Language of document : ECLI:EU:T:2017:748

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Sistema ta’ tiswija selettiva – Rifjut ta’ manifatturi tal-arloġġi Svizzeri sabiex jipprovdu partijiet ta’ bdil lill-arluġġara indipendenti – Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ – Eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment”

Fil-Kawża T-712/14,

Confédération européenne des associations d’horlogers- réparateurs (CEAHR), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn P. Mathijsen u P. Dyrberg, sussegwentement minn M. Sánchez Rydelski u fl-aħħar minn P. Benczek, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek, M. Farley u C. Urraca Caviedes, sussegwentement minn A. Dawes, F. Ronkes Agerbeek u J. Norris-Usher, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

LVMH Moët Hennessy-Louis Vuitton SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Froitzheim, avukat, u R. Subiotto, QC,

minn

Rolex, SA, stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn Araujo Boyd, avukat,

u minn

The Swatch Group SA, stabbilita f’Neuchâtel (l-Isvizzera), inizjalment irrappreżentata minn A. Israel u M. Jakobs, sussegwentement minn A. Israel u J. Lang, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5462 finali, tad-29 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti li jikkonċerna ksur allegat tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (Każ AT.39097– Tiswija tal-arloġġi),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg u B. Berke (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

 Proċedura amministrattiva

1        Ir-rikorrenti, il-Confédération européenne des associations d’horlogers- réparateurs (CEAHR), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita minn disa’ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ tmien Stati Membri li jirrappreżentaw l-interessi tal-arluġġara indipendenti.

2        Fl-20 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra The Swatch Group SA, Richemont International SA, LVMHMoët Hennessy-Louis Vuitton SA, Rolex, SA, Manufacture des montres Rolex SA, Société anonyme de la Manufacture d’horlogerie Audemars Piguet & Cie u Patek Philippe SA Manufacture d’Horlogerie (iktar ’il quddiem, il-“manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri”), fejn iddikjarat l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fost dawn u allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jirriżulta mir-rifjut, minn dawn il-manifatturi, li jkomplu jipprovdu bi partijiet ta’ bdil lill-arluġġara indipendenti.

3        Fl-10 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2008) 3600 (Każ COMP/E-1/39.097 – Tiswija tal-arloġġi), li permezz tagħha ċaħdet l-ilment tal-CEAHR billi invokat l-assenza ta’ interess suffiċjenti għall-Unjoni Ewropea sabiex titkompla l-investigazzjoni fuq il-ksur allegat.

4        Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti u li teżamina bir-reqqa dawn il-punti ta’ kollha li r-rikorrenti għarrfitha bihom, li ma ma mmotivatx biżżejjed l-affermazzjoni tagħha li l-ilment jikkonċerna l-iktar parti minn suq ta’ daqs limitat u b’hekk ta’ importanza ekonomika wkoll limitata u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tal-arloġġi ma kienx jikkostitwixxi suq rilevanti separat, iżda li kellu jiġi eżaminat flimkien ma’ dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. Konsegwentement, hija kkunsidrat li l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni kienu tali li jaffettwaw l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni sabiex jitkompla l-eżami tal-ilment (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:517, punti 33 sa 43, 76 sa 119 u 157 sa 178).

5        Wara din is-sentenza, fl-1 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). Fid-29 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti bil-pożizzjoni provviżorja tagħha f’dak li jikkonċerna l-ilment, fl-okkażjoni ta’ laqgħa fuq l-istat tal-kwistjoni. Wara eżami, hija ddeċidiet li ma tkomplix l-investigazzjonijiet tagħha.

6        B’ittra tat-3 ta’ Settembru 2013, hija informat formalment lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment.

7        B’ittra tas-27 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fuq iċ-ċaħda tal-ilment. Hija sostniet li r-rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu l-partijiet ta’ bdil kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

8        Wara li laqgħat l-osservazzjonijiet ta’ Richemont, Rolex u The Swatch Group, fis-16 ta’ Settembru, fit-18 u fid-19 ta’ Novembru 2013 rispettivament, u wara li bagħtet dawn l-osservazzjonijiet u d-dokumenti mhux kunfidenzjali li fuqhom ibbażat l-evalwazzjoni tagħha, lir-rikorrenti, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, fis-16 ta’ Jannar u fil-5 ta’ Marzu 2014, waqt il-laqgħat tagħhom fuq l-istat tal-kwistjoni, li l-osservazzjonijiet tagħha ma kienx fihom elementi ġodda sinjifikattivi li jistgħu jbiddlu l-pożizzjoni inizjali tagħha.

9        Fid-29 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat lid-Deċiżjoni C(2014) 5462 finali fil-Każ AT.39097 – Tiswija ta’ arloġġi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti minħabba n-natura sproporzjonata ta’ riżorsi li kienet teħtieġ investigazzjoni iktar fid-dettall fid-dawl tal-probabbiltà dgħajfa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Il-Kummissjoni llimitat l-investigazzjoni tagħha għall-arloġġi li, minħabba raġunijiet ekonomiċi u tekniċi, jistħoqq li jiġu msewwija u mantenuti, jiġifieri l-arloġġi li jinbiegħu bi prezz ta’ iktar minn EUR 1 000 (iktar ’il quddiem, l-“arloġġi prestiġġjużi”).

11      Qabel kollox, il-Kummissjoni fakkret in-natura kompetittiva tas-suq tal-manifattura tal-arloġġi prestiġġjużi.

12      Il-funzjonament tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manteniment huwa deskritt fil-premessi 65 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li l-parti l-kbira tal-manifatturi Svizzeri implementaw sistemi ta’ tiswija selettiva li ppermettiet lil arluġġara indipendenti sabiex isiru arluġġara awtorizzati taħt il-kundizzjoni li josservaw kriterji marbuta mat-taħriġ, mal-esperjenza u mat-tagħmir tagħhom, u man-natura adattata tal-istabbilimenti tagħhom. Dawn is-sistemi ġew stabbiliti progressivament minn ċerti manifatturi f’perijodi differenti, filwaqt li xi manifatturi oħra baqgħu jipprovdu lil xi arluġġara indipendenti bi partijiet ta’ bdil. Barra minn hekk, ċerti manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri implementaw tali sistemi fejn baqgħu jużaw is-servizzi ta’ arluġġara indipendenti għall-arloġġi antiki. L-arluġġara awtorizzati jkollhom aċċess għall-partijiet ta’ bdil u għall-għodda speċifiċi tal-marka kif ukoll għall-informazzjoni teknika neċessarja. Huma ma jkunux jistgħu jbigħu l-partijiet ta’ bdil lil arluġġara mhux awtorizzati, u jkunu ta’ spiss ukoll distributuri ta’ dawn l-arloġġi u responsabbli għas-servizz ta’ wara l-bejgħ. Il-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri implementaw ukoll netwerks ta’ tiswija interni. L-investiment neċessarju sabiex wieħed isir arluġġar awtorizzat jiddependi fuq il-marka u fuq is-servizzi ta’ tiswija pprovduti, li jistgħu jkunu bażiċi jew kompleti, jiġifieri jimplikaw l-iżmantellament tal-mutur li jdawwar il-minutieri u jħaddem il-funzjonijiet addizzjonali, jiġifieri l-moviment. Għal ċerti manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, il-proporzjon tat-tiswija mwettqa mill-arluġġara awtorizzati hija kbira ħafna. Barra minn hekk, l-arloġġi prestiġġjużi jkollhom ta’ spiss movimenti mekkaniċi iktar kumplessi li jeħtieġu livell ta’ għarfien iktar sofistikat mill-movimenti bil-kwarz.

