Language of document : ECLI:EU:T:2013:482

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2013 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Studji rċevuti mill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni ta’ direttivi fil-qasam tal-ambjent — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Eżami konkret u individwali — Kompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Interess pubbliku superjuri — Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex tiġi adottata deċiżjoni espliċita — Portata tal-obbligu li tixxandar b’modattiv l-informazzjoni dwar l-ambjent”

Fil-Kawża T‑111/11,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn P. Kirch, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Oliver u C. ten Dam, sussegwentement minn Oliver u C. Zadra, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, inizjalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti relatati mal-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri mad-dritt ambjentali tal-Unjoni Ewropea, imbagħad talba għall-annullament tad-deċiżjoni espliċita ulterjuri, tat-30 ta’ Mejju 2011, li tirrifjuta parzjalment l-aċċess għal uħud minn dawn id-dokumenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, S. Soldevila Fragoso u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1        Ir-rikorrenti, ClientEarth, hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ingliż li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipproteġi l-ambjent. Fit-8 ta’ Settembru 2010, hija ppreżentat quddiem id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13). Din it-talba (iktar ’il quddiem, it-“talba inizjali”) kienet tirrigwarda diversi dokumenti msemmija fid-dokument intitolat “Pjan ta’ ġestjoni 2010” tad-DĠ “Ambjent”, ippubblikat internet portal ta’ dan id-DĠ.

2        B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet it-talba inizjali u indikat li ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Settembru 2010.

3        B’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment it-talba inizjali. Hija bagħtet lir-rikorrenti wieħed mid-dokumenti mitluba, u indikat li l-oħrajn kienu koperti bl-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001, rigward, rispettivament, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika u l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet.

4        Fl-10 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha rigward bosta mid-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġiet irrifjutat (iktar ’il quddiem, l-“applikazzjoni konfermatorja”).

5        B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-terminu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja ġie estiż bi ħmistax-il jum ta’ xogħol.

6        B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kienet għadha ma hijiex f’pożizzjoni li tirrispondi għall-applikazzjoni konfermatorja.

7        B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li t-terminu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja kien ser jiskadi fit-22 ta’ Diċembru 2010. Ir-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni tibgħatilha d-dokumenti mitluba qabel it-22 ta’ Jannar 2011 u ppreċiżat li, jekk dan ma jsirx, kien beħsiebha tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, kontra d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita”).

8        Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors u talbet l-annullament tad-deċiżjoni impliċita.

9        Fit-30 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita fuq l-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita”), ikkomunikata lir-rikorrenti fl-istess jum.

10      Fid-deċiżjoni espliċita, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ddelimitat il-portata tal-applikazzjoni konfermatorja. Hija qieset li din l-applikazzjoni kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, 63 studju relatati mal-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri mad-dritt ambjentali tal-Unjoni Ewropea, imwettqa minn impriża esterna għall-Kummissjoni u li din irċeviet fl-2009 u 8 dokumenti intitolati “Pjanijiet ta’ azzjoni ta’ implementazzjoni”, imfassla fl-2009 u fl-2010 għad-“direttivi prinċipali” kollha.

11      Il-Kummissjoni indikat li l-applikazzjoni konfermatorja ma kinitx tirrigwarda ċerti dokumenti msemmija fl-applikazzjoni inizjali u kkonkludiet li r-rikorrenti ma għadhiex titlob l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

12      It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu informazzjoni dwar l-ambjent fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), u indikat li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni kienu applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 1367/2006. Peress li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jindika li t-talbiet għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu ttrattati skont ir-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni konfermatorja kellha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ regolamenti.

13      It-tielet nett, il-Kummissjoni qasmet id-dokumenti koperti mill-applikazzjoni konfermatorja f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp kien jinkludi 22 mill-istudji kif ukoll it-8 pjanijiet ta’ azzjoni msemmija fil-punt 10 hawn fuq. Il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti aċċess komplet għal dawn id-dokumenti, bl-eċċezzjoni tal-ismijiet tal-awturi ta’ ċerti studji. It-tieni grupp kien jinkludi l-41 studju l-ieħor minn dawk imsemmija fil-punt 10 hawn fuq (iktar ’il quddiem l-“istudji kontenzjużi”). Il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti aċċess parzjali għal dawn l-istudji. Konkretament, hija bagħtitilha, għal kull studju kkontestat, il-paġna ta’ quddiem, il-werrej, il-lista tat-taqsiriet użati, anness li jinkludi l-leġiżlazzjoni eżaminata, kif ukoll is-subdiviżjonijiet intitolati “Introduzzjoni”, “Viżjoni ġenerali tal-kuntest ġuridiku tal-Istat Membru” u “Qafas għat-traspożizzjoni u l-implementazzjoni”. Bil-kontra, il-Kummissjoni rrifjutat li tibgħatilha, għal kull wieħed minn dawn l-istudji, il-partijiet intitolati “Sunt”, “Analiżi ġuridika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni” u “Konklużjonijiet” kif ukoll l-anness li jinkludi tabella ta’ konkordanzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u d-dritt tal-Unjoni rilevanti.

14      Il-Kummissjoni qasmet l-istudji kontenzjużi f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija kienet tinkludi studju li l-evalwazzjoni tiegħu, kif ukoll id-djalogu mal-Istat Membru kkonċernat fuq l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kien beda reċentement. It-tieni kategorija kienet tinkludi 40 studju li kienu taw lok għal djalogu iktar żviluppat mal-Istati Membri kkonċernati.

15      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni esponiet tliet raġunijiet li għalihom ġie rrifjutat l-aċċess għal ċerti partijiet mill-istudji kontenzjużi, kif ukoll għall-isem tal-awturi ta’ ċerti studji żvelati.

16      Qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet mhux żvelati tal-istudji kontenzjużi kienu koperti bl-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, rigward, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

17      Il-Kummissjoni osservat li dawn l-istudji tfasslu bil-ħsieb li jippermettulha tikkontrolla t-traspożizzjoni ta’ diversi direttivi mill-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE (iktar ’il quddiem il-“proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”) kontrihom. Fir-rigward tal-istudju inkluż fl-ewwel kategorija msemmija fil-punt 14 hawn fuq, il-Kummissjoni indikat li kienet għadha ma waslitx għal konklużjoni dwar it-traspożizzjoni tad-direttiva kkonċernata. L-iżvelar tal-informazzjoni u tal-konklużjonijiet inklużi f’dan l-istudju, li kienu għadhom ma ġewx ivverifikati u li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru inkwistjoni ma kellux l-opportunità li jesprimi ruħu, kien jinvolvi, għal dan tal-aħħar, ir-riskju li jiġi kkritikat, forsi inġustament, u kien jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-implementazzjoni tad-direttiva kkonċernata. Fir-rigward tal-istudji kontenzjużi inklużi fit-tieni kategorija msemmija fil-punt 14 hawn fuq, il-Kummissjoni indikat li, f’ċerti każijiet, hija kienet tat bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri kkonċernati u li, f’każijiet oħra, hija kienet għadha ma ddeċidietx jekk din il-proċedura kellhiex tinbeda. L-iżvelar tal-istudji kontenzjużi kien jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka meħtieġa sabiex jiġu solvuti diverġenzi bejnha u bejn l-Istati Membri kkonċernati, mingħajr il-bżonn li tintuża l-fażi ġudizzjarja tal-imsemmija proċedura.

18      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet mhux żvelati tal-istudji kontenzjużi kienu wkoll koperti bl-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet.

19      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li dawn l-istudji kienu tfasslu fuq talba tagħha għal skopijiet purament interni, fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żiedet li hija setgħet ma taqsamx il-konklużjonijiet ta’ dawn l-istudji, kif ukoll tuża mezzi oħra ta’ investigazzjoni, inklużi l-evalwazzjoni interna proprja tagħha u l-informazzjoni li tirriżulta mid-djalogu mal-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni tqis li, sa fejn kienet għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas fuq l-opportunità ta’ bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kwistjoni li għaliha kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-iżvelar mitlub kien jippreġudika l-proċedura deċiżjonali interna tagħha, u dan seta’ jesponiha għal pressjonijiet esterni mhux ġustifikati.

20      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-isem tal-awturi ta’ x’uħud mill-istudji żvelati kif ukoll ta’ xi wħud mill-istudji kontenzjużi kien protett bl-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-ħajja protetta u tal-integrità tal-individwu.

21      Il-ħames nett, il-Kummissjoni indikat li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tiġi eskluża jekk interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija. Madankollu, hija qieset li, f’dan il-każ, l-interess pubbliku kien jiġi protett aħjar billi tiġi protetta l-klima ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membru u bejnha, kif ukoll is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tadotta deċiżjonijiet amministrattivi rigward eventwali ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-applikazzjoni konfermatorja ma kinitx tinkludi argumenti li kapaċi jipprovaw l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Kif ġie indikat fil-punt 8 hawn fuq, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors b’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2011, u talbet l-annullament tad-deċiżjoni impliċita.

23      Fit-30 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Hija sostniet li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, ir-rikors safa bla skop, peress li r-rikorrenti ma kienx fadlilha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni impliċita. Il-Kummissjoni stiednet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni.

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2011, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Dan l-intervent ġie ammess b’digriet tal-President tat-Tmien Awla fl-14 ta’ Lulju 2011.

25      Fit-29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha. Hija indikat li, peress li l-Kummissjoni tatha l-aċċess għall-istudji u għall-pjanijiet ta’ azzjoni żvelati (ara l-punt 13 hawn fuq), dawn id-dokumenti ma għadhomx is-suġġett tar-rikors. Hija ppreżentat ukoll talba għal adattament tal-motivi u t-talbiet tagħha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita, intiża sabiex ir-rikors jitqies bħala, minn issa, dirett kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, sa fejn il-Kummissjoni tatha biss aċċess parzjali għall-istudji kontenzjużi.

26      Fis-7 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha. Hija talbet li l-Qorti Ġenerali tawtorizza l-modifika tat-talbiet u tal-motivi tar-rikorrenti għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju.

27      Billi kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

28      B’ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2013, ir-Renju tad-Danimarka informa lill-Qorti Ġenerali li kien qed jirrinunzja li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti f’din il-kawża. B’digriet tal-President tas-Sitt Awla tad-9 ta’ April 2013, huwa tħassar mir-Reġistru inkwantu parti intervenjenti.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal-10 ta’ April 2013.

30      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni impliċita;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minn eventwali intervenjenti.

31      Fir-replika, ir-rikorrenti titlob il-possibbiltà li tadatta t-talbiet u l-motivi tagħha wara d-deċiżjoni espliċita u titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni espliċita;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

32      Fir-risposta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq id-deċiżjoni impliċita fid-dawl tal-intervent tad-deċiżjoni espliċita.

