Language of document : ECLI:EU:T:2016:494

Kawża T-710/14

Herbert Smith Freehills LLP

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti marbuta mad-diskussjonijiet ta’ qabel l-adozzjoni tad-direttiva marbuta mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali – Drittijiet tad-difiża – Interess pubbliku superjuri”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Règlement Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti – Obbligu ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti koperti minn eċċezzjoni – Portata

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessi 1, 2 u 4 u Artikolu 1 u 4)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni – Portata li tikkonċerna d-dokumenti li fuqhom ikun imsejjes il-proċess leġiżlattiv

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessi 2 u 6 u Artikolu 4)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jeżaminaw in-natura ta’ parir legali tal-att u l-possibbiltà konkreta ta’ preġudizzju tal-protezzjoni tal-parir legali u li jivverfikaw l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar – Żvelar tal-pariri legali marbuta ma’ proċessi leġiżlattivi – Obbligu tal-istituzzjoni li jipprovdu motivazzjoni ddettaljata għal kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Kunċett ta’ parir legali – Parir legali li jirriżulta minn persuna estranja għall-istituzzjoni u mibgħuta lid-dipartimenti legali ta’ istituzzjonijiet oħra – Inklużjoni

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Kamp ta’ applikazzjoni – Skambji ta’ perspettivi bejn id-dipartimenti legali ta’ tliet istituzzjonijiet marbuta mal-adozzjoni ta’ test leġiżlattiv fil-kuntest ta’ trilogu – Inklużjoni

(Artikolu 294 TFUE; Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza – Neċessità li jiġu sostnuti kunsiderazzjonijiet partikolari inkonnessjoni mal-każ

(Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 4(2), it-tieni inċiż)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Interess suġġettiv tal-persuna kkonċernata li tipparteċipa fi proċedura deċiżjonali nazzjonali – Esklużjoni

(Artikolu 15 TFUE; Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, premessi 1, 2 u 4 u Artikolu 2(1) u 4(2), it-tieni inċiż)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu li jingħata aċċess parzjali għad-data mhux koperta mill-eċċezzjonijiet – Portata – Limiti

Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 4(2) u 6)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29-33)

2.      Meta tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, istituzzjoni għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, manifestament, rilevanza partikolari fir-rigward tad-dokumenti tal-Kummissjoni stabbiliti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, preċiżament f’dan il-każ għandu jiġi awtorizzat aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti. F’dan ir-rigward, it-trasparenza tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom.

(ara l-punti 34, 35)

3.      Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-eżami li għandu jitwettaq minn istituzzjoni meta tintalab tiżvela dokument għandu neċessarjament isir fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji li jinsabu f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-istituzzjoni, l-ewwel nett, għandha tiżgura li d-dokument li qed jintalab jiżvela jikkonċerna verament parir legali. It-tieni nett, hija għandha teżamina jekk l-iżvelar ta’ partijiet mid-dokument inkwistjoni identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali jippreġudikax il-protezzjoni li minnha għandhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar, fis-sens li huma jippreġudikaw l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi. Ir-riskju ta’ preġudizzju lil dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. It-tielet u l-aħħar nett, jekk l-istituzzjoni tqis li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni dovuta lill-pariri legali bħal kif għadha kif ġiet iddefinita, hija għandha l-obbligu li tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn hekk għall-kapaċità tagħha li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u komprensivi.

Sa fejn l-iżvelar tal-pariri tad-dipartiment legali ta’ istituzzjoni maħruġ fil-kuntest ta’ proċeduri leġiżlattivi jista’ jippreġudika l-interess tal-protezzjoni tal-indipendenza ta’ dan id-dipartiment legali, dan ir-riskju għandu jitwieżen mal-interessi pubbliċi superjuri li fuqhom huwa msejjes ir-Regolament Nru 1049/2001.Jikkostitwixxi tali interess pubbliku superjuri l-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu l-parir tad-dipartiment legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali naxxenti minn dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw informazzjoni li tkun kkostitwiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv, kif previst, b’mod partikolari, fil-premessi 2 u 6 tal-imsemmi regolament. Dan ir-regolament konsegwentement jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tal-pariri tad-dipartiment legali ta’ istituzzjoni dwar proċessi leġiżlattivi. Madankollu din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv, iżda li għandu natura partikolarment sensittiva, jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ħarsien tal-pariri legali. F’każ bħal dan, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha timmotiva r-rifjut b’mod dettaljat.