 Definizzjoni tas-suq

13      Fil-premessi 85 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat is-suq tal-bejgħ tal-arloġġi prestiġġjużi (is-suq primarju), dak tal-provvista ta’ servizzi ta’ manteniment u tat-tiswija ta’ dawn l-arloġġi u dak tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil (is-swieq sekondarji) li l-firxa ġeografika tagħhom tkopri liż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Hija kkunsidrat li s-suq primarju u s-swieq sekondarji huma swieq distinti u separati.

14      F’dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ tiswija u ta’ manteniment, il-Kummissjoni kkonstatat li kienet teżisti sostitwibbiltà dgħajfa bejn is-servizzi ta’ tiswija ta’ marka u oħra, sal-punt li jista’ jiġi kkunsidrat li kienu jeżistu swieq distinti għal kull marka.

15      F’dak li jikkonċerna l-provvista ta’ partijiet ta’ bdil, hija kkonstatat li s-sostitwibbiltà hija tant dgħajfa peress li l-partijiet ta’ bdil ma humiex ġeneralment interkambjabbli bejn marka u oħra u li, meta jkunu, il-konsumatur jippreferi juża partijiet ta’ bdil oriġinali sabiex ma jnaqqasx mill-valur tal-arloġġ. Għaldaqstant għat-tiswija u l-manteniment, jeżistu diversi swieq distinti, fejn kull wieħed huwa assoċjat ma’ marka.

 Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri qegħdin f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tat-tiswija u tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil, sa fejn id-dħul f’dawn is-swieq jeħtieġ investiment kbir minħabba l-karatteristiċi tagħhom.

17      Madankollu, peress li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri implementaw sistema ta’ tiswija selettiva li tippermetti lil arluġġara indipendenti jsiru arluġġara awtorizzati, taħt il-kundizzjoni li jissodisfaw kriterji oġġettivi, il-Kummissjoni ddeċidiet li, bil-kontra tal-preċedenti invokati mir-rikorrenti, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li rriżervaw is-swieq sekondarji għalihom innifishom billi ostakolaw id-dħul tal-indipendenti f’dawn is-swieq. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li tali sistema ma teliminax lill-kompetizzjoni effettiva, peress li tibqa’ teżisti bejn l-arluġġara awtorizzati, u dan iktar u iktar meta jistgħu jsewwu arloġġi ta’ marki differenti.

18      Fl-assenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi u minħabba l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ tiswija selettiva bbażata fuq xi kriterji kwalitattivi, ir-rifjut li titkompla l-provvista ta’ partijiet ta’ bdil ma huwiex għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż. Tista’ wkoll tiġi spjegata minn ġustifikazzjonijiet oġġettivi u t-tfittxija ta’ żidiet fil-produttività, b’mod partikolari l-preżervazzjoni tal-immaġini tal-marka u tal-kwalità tal-prodotti tagħha, il-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni u ż-żieda fil-kumplessità teknika tal-arloġġi mekkaniċi li jrendu neċessarja tiswija ta’ kwalità. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti f’din il-kawża kienet limitata.

 Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE

19      F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, wara l-investigazzjoni tagħha, li s-sistemi ta’ tiswija selettivi ma ġewx implementati fl-istess perijodu mill-manifatturi kollha tal-arloġġi Svizzeri. Uħud minn dawn komplew ukoll jipprovdu l-partijiet ta’ bdil lil xi arluġġara indipendenti. Għaldaqstant, fl-opinjoni tagħha, ma setatx tiġi konkluża l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, għall-bqija, l-eżistenza ta’ swieq distinti ta’ partijiet ta’ bdil għal kull marka ċċaħħad l-utilità tal-implementazzjoni ta’ prattika miftiehma intiża sabiex tinterrompi l-provvista tagħhom lil arluġġara indipendenti.

20      Fir-rigward tal-konformità tas-sistemi ta’ tiswija selettiva mar-Regolament tal-Kummissjoni(UE), Nru 330/2010, tal-20 ta’ April 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1), il-Kummissjoni indikat li l-investigazzjoni tagħha ma kinitx ippermettiet li jiġi stabbilit li l-arluġġara awtorizzati ma kinux liberi li jiddeterminaw il-prezz tat-tiswijiet, peress li l-kuntratti ma pprevedux prezzijiet indikattivi jew prezz minimu. Hija ppreċiżat ukoll li l-analiżi tal-imsemmija kuntratti lanqas ma ppermettiet li tiġi identifikata restrizzjoni fundamentali fis-sens ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, peress li l-manifatturi għandhom ġeneralment parti mis-suq ikbar minn 30% tas-swieq sekondarju tal-marka tagħhom, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli.

21      Wara, l-Kummissjoni vverifikat jekk is-sistemi ta’ tiswija selettiva jissodisfawx il-kriterji tal-ġurisprudenza sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fl-ewwel lok, hija kkunsidrat li n-natura tal-prodott trendi neċessarja sistema selettiva ta’ tiswija sabiex tinżamm il-kwalità tal-arloġġi, jiġi assigurat l-aħjar użu tagħhom, tipprevjeni l-falsifikazzjoni u li tiġi ppreżervata l-immaġini tal-marka u l-idea ta’ esklussività u ta’ prestiġju marbuta ma’ dawn il-prodotti lussużi mill-perspettiva tal-konsumaturi. Fit-tieni lok, hija qieset li l-investigazzjoni tagħha ma kinitx żvelat li l-għażla tal-arluġġara awtorizzati ma kinitx twettqet fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi applikati b’mod uniformi u mhux diskriminatorju. Fit-tielet lok, hija kkunsidrat li l-kriterji bbażati fuq it-taħriġ u l-esperjenza tal-arluġġara, tal-għodda, tat-tagħmir u tal-istokk tal-partijiet ta’ bdil għad-dispożizzjoni tagħhom, li jservu sabiex jevalwaw il-kapaċità tagħhom sabiex iwettqu tiswijiet f’terminu raġonevoli, minkejja li jvarjaw bejn il-manifatturi, kienu tassew kriterji kwalitattivi u ma marrux lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiġi żgurat l-għan tas-sistema. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tagħha kienet żvelat li l-arluġġara awtorizzati ma kinux marbuta kuntrattwalment sabiex ma jsewwux arloġġi ta’ marki oħra, u li l-investiment sinjifikattiv li għandu jitwettaq ma setax jiġi kkunsidrat bħala ostakoli artifiċjali għad-dħul fis-suq u ma kienx sproporzjonati, peress li kien ġġustifikat mill-għan ta’ kwalità u li ma kienx rari li l-arluġġara jaħdmu għal diversi marki.

22      Konsegwentement, hija ddeċidiet li ma tantx huwa probabbli li dawn is-sistemi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

23      Fir-rigward tal-projbizzjoni imposta fuq l-arluġġara awtorizzati sabiex jipprovdu partijiet ta’ bdil lil arluġġara indipendenti, hija fakkret li dan huwa element inerenti għas-sistemi selettivi, li wkoll jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u li ma jistax jiġi kkunsidrat mir-Regolament Nru 330/2010 bħala restrizzjoni fundamentali, bil-kontra ta’ dak li ġie previst għall-qasam tal-vetturi bil-mutur. L-analoġija li saret mir-rikorrenti ma’ dan il-qasam ma tkunx, għaldaqstant, rilevanti. B’hekk, din il-projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid lanqas ma hija, skont il-Kummissjoni, tali li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

24      Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li, anki fil-każ ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għall-investigazzjoni tal-ilment, il-possibbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet dgħajfa, hekk li tali allokazzjoni kienet tkun sproporzjonata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-23 u fit-30 ta’ Jannar u fit-23 ta’ Frar 2015, l-intervenjenti, The Swatch Group, LVMH Moët Hennessy-Louis Vuitton u Rolex talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-21 ta’ April 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ lil dawn l-interventi.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2015, Cousins Material House Ltd talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-11 ta’ Novembru 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal intervent ta’ Cousins Material House.

