif tallega r-rikorrenti, għandu jiġi konkluż minn dan li l-BĊE rrikonoxxa lir-rikorrenti bħala interlokutriċi fl-okkażjoni tal-eżami tal-kwistjonijiet dwar il-ħaddiema temporanji u, b’mod partikolari, dik li tikkonċerna t-tul massimu tas-servizz tagħhom mal-BĊE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, EU:C:1993:111, punt 29).

58      Għaldaqstant, il-pożizzjoni ta’ interlokutriċi soċjali tal-BĊE fil-kuntest tad-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-perijodu tal-ingaġġ tagħhom mal-BĊE, hija biżżejjed f’dan il-każ sabiex turi li hija individwalment ikkonċernata fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE bl-att ikkontestat. Din il-kapaċità, fil-fatt, hija partikolari għaliha, fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn hija, fost id-diversi organizzazzjonijiet sindakali eventwalment attivi għad-difiża tal-interessi tal-persuni impjegati minn jew jaħdmu għall-BĊE, dik li daħlet fid-diskussjonijiet mal-BĊE li jirrigwardaw preċiżament il-kwistjonijiet koperti mill-att ikkontestat, ħaġa li tindividwalizzaha meta mqabbla ma’ kull organizzazzjoni sindakali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C-319/07 P, EU:C:2009:435, punti 92 u 93, u d-digriet tat-18 ta’ April 2002, IPSO u USE vs BĊE, T-238/00, EU:T:2002:102, punt 55).

59      Bl-istess mod, ir-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn dan għandu bħala effett immedjat li jaffettwa l-pożizzjoni ta’ interlokutriċi soċjali li hija kienet tokkupa fil-kuntest tad-diskussjonijiet li jirrigwardaw il-kwistjonijiet tal-ħaddiema temporanji sa fejn iċaħħadha mill-possibbiltà li tipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjoni u li tinfluwenzaha.

60      Konsegwentement, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza tal-locus standi tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż, f’dan l-istadju, dwar l-eżistenza tal-garanziji proċedurali li r-rikorrenti tkun tista’ tinvoka eventwalment fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat.

 Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku

61      Il-BĊE jsostni, sussidjarjament, li l-interess tar-rikorrenti sabiex tannulla l-att “huwa iktar politiku milli ġuridiku”. Għaldaqstant, hija ma għandhiex interess ġuridiku fis-sens tal-ġurisprudenza, minħabba li, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-kontestazzjoni tan-natura kontestabbli tal-att ikkontestat (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), il-BĊE ma kellux għalfejn jikkonsultaha qabel ma dan ġie adottat mill-Bord Eżekuttiv

62      Ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess ġuridiku sa fejn dan ir-rikors huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tagħha li tkun informata u tkun ikkonsultata.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2014, Talanton vs Il-Kummissjoni, T-165/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1027, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun ċert u attwali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Kif sostniet ir-rikorrenti, b’dan ir-rikors, hija tixtieq preċiżament tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha li tkun ikkonsultata u li tkun informata. Minn dan isegwi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu bħala konsegwenza li l-BĊE jkun obbligat jiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet qabel l-adozzjoni ta’ att bħalma huwa l-att ikkontestat. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali interess ġuridiku jippresupponi li r-rikorrenti tista’ tippretendi li għandha, f’dan il-każ, dawn id-drittijiet, ħaġa li trid tiġi evalwata flimkien mal-motivi tar-rikors.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

66      Il-BĊE jsostni, sussidjarjament, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’rikors. Peress li l-att ikkontestat huwa direttiva interna indirizzata lid-dipartimenti tal-istituzzjoni, huwa ma għandux, skont il-BĊE, ikun ippubblikat u, fi kwalunkwe każ, it-tqassim fuq l-Intranet tal-istituzzjoni ma tistax titqies bħala pubblikazzjoni. Konsegwentement, it-terminu addizzjonali ta’ erbatax-il jum għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Għaldaqstant, it-terminu għallpreżentata ta’ rikors għandu jibda jiddekorri b’effett mill-jum li fih ir-rikorrenti saret taf bl-att ikkontestat, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju  2014, jiġifieri l-jum tat-tqassim tal-att ikkontestat fuq l-intranet tal-BĊE u taż-żamma ta’ sessjoni ta’ informazzjoni fil-preżenza tagħha. Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2014 huwa tardiv.

67      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors ġie ppreżentat b’osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikorsi.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE huwa ta’ ordni pubbliku li ġie stabbilit bil-għan li tkun żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u bil-għan li jkunu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C-246/95, EU:C:1997:33, punt 21, u tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T-121/96 u T-151/96, EU:T:1997:132, punti 38 u 39).

69      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorsi għal annullament għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn. Dan it-terminu jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fih dan ikun sar jaf bih.

70      Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta l-persuna kkonċernata saret taf bl-att bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarju meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, EU:C:1998:94, punt  35; ara, wkoll, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-190/00, EU:T:2003:316, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-att ikkontestat ma ġiex innotifikat lir-rikorrenti. Lanqas ma ġie ppubblikat peress li l-informazzjoni dwar dan l-att tqassmet fuq l-intranet tal-BĊE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-jum li fih ir-rikorrenti saret taf bl-att ikkontestat li għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ notifika, huwa dak li jsir jaf b’att li jirrigwardah li għandu l-obbligu li jitlob it-test sħiħ f’terminu raġonevoli, iżda li, b’din ir-riżerva, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jista’ jibda jiddekorri biss mill-mument li fih it-terz ikkonċernat sar jaf eżatt bil-kontenut u bil-motivi tal-att inkwistjoni, b’mod li jipprova juża d-dritt tiegħu li jippreżenta rikors (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1988, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 236/86, EU:C:1988:367, punt 14, u tad-19 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-309/95, EU:C:1998:66, punt 18).

73      Il-BĊE allega li hija s-16 ta’ Lulju 2014 id-data li fiha l-informazzjoni li tikkonċerna l-att ikkontestat tqassmet fuq l-intranet tal-BĊE u li fiha s-sessjoni ta’ informazzjoni nżammet fil-preżenza tar-rikorrenti, li għandha titqies bħala l-punt li minnu beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

74      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dik id-data, ir-rikorrenti ma kellhiex għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tal-att ikkontestat. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess, ħaġa li wara kollox ma hijiex ikkontestata mill-BĊE, li l-kontenut eżatt tal-att intbagħat lir-rikorrenti biss fl-24 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri wara l-introduzzjoni tar-rikors u li hija rċeviet kopja biss mar-risposta. Il-fatt, kif allegat mill-BĊE, li l-informazzjoni mqassma fuq l-intranet tal-istituzzjoni kien jirrifletti “fis-sustanza” l-informazzjoni li r-rikorrenti kienet kisbet, min-naħa tal-amministrazzjoni tal-BĊE, fl-24 ta’ Ottubru 2014 ma huwiex biżżejjed biex jitqies li fis-16 ta’ Lulju 2014 ir-rikorrenti kellha għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tal-att ikkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 iktar ’il fuq.

75      Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha tippreżenta dan ir-rikors mingħajr ma pprovat tkun ċerta li taf l-elementi rilevanti kollha tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1988, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 236/86, EU:C:1988:367, punt 15).

76      Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti osservat l-obbligu tagħha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), li titlob f’terminu raġonevoli t-test sħiħ tal-att ikkontestat. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti għamlet diversi talbiet lill-amministrazzjoni tal-BĊE sabiex tikseb kopja tal-att ikkontestat, bl-aħħar waħda qabel il-preżentata tar-rikors bid-data tat-8 ta’ Ottubru 2014

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ma jistax jitqies bħala li huwa tardiv.

78      Konsegwentement, ir-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE għandha tiġi miċħuda mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tal-partijiet li jirrigwardaw il-komputazzjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors abbażi tad-data tat-tqassim fuq l-intranet tal-BĊE tal-informazzjoni fuq l-att ikkontestat.

2.     Fuq il-mertu

 Fuq it-talba għal annullament

79      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għall-informazzjoni u konsultazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mid-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea – Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219) u ppreċiżat u implementat mill-ftehim qafas u mid-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, li r-rikorrenti tikklassifika bħala “ftehim ad hoc”, kif ukoll fuq il-ksur ta’ dan l-allegat “ftehim ad hoc” u tal-ftehim qafas, u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fid-Direttiva 2002/14 u ppreċiżat u implementat mill-ftehim qafas u mill-allegat “ftehim ad hoc”, kif ukoll fuq il-ksur ta’ dan il-“ftehim ad hoc” u l-ftehim qafas

80      Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat mingħajr ma ġie rrispettat id-djalogu soċjali mar-rikorrenti, il-BĊE kiser id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, imsemmi fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14, kif implementati mill-ftehim innegozjati fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri mill-ftehim qafas u mill-allegat “ftehim ad hoc”.

81      Il-BĊE jikkontesta li kiser id-drittijiet tar-rikorrenti li tkun ikkonsultata u informata, sa fejn id-dispożizzjonijiet li hija tinvoka ma jagħtuhiex, f’dan il-każ, tali drittijiet.

82      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti għandhiex dritt li tippretendi, skont id-dispożizzjonijiet li hija tinvoka, il-garanziji proċedurali li kellhom jippermettulha li tkun informata, ikkonsultata u imvoluta qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat u, sussegwentement, jekk ikun il-każ, jekk dawn id-drittijiet proċedurali nkisrux bi ksur ta’ dawn il-garanziji.

–       Fuq l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

83      Ir-rikorrenti tirreferi fl-ewwel lok għad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, imsemmi fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża. Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjoni tal-Unjoni u l-persunal tagħhom, u dan kif jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C-579/12 RX-II, EU:C:2013:570).

85      Madankollu, skont il-kliem stess tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-eżerċizzju tad-drittijiet hemm imsemmija huwa limitat għall-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni u kif ukoll mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C-176/12, EU:C:2014:2, punt 45, u d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2014, Bergallou vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-22/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:954, punt 33).

86      Minn dan isegwi li l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li ma jipprovdi ebda regola tad-dritt direttament applikabbli, ma huwiex biżżejjed, waħdu, Sabiex jagħti lill-individwi dritt suġġettiv għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni invokabbli bħala tali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C-176/12, EU:C:2014:2, punt 47).

87      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistax jinvoka, f’dan il-każ, id-drittijiet għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni abbażi biss tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

88      Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu, l-acquis tal-Unjoni fil-qasam ikkontemplat mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom dan huwa applikabbli, huwa kkostitwit mid-Direttiva 2002/14, invokat f’dan il-każ mir-rikorrenti.

89      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti tistax, f’dan il-każ, tgawdi mid-drittijiet li hija tinvoka mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ippreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14.

–       Fuq id-Direttiva 2002/14

90      Ir-rikorrenti tirreferi għall-oqsma ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ddefiniti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14 u ssostni li din ma tillimitax id-drittijiet ta’ konsultazzjoni għall-ħaddiema biss li għandhom kuntratt ta’ impjieg li jorbothom direttament mal-impriża. Għaldaqstant, il-ħaddiema temporanji wkoll għandhom, skont ir-rikorrenti, id-dritt li jibbenefikaw mid-drittijiet kollettivi u ta’ rappreżentanza fi ħdan il-BĊE.

91      Skont il-BĊE, l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ippreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, ma jistax jikkostitwixxi għall-BĊE l-bażi għall-obbligu li jinforma u li jikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema temporanji qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat, sa fejn, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-Direttiva 2002/14 ma timponix, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom u, min-naħa l-oħra, din timponi dawn l-obbligi fuq “dak li jimpjega”; issa, il-BĊE ma huwiex dak li jimpjega lill-ħaddiema temporanji. Fl-aħħar nett, jekk wieħed jippreżumi li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għalih, il-BĊE jikkunsidra li l-att ikkontestat ma jaqax taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/14.

92      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2002/14 tipprevedix id-drittijiet għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni għall-benefiċċju tal-ħaddiema temporanji u r-rappreżentanti tagħhom, kif tallega r-rikorrenti.

93      Skont il-premessa 18 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/14, din għandha l-għan “li [t]istabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan [l-Unjoni]”. Mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirriżulta wkoll li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema jiġu organizzati mir-rappreżentanti tagħhom previsti mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattiki nazzjonali.

94      Skont l-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2002/14, il-kelma “informazzjoni” tfisser “it-trasmissjoni minn dak li jimpjega lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati ta’ dettalji sabiex jiffaċilita li dawn jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materja tas-suġġett u biex ikunu jistgħu jezaminawha” u l-kelma “konsultazzjoni” tfisser “l-iskambju ta’ veduti u l-istabbiliment ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati u dawk li jimpjegawhom”. Skont l-Artikolu 2(ċ) u (d) tal-istess direttiva, il-kelma “dak li jimpjega” tfisser “persuna naturali jew legali bħala parti minn kuntratti ta’ l-impjiegi jew f’relazzjonijiet ta’ impjieg mal-impjegati, bi qbil mal-liġi u l-prattika nazzjonali” u l-kelma “impjegat” tfisser “kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegat permezz tal-liġi nazzjonali ta’ l-impjiegi u bi qbil mal-prattika nazzjonali”.

95      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rilevat li s-sistema implementata mid-Direttiva 2002/14 hija intiża li, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) tagħha, tapplika għall-ħaddiema kollha msemmija fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération générale du travail et, C-385/05, EU:C:2007:37, punt 37). Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-BĊE li l-ħaddiema temporanji huma protetti bħala ħaddiema fil-Ġermanja, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/14 u kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 23 u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9), kif trasposta fid-dritt Ġermaniż mill-AÜG.

96      Fit-tieni lok, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-BĊE u l-ħaddiema temporanji mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu ma humiex marbutin b’relazzjoni kuntrattwali. Madankollu, kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-BĊE u l-ħaddiema temporanji huma marbutin b’“relazzjoni ta’ impjieg” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/14, b’mod li l-BĊE għandu jitqies bħala l-persuna li timpjegahom fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

97      Fil-fatt, fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karatteristika essenzjali ta’ “relazzjoni ta’ impjieg” hija l-fatt li l-fatt li persuna twettaq, matul perijodu ta’ żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, għal dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-libertà tagħha li tagħżel il-ħin, il-post u l-kontenut tax-xogħol tagħha, servizzi li b’korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni. Din il-kwalifika tiġi ġeneralment akkwistata fid-dritt tal-Unjoni jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, indipendentement mill-fatt li jkun jew ma jkunx ġie konkluż kuntratt ta’ impjieg mill-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-596/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:77, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media, C-413/13, EU:C:2014:2411, punti 34 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      F’dan il-każ, ir-relazzjoni bejn il-BĊE u l-ħaddiema temporanji jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet kollha, peress li l-ħaddiema temporanji jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom favur u taħt id-direzzjoni tal-BĊE, li għad-dispożizzjoni tiegħu huma jitqiegħdu perijodikament minn impriża tax-xogħol temporanju, li b’korrispettiv tħallashom remunerazzjoni.

99      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li skontha t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji jikkostitwixxi każ kumpless u speċifiku tad-dritt tax-xogħol li jimplika, relazzjoni doppja ta’ xogħol, minn naħa, bejn l-impriża ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju u, min-naħa l-oħra, bejn dan tal-aħħar u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, kif ukoll relazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni bejn l-impriża ta’ xogħol temporanju u l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji (sentenza tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C-290/12, EU:C:2013:235, punt 40).

100    Relazzjoni ta’ impjieg li tirriżulta minn kuntratt konkluż direttament bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega għandha, għaldaqstant, tkun distinta minn relazzjoni ta’ impjieg bħalma hija r-relazzjoni bejn impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, f’dan il-każ, il-BĊE, u l-ħaddiema temporanji mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, minn impriża ta’ xogħol temporanju.

101    Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ persuna li tħaddem, kif jinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/14, ma jipprevedix, kif issostni r-rikorrenti, li fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jidħlu biss ir-relazzjonijiet ta’ impjieg irregolati minn kuntratt ta’ xogħol konkluż direttament bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem, u dan b’kuntrast ma dak li tipprevedi, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), li, minħabba dan il-fatt, ma tapplikax għal ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C-290/12, EU:C:2013:235, punti 36 u 39).

102    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/104, li jikkostitwixxi preċiżament il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda x-xogħol temporanju, timponi fuq l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji l-obbligu li tinforma lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq l-użu ta’ ħaddiema temporanji fi ħdanha waqt it-trażmissjoni lir-rappreżentanti tal-ħaddiema ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-impjieg fl-impriża. Din id-dispożizzjoni, li titfa’ b’mod ċar il-piż tal-obbligu li tinforma fuq l-impriża li tirrikorri għas-servizzi ta’ ħaddiema temporanji, f’dan il-każ il-BĊE, għal dak li jikkonċerna l-użu fi ħdanu ta’ ħaddiema temporanji, tispeċifika wkoll li d-Direttiva 2008/104 tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u [tal-Unjoni] dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni li huma aktar stretti u/jew aktar speċifiċi u b’mod partikolari d-Direttiva 2002/14/KE”.

103    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-BĊE, id-Direttiva 2002/14 għandha titqies bħala li tapplika għal dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ impriża li tirrikorri għas-servizzi tal-ħaddiema temporanji dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema temporanji.

104    Insegwitu, għandu jiġi rilevat, kif isostni l-BĊE, li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li d-direttivi jkunu indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14 ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C-25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T-495/04, EU:T:2008:160, punt 43).

105    Madankollu, kif diġà ġie deċiż, il-fatt li direttiva ma torbotx, bħala tali, lill-istituzzjonijiet ma jistax jeskludi li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva jkunu jistgħu jiġu invokati kontra l-istituzzjonijiet meta, fihom innifishom, huma biss l-espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-trattat u tal-prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet. Fil-fatt, f’komunità ta’ dritt, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt hija rekwiżit fundamentali u kull suġġett ta’ dritt huwa suġġett għall-prinċipju ta’ osservanza tal-legalità. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandhom josservaw ir-regoli tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għalihom bl-istess mod bħal kull suġġett ieħor ta’ dritt (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C-25/02, EU:C:2003:435, punti 25 sa 28, u tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, EU:T:2011:506, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta hija, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha, riedet twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament, huwa stess, għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjioni fl-applikazzjoni tat-Trattati. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet għandhom, skont id-dmir ta’ lealtà li huma għandhom, jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jaġixxu bħala persuni li jimpjegaw, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq il-livell tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack, T-268/11 P, EU:T:2012:588, punti 43 u 44).

107    Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk u taħt liema kundizzjoni d-Direttiva 2002/14 tista’ tiġi invokata għall-iskopijiet li tiġi identifikata l-eżistenza jew li jiġi ppreċiżat l-obbligu li eventwalment għandu l-BĊE li jikkonsulta u jinforma lill-organizzazzjoni sindakali rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat.

108    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li t-twaqqif, mid-Direttiva 2002/14, ta’ qafas ġenerali li jirrigwarda l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema jikkostitwixxi, ċertament, l-espressjoni tad-drittijiet fundamentali sanċiti mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, kif ġie rilevat fil-punt 86 iktar ’il fuq, dawn ir-regoli fundamentali li jirriżultaw mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma japplikawx direttament għall-BĊE, fis‑sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 iktar ʼil fuq, sa fejn, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, huma għandhom jiġu ppreċiżati mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE huwa marbut bir-regolamenti u bid-direttivi li jikkonċernaw il-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 9(c) tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”)

110    L-Artikolu 9(ċ) tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg jipprovdi dan li ġej:

“Dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg ma huma rregolati minn ebda dritt nazzjonali speċifiku. Il-BĊE japplika i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] u iii) ir-regoli li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi [tal-Unjoni] li jikkonċernaw il-politika soċjali u li huma indirizzati lejn l-Istati Membri. Kull fejn ikun meħtieġ, dawn l-atti ser jiġu implementati mill-BĊE. F’dan ir-rigward ser jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet [tal-Unjoni] fil-qasam tal-politika soċjali. Il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

111    Sa fejn dan l-argument tar-rikorrenti jikkontempla s-sitwazzjoni li fiha att ta’ applikazzjoni ġenerali interna jirreferi, huwa stess, espressament għall-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex japplika t-trattati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, għandu jiġi rilevat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tirrifletti l-prinċipju ġenerali li skontu l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni josservaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-direttivi (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) u li att tal-Unjoni għandu jkun interpretat, sa fejn huwa possibli, b’mod konformi mad-dritt primarju kollu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack, C-579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija ma ssemmix l-obbligu tal-BĊE li “jwettaq obbligu partikolari”, b’mod partikolari l-obbligu li jinforma jew jikkonsulta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif imsemmi mid-Direttiva 2002/14.

112    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/14 ġew implementati mill-ftehim qafas u mid-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, li hija tikklassifika bħala “ftehim ad hoc”. Ir-rikorrenti tidher għalhekk li tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha l-BĊE, fil-kuntest b’mod partikolari tal-awtonomija organizzattiva tiegħu, kien intenzjonat li jwettaq obbligu partikolari stabbilit minn din id-direttiva fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq.

113    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-ftehim qafas u l-ħolqien ta’ grupp ta’ xogħol f’Jannar 2014 bil-parteċipazzjoni tar-rikorrenti jistgħux jitqiesu bħala li huma l-konkretizzazzjoni tad-drittijiet previsti mid-Direttiva 2002/14 favur ir-rikorrenti fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat.

–       Fuq il-ftehim qafas

114    Skont ir-rikorrenti, il-punt 2 tal-ftehim qafas jirreferi għall-oqsma tal-informazzjoni u konsultazzjoni ddefiniti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14. Skont dan il-punt 2 tal-ftehim qafas, li japplika għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji skont l-allegat “ftehim ad hoc”, hija għandha dritt li tkun informata, ikkonsultata u involuta minn qabel fi proċedura intiża għall-adozzjoni tal-miżuri, bħalma huwa l-att ikkontestat, li jwasslu għal tibdil materjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol u għal tibdil fir-relazzjonijiet kuntrattwali jew fil-politika li tirrigwarda l-impjieg, li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BĊE.

115    Il-BĊE jsostni li l-ftehim qafas ma japplikax f’dan il-każ għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tar-rikorrenti li tkun ikkonsultata u informata, sa fejn dan ma jirrigwardax il-ħaddiema temporanji, peress li dawn ma jitqisux bħala membri tal-persunal tal-BĊE fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt 1(a) tal-imsemmi ftehim u li l-punt 2(a) tiegħu ma jistax ikollu l-effett li jwessa’ l-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

116    Għandu jiġi rilevat li l-ftehim qafas konkluż bejn il-BĊE u r-rikorrenti għandu bħala għan, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, “ir-rikonoxximent, it-tqassim ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni”. Fil-premessa  3 tiegħu, hemm ippreċiżat li “[l-]iżvilupp ta’ djalogu soċjali matur bjen il-BĊE u s-sindakati, li jippermetti involvement iktar effettiv tal-membri tal-persunal tal-BĊE fil-kwistjonijiet li jikkonċernawh direttament, jeżiġi t-tqassim ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

117    Skont il-punt 1(a) tal-ftehim qafas, l-“informazzjoni” għandha tfisser li hija t-“trażmissjoni ta’ data mill-BĊE [lill-IPSO] sabiex tippermetti lil [din tal-aħħar] li tiffamiljarizza ruħha mas-suġġett u li teżaminah, kif ukoll it-trażmissjoni tad-data mill-[IPSO] lil BĊE bl-istess skop” u l-konsultazzjoni għandha tinftiehem li hija “skambju ta’ ideat bejn il-BĊE u l-[IPSO]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Skont il-punt 2 tal-ftehim qafas, dan jagħti lir-rikorrenti garanziji proċedurali ta’ informazzjoni, ta’ parteċipazzjoni bikrija u ta’ konsultazzjoni fl-oqsma ddefiniti fil-punt 2(a) skont il-modalitajiet previsti fil-punt 2(d) sa (f) tiegħu. L-għan ta’ dawn il-garanziji, skont il-punt 2(b) tal-ftehim qafas huwa li “jippermetti u jippromwovi fluss bidirezzjonali ta’ ideat u ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-[IPSO] sabiex jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet jifhmu aħjar il-perspettiva tal-parti l-oħa fuq il-kwistjonijiet li jidħlu fil-kuntest ta’ dan […] il-ftehim”. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, “għalkemm l-intervent bikri u l-konsultazzjoni ma għandhomx jippruvaw jilħqu ftehim komuni, dawn huma l-okkażjoni għas-sindikat li jinfluwenza l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

119    Il-punt 2(a) tal-ftehim qafas jipprovdi kif ġej:

“L-[IPSO] għandha tkun informata bl-iżviluppi reċenti u kkontemplati mill-BĊE, bl-attivitajiet tiegħu kif ukoll bis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu, inkwantu dawn jistgħu jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni jew l-interessi tal-persunal.

L-[IPSO] għandha tkun parti mill-proċedura ta’ intervent bikri u għandha tkun ikkonsultata fuq l-evoluzzjonijiet strutturali proposti fi ħdan il-BĊE, kif ukoll fuq il-miżuri proposti li jwasslu għal tibdil importanti fl-organizzazzjoni tax-xogħol u l-miżuri li jwasslu għal tibdil fir-relazzjonijiet kuntrattwali jew il-politika marbuta mal-impjieg”.

120    Ir-rikorrenti tallega li l-oqsma tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni, kif iddefiniti fil-punt 2(a) tal-ftehim qafas, jiżdiedu mal-oqsma ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

121    Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/14, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni jkopru:

“ a)      informazzjoni dwar żvilupp reċenti u probabli ta’ l-attivitajiet u tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-impriża jew ta’ l-istabbeliment;

b)      informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli ta’ l-impieg fi ħdan l-impriża jew l-istabbeliment u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impieg;

ċ)      informazzjoni u konsultazzjoni dwar deċiżjonijiet li jwasslu għall-tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kontrattwali, inklużi dawk koperti bid-disposizzjonijiet Komunitarji li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 9(1), [tad-Direttiva 2002/14]”.

122    Il-paragun tal-kontenut u tal-portata tad-drittijiet ta’ “informazzjoni” u ta’ “konsultazzjoni” tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, previsti mid-Direttiva 2002/14 (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), ma’ dawk previsti favur ir-rikorrenti mill-ftehim qafas (ara l-punt 117 iktar ’il fuq) kif ukoll l-oqsma ta’ konsultazzjoni u ta’ informazzjoni previsti minn dawn iż-żewġ atti (ara l-punti 119 u 121 iktar ’il fuq) iwassal sabiex jiġi konkluż li l-ftehim qafas jikkostitwixxi implementazzjoni tad-Direttiva 2002/14 għal dak li jikkonċerna d-drittijiet għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni tar-rikorrenti fir-relazzjonijiet tagħha mal-BĊE. Minn dan jirriżulta li, bil-fatt li kkonkluda l-ftehim qafas mar-rikorrenti, il-BĊE, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tiegħu, kien intenzjonat jeżegwixxi obbligu partikolari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 106 iktar ’il fuq, f’dan il-każ dik tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni ta’ rappreżentant tal-ħaddiema, imsemmi mid-Direttiva 2002/14. Minn dan isegwi li l-BĊE huwa, fil-prinċipju, marbut bir-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva fir-relazzjonijiet tiegħu mar-rikorrenti.

123    Madankollu, għandu jiġi rilevat, kif isostni l-BĊE li, skont il-punt 1(a) tal-ftehim qafas, dan jeskludi espliċitament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-ħaddiema temporanji.

124    Konsegwentement, id-Direttiva 2002/14 ma tistax tiġi invokata, f’dan il-każ, mir-rikorrenti billi tuża l-ftehim qafas, fid-dawl tal-fatt li l-att ikkontestat jikkonċerna preċiżament is-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji.

125    Ir-rikorrenti ssostni madankollu li hija setgħet, f’dan il-każ, tinvoka d-drittijiet proċedurali ggarantiti mid-Direttiva 2002/14, kif implementata mill-ftehim qafas, sa fejn l-adozzjoni tal-att ikkontestat taffettwa s-sitwazzjoni u l-interessi tal-aġenti tal-BĊE li ma humiex ħaddiema temporanji. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv, li tinvolvi tibdil fil-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-ħaddiema temporanji, għandha konsegwenzi kbar fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol, u tinvolvi b’mod partikolari żieda fl-ammont ta’ xogħol tagħhom, piż ta’ taħriġ ripetut u frekwenti tal-ħaddiema temporanji, li jistgħu jaħdmu mal-BĊE għal żmien limitat biss, organizzazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet fil-kontenut tax-xogħol tal-aġenti, u tikkostitwixxi “tibdil fil-politika fil-qasam tal-impjieg” fis-sens tal-punt 2(d) tal-ftehim qafas.

126    Il-BĊE jsostni li d-dispożizzjonijiet tal-punt 2(a) tal-ftehim qafas ikopru biss l-attivitajiet u proġetti tal-BĊE li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni jew l-interessi tal-membri tal-personal tiegħu u l-miżuri li jikkonċernawhom “direttament u speċifikament.” Issa, skontu, il-konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal li ssemmi r-rikorrenti ma humiex indiretti u ipotetiċi. Għaldaqstant, l-att ikkontestat la jinkludi u lanqas jinvolvi tibdil materjali fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 2(a) tal-ftehim qafas.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, ċertament, id-DĠ “Riżorsi umani, baġit u organizzazzjoni” fin-nota meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord Eżekuttiv waqt l-adozzjoni tal-att ikkontestat, antiċipa “spiża addizzjonali [li tirriżulta minħabba l-adozzjoni tal-att ikkontestat] għall-BĊE, bħala organizzazzjoni, u dan peress li t-trasferiment tal-għarfien u l-isforzi magħmula sabiex jitħarrġu l-ħaddiema temporanji [kienu] jiżdiedu minħabba r-rotazzjoni ikbar tal-persunal temporanju” u ppreveda għaldaqstant li jista’ jkun hemm ċerti effetti fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal tal-BĊE. Madankollu, dawn il-konsegwenzi ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu tibdil tal-politika fil-qasam tal-impjieg li jikkonċernahom, tibdil fir-relazzjonijiet kuntrttwali li dawn għandhom mal-BĊE jew tibdil materjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, fis-sens tal-punt 2(a) tal-ftehim qafas.

128    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tistenna li jkollha l-garanziji proċedurali kif inhuma previsti mid-Direttiva 2002/14, li fir-rigward tagħha ġew implementati mill-ftehim qafas, billi tinvoka l-fatt li l-adozzjoni tal-att ikkontestat jkollu l-effett li jbiddel is-sitwazzjoni jew l-interessi tal-membri tal-persunal tal-BĊE.

129    Mis-suespost jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, kif implementati mill-ftehim qafas, sakemm ma jkunx jista’ jintwera, kif hija tallega, li l-involviment tagħha fid-diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-BĊE fuq is-suġġetti li jikkonċernaw il-ħaddiema temporanji għandu jitqies bħala li huwa intiż li jippreċiża l-portata tal-ftehim qafas u jwessa’ l-applikazzjoni tiegħu għall-ħaddiema temporanji, u dan ser jiġi eżaminat fil-punti 130 sa 142 li ġejjin.

–       Fuq l-istatus tal-grupp ta’ xogħol

130    Ir-rikorrenti ssostni li hija tista’ tinvoka d-drittijiet proċedurali msemmija fil-punt 2 tal-ftehim qafas peress li dawn japplikaw għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji skont id-diskussjonijiet li hija kellha mal-BĊE fil-kuntest tal-grupp ta’ xogħol, li hija tikklassifika bħala “ftehim ad hoc”. Hija ssostni wkoll li dan l-allegat “ftehim ad hoc” jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14.

131    Il-BĊE jafferma l-assenza ta’ kwalunkwe “ftehim ad hoc” li r-rikorrenti tgħid li ġie konkluż magħha fuq il-kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-ħaddiema temporanji, sa fejn, b’osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, hija tikkonkludi biss ftehimiet bil-miktub li jkollhom il-firem tal-partijiet. Issa, fl-assenza ta’ ftehim fil-forma debita, ir-rikorrenti ma tistax issostni li tali “ftehim ad hoc” jeżisti. Il-BĊE jenfasizza, barra minn hekk, li l-iskambji ta’ fehmiet mar-rikorrenti ma jistax ifisser li huwa kien suġġett għal poċedura ta’ konsultazzjoni volontarja.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, waqt il-laqgħa tad-29 ta’ Jannar 2014, ġie miftiehem bejn ir-rikorrenti u l-BĊE, fuq inizjattiva ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli mill-affarijiet tal-persunal, li jitwaqqaf grupp ta’ xogħol fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-ħaddiema temporanji (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Kull waħda mill-partijiet niżżel lista ta’ suġġetti li kellhom jiġu diskussi li fosthom kien hemm il-kwistjoni tat-tul massimu tas-servizzi tal-ħaddiema temporanji għall-BĊE (ara wkoll il-punt 56 iktar ’il fuq). Il-partijiet intrabtu li jippreżentaw lill-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli mill-affarijiet tal-persunal rapport fuq il-konklużjonijiet li kienu jaslu għalihom wara dawn id-diskussjonijiet.

133    Tali skambji mar-rikorrenti jikkostitwixxu impenn min-naħa tal-BĊE fir-rigward tar-rikorrenti sabiex idaħħalha fid-diskussjonijiet dwar il-politika tal-istituzzjoni fir-rigward tal-ħaddiema temporanji u li jinvolviha fl-istabbiliment tal-prinċipji li jirrigwardaw lil dawn, liema prinċipji jridu jiġu msemmija b’mod espliċitu f’rapport komuni li jinkludi l-konklużjonijiet li għalihom ikunu waslu l-partijiet.

134    Il-BĊE ma jistax jinvoka utilment nuqqas ta’ formalità, jiġifieri n-nuqqas tal-forma bil-miktub u tal-firem, sabiex jevita l-impenji meħudin fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, għalkemm ma ġie ffirmat ebda dokument li jistabbilixxi l-grupp ta’ xogħol u ma ġie stabbilit formalment ebda mandat speċifiku, l-għan u l-missjoni tal-grupp ta’ xogħol ġew stabbiliti bil-miktub, b’mod li r-rieda tal-partijiet kienet fil-fatt li jiddiskutu l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw it-tul tal-ingaġġ tagħhom mal-BĊE, u dan joħroġ biċ-ċar mill-iskritturi skambjati bejniethom, bħalma hija l-lista tas-suġġetti tad-diskussjoni jew il-minuti tal-laqgħat (ara wkoll il-punt 56 iktar ’il fuq). Fil-fatt, b’mod partikolari, mill-minuti tal-laqgħa li nżammet mill-grupp ta’ xogħol fit-18 ta’ Frar 2014 jirriżulta li r-rikorrenti u l-amministrazzjoni tal-BĊE kienu ftiehmu li jistabbilixxu flimkien il-prinċipji komuni ta’ governanza tal-ħaddiema temporanji tal-BĊE (“sitwazzjoni de lege ferenda”).

135    Barra minn hekk, il-fatt li l-grupp ta’ xogħol ġie kkostitwit fuq inizjattiva ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv responsabbli mill-affarijiet tal-persunal u li dan xtaq jirċievi rapport fuq il-konklużjonijiet li għalihom ikunu waslu l-interlokuturi jagħti lil dan il-grupp ta’ xogħol awtorità partikolari u jwassal sabiex jikkonferma l-impenn sħiħ tal-BĊE fil-konfront tar-rikorrenti sabiex iwassal sat-tmiem id-diskussjonijiet tal-grupp ta’ xogħol mingħajr ma l-istituzzjoni tiddeċiedi, filwaqt li tinjora l-eżistenza ta’ dawn id-diskussjonijiet, li tadotta att li jirrigwarda wieħed mis-suġġetti li kienu preċiżament il-mertu tad-diskussjonijiet tal-imsemmi grupp.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu, ċertament, li mid-diversi dokumenti skambjati bejn il-partijiet ma jirriżultax li dawn, bil-fatt li f’Jannar 2014 stabbilixxew il-grupp ta’ xogħol, kienu intenzjonati jwessgħu, tal-inqas fuq bażi ad hoc, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas għall-ħaddiema temporanji.

137    Madankollu, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti l-addendum tal-ftehim qafas tat-23 ta’ Marzu 2011 jipprovdi, fil-punt 2(e) tiegħu, possibbiltà għall-BĊE u r-rikorrenti li jwaqqfu kumitati u gruppi ta’ xogħol apposta li jirrigwardaw kwistjonijiet speċifiċi. Din id-dispożizzjoni tal-ftehim qafas jipprovdi għaldaqstant bażi legali konvenzjonali għat-twaqqif ta’ gruppi ta’ xogħol, bħalma huwa, f’dan il-każ, il-grupp ta’ xogħol maħluq f’Jannar 2014 li jirrigwarda l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji.

138    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ġiet irrikonoxxuta mill-BĊE bħala sieħba soċjali, u dan kif jixhed il-ftehim qafas. Il-BĊE ma setax għaldaqstant jinjora li, fil-kuntest tal-grupp ta’ xogħol, ir-rikorrenti aġixxiet fil-kapaċità tagħha ta’ sindikat li l-għan soċjali tiegħu kien preċiżament li jiddefendi l-interessi kollettivi tal-persuni impjegati, b’mod partikolari, mill-BĊE jew li jaħdmu għalih. Peress li l-BĊE rrikonoxxa d-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ftehim qafas, il-BĊE ma jistax iċaħħadha minn tali drittijiet għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni li kienu s-suġġett tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ xogħol mingħajr ma jxejjen is-sustanza tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmi grupp.

139    Minn dan għandu jiġi konkluż li, bil-ftuħ tad-djalogu soċjali li jirrigwarda l-kwistjonijiet koperti mill-att ikkontestat, il-partijiet riedu impliċitament iwessgħu d-drittijiet tar-rikorrenti sabiex tkun informata u kkonsultatha li jirriżultaw mill‑ftehim qafas għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-ħaddiema temporanji, tal-inqas sal-konklużjoni tax-xogħolijiet tal-grupp ta’ xogħol ikkostitwit f’Jannar 2014. Peress li l-att ikkontestat jidħol fil-kuntest ta’ politika ġenerali tal-BĊE intiża li tnaqqas l-użu tal-ħaddiema temporanji fi ħdanha, kif jirriżulta mill-punt 27 iktar ’il fuq, għandu jitqies li jirriżulta mill-punt 2(a) tal-ftehim qafas, sa fejn dan jinkludi l-miżuri li jwasslu għat-tibdil fir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-BĊE u l-ħaddiema temporanji u fil-politika ta’ ingaġġ ta’ dawn fi ħdan l-istituzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-twaqqif ta’ grupp ta’ xogħol jistax jitqies bħala li jimplementa direttament, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14 fil-konfront tar-rikorrenti bħala rappreżentant tal-ħaddiema temporanji.

141    Konsegwentement, kif jirriżulta mill-punt 65 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha interess tippreżenta rikors għal annullament tal-att ikkontestat sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

142    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-drittijiet hekk rikonoxxuti tar-rikorrenti nkisrux, f’dan il-każ, minn BĊE, kif qiegħda tallega r-rikorrenti.

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti li tkun informata u tkun ikkonsultata

143    Skont ir-rikorrenti, il-BĊE kiser id-drittijiet tagħha kif jirriżultaw mill-ftehim qafas u mid-diskussjonijiet li daħlet fihom mal-BĊE fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, minħabba, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma rċevietx informazzjoni li kellha tiġi kkomunikata lilha mal-proposta ta’ deċiżjoni kif tirriżulta mill-att ikkontestat, fit-tieni lok, li hija ma ġietx mistiedna għal proċedura ta’ parteċipazzjoni bikrija u, fit-tielet lok, li l-att ikkontestat li huwa r-riżultat tal-mandat tal-grupp ta’ xogħol ġie adottat mingħajr ma l-BĊE stenna r-rapport finali ta’ dan il-grupp. Għaldaqstant, il-BĊE ppreġudika d-djalogu soċjali kif ukoll il-bona fide li huwa għandu jkollu mar-rikorrenti bħala sieħeb soċjali.

144    Il-BĊE ma jikkontestax il-fatt li l-att ikkontestat ġie adottat mingħajr mal-Bord Eżekuttiv stenna r-rapport tal-grupp ta’ xogħol. Huwa lanqas ma jikkontesta l-fatt li l-għan ta’ dan il-grupp ta’ xogħol kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjoni tat-tul tas-servizz tal-ħaddiema temporanji fi ħdan il-BĊE, li huwa preċiżament is-suġġett tal-att ikkontestat, ħaġa li huwa kkonferma waqt is-seduta b’risposta għal domanda mill-Qorti Ġenerali.

145    Issa, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ippreċiżat mid-Direttiva 2002/14, implementat mill-ftehim qafas kif imwessa’ għal kwistjonijiet tal-ħaddiema temporanji bil-ħolqien tal-grupp ta’ xogħol, il-BĊE kellu jagħti aċċess lir-rikorrenti għall-informazzjoni rilevanti kollha li tirrigwarda l-att ikkontestat qabel ma l-att ġie adottat sabiex jippermettilha tipprepara risposta adegwata għat-tibdil fil-politika tal-istituzzjoni fir-rigward tal-ħaddiema temporanji li fih dan l-att u jorganizza konsultazzjoni eventwali fuq dan is-suġġett jew, tal-inqas, jagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li tifformula l-opinjoni tagħha fil-kuntest tar-rapport tal-grupp ta’ xogħol u għaldaqstant li tipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjoni li jista’ jkollha konsegwenzi għall-persuni li l-interessi tagħhom hija tiddefendi.

146    F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jiġi enfasizzat, kif tfakkar ir-rikorrenti u kif jirriżulta mill-għan tal-ftehim qafas, kif iddefinit fil-punt 2(b) tiegħu (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), li d-dritt għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni tal-organizzazzjoni sindikali rikorrenti ma jfissirx, għall-imsieħba soċjali, li jintlaħaq ftehim fuq suġġett sottomess għal dawn il-garanziji proċedurali, imma biss li jipprovdi okkażjoni għall-organizzazzjoni sindikali li jinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija forma ta’ parteċipazzjoni mill-iktar modesta f’teħid ta’ deċiżjoni, sa fejn qatt ma tinvolvi fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tieħu passi fuq l-osservazzjonijiet magħmula, imma li tagħti possibbiltà lill-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ rappreżentant tal-interessi tagħhom, li jagħtu l-fehma tagħhom qabel l-adozzjoni jew it-tibdil ta’ atti li japplikaw b’mod ġenerali li jikkonċernawhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T-63/02, EU:T:2003:308, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata u l-punt 24), u dan, b’mod partikolari, billi jkun hemm aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha matul il-proċess sħiħ ta’ adozzjoni ta’ tali atti, fejn l-għan huwa li organizzazzjoni sindikali, bħalma hija r-rikorrenti, titħalla tipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni bl-iktar mod komplut u effettiv possibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Andres et vs BĊE, T-129/14 P, EU:T:2016:267, punt 57).

147    Għaldaqstant, sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tal-obbligu ta’ konsultazzjoni, l-amministrazzjoni għandha tosserva dan l-obbligu kull darba fejn il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema hija tali li tista’ teżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att li jkun ser jiġi adottat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T-63/02, EU:T:2003:308, punt 23).

148    Minn dan isegwi li, bil-fatt li adotta l-att ikkontestat mingħajr ma involva minn qabel lir-rikorrenti, minkejja li s-suġġett tal-att kien joħroġ mis-suġġet tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ xogħol, u mingħajr ma stenna r-rapport ta’ dan il-grupp ta’ xogħol, il-BĊE ma rrispettax id-drittijiet tar-rikorrenti li tkun informata u tkun ikkonsultata, kif dawn jifformaw parti mill-prerogattivi tagħha bħala organizzazzjoni sindikali rappreżentattiva tal-persuni ikkonċernati, bi ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ippreċiżat mid-Direttiva 2002/14, implementat mill-ftehim qafas, kif imwessa’ għall-ħaddiema temporanji permezz tal-ħolqien tal-grupp ta’ xogħol.

149    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument tal-BĊE li l-att ikkontestat ġie adottat, bil-għan ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex tiġi antiċipata emenda futura tal-AÜG, li l-BĊE jkollu, fi kwalunkwe każ, jikkonforma ruħu magħha.

150    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 29 sa 32 iktar ’il fuq, ma jistax jingħad li l-att ikkontestat ġie adottat bħala sempliċi antiċipazzjoni ta’ emenda futura tal-AÜG.

151    L-ewwel motiv għandu għalhekk jintlaqa’ mingħajr il-bżonn li jkunu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 2008/104 u lanqas il-bżonn li jiġi deċiż dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti, ikkontestati mill-BĊE. Konsegwentement, l-att ikkontestat għandu jiġi annullat mingħajr il-bżonn, barra minn hekk, li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq it-talba għad-danni

152    Ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu morali, li huwa differenti mill-illegalità li fuqha hija bbażata l-annullament tal-att ikkontestat u li ma jistax jiġi kkumpensat totalment b’dan l-annullament, u titlob għalhekk il-ħlas ta’ EUR 15 000 bħala kumpens. Hija ssostni li ġiet imċaħħda mill-kapaċità tagħha bħala msieħba soċjali, peress li l-att ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-djalogu soċjali. Hija tenfasizza li fformulat it-talbiet tagħha għall-irtirar u s-sospensjoni tal-att ikkontestat sakemm ikun hemm l-eżitu fix-xogħlijiet tal-grupp ta’ xogħol.

153    Il-BĊE ssostni li peress li r-rikors huwa inammissibbli u infondat, ma hemm ebda bażi legali għat-talba għad-danni.

154    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Madankollu, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, permezz ta’ deroga għat-tieni paragrafu, il-BĊE għandu jagħmel tajjeb, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għad-danni kkawżati minnu jew mill-membri tal-persunal tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

155    Minn ġurisprudenza stabbilita, applikabbli mutatis mutandis għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jirriżulta li l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illeċitu tal-istituzzjonijiet tagħha jew tal-korpi tagħha, huwa suġġett li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih ikunu kkritikati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, T-3/00 u T-337/04, EU:T:2007:357, punt 290 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T-553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 342 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vsBĊE, T-79/13, EU:T:2015:756, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    F’dan il-każ, mill-punt 148 iktar ’il fuq jirriżulta li l-att ikkontestat huwa illegali sa fejn ġie adottat bi ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti li tkun informata u li tkun ikkonsultata, bi ksur għaldaqstant tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ippreċiżat mid-Direttiva 2002/14, implementata mill-ftehim qafas, kif imwessa’ għall-ħaddiema temporanji permezz tal-ħolqien tal-grupp ta’ xogħol.

157    Mingħajr il-bżonn li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk tali aġir illegali tal-BĊE jikkostitwixxix ksur suffiċjentement sostanzjali fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42) jew jekk il-kundizzjonijiet l-oħra sabiex tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE, kif imfakkra fil-punt 155 iktar ’il fuq, humiex sodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi rilevat li, anki jekk wieħed jippreżumi li dan huwa l-każ, l-annullament tal-att ikkontestat jikkostitwixxi, b’kuntrast ma dak li tallega r-rikorrenti, kumpens adegwat u suffiċjenti tad-dannu morali li seta’ rriżulta minn ksur tad-djalogu soċjali u tal-kapaċità tagħha bħala msieħba soċjali.

158    Fil-fatt, peress li d-dannu morali allegat mir-rikorrenti jirriżulta mill-illegalità tal-att ikkontestat, hija ġurisprudenza stabbilita li tali dannu huwa, fil-prinċipju, suffiċjentement ikkumpensat bil-konstatazzjoni mill-qorti dwar l-imsemmija illegalità, sakemm ir-rikorrenti ma turix li sofriet dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u ma tistax tiġi kkumpensata b’mod totali permezz ta’ dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-239/12 P, EU:C:2013:331, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T-10/02, EU:T:2006:148, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    Ir-rikorrenti ma ġabet ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li d-dannu morali li hija sofriet huwa separabbli, f’dan il-każ, mill-illegalità tal-att ikkontestat.

160    Min-naħa l-oħra, l-annullament tal-att ikkontestat għandu bħala konsegwenza li l-BĊE jkun obbligat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, jieħu l-miżuri sabiex jimplementa din is-sentenza u li jiftaħ u jkompli d-djalogu soċjali mar-rikorrenti li jirrigwarda l-kwistjoni li kienet is-suġġett tal-att ikkontestat, u dan ikollu l-konsegwenza li tikkumpensa b’mod sħiħ għad-dannu morali allegat mir-rikorrenti u li jirriżulta mill-ksur tad-djalogu soċjali mir-rikorrenti u li tirriżulta mill-ksur tad-djalogu soċjali u tal-kapaċità tagħha bħala msieħba soċjali.

161    Konsegwentement, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

162    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

163    F’dan il-każ, il-BĊE tilfet fuq it-talba għall-annullament tal-att ikkontestat, filwaqt li r-rikorrenti tilfet fuq it-talba għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrenti, li għandha tbati l-kwart tal-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tal-20 ta’ Mejju 2014, li jillimita għal sentejn it-tul ta’ żmien massimu li matulu fih il-BĊE jkun jista’ juża s-servizzi tal-istess ħaddiem temporanju għal kompiti ta’ xogħol amministrattivi u segretarjali hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Organizzazzjoni tal-impjegati tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (IPSO). L-IPSO għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha stess.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2016. .

Firem



Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

Fuq in-nuqqas ta’ interess dirett u individwali fuq l-interessi tar-rikorrenti

Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku

Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

2.  Fuq il-mertu

Fuq it-talba għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fid-Direttiva 2002/14 u ppreċiżat u implementat mill-ftehim qafas u mill-allegat “ftehim ad hoc”, kif ukoll fuq il-ksur ta’ dan il-“ftehim ad hoc” u l-ftehim qafas

–  Fuq l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

–  Fuq id-Direttiva 2002/14

–  Fuq il-ftehim qafas

–  Fuq l-istatus tal-grupp ta’ xogħol

–  Fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti li tkun informata u tkun ikkonsultata

Fuq it-talba għad-danni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.