33      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tawtorizza l-modifika tat-talbiet u tal-motivi tar-rikorrenti;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li t-talba tagħha għal annullament kienet tirreferi għad-deċiżjoni espliċita sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat parzjalment li tagħtiha aċċess għall-41 studju kkontestat li kienu elenkati fil-lista 2 tat-tabella tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

 Id-dritt

 Fuq l-adattament tat-talbiet u tal-motivi tar-rikorrenti

35      Kif ġie indikat hawn fuq, id-deċiżjoni impliċita, inizjalment imsemmija mit-talba għal annullament fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, ġiet issostitwita bid-deċiżjoni espliċita wara l-preżentata tar-rikors. Din il-modifika wasslet lir-rikorrenti sabiex tadatta t-talbiet inizjali tagħha kif ukoll il-motivi insostenn ta’ dawn it-talbiet. Il-Kummissjoni ma opponietx dan l-adattament.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet inizjalment diretti kontra att issostitwit matul l-istanza jistgħu jitqiesu bħala diretti kontra l-att ta’ sostituzzjoni, peress li dan tal-aħħar jikkostitwixxi element ġdid li jippermetti lir-rikorrenti tadatta t-talbiet u l-motivi tagħha. F’każ bħal dan, ikun fil-fatt kontra amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u kontra r-rekwiżit ta’ ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrenti tiġi obbligata tressaq rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2001, British American Tobacco International (Investments) vs Il-Kummissjoni, T‑111/00, Ġabra p. II‑2997, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant għandu jitqies li r-rikors issa huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni espliċita (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”) u għandu jiġi aċċettat l-adattament tat-talbiet u tal-motivi.

 Fuq il-mertu

37      Wara l-adattament tat-talbiet u tal-motivi tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba’ motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni estendiet illegalment it-terminu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 4(1), (2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprovdi għall-ebda eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti intiża għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni għajr dawk ta’ natura penali jew dixxiplinari, it-tielet nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ xandir attiv tal-informazzjoni ambjentali li tirriżulta mill-Artikolu 5(3) sa (7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-raba’ nett, fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni injorat il-limiti relatati mal-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista minn din id-dispożizzjoni, il-ħames nett, fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn ir-riskju li l-iżvelar komplet tal-istudji kontenzjużi jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni huwa ipotetiku u ma huwiex raġjonevolment prevedibbli, is-sitt nett, fuq ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) u tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar u, is-seba’ nett, fuq ksur serju u rikorrenti mill-Kummissjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jitlob li l-Qorti Ġenerali tadotta miżuri dissważivi.

 Osservazzjonijiet preliminari

38      Is-seba’ motivi ppreżentati mir-rikorrenti jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp jinkludi t-tieni u r-raba’ sas-sitt motivi u t-tieni grupp jinkludi l-ewwel, it-tielet u s-seba’ motivi.

39      Fil-kuntest tal-ewwel grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti tikkontesta l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. B’dan il-mod, fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ motivi tagħha, hija tikkontesta l-konklużjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni li tipprovdi li l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha ġie rrifjutat kienet koperta bl-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li din l-informazzjoni kienet koperta bl-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali. Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li dawn l-eċċezzjonijiet ikunu applikabbli, il-Kummissjoni tkun wettqet żball meta ma qisitx li interess pubbliku superjuri kien jeżiġi l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba.

40      Fil-kuntest tat-tieni grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti tippreżenta, min-naħa l-oħra, argumenti intiżi sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal raġunijiet indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk il-motivi tagħha humiex ivvizzjati bi żball. B’dan il-mod, fil-kuntest tal-ewwel u s-seba’ motivi tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata saret tard wisq, b’mod konsistenti ma’ prattika stabbilita u żbaljata tal-Kummissjoni. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, indipendentement mir-risposta li hija kellha tagħti għall-applikazzjoni konfermatorja, il-Kummissjoni kellha xxandar ex officio l-informazzjoni mitluba.

41      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma sostnietx li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-isem tal-awturi ta’ ċerti studji kontenzjużi u tal-istudji żvelati kien kopert bl-eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażat fuq il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali. Għaldaqstant għandu jitqies li, bir-riżerva tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fil-kuntest tat-tieni grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiżvelax dawn l-ismijiet. Dan ġie kkonfermat mir-rikorrenti fis-seduta.

42      Imbagħad, għandu jiġi osservat li istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi motivi għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tevalwa talba ta’ aċċess għal dokumenti li hija għandha fil-pussess tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punti 113 u 114).

43      Kif ġie indikat fil-punti 16 sa 19 hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-istudji kontenzjużi kienu, fl-istess waqt, koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u mill‑eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, dwar il‑protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni. Għaldaqstant, bir-riżerva tal-eżami tat-tieni grupp ta’ motivi, sabiex jiġi pprovat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha, ir-rikorrenti għandha tistabbilixxi, jew, fil-kuntest tat-tieni, tar-raba’ jew tal-ħames motivi, li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li setgħet tirrifjuta parzjalment l-aċċess għall-istudji kontenzjużi skont kull waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, jew, fil-kuntest tas-sitt motiv, li interess pubbliku superjuri kien jiġġustifika f’kull każ l-iżvelar komplet ta’ dawn l-istudji.

44      Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-ewwel grupp ta’ motivi.

 Fuq l-ewwel grupp ta’ motivi

45      Kif ġie indikat hawn fuq, l-ewwel grupp ta’ motivi jinkludi t-tieni u r-raba’ sas-sitt motivi. Qabel kollox għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv u, imbagħad, it-tieni, il-ħames u s-sitt motivi.

–       Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni injorat il-limiti relatati mal-eċċezzjoni previsti minn din id-dispożizzjoni

46      Skont l-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel parti mill-volontà espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, introdott permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, li stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-eqreb lejn iċ-ċittadini, possibbli. Kif tfakkar it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw ir-raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Huwa minnu li dan id-dritt huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi sistema ta’ eċċezzjonijiet li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti permezz ta’ dan l-artikolu. Madankollu, ladarba tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. (sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 74 u 75).

49      Mill-proċess, moqri fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet, jirriżulta li l-istudji kontenzjużi jirrigwardaw it-traspożizzjoni ta’ ċerti direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent minn 19-il Stat Membru, u kull studju kkontestat jirrigwarda Stat Membru wieħed u direttiva waħda. Minbarra dan, huwa stabbilit bejn il-partijiet li dawn l-istudji ġew ordnati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu li hija għandha, skont l-Artikolu 17 TUE, li tissorvelja, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-istudji kontenzjużi ma sarux għal finijiet informattivi jew akkademiċi, iżda inkwantu strumenti bl-għan speċifiku li jinstab nuqqas konkret tad-dritt tal-Unjoni. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-għan ta’ dawn l-istudji huwa li jippermettielha tevalwa jekk l-Istati Membri ttrasponewx korrettament id-direttivi kkonċernati u, fejn ikun il-każ, tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri li jkunu wettqu ksur.

50      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-istudji kontenzjużi jagħmlu parti mill-kuntest ta’ attività ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

51      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li dokument jirrigwarda attività ta’ investigazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax, minnu nnifsu, ikun biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li hija tipprovdi, fid-dawl tan-neċessità li l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Fil-fatt, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punti 43 u 63).

52      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din l-eċċezzjoni ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni inkwantu tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punti 105 u 109, u tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 127). Fil-kuntest ta’ investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-għan jikkonsisti fil-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jiġi persważ jikkonforma ruħu volontarjament mar-rekwiżit tat-Trattat jew, jekk ikun il-każ, jingħata l-okkażjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza API vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 121 u 133, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 17 hawn fuq, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-raġuni għalfejn l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi jista’ jippreġudika l-attivitajiet tagħha ta’ investigazzjoni kienet li dan l-iżvelar jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka mitluba sabiex tiġi evalwata l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ studju li l-Kummissjoni kien għad ma kellhiex l-opportunità li teżaminah biżżejjed fid-dettall, jew biex jiġu solvuti d-diverġenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri mingħajr il-bżonn li tintuża l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fir-rigward ta’ studji oħra, li l-Kummissjoni kienet eżaminat fid-dettall u li abbażi tagħhom, f’ċerti każijiet, hija kienet tat bidu għal din il-proċedura u, f’każijiet oħra, kienet għadha ma ddeċidietx jekk din il-proċedura kellhiex tinbeda.

54      Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-motivi huma ta’ natura ġenerali u ma humiex sostnuti. Għaldaqstant, ma humiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ riskju mhux ipotetiku li l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi jippreġudika preċiżament u effettivament l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-għarfien mill-pubbliku ta’ ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tkompli bl-investigazzjoni.

55      Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx it-tip ta’ pressjonijiet li jistgħu jostakolaw il-proċeduri ta’ investigazzjoni tagħha, u lanqas jekk humiex eżerċitati fuq is-servizzi tagħha jew fuq dawk tal-Istati Membri. Skont ir-rikorrenti, dawn tal-aħħar jistgħu, f’kull każ, juru li huma jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni jekk kienu esposti għal kritiki mhux ġustifikati jew għal pressjonijiet. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi jippreġudika preċiżament u effettivament l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha, hija ma interpretax l-eċċezzjoni applikata b’mod strett.

56      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li t-trasparenza ssaħħaħ l-effikaċja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba l-pressjoni eżerċitata mill-pubbliku fuq l-Istat Membru kkonċernat u għandha tkun iggarantita sabiex tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali kif ukoll jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

58      Qabel kollox għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ validament tapplika l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet dwar eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jwassal għall-bidu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew li effettivament wassal għall-bidu ta’ tali proċedura. F’dawn il-każijiet, ir-rifjut ta’ aċċess ġie kkunsidrat bħala ġustifikat minħabba l-fatt li l-Istati Membri kkonċernati għandhom id-dritt jistennew li l-Kummissjoni tosserva l-kunfidenzjalità f’dak li jirrigwarda dawn l-investigazzjonijiet, anki wara li jkun għadda ċertu ammont ta’ żmien wara l-għeluq tagħhom (ara s-sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li żvelar ta’ dokumenti relatati mal-fażi tal-investigazzjoni, waqt in-negozjar bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, jista’ jippreġudika l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa fejn l-għan ta’ din, li huwa, kif ġie indikat fil-punt 52 hawn fuq, li l-Istat Membru kkonċernat jiġi persważ jikkonforma ruħu volontarjament mar-rekwiżiti tat-Trattat jew, jekk ikun il-każ, jingħata l-okkażjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, jista’ jitqiegħed fil-perikolu. Dan ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità jibqa’ anki wara li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja għaliex ma jistax jiġi eskluż li n-negozjar bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, bl-intenzjoni li dan jikkonforma ruħu volontarjament mar-rekwiżiti tat-Trattat, jista’ jkompli tul il-proċedura ġudizzjarja u sal-għoti tas-sentenza. Il-ħarsien ta’ dan l-għan, jiġifieri ftehim bonarju tat-tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġġustifika għaldaqstant ir-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti (ara s-sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 121, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, bħalma l-Kummissjoni sostniet ġustament, hija għandha d-dritt tħares il-kunfidenzjalità tad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-iżvelar tagħhom ikun jista’ jippreġudika l-klima ta’ fiduċja li għandha teżisti, bejnha u bejn l-Istat Membru kkonċernat, bl-għan ta’ soluzzjoni kunsenswali għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li eventwalment jinstab.

61      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-prinċipju, il-Kummissjoni kellha d-dritt tinvoka l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi.

62      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, iċ-ċittadini għandhom id-dritt ikunu jafu jekk il-gvernijiet tagħhom josservawx ir-regoli ambjentali tal-Unjoni skont il-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza li jinsabu fl-Artikoli 1 TUE u 15 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, li tkun responsabbli fil-konfront taċ-ċittadini għall-mod kif hija twettaq din il-missjoni u li tinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

63      Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE jipprovdi li l-prinċipji ġenerali u l-limiti li, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taċ-ċittadini, huma stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament u mill-Kunsill, li jaġixxu b’mod konformi mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. B’dan il-mod, ir-Regolament Nru 1049/2001, adottat abbażi tal-Artikolu 15(3) TFUE, jistabbilixxi dawn il-prinċipji ġenerali u dawn il-limiti f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni. Fost dawn il-limiti tinstab l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-istituzzjonijiet. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax titlob li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni billi tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattati.

64      Imbagħad, għandu jiġi osservat li, kif ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza, meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 51 iktar ’il fuq, punt 35).

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-eżami ta’ talba għal aċċess għal dokumenti għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali u għandu jsir fuq il-kontenut ta’ kull dokument msemmi fl-imsemmija talba u, min-naħa l-oħra, li dan l-eżami għandu jkun ċar mill-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punti 69 sa 74).

66      Bħalma ssostni r-rikorrenti essenzjalment, il-Kummissjoni eżaminat l-istudji kontenzjużi b’mod ġenerali u astratt. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet eżami konkret tal-kontenut speċifiku ta’ kull studju kontenzjuż sabiex tiddeċiedi jekk l-iżvelar tiegħu setax jippreġudika l-klima ta’ fiduċja li għandha teżisti bejnha u bejn l-Istat Membru kkonċernat. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li hija żvelat parzjalment dawn l-istudji ma jikkostitwixxix il-prova li huma ġew eżaminati individwalment, għaliex il-partijiet żvelati ta’ kull studju huma identiċi.

67      Madankollu, jeżistu diversi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti li jintalab aċċess għalihom.

68      Fil-fatt, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun ċar li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew, bil-kontra, jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti jew ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, finalment, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenzi Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 75, u API vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 58).

69      Barra minn hekk, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, inkluż fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura, bil-kundizzjoni li hija tivverifika f’kull każ jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali normalment applikabbli għal tip ta’ dokumenti partikolari humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li tkun intalbet tiżvela (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 51 iktar ’il fuq, punt 50).

70      Minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni setgħet tqis, minn naħa, li l-istudji kontenzjużi kollha kienu jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ dokumenti u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess għal din il-kategorija ta’ dokumenti kellu jiġi rrifjutat abbażi tal-eċċezzjoni invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra p. II‑6021, punt 121). Fil-fatt, kif issostni r-rikorrenti, l-istudji kontenzjużi ċertament ma ġewx redatti mill-Kummissjoni, ma jirriflettux l-pożizzjoni tagħha, u lanqas ma jirrenduha responsabbli. Madankollu, huma ġew ordnati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u huma jeżaminaw fid-dettall il-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati mad-dritt tal-Unjoni. Dawn l-istudji jikkostitwixxu, għaldaqstant, elementi li jista’ jkollhom impatt fuq il-possibbiltajiet għall-Kummissjoni li tibda negozjar ma’ dawn l-Istati Membri, mingħajr pressjoni esterna, bl-għan li dawn jikkonformaw volontarjament mad-dritt tal-Unjoni.

71      Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata permezz tal-prinċipji rikonoxxuti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punti 54 sa 62), kif interpretati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq.

72      Fil-fatt, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 71 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bħal dik imsemmija fil-punt 69 hawn fuq setgħet tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll mill-ġurisprudenza rigward id-dritt li jiġu kkonsultati d-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat kienet, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, mibdija kontra Stat Membru li fil-kuntest tagħha huwa biss dan tal-aħħar li għandu drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt li jingħata ċerti dokumenti b’mod differenti mill-persuni interessati li ma għandhomx, f’dan il-kuntest, id-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jekk dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat kienet tiġi kompromessa.

73      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ma jidħlux fil-kuntest tal-funzjonijiet amministrattivi mogħtija lilhom b’mod speċifiku permezz tal-Artikolu 88 KE, kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuni interessati għajr l-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat ma kellhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, li jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ preżunzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, bħala regola ġenerali, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, bil-konsegwenza li l-istituzzjoni kkonċernata setgħet saħansitra ma twettaqx eżami konkret u individwali minn qabel tad-dokumenti kkonċernati. Jibqa’ l-fatt li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, il-persuni interessati jżommu d-dritt li juru li dokument speċifiku ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni ġenerali jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tiegħu.

74      Fir-rigward tal-istħarriġ li l-Kummissjoni hija mitluba teżerċita fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq (punt 126), qieset li dan kien jaqa’ taħt funzjoni amministrattiva, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u tibda djalogu bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati. Il-Qorti Ġenerali osservat li, bil-kontra, il-partijiet għajr dawn l-Istati Membri ma kellhomx garanziji proċedurali speċifiċi li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

75      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod analogu mas-sitwazzjoni tal-persuni interessati fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, li teżisti preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatati ma’ investigazzjoni fil-qasam ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippreġudika, bħala regola ġenerali, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, b’tali mod li jkun biżżejjed li l-Kummissjoni tivverifika jekk din il-preżunzjoni ġenerali għandhiex tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati, mingħajr il-bżonn li twettaq eżami konkret u individwali minn qabel tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’sitwazzjoni fejn, mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għaddejja, il-Kummissjoni kellha neċessarjament tibda mill-prinċipju li din il-preżunzjoni ġenerali kienet tapplika għad-dokumenti kkonċernati fl-intier tagħhom (sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 127).

76      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni diversi argumenti intiżi sabiex juru li l-preżunzjoni ġenerali, li l-iżvelar tal-“fajl amministrattiv” tal-Kummissjoni dwar proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat tippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 71 iktar ’il fuq, tirriżulta mir-regoli speċifiċi rigward l-“aċċess għall-fajl” matul il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tapplika biss għad-dokumenti li jirrigwardaw din l-għajnuna.

77      Kif il-Kummissjoni ssostni ġustament, dawn l-argumenti ma humiex kompatibbli mal-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq. Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda.

78      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-istudji kontenzjużi ma jagħmlux parti minn “fajl”, għaliex huma saru fil-kuntest tal-fażi preliminari għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-istudji kontenzjużi huma dokumenti ffokalizzati u ddedikati għall-eżami tat-traspożizzjoni minn Stat Membru speċifiku ta’ direttiva speċifika, u intiżi li jagħmlu parti minn fajl tal-Kummissjoni rigward din it-traspożizzjoni. Meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun diġà nbdiet, ma jistax jitqies li dawn l-istudji ma jagħmlux parti mill-fajl relatat mal-proċedura inkwistjoni, għaliex huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ dawn l-istudji li l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-imsemmija proċedura. Fir-rigward tal-istudji li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għadha ma tatx bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa wkoll meħtieġ li tinżamm il-kunfidenzjalità tagħhom, għaliex l-informazzjoni li taqa’ taħt il-qasam pubbliku ma tistax titneħħa minnu mal-bidu tal-proċedura, kif sostnut ġustament mill-Kummissjoni.

80      Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni ma tapplikax biss għal dokumenti relatati ma’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li nbdew, iżda, ukoll, mad-dokumenti li jirrigwardaw investigazzjonijiet li jistgħu eventwalment iwasslu għal tali proċedura (ara l-punt 58 hawn fuq).

81      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi trasposta direttament għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. B’mod differenti mill-impriża li talbet l-aċċess għad-dokumenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 71 iktar ’il fuq, li ma setgħetx turi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, iżda biss interess privat inkwantu benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti tirrappreżenta interess pubbliku superjuri li jikkonċerna ċ-ċittadini Ewropej kollha, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent.

82      B’dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni fil-fatt li l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi kien ġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ tali interess.

83      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li, bir-riżerva tal-eżami tal-kwistjoni msemmija fil-punt 82 hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1), (2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni għajr dawk ta’ natura penali jew dixxiplinari

84      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dan il-ftehim u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, Ġabra p. I‑13755, punt 50).

85      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġiet iffirmata mill-Komunità u sussegwentement ġiet approvata bid-Deċiżjoni 2005/370. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni issa huma parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, Ġabra p. I‑1255, punt 30).

86      L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li kull parti f’din il-konvenzjoni għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u miżuri oħra neċessarji, inklużi miżuri intiżi biex id-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar, b’mod partikolari, l-informazzjoni tal-pubbliku rigward l-informazzjoni dwar l-ambjent, ikunu kompatibbli ma’ xulxin, biex jiġi stabbilit u jinżamm qafas ċar, trasparenti u koerenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni. L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li kull parti f’din il-konvenzjoni għandha tara li l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu fid-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni interna tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent li jiġu mitluba minnhom. Fl-aħħar nett, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprevedi, fl-Artikolu 4(3) u (4) tagħha, ċerti motivi għaċ-ċaħda tat-talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Il-motivi għaċ-ċaħda previsti fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija konvenzjoni għandhom, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għandu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tkunx konnessa mal-emissjonijiet fl-ambjent.

87      Ir-Regolament Nru 1367/2006 ġie adottat sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, huwa għandu l-għan li jikkontribwixxi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni. Skont it-tielet premessa tal-imsemmi regolament, “[i]d-disposizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] għandhom ikunu konsistenti ma[...]l-Konvenzjoni [ta’ Aarhus]”.

88      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprovdi li “[i]r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi [tal-Unjoni]. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, “[f]ejn ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent”.

89      F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat it-talba għal aċċess tar-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-Regolamenti Nri 1367/2006 u 1049/2001 u, kif ġie indikat fil-punt 16 hawn fuq, hija bbażat ruħha fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament imsemmi l-aħħar sabiex issostni r-rifjut tagħha li tiżvela ċerti partijiet mill-istudji kontenzjużi. Imbagħad, hija indikat, barra minn hekk, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma kienx jaffettwa din il-konklużjoni u enfasizzat li r-Regolament Nru1367/2006 kien jipprovdi li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati ma’ eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni, setgħet tiġi applikata f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-ambjent, sa fejn l-iżvelar ma kienx ġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

90      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx l-eżami tagħha tal-applikazzjoni konfermatorja, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, billi bbażat ruħha direttament fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iżda billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1367/2006. Madankollu, b’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni wara dan l-eżami ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 4(1), (2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li, fil-fehma tagħha, huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq dan il-punt.

91      Għandu jitfakkar li l-legalità ta’ att tal-Unjoni tista’ tkun affettwata bl-inkompatibbiltà ta’ dan l-att ma’ ftehim internazzjonali. Meta l-inkompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni mar-regoli tad-dritt internazzjonali tiġi invokata quddiem qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ teżaminaha sakemm jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-Unjoni għandha tkun marbuta b’dawn ir-regoli. It-tieni nett, il-qorti tal-Unjoni tista’ twettaq l-eżami tal-legalità tal-att tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjoni ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura ta’ dan ma jipprekluduhx u meta, minbarra dan, l-imsemmija dispożizzjoni tidher, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u preċiża biżżejjed (sentenza Air Transport Association of America et, punt 84 iktar ’il fuq, punti 51 sa 54).

92      Għandu jiġi osservat li l-Unjoni hija marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-motivi għar-rifjut ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali, din il-konvenzjoni ma tidhirx, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u preċiża biżżejjed fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 91 hawn fuq.

93      Fil-fatt, kif ġie indikat hawn fuq, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li kull parti fl-imsemmija konvenzjoni għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u miżuri oħra neċessarji, inklużi miżuri intiżi sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni, biex jiġi stabbilit u jinżamm qafas ċar, trasparenti u koerenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar.

94      Minbarra dan, mill-qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li kull parti f’din il-konvenzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex torganizza l-modalitajiet għat-tqegħid fid-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar l-ambjent mitluba mill-awtoritajiet pubbliċi.

95      Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1367/2006 u 1049/2001, u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament imsemmi l-aħħar, hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ma hijiex preċiża biżżejjed sabiex tkun direttament applikabbli, mill-inqas f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, imsemmija fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija konvenzjoni.

96      Fil-fatt, din tal-aħħar, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4)(c) tagħha, ġiet maħsuba manifestament sabiex tiġi applikata prinċipalment għall-awtoritajiet tal-Istati kontraenti u tuża kunċetti proprji għalihom, kif jirriżulta mir-riferiment għall-qafas tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali previst fl-Artikolu 4(1). Min-naħa l-oħra, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika soċjali, li jistgħu madankollu jaderixxu mal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-ebda indikazzjoni fl-Artikolu 4(4)(c) jew f’dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tippermetti li jiġu interpretati l-kunċetti użati minn din id-dispożizzjoni u li jiġi stabbilit jekk investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tagħmel parti minnhom.

97      Fin-nuqqas ta’ kull tip ta’ preċiżjoni għal dan il-għan, ma jistax jitqies li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jipprevedi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ambjent meta huma jirrigwardaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li taqa’ taħt il-mekkaniżmi kostituzzjonali tad-dritt tal-Unjoni, kif previsti permezz tat-Trattati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑59/09, punti 63 u 64).

98      Minbarra dan, ikun illoġiku li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprevedi eċċezzjonijiet favur ċerti partijiet kontraenti, jiġifieri l-Istati, filwaqt li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet simili minn partijiet kontraenti oħra, jiġifieri, l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, li fosthom hija inkluża l-Unjoni għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

99      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għaliex din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti intiża sabiex tipproteġi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni għajr dawk ta’ natura penali jew dixxiplinari, ma jistax jintlaqa’.

100    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

101    Peress li r-raba’ u t-tieni motiv ġew miċħuda, għandu jitqies li r-rikorrenti ma rnexxielhiex tipprova li l-Kummissjoni kienet wettqet, f’dan il-każ, żball meta rrifjutat li tiżvela l-istudji kontenzjużi sabiex tipproteġi l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha. Peress li dan il-motiv jista’, minnu nnifsu, jiġġustifika r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunika lir-rikorrenti l-parti mhux ikkomunikata tal-istudji kontenzjużi, ma huwiex għaldaqstant meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta qieset li hija setgħet ukoll tirrifjuta dan l-iżvelar sabiex tipproteġi l-proċess deċiżjonali tagħha, kif issostni, fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti. Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li din tal-aħħar tippreżenta fis-sitt motiv, li jipprovdu li l-iżvelar tal-istudji kontenzjużi huwa f’kull każ ġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

–       Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba

102    Ir-rikorrenti tfakkar li l-eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1 TUE, li jipprovdi li ċ-ċittadini għandhom jiksbu l-usa’ aċċess possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tirrifjuta l-aċċess għal dokument sabiex tipproteġi interess kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr ma, l-ewwel nett, tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmi dokument, it-tieni nett, twieżen id-diversi interessi inkwistjoni u, it-tielet nett, timmotiva dan ir-rifjut b’mod dettaljat, u dan ma sarx mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

103    Ir-rikorrenti żżid li ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess ikunu jafu jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni hija rrispettata fuq il-livell nazzjonali, sabiex, jekk ikun il-każ, minn naħa, jinsistu sabiex tiġi effettivament applikata, bis-saħħa tas-supermazija u tal-effett dirett tagħha, mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li jitolbu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali titqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Minbarra dan, it-trasparenza ssaħħaħ l-interess taċ-ċittadini fil-politiki tal-istituzzjonijiet u l-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom, u dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ in-natura demokratika tal-Unjoni u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikoli 1 TUE u 11 TUE u fl-Artikolu 15 TFUE.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

105    Għandu jiġi osservat li l-possibbiltà taċ-ċittadini li jiksbu informazzjoni ambjentali xierqa u li jkollhom possibbiltajiet ġenwini ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent għandha rwol essenzjali f’soċjetà demokratika. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, aċċess aħjar għall-informazzjoni u għall-parteċipazzjoni ikbar tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet itejjeb il-kwalità u l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet, jikkontribwixxi għall-għarfien pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali, jagħti l-opportunità lill-pubbliku li jesprimi t-tħassib tiegħu u jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jieħduh debitament inkunsiderazzjoni.

106    Id-dritt tal-pubbliku li jirċievi din l-informazzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa implementat mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jirriżulta mit-tieni premessa tal-imsemmi Regolament, li tipprovdi li t-trasparenza tippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom, u jikkontribwixxi sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tad-demokrazija.

107    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-interess pubbliku superjuri, imsemmi fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(2), u fl-aħħar parti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument li jippreġudika jew jippreġudika serjament l-interessi legali protetti permezz tal-eċċezzjonijiet imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu, bħala regola ġenerali, ikun distint mill-prinċipji msemmija hawn fuq li huma l-bażi tal-imsemmi regolament (sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 97).

108    Huwa minnu li, il-fatt li applikant għal aċċess ma jinvokax, bħal f’dan il-każ, interess pubbliku distint mill-prinċipji msemmija hawn fuq ma jimplikax awtomatikament li t-tweżin tal-interessi preżenti ma huwiex meħtieġ. Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ dawn l‑istess prinċipji tista’ tkun tant qawwija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li hija tipprevali fuq il-bżonn li jiġu protetti d-dokumenti inkwistjoni (sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 97).

109    Madankollu, dan ma japplikax għal din il-kawża. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma sostniet l-ebda argument tali li juri li, f’dak li jirrigwarda l-istudji kontenzjużi, l-invokazzjoni ta’ dawn il-prinċipji hija partikolarment qawwija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Hija sempliċement invokat kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li ma għandhomx x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jiġifieri li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu informati dwar il-livell ta’ rispett mill-Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent kif ukoll li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Kunsiderazzjonijiet ġeneriċi ma jistgħux ikunu tali li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza f’każ speċifiku huwa partikolarment qawwi b’mod li jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 158).

110    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni grupp ta’ motivi

111    Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u s-seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li l-Kummissjoni estendiet illegalment it-terminu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja u, imbagħad, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ xandir attiv tal-informazzjoni ambjentali li jirriżulta mill-Artikolu 5(3) sa (7), tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006.

–       Fuq l-ewwel u s-seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn il-Kummissjoni estendiet illegalment it-terminu għar-risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, b’mod konsistenti ma’ prattika stabbilita tal-Kummissjoni li għandha titwaqqaf

112    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il 30 jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 [KE] u 195 [KE], rispettivament.”

113    L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.”

114    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, l-applikazzjoni konfermatorja ma tirrigwardax dokument twil ħafna jew numru kbir ħafna ta’ dokumenti u ma hijiex ta’ natura eċċezzjonali. Anki f’tali sitwazzjoni, it-terminu għal risposta għal din l-applikazzjoni jista’ jiġi estiż biss bi ħmistax-il jum ta’ xogħol. Skont il-ġurisprudenza, dan huwa terminu mandatorju. Madankollu, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata iktar minn ħames xhur wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

115    Il-Kummissjoni tammetti li qabżet it-terminu għal risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, iżda ssostni li dan il-fatt, skont il-ġurisprudenza, ma jwassalx għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għal risposta għal applikazzjoni konfermatorja ma jwassalx għan-nullità tad-deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni. Madankollu, hija ddeċidiet li żżomm dawn il-motivi, kif ukoll l-argumenti ppreżentati sabiex isostnuhom, sabiex tikkritika dik li hija tqis bħala prattika kostanti tal-Kummissjoni li tikser sistematikament it-termini mandatorji għal risposta li għalihom hija suġġetta.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura mandatorja u ma jistax jiġi estiż ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, inkella jitneħħa kull effett utli ta’ dan l-artikolu, għaliex l-applikant ma jibqax ikun jaf eżattament minn liema data jkun jista’ jippreżenta r-rikors jew l-ilment previsti fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, Ġabra p. II‑5723, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif issostni r-rikorrenti, anki meta ċ-ċirkustanzi kollha previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikunu jeżistu, dan it-terminu jista’ jiġi estiż biss bi ħmistax-il jum ta’ xogħol.

118    Madankollu, kif ir-rikorrenti nfisha tammetti, l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mis-setgħa li tadotta deċiżjoni espliċita (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 56, u Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 50).

119    Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jorbot tali konsegwenza mas-skiet tal-istituzzjonijiet, kien ikun hemm referenza speċifika fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, il-leġiżlatur ippreveda l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi pprovda, fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-istituzzjoni jagħti lok għad-dritt li jitressaq rikors ġudizzjarju. F’dan il-kuntest, il-konsegwenzi li r-rikorrenti tixtieq tattribwixxi lill-fatt li l-Kummissjoni ħalliet jiskadi t-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jitqiesu bħala sproporzjonati. L-ebda prinċipju ġuridiku ma jċaħħad lill-amministrazzjoni mill-kompetenza tagħha li tagħti risposta għal applikazzjoni, anki barra mit-termini stabbiliti għal dan il-għan. Il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġie stabbilit bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tagħtix risposta għal applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti u taħrab minn kull stħarriġ ġudizzjarju, u mhux sabiex kull deċiżjoni tardiva ssir illegali. Bil-kontra, l-amministrazzjoni, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tipprovdi risposta motivata għal kull applikazzjoni li ssir minn ċittadin, anki jekk din ir-risposta tingħata tard. Tali soluzzjoni hija konformi mal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li jikkonsisti fil-fatt li ċ-ċittadini jitħallew jikkontestaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni sabiex jiksbu risposta motivata mingħandha (sentenza Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punti 57 sa 59).

120    Għaldaqstant għandu jitqies li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għal risposta għall-applikazzjoni konfermatorja ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

121    Sa fejn ir-rikorrenti nfisha ammettiet, waqt is-seduta, li din il-konklużjoni kienet korretta, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti addizzjonali li hija ppreżentat fis-sens kuntrarju fir-replika.

122    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat wara l-iskadenza tat-“terminu ta’ ħmistax-il jum stabbilit [fl]-Artikolu 4(1)[,] tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma ssemmi l-ebda terminu stabbilit għall-awtorità li tintalab aċċess għal dokument sabiex tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni. Anki jekk jingħad li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka l-ksur tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija konvenzjoni, li jistabbilixxi għal xahrejn it-terminu massimu li fih l-informazzjoni dwar l-ambjent għandha tiġi kkomunikata lill-persuni li jitolbuha meta din il-komunikazzjoni tikkonċerna dokumenti voluminużi jew elementi ta’ informazzjoni kumplessi, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni f’din il-kawża ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 117 sa 119 hawn fuq.

123    Għaldaqstant l-ewwel u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ xandir attiv tal-informazzjoni ambjentali li jirriżulta mill-Artikolu 5(3) sa (7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006

124    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprovdi:

“L-informazzjoni dwar l-ambjent li għandha tkun disponibbli u tiġi mxerrda għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ. Barra d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 12(2) u (3) u l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, id-databases jew ir-reġistri għandhom jinkludu dan li ġej:

a)      testi [...] tal-leġislazzjoni [tal-Unjoni] dwar l-ambjent jew relatata miegħu, u ta’ linji politiċi, pjanijiet u programmi relatati ma’ l-ambjent;

b)      rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ l-elementi msemmija fil-punt (a) meta jkunu ppreparati jew miżmuma f’forma elettronika mill-istituzzjonijiet jew korpi [tal-Unjoni];

[…]”

125    l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Kull parti għandha tara li l-informazzjoni dwar l-ambjent issir progressivament