28      L-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fit-terminu previst.

29      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mit-Tieni Awla.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball fil-karatterizzazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-abbuż li jirriżulta mir-rifjut, minn naħa tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, li jipprovdu partijiet ta’ bdil lill-arluġġara indipendenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata tas-sistema ta’ tiswija selettiva u tar-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattiki miftiehma. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 ma jagħtix lil-lanjant id-dritt li jeżiġi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva rigward l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-ksur allegat, bl-istess mod bħalma ma jobbligax lill-Kummissjoni tkompli f’kull każ il-proċedura sal-istadju ta’ deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il-Kummissjoni, C- 56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punt 57; tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, EU:T:1992:97, punt 75, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T-74/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:283, punt 42).

34      Fil-fatt, il-Kummissjoni, li bl-Artikolu 105(1) TFUE għandha l-kompitu li tara li jiġu applikati l-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija msejħa tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sabiex twettaq b’mod effettiv dan il-kompitu, hija tista’ għalhekk tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha, u tiddisponi għal dan il-għan minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, EU:C:1999:116, punti 88 u 89; tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, EU:C:2001:275, punt 36, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T-74/11, mhux ippubblikata EU:T:2013:283, punt 43).

35      Meta, billi teżerċita din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti li jitressqu quddiemha, hija tista’ mhux biss tiddeċiedi l-ordni li fihom ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti għall-Unjoni sabiex tkompli teżamina l-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:51, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Sabiex jiġi evalwat l-interess tal-Unjoni sabiex titkompla l-eżami ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. B’mod partikolari, għandha, wara li tkun evalwat, bl-attenzjoni kollha rikjesta, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa mill-parti lanjanti, tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, EU:T:1992:97, punt 86, u tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:51, punt 158).

37      F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni b’dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:51, punt 65, u tal-11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T-104/07 u T-339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 219).

38      Barra minn hekk, peress li l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni ppreżentat minn ilment tiddependi fuq il-funzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, ma għandu la jiġi llimitat in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li għalihom tista’ tirreferi l-Kummissjoni, u lanqas, bil-kontra, jiġi impost fuqha r-rikors esklussiv lejn ċerti kriterji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tagħti prijorità lil kriterju wieħed sabiex tevalwa l-interess tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-450/98 P, EU:C:2001:276, punt 58, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T-432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 25).

39      Barra minn hekk, huwa inerenti għall-proċedura tal-ilmenti li l-piż tal-prova tal-ksur allegat jaqa’ fuq il-lanjanti. L-istess, fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad ilment, hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta lill-qrati tal-Unjoni l-argumenti u l-elementi ta’ prova sabiex turi l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il-Kummissjoni, C-56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punti 72 u 73).

40      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiċċensura l-elementi tad-deċiżjoni li ma ġewx ikkontestati b’mod utli mir-rikorrenti, u lanqas li tilqa’ l-argumenti li hija tressaq mingħajr provi.

41      Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni ma hijiex mingħajr limiti. Fil-fatt, hija obbligata teżamina fid-dettall il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jitressqu għall-attenzjoni tagħha mil-lanjanti (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, EU:C:1999:116, punt 86, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T-74/11, mhux ippubblikata EU:T:2013:283, punt 46). Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti tal-Unjoni ma jimplikax li hija għandha tastjeni milli tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, u jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, EU:T:2007:289, punt 89, u tal-11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T-104/07 u T-339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 220).

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati.

43      Fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat it-tielet motiv, dwar żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata tas-sistemi ta’ tiswija selettivi u tar-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil, fit-tieni lok, it-tieni motiv, dwar żball manifest fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż li jirriżulta mir-rifjut, minn naħa tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, li jipprovdu l-partijiet ta’ bdil lill-arluġġara indipendenti, fit-tielet lok, l-ewwel motiv, dwar żball manifest fil-karatterizzazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, fir-raba’ lok, ir-raba’ motiv, dwar żball manifest fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattiki miftiehma, fil-ħames lok, il-ħames motiv, dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u fis-sitt lok, is-sitt motiv, dwar ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq it-tielet motiv, dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata, nondiskriminatorja u proporzjonata tas-sistemi ta’ tiswija selettiva u tar-rifjut li jiġu pprovduti partijiet ta’ bdil

44      It-tielet motiv ippreżentat mir-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-ġurisprudenza billi kkunsidrat li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, u, b’analoġija, sistema ta’ tiswija selettiva, ma taqax taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, taħt il-kundizzjoni li tkun ġustifikabbli oġġettivament, nondiskriminatorja u proporzjonata, filwaqt li jkun neċessarju barra minn hekk li tali sistema ma jkollhiex bħala effett li telimina kull kompetizzjoni. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li s-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni kienu oġġettivament iġġustifikati, nondiskriminatorji u proporzjonati.

45      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar il-kundizzjonijiet ta’ konformità ta’ sistema selettiva mal-Artikolu 101(1) TFUE

46      Ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li s-sistemi ta’ tiswija inkwistjoni huma konformi mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 101 TFUE peress li huma ġustifikabbli oġġettivament, nondiskriminatorji u proporzjonati. Bil-kontra, tali sistemi ma jkunux konformi ma’ dan l-artikolu ħlief jekk, minbarra dawn il-kundizzjonijiet, ma għandhomx bħala effett li jeliminaw kull kompetizzjoni, jiġifieri jekk ir-restrizzjonijiet li huma jintroduċu jiġu bbilanċjati minn fatturi oħra ta’ kompetizzjoni bejn prodotti tal-istess marka jew minn eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva bejn marki differenti, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Hija żżid li l-kwistjoni tal-konformità tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettivi ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata dik tas-sistemi ta’ tiswija selettivi sa fejn is-suq għal dawn il-prodotti primarji huwa distint minn dak tas-suq ta’ servizzi ta’ tiswija u ta’ manteniment.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

48      Fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva hija ġeneralment ikkunsidrata bħala li ma taqax fl-Artikolu 101(1) TFUE, peress li ma tipproduċix effetti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li tkun oġġettivament, iġġustifikata, nondiskriminatorja u proporzjonali. Insegwitu applikat dawn il-kundizzjonijiet għas-sistemi ta’ tiswija selettiva inkwistjoni.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kanali ta’ distribuzzjoni differenzjati adatti għall-karatteristiċi speċifiċi tal-manifatturi differenti u għall-bżonnijiet tal-kategoriji differenti tal-konsumaturi huma partikolarment iġġustifikati fil-qasam tal-oġġetti għal konsum fuq tul ta’ żmien, ta’ kwalità u tekniċità għolja, li fihom numru relattivament ristrett ta’ manifatturi, kbar u medji, joffru serje varjata ta’ tagħmir faċilment sostitwibbli u li tali prodotti jistgħu, fil-fatt, jeħtieġu servizz ta’ bejgħ u ta’ wara l-bejgħ adattati speċjalment mal-karatteristiċi tagħhom u marbuta mad-distribuzzjoni tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1986, Metro vs Il-Kummissjoni, 75/84, EU:C:1986:399, punt 54).

50      Issa, mir-riferiment għas-servizz ta’ wara l-bejgħ adattat speċjalment, jirriżulta li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata l-konformità ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva mal-Artikolu 101 TFUE jistgħu wkoll jintużaw sabiex jiġi evalwat jekk sistema ta’ tiswija selettiva, li taqa’ taħt is-servizz ta’ wara l-bejgħ, tipproduċix effetti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni. Il-kriterji li jirrigwardaw is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettivi jistgħu għaldaqstant jiġu applikati, b’analoġija, sabiex jiġu evalwati s-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni.

51      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rikonoxximent li sistema selettiva hija oġġettivament iġġustifikata, nondiskriminatorja u proporzjonata għandu jiddependi wkoll fuq l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn prodotti u servizzi ta’ marki differenti li jistgħu jikkumpensaw ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni bejn prodotti tal-istess marka li jirriżultaw mis-sistema selettiva, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza.

52      Fil-fatt, fir-rigward tal-ftehimiet li tikkostitwixxi s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li ftehimiet bħal dawn neċessarjament jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, EU:C:1983:293, punt 33, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punt 39). Madankollu, hija rrikonoxxiet li kienu jeżistu rekwiżiti leġittimi, bħaż-żamma ta’ kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi li jforni servizzi speċifiċi għall-prodotti ta’ kwalità u teknika għolja, li jiġġustifikaw tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet għall-vantaġġ tal-kompetizzjoni li tirrigwarda elementi oħra minbarra l-prezzijiet. Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva b’hekk jikkonsistu f’element ta’ kompetizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, peress li huma għandhom bħala għan li jilħqu riżultat leġittimu, li huwa ta’ natura li tittejjeb il-kompetizzjoni, meta din ma hijiex ibbażata biss fuq il-prezzijiet, (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, EU:C:1983:293, punt 33, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punt 40).

53      Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni ma jaqax fil-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa sseħħ abbażi tal-kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa kollha potenzjali u applikati b’mod mhux diskriminatorju, li l-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtieġu, sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb, tali netwerk u fl-aħħar nett, li l-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 20; tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, EU:C:1980:289, punti 15 u 16, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punt 41).

54      Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li huwa neċessarju li jiġi vverifikat li dawn in-netwerks ta’ distribuzzjoni ma għandhomx bħala effett li jeliminaw kull kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq huma ssodisfatti, dan ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li sistema selettiva hija element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE.

55      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkunsidrat li s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, u, b’analoġija, sistema ta’ tiswija selettiva, kienet konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, taħt il-kundizzjoni li tkun oġġettivament iġġustifikata, nondiskriminatorja u proporzjonata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura oġġettivament iġġustifikata, nondiskriminatorja u proporzjonata tas-sistemi ta’ tiswija selettivi

56      Ir-rikorrenti tikkunsidra li s-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni ma humiex oġġettivament iġġustifikati, diskriminatorji u sproporzjonati.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Fuq l-ewwel ilment, dwar in-natura oġġettivament iġġustifikata tas-sistemi ta’ tiswija selettivi

58      Ir-rikorrenti tikkritika r-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni huma oġġettivament iġġustifikati. B’mod partikolari, hija tafferma li l-arloġġi ma jippreżentawx kumplessità partikolari li tiġġustifika l-implementazzjoni ta’ dawn is-sistemi, li l-preżervazzjoni tal-immaġini ta’ prestiġju ma tistax tikkostitwixxi għan leġittimu sabiex tiġi ristretta l-kompetizzjoni u li l-imsemmija sistemi ma jistgħux jippermettu li tittejjeb il-protezzjoni mill-falsifikazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma ttrattatx l-ilment b’mod adattat jirriżulta wkoll mit-tweġiba mogħtija lill-argumenti tagħha li jikkonċernaw l-analoġija mal-qasam tal-vetturi bil-mutur li fiha l-manifatturi ma jistgħux jostakolaw l-aċċess tal-arluġġara indipendenti għall-partijiet ta’ bdil.

59      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

60      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien probabbli li s-sistemi jkunu ġġustifikati mill-għanijiet imressqa mill-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, jiġifieri, il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-kumplessità tal-mudelli tal-arloġġi prestiġġjużi, il-preżervazzjoni tal-immaġini tal-marka, iż-żamma ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ kwalità ogħla u uniformi, u l-prevenzjoni ta’ falsifikazzjoni.

61      Fl-ewwel lok, għalkemm ir-rikorrenti tallega li l-mekkaniżmi tal-arloġġi ma humiex kumplessi, hija ma tipproduċi l-ebda prova konkreta insostenn ta’ din l-allegazzjoni tali tikkontesta l-konstatazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-kritika magħmula lill-Kummissjoni li ma sejħitx espert sabiex jivverifika lil din il-kumplessità, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li jekk il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi fuq l-eżistenza jew le ta’ ksur, hija ma hijiex obbligata twettaq investigazzjoni, peress li din tal-aħħar jista’ jkollha biss bħala suġġett it-tfittxija ta’ elementi ta’ prova li jirrigwardaw l-eżistenza jew le ta’ ksur li hija ma hijiex marbuta sabiex tikkonstata (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, EU:T:1992:97, punt 76, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T-432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 68). Għaldaqstant, ma tistax tiġi kkritikata minħabba l-fatt li ma sejħitx lil espert.

62      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju kredibbli ta’ falsifikazzjoni u tan-natura neċessarja ta’ sistema ta’ tiswija selettiva sabiex tittejjeb il-prevenzjoni ta’ dan ir-riskju, l-affermazzjonijiet mhux sostnuti tar-rikorrenti lanqas ma huma tali li jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. Dan huwa minnu wkoll għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-dedikazzjoni tal-arluġġara indipendenti u l-oppożizzjoni tagħhom għall-prattiki ta’ falsifikazzjoni.

63      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri jikkonfermaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ falsifikazzjoni tal-arloġġi prestiġġjużi u tal-partijiet ta’ bdil tagħhom u li l-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova li tista’ turi li ma hemmx riskju ta’ falsifikazzjoni u li l-kontroll tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil ma tistax tkun mezz li jista’ jillimita l-falsifikazzjoni ta’ dawn l-partijiet ta’ bdil.

64      Konsegwentement, l-allegazzjonijiet mhux sostnuti tar-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi kkunsidrat li l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi u ta’ rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil tista’ tkun iġġustifikata mill-iskop tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.

65      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi mill-għan tal-preżervazzjoni tal-immaġini ta’ marka ta’ arloġġi prestiġġjużi, għandu jiġi enfasizzat li, bħar-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li tiġi ppreżervata l-immaġini ta’ prestiġju ma jammontax għal għan leġittimu sabiex tiġi limitata l-kompetizzjoni u b’hekk ma jistax jiġġustifika li klawżola kuntrattwali li għandha għan bħal dan ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punt 46).

66      Madankollu, jirriżulta wkoll minn din is-sentenza li, għalkemm il-preżervazzjoni tal-immaġini ta’ marka ma tiġġustifikax restrizzjoni tal-kompetizzjoni mill-implementazzjoni ta’ sistema ta’ tiswija selettiva, l-għan ta’ preżervazzjoni tal-kwalità tal-prodotti u tal-użu tajjeb tagħhom jista’, huwa biss, jiġġustifika tali restrizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma ta’ kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi li jforni servizzi speċifiċi għall-prodotti ta’ kwalità u teknika għolja hija rekwiżit leġittimu, u li, meta għandha bħala skop li tilħaq tali għan, l-organizzazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiv ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa sseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa kollha potenzjali u applikata b’mod nondiskriminatorju, li l-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtieġu, sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb, netwerk bħal din ta’ distribuzzjoni u, fl-aħħar nett, li l-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punti 40 u 41).

67      Peress li l-preżervazzjoni tal-immaġini tal-marka ma hijiex l-uniku għan ikkunsidrat mill-Kummissjoni li jista’ jiġġustifika l-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ tiswija selettivi u li l-għan tal-preżervazzjoni tal-kwalità u tal-użu tajjeb tal-arloġġi jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġġustifika din l-implementazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li kien probabbli li r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni jkun ġustifikabbli sa fejn l-għażla tal-arluġġara titwettaq abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva applikati b’mod nondiskriminatorju u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

68      Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-kritika tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-paragun mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-vetturi bil-mutur kien jimplika li jiġi kkunsidrat li s-sistemi ta’ tiswija selettivi implementati mill-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri ma kinux oġġettivament iġġustifikati, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma applikatx dawn ir-regoli lill-qasam tal-arloġġi prestiġġjużi. Fil-fatt, ir-regoli applikabbli għall-qasam tal-vetturi bil-mutur ma japplikawx għall-arloġġi. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ressqet diversi provi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-qasam tal-arloġġi prestiġġjużi u l-qasam tal-vetturi bil-mutur.

69      B’mod partikolari, hija indikat li l-qasam tal-vetturi kien suġġett għal leġiżlazzjoni settorjali speċifika, li l-partijiet ta’ bdil f’dan il-qasam jistgħu jinbiegħu direttament lill-konsumaturi finali, li s-servizzi ta’ wara l-bejgħ tal-arloġġi prestiġġjużi jikkostitwixxu suq inqas profittabbli, ma jirrappreżentax proporzjoni ogħla mill-ispejjeż totali tal-konsumatur u li kien inqas importanti li jiġu implementati, fil-qasam tal-arloġġi, ċentri ta’ tiswija viċin tal-konsumaturi daqs fil-qasam tal-karozzi, peress li l-arloġġi prestiġġjużi jistgħu jintbagħtu għat-tiswija ħafna iktar faċilment. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-qasam tal-arloġġi prestiġġjużi seta’ jkun is-suġġett ta’ trattament differenti minn dak previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-qasam tal-vetturi bil-mutur.

70      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest billi ddeċidiet li s-sistemi ta’ tiswija selettiva inkwistjoni jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-kumplessità tal-mudelli tal-arloġġi prestiġġjużi, iż-żamma tas-servizzi ta’ tiswija ta’ kwalità għolja u uniformi u l-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni.

–       Fuq it-tieni lment, dwar l-assenza ta’ natura diskriminatorja tas-sistemi ta’ tiswija selettiva

71      F’dak li jikkonċerna n-natura diskriminatorja tas-sistemi ta’ tiswija selettivi, ir-rikorrenti tallega li l-aċċess għal dawn is-sistemi jeħtieġ investiment kbir, li r-rekwiżiti ta’ kwalifikazzjoni u ta’ tagħmir huma għolja wisq fid-dawl tal-fatt li t-tiswijiet l-iktar kumplessi jsiru biss b’mod eċċezzjonali u li l-arluġġara jkunu mġiegħla li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ investiment speċifiċi għal kull marka.

72      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan l-ilment.

73      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, bħalma dawn l-elementi kollha huma kriterji oġġettivi li għandhom rapport mal-għan segwit mis-sistemi ta’ tiswija selettivi, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ddeċidiet li ma kinux ta’ natura li jikkontestaw in-natura nondiskriminatorja tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax in-natura oġġettiva tal-kriterji ta’ selezzjoni tas-sistemi ta’ tiswija.

74      Konsegwentement, l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li s-sistemi ta’ tiswija selettivi ma kinux diskriminatorji.

–       Fuq it-tielet ilment, dwar in-natura proporzjonata tas-sistemi ta’ tiswija selettivi

75      F’dak li jikkonċerna n-natura proporzjonali tas-sistemi ta’ tiswija selettivi, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ kumplessità tal-arloġġi antiki jew sempliċi sabiex turi n-natura sproporzjonata tas-sistemi ta’ tiswija inkwistjoni.

76      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

77      Ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-fatt li t-tiswija tal-arloġġi antiki jew iktar sempliċi tiġi suġġetta għall-istess rekwiżiti bħall-arloġġi iktar riċenti jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li s-sistemi ta’ tiswija selettiva fihom livelli ta’ rekwiżiti u ta’ investimenti, li jvarjaw skont il-mudelli tal-arloġġi u t-tipi ta’ tiswija, jekk li d-differenzi bejn il-mudelli u l-livelli ta’ servizzi proposti jittieħdu inkunsiderazzjoni.

78      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, waqt il-proċedura amministrattiva, li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-arluġġara indipendenti jirrikjedu mill-membri tagħhom li jagħmlu xi investiment fit-taħriġ, l-għodda u l-istokk tal-partijiet ta’ bdil simili għal dawk rikjesti mill-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, u dan jikkonferma n-natura proporzjonata tal-investimenti li għandhom jintlaħqu sabiex ikunu parti mis-sistemi ta’ tiswija selettiva.

79      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-investimenti inkwistjoni kienu komuni għal diversi marki, u dan iżid il-profitabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, li tipprovdi li n-numru ta’ arluġġara awtorizzati kien neċessarjament għoli u qed jiżdied tikkonferma li dawn is-sistemi ma jirrikjedux investiment għoli wisq, peress li huma aċċessibbli.

80      Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li s-sistemi ta’ tiswija selettiva inkwistjoni huma karatteristiċi tal-prattiki ta’ abbuż elenkati fl-Artikolu 102 TFUE ma jistax jikkontesta n-natura oġġettivament ġustifikabbli tagħhom peress li l-kriterji studjati iktar ’il fuq huma osservati. Għaldaqstant, ma jistgħux juru żball manifest tal-Kummissjoni.

81      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li ma kienx eskluż li s-sistemi ta’ tiswija selettivi implementati mill-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri jistgħu jiġu ġġustifikati mill-għan tal-preżervazzjoni tal-kwalità tal-prodotti, peress li kienu bbażati fuq il-kriterji ta’ għażla kwalitattivi applikati b’mod nondiskriminatorju u li kienu proporzjonati.

82      Għaldaqstant, it-tielet motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv, dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż li jirriżulta mir-rifjut li titkompla l-provvista tal-partijiet ta’ bdil

83      It-tieni motiv ippreżentat mir-rikorrenti huwa maqsum f’tliet partijiet. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet wettqet żball billi kkunsidrat li rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti ma setax jikkostitwixxi abbuż ħlief taħt ċerti ċirkustanzi. Insegwitu, il-Kummissjoni kienet wettqet żball billi ddeduċiet il-legalità tas-sistemi ta’ tiswija selettiva inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE minħabba l-legalità tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li r-rifjut li titkompla l-provvista tal-partijiet ta’ bdil ma tirriżultax mir-rieda tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jirriżervaw lis-suq u li dan ir-rifjut ma setax jelimina kull kompetizzjoni.

84      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar żball tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tal-kriterji neċessarji għall-istabbiliment ta’ abbuż

85      Ir-rikorrenti takkuża lil Kummissjoni li kkunsidrat li rifjut ta’ provvista ma jistax jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE ħlief jekk ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni u li l-assenza biss ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva waħedha ma hijiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit aġir abbużiv abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

86      Il-Kummissjoni kkontesta lil dan l-argument.

87      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali diġà kellhom l-okkażjoni sabiex jevalwaw il-konformità ta’ rifjut ta’ provvista ta’ impriża li tiddisponi minn pożizzjoni dominanti mal-Artikolu 102 TFUE, f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-preżenza ta’ suq primarju ta’ prodotti, ta’ suq ta’ servizzi ta’ tiswija u tal-manteniment ta’ dawn il-prodotti kif ukoll ta’ suq tal-partijiet ta’ bdil.

88      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ir-rifjut minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ prodott partikolari li tissodisfa l-ordnijiet magħmula minn klijent preċedenti jikkostitwixxi abbuż minn din il-pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE meta, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, dan l-aġir ikun ta’ natura li jelimina l-kompetizzjoni min-naħa ta’ sieħeb kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 25, u tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 183).

89      Fil-punt 38 tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, EU:C:1998:569), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat barra minn hekk li, għalkemm fis-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18), u tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM (311/84, EU:C:1985:394), hija kienet ikkunsidrat bħala abbużiv il-fatt li impriża li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari tirrifjuta li tipprovdi lil impriża li tikkompeti magħha f’suq viċin, rispettivament, il-materja prima u s-servizzi indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ din l-impriża, hija kienet għamlet dan sa fejn l-aġir inkwistjoni kien tali li jelimina kull kompetizzjoni min-naħa ta’ din l-impriża (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, EU:T:2007:289, punt 326).

90      B’hekk, sabiex jiġi konkluż li hemm abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa neċessarju li r-rifjut tas-servizz inkwistjoni jkun tali li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ min qed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li l-prodotti u s-servizzi stess ikunu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ min jitlobhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C-7/97, EU:C:1998:569, punt 41, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T-301/04, EU:T:2009:317, punt 147).

91      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi fakkret, fil-premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa biss taħt ċerti ċirkustanzi li rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’sitwazzjoni dominanti fis-suq seta’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, sabiex abbuż ikun ikkaratterizzat, irid ikun hemm ir-riskju tal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball billi ppreċiżat li l-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva biss ma tikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit aġir abbużiv abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 101 TFUE

92      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li bbażat il-konformità mal-Artikolu 102 TFUE tas-sistemi ta’ tiswija u tal-projbizzjoni inerenti ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil barra mis-sistema fuq il-konformità tagħhom mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 101 TFUE.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

94      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikabbiltà ma’ ftehim tal-Artikolu 101 TFUE ma jippreġudikax l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE fuq l-aġir tal-partijiet ta’ dan l-istess ftehim, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni huma ssodisfatti u li, konsegwentement, il-fatt li l-operaturi suġġetti għal kompetizzjoni effettiva għandhom prattika awtorizzata abbażi tal-Artikolu 101 TFUE ma jimplikax li l-adozzjoni ta’ din l-istess prattika minn impriża f’pożizzjoni dominanti ma tista’ qatt tikkostitwixxi abbuż ta’ din il-pożizzjoni (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, EU:C:2000:132, punti 130 u 131). Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-legalità ta’ aġir abbażi tal-Artikolu 101 TFUE ma timplikax, bħala prinċipju, li għandu jiġi kkonstatat li dan l-aġir huwa legali abbażi tal-Artikolu 102 TFUE, iżda, minħabba din ir-raġuni, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar humiex issodisfatti.

95      F’din il-kawża, huwa minnu li, fil-premessi 119, 122 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-konformità tas-sistemi ta’ tiswija selettiva inkwistjoni mal-Artikolu 101(1) TFUE, fejn qieset li dawn is-sistemi ma pproduċewx effetti antikompetittivi peress li kienu bbażati fuq kriterji kwalitattivi u osservaw il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, hija użat il-ġurisprudenza fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex turi li l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni ma kinux tali li jeliminaw kull kompetizzjoni, jiġifieri sabiex tevalwa jekk din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE ġietx issodisfatta.

96      Madankollu, peress li ma humiex ikkunsidrati bħala elementi ta’ kompetizzjoni minħabba l-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, is-sistemi ta’ tiswija jew ta’ distribuzzjoni selettivi ma jaqgħux fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, EU:C:1983:293, punti 33 sa 35; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, EU:C:2011:649, punti 40 u 41, u tas-27 ta’ Frar 1992, Vichy vs Il-Kummissjoni, T-19/91, EU:T:1992:28, punt 65), il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, setgħet tikkunsidra li l-konformità ta’ tali sistemi ma’ din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi indiċi li jista’ tistabbilixxi, flimkien ma’ elementi oħra, li ma tantx kien probabbli li kellhom bħala effett li jeliminaw kull kompetizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 102 TFUE.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li barra r-riferiment għall-kompatibbiltà mal-Artikolu 101(1) TFUE tas-sistemi ta’ tiswija jew ta’ distribuzzjoni, il-Kummissjoni kienet ukoll ibbażat ruħha fuq xi elementi oħra, bħall-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn l-arluġġara awtorizzati fis-suq inkwistjoni (premessa 118) u n-natura miftuħa tan-netwerk tat-tiswija selettiva għall-arluġġara li jixtiequ jingħaqdu fiha (premessa 123).

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi evalwat li r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni jipproduċi effetti antikompetittivi li jikkostitwixxu abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 101(1) TFUE, li jservu sabiex jivverifikaw li s-sistemi ta’ distribuzzjoni jew ta’ tiswija selettiva ma jipproduċux restrizzjoni ta’ kompetizzjoni li ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, sa fejn hija bbażat lil din l-evalwazzjoni fuq elementi fattwali oħra li setgħu juru n-nuqqas ta’ riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar żball manifest tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tar-rieda tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jirriżervaw s-suq u fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva

99      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li ma jirriżervawx is-suq u kkunsidrat li r-rifjut ta’ provvista inkwistjoni ma kienx jista’ jelimina kull kompetizzjoni.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Fuq l-ewwel ilment, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri

101    Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż possibbli ta’ tali pożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmi aġir (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    B’hekk, l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ intenzjoni antikompetittiva tikkostitwixxi biss waħda min-numru ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punt 20).

103    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri spjegaw li implementaw is-sistemi ta’ tiswija selettiva tagħhom minħabba raġunijiet oħra li ma kinux l-intenzjoni li jirriżervaw għalihom is-swieq tat-tiswija u tal-manteniment sa fejn hija ma bbażatx ruħha esklussivament fuq dan l-element intenzjonali sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà dgħajfa li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

–       Fuq it-tieni ilment, dwar l-evalwazzjoni tar-riskju li r-rifjut ta’ provvista tal-partijiet ta’ bdil jelimina kull kompetizzjoni effettiva

104    Skont ir-rikorrenti, ir-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil lil arluġġara indipendenti jista’ jelimina kull kompetizzjoni fis-swieq inkwistjoni peress li n-numru ta’ arluġġara awtorizzati huwa limitat ħafna u li l-ishma tas-suq tagħhom huwa llimitat ħafna.

105    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

106    F’dak li jikkonċerna l-kriterji tal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni, ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, li tiġi pprovata l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq, iżda li jiġi pprovat li r-rifjut inkwistjoni jippreżenta riskju li, jew huwa ta’ natura li, jelimina kull kompetizzjoni effettiva minnu (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, EU:T:2007:289, punt 563, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T-301/04, EU:T:2009:317, punt 148).

107    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 73, 110, 118 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti kompetizzjoni bejn l-arluġġara awtorizzati kif ukoll bejn dawn l-arluġġara u l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri fis-suq tat-tiswija, sa fejn huma kienu magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji kwalitattivi u fejn is-sistemi ta’ selezzjoni kienu miftuħa għall-arluġġara indipendenti kollha li jissodisfaw lil dawn il-kriterji u li xtaqu jingħaqdu ma’ dawn is-sistemi.

108    Peress li mill-analiżi tal-karatteristiċi tas-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni, imwettqa fil-punti 60 sa 81 iktar ’il fuq, jirriżulta li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi ta’ kompetizzjoni li ma jaqgħux fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi ddeduċiet minn din il-konstatazzjoni u mill-elementi l-oħra msemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq li ma tantx kien probabbli li l-implementazzjoni tagħhom kienet twassal sabiex telimina kull kompetizzjoni effettiva.

109    Fil-fatt, fit-tieni lok, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni kienet tirriżulta wkoll mill-possibbiltà, għall-arluġġara awtorizzati, sabiex iwettqu tiswijiet għal marki diversi. Issa, minħabba l-possibbiltà li jitwettqu ekonomiji ta’ skala, il-fatt li l-arluġġara awtorizzati jistgħu jwettqu tiswijiet għal diversi marki huwa wkoll element ta’ kompetizzjoni fis-suq tat-tiswija li jikkontribwixxi sabiex jintwera li ma tantx huwa probabbli li jiġi stabbilit riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva.

110    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat wkoll, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li, waqt l-investigazzjoni, xi arluġġara indipendenti kienu ingħaqdu mas-sistemi ta’ tiswija selettivi ta’ ċerti marki. Issa, ir-rikorrenti ma tallegax u lanqas ma pproduċiet provi, li kull arluġġar indipendenti li kien jissodisfa l-kriterji jkun ostakolat milli jingħaqad ma’ sistema jew sistemi diversi ta’ tiswija selettivi. Barra minn hekk, lanqas ma ressqet provi li jikkonfermaw li l-arluġġara li ssodisfaw il-kriterji ma ġewx ammessi bħala arluġġara awtorizzati.

111    Fid-dawl tal-elementi kollha mressqa mill-Kummissjoni, jidher li, għaldaqstant, hija kkunsidrat mingħajr ma wettqet żball manifest li r-riskju tal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva kien dgħajjef. Fil-fatt, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ funzjonament tas-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni, kompetizzjoni teżisti bejn arluġġara awtorizzati kif ukoll bejn dawn l-arluġġara u ċ-ċentri ta’ tiswija interni tal-manifatturi. Barra minn hekk, l-elementi l-oħra analizzati mill-Kummissjoni juru li l-karatteristiċi tas-sistemi ta’ tiswija selettivi inkwistjoni jippermettu lil awturi ġodda sabiex jidħlu fis-suq tat-tiswija fis-sens li teżisti pressjoni kompetittiva potenzjali li tista’ tikkonferma l-assenza ta’ riskju ta’ eliminazzjoni effettiva fil-funzjonament tas-sistemi ta’ tiswija eżaminati f’dan il-każ.

112    Fir-raba’ lok, it-tnaqqis tan-numru ta’ arluġġara indipendenti affiljati ma’ assoċjazzjoni nazzjonali ta’ arluġġara indipendenti ma huwiex, fih innifsu, tali li juri eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 101 TFUE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, huwa intiż li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 125). Il-ħtieġa li tiġi ppreżervata kompetizzjoni mingħajr distorsjoni ma timplikax għaldaqstant il-ħtieġa li tiġi protetta l-eżistenza tal-arluġġara indipendenti bħala tali.

113    Fil-ħames lok, l-invokazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ kwotazzjoni minn ittra tal-2005 li kien fiha konklużjoni provviżorja tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri kienu pprovaw jirriżervaw is-swieq tat-tiswija u tal-manteniment ma tistax turi żball manifest. Fil-fatt, din il-konklużjoni ma tistax tiġi dedotta mill-kwotazzjoni mressqa mir-rikorrenti, li fiha l-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata li ż-żamma tal-valur tal-prodott jimplika li s-servizzi ta’ wara l-bejgħ jiġu pprovduti mill-manifatturi tal-arloġġi innifishom, jew fiċ-ċentri ta’ servizzi awtorizzati, jiġifieri impriżi terzi. Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, din l-ittra ma kienx fiha ħlief pożizzjoni provviżorja, espressa qabel l-annullament tal-ewwel ċaħda tal-ilment mill-Qorti Ġenerali, u ġiet segwita minn eżami addizzjonali tas-swieq inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni ma tikkorrispondix mal-pożizzjoni provviżorja tagħha, anki kieku ġiet stabbilita, ma huwiex ta’ natura li jivvizzja lill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bi żball.

114    Fis-sitt lok, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu, minn naħa, li s-suq tal-partijiet ta’ bdil u dak tas-servizzi ta’ manteniment u ta’ tiswija qed jikbru, u min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tat-tiswijiet u tal-manteniment imwettqa mill-manifatturi ma humiex żgħar, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni tal-probabbiltà tal-eżistenza ta’ abbuż. Fil-fatt, il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ta’ natura li tinfluwenza l-istruttura ta’ suq u ma jiddependix fuq il-volum tas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T-219/99, EU:T:2003:343, punt 241). Għaldaqstant, il-volum ta’ suq ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ abbuż.

115    Fis-seba’ lok, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett, mill-Kummissjoni, tal-kriterji ddefiniti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-Prijoritajiet ta’ Infurzar tal-Kummissjoni fl-Applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal Imġiba Esklużjonarja Abbużiva minn Impriżi Dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7), lanqas ma hija ta’ natura li turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest. Fil-fatt, abbażi ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra r-rifjut ta’ provvista bħala prijorità, fl-ewwel lok, fejn jirrigwarda prodott jew servizz oġġettivament neċessarju sabiex titwettaq kompetizzjoni effikaċji f’suq downstream, fit-tieni lok, meta jkun suxxettibbli li jwassal għall-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni downstream, u, fit-tielet lok, meta jkun jista’ jikkawża dannu għall-konsumatur. Bħalma kkunsidrat l-Kummissjoni, mingħajr ma wettqet żball manifest, li l-probabbiltà li jiġi stabbilit riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni kienet dgħajfa, din il-kawża ma ssodisfatx wieħed mill-kriterji kumulattivi sabiex tiġi ttrattata bi prijorità. Peress li wieħed mill-kriterji ma ġiex issodisfatt, ma kienx neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti fuq iż-żewġ kriterji l-oħra, dwar in-natura oġġettivament neċessarja tal-partijiet ta’ bdil sabiex titwettaq kompetizzjoni effikaċi u fuq id-dannu li kienu ser ibatu l-konsumaturi.

116    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-probabbiltà li jiġi stabbilit riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni kienet dgħajfa.

117    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li ma tantx kien probabbli li jiġi kklassifikat abbuż li jirriżulta mir-rifjut li titkompla l-provvista ta’ partijiet ta’ bdil.

118    Konsegwentement, it-tieni motiv ma huwiex fondat.

 Fuq l-ewwel motiv, dwar żball fil-karatterizzazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri

119    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kkonstatat li ma kienx eskluż li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil filwaqt li dawn tal-aħħar qegħdin f’pożizzjoni ta’ monopolju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element sabiex tevalwa l-probabbiltà tal-eżistenza ta’ abbuż.

120    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

121    Fil-premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri kienu f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tat-tiswija u tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil, sa fejn id-dħul f’dan is-swieq kien jeħtieġ investiment kbir minħabba l-karatteristiċi tagħhom.

122    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE tirrigwarda sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti f’miżura sinjifikattiva fil-konfront tal-kompetituri tagħha u tal-klijenti tagħha. Din id-dispożizzjoni ma tintroduċi l-ebda varjazzjoni fil-forma jew fil-grad tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti. Meta impriża għandha saħħa ekonomika bħal dik meħtieġa mill-Artikolu 102 TFUE sabiex jiġi stabbilit li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, l-aġir tagħha għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-grad tas-setgħa fis-suq għandu, bħala prinċipju, konsegwenzi fuq il-portata tal-effetti tal-aġir tal-impriża inkwistjoni pjuttost milli fuq l-eżistenza tal-abbuż bħala tali (sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C-52/09, EU:C:2011:83, punti 79 sa 81, u tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C-549/10 P, EU:C:2012:221, punti 38 u 39).

123    Bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri jiddisponux minn setgħa fis-suq superjuri għal dik prevista mill-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, nieqsa minn rilevanza għall-finijiet tal-eżami tan-natura abbużiva li huma kkritikati biha.

124    Barra minn hekk, peress li mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni warrbet il-possibbiltà li l-aġir li bih huma kkritikati l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri ikun kostituttiv ta’ abbuż, minn dan jirriżulta neċessarjament li l-ewwel motiv dwar żball fil-karatterizzazzjoni tas-setgħa fis-suq tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri huwa ineffettiv.

125    Konsegwentement, l-ewwel motiv huwa ineffettiv.

 Fuq ir-raba’ lok, dwar żball manifest fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà li r-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil kien ir-riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma

126    Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li ma tantx kien probabbli li r-rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jkomplu jipprovdu partijiet ta’ bdil kien ir-riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma. Hija tressaq, essenzjalment, tlett argumenti insostenn ta’ din l-affermazzjoni. Qabel kollox, il-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri kellhom interess sabiex jorganizzaw tali prattika miftiehma. Wara, l-uniku mod, għalihom, li jilħqu dan il-għan li jirriżervaw l-iswieq tat-tiswija u ta’ manteniment kien li jaġixxu kollettivament. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha tinvestiga barra minn hekk fuq dan il-punt billi takkwista l-minuti tal-laqgħat taż-żewġt assoċjazzjonijiet kummerċjali Svizzeri li waqthom il-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri kienu ddiskutew il-provvista tal-partijiet ta’ bdil għall-arluġġara indipendenti.

127    Skont il-ġurisprudenza, l-adozzjoni progressiva ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ provvista, meta jinfirxu fuq perijodu ta’ żmien twil bħal fil-kawża preżenti, tippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ir-riżultat ta’ akkordju, iżda ta’ deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il-Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:51, punti 131 u 132).

128    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-progress tar-rifjut ma kinitx ir-riżultat ta’ akkordju, iżda seħħ wara deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti, adottati mill-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx adottati fl-istess mument u lanqas fl-istess perijodu, iżda progressivament u fuq perijodu relattivament estiż. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kuntest rationae temporis tal-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettiva u tar-rifjut ta’ provvista. Barra minn hekk, hija pproduċiet ittri ta’ rifjut mis-snin 1996, 2000 u 2002.

129    Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ elementi li juru ftehim jew kollużjoni, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tantx kien probabbli li r-rifjut ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil kien ir-riżultat ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma.

130    F’dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li l-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri kellhom raġuni ekonomika sabiex jiftiehmu, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, u dak li bl-uniku mod, għal dawn il-manifatturi, sabiex jilħqu l-għan li jirriżervaw is-swieq tat-tiswija u tal-manteniment kien li jaġixxu kollettivament, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq affermazzjonijiet mhux sostnuti u fuq allegat insegwiment ta’ għan li r-rikorrenti ma stabbilixxietx. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ elementi li jistabbilixxu ftehim jew kollużjoni, dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

131    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kellha tinvestiga iktar, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi fuq l-eżistenza jew le ta’ ksur, hija ma tistax tiġi kostretta sabiex tibda investigazzjoni, peress li din tal-aħħar ma jistax ikollha suġġett ieħor għajr dak ta’ tfittxija ta’ elementi ta’ prova dwar l-eżistenza jew le ta’ ksur li hija ma hijiex marbuta sabiex tikkonstata. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma pprovatx tikseb il-minuti tal-laqgħat taż-żewġt assoċjazzjonijiet kummerċjali Svizzeri.

132    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li ma tantx kien probabbli li r-rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jkomplu jipprovdu l-partijiet ta’ bdil kien ir-riżultat ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma.

133    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ma huwiex fondat.

 Fuq il-ħames motiv, dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

134    Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma kkorroboratx il-konklużjoni tagħha li tikkonċerna r-rifjut li tilqa’ l-ilment tagħha b’motivazzjoni adattata.

135    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli teżamina lment. Peress li l-motivazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża u ddettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ effettiv fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiddefinixxi prijoritajiet, din l-istituzzjoni hija meħtieġa tesponi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, EMC Development vs Il-Kummissjoni, C-367/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:203, punt 75, u s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, easyJet Airline vs Il-Kummissjoni, T-355/13, EU:T:2015:36, punt 70).

136    Fil-kawża preżenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE kienet limitata, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ riskju li r-rifjut ta’ provvista ta’ ipartijiet ta’ bdil u l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE kienet limitata, peress li r-rifjut tal-provvista tal-partijiet ta’ bdil u l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ tiswija selettivi kienu rriżultaw minn deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti li seħħew b’mod mhux konkomitanti. Barra minn hekk, hija wieġbet l-allegazzjonijiet kollha li jidhru fl-ilment, u dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi esponiet, b’mod ċar u inekwivoku, il-punti ta’ fatt u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wassluha sabiex tikkonstata li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kienet limitata. Peress li dawn il-preċiżazzjonijiet iqegħdu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita kontroll effettiv fuq l-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement.

138    Konsegwentement, il-ħames motiv ma huwiex fondat.

 Fuq is-sitt motiv, dwar ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

139    Abbażi tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostnih.

140    Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 (sentenza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, EU:T:1995:3, punt 68).

141    Fir-rikors, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tiddikjara li l-konklużjoni tal-Kummissjoni kienet ir-riżultat ta’ proċedura li fil-kors tagħha hija naqset milli teżamina b’attenzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ dritt imqajma mir-rikorrenti bi ksur tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba iżda ma żiditx l-iċken żvilupp li jista’ jsostni lil din l-affermazzjoni.

142    Issa, riferiment biss għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma tistax tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni imposti mir-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

143    Konsegwentement, is-sitt motiv huwa inammissibbli.

144    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi mressqa mir-rikorrenti ma juru li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ir-rikors huwa infondat.

 Fuq l-ispejjeż

145    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, kif mitlub minnhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.