(ara l-punti 42-45)

4.      Il-kunċett ta’ parir legali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni huwa marbut mal-kontenut ta’ dokument u mhux mal-awtur jew id-destinatarji tiegħu. Kif jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tat-termini “parir legali”, dan huwa parir marbut ma’ kwistjoni ta’ dritt, irrispettivament mill-modalitajiet segwiti sabiex jingħata tali parir. Fi kliem ieħor, huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-parir legali, li d-dokument li jinkludi tali parir kien ingħata fi stadju prekoċi, avvanzat jew finali tal-proċess deċiżjonali. Bl-istess mod, il-fatt li l-parir ingħata f’kuntest formali jew informali huwa irrilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini.

Barra minn hekk, l-eċċezzjoni dwar il-parir legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tkun interpretata bħala intiża biex tħares l-interess ta’ istituzzjoni li titlob parir legali u li tirċievi parir sinċier, oġġettiv u komprensiv. F’dan ir-rigward, minkejja li, bħala prinċipju, istituzzjoni tirrikorri għad-dipartiment legali tagħha, xejn ma jżomm l-imsemmija istituzzjoni, fejn applikabbli, li testernalizza t-talba għal tali parir. Dan ikun il-każ pereżempju jekk l-istituzzjoni inkwistjoni titlob parir lil uffiċju ta’ avukati.Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-parir legali maħruġ minn awtur intern jew estern ma hijiex ta’ importanza għall-istituzzjoni li tinvoka l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri. Bl-istess mod, xejn ma jżomm lill-istituzzjoni li invokat l-imsemmija eċċezzjoni milli tikkondividi dan il-parir ma’ terz. Issa, il-fatt li dokument li jinkludi parir legali maħruġ minn istituzzjoni intbagħat lid-dipartimenti legali ta’ istituzzjonijiet oħra jew lil Stat Membru ma jolterax, bħala tali, in-natura ta’ dan id-dokument. Għaldaqstant, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jirriżultax li parir legali għandu jkun maħruġ minn istituzzjoni għal użu intern biss.

(ara l-punti 48, 50-54)

5.      L-iskambji ta’ opinjonijiet legali bejn id-dipartimenti legali ta’ tliet istituzzjonijiet bil-għan li jintlaħaq kompromess fuq test leġiżlattiv fil-kuntest ta’ trilogu skont l-Artikolu 294 TFUE jistgħu jiġu kklassifikati, fejn applikabbli, bħala pariri legali u, għaldaqstant, jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, id-dipartimenti legali jaġixxu skont mandat u bil-għan li jsibu ftehim. Għaldaqstant huma jaġixxu kemm bħala negozjanti kif ukoll bħala konsulenti fuq punti legali.

(ara l-punti 59, 60)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 67-69, 72)

7.      Fir-rigward tan-neċessità li tikseb l-iżvelar tad-dokumenti li saret applikazzjoni għall-iżvelar tagħhom skont ir-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, abbażi tal-interess superjuri bil-għan li tkun f’pożizzjoni li tipprepara aħjar l-intervent tagħha fil-proċedura ġudizzjarja nazzjonali, tali argument ma jikkostitwixxix, bħala tali, interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar li jista’ jipprevali fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti kif sanċit fl-Artikolu 15 TUE u tal-premessi 1 u 2 tal-imsemmi Regolament, dan l-interess għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi mfixkel ma’ interessi partikolari jew privati.

(ara l-punt 74)

8.      L-istituzzjonijiet għandhom dritt ma jagħtux aċċess parzjali, f’każ li l-eżami tad-dokumenti inkwistjoni jkunu juru li l-imsemmi aċċess parzjali ikun mingħajr sens peress li l-partijiet ta’ dawn id-dokumenti, jekk jiġu żvelati, ma jkunu tal-ebda utilità għall-persuna li titlob l-aċċess.

(ara l-punt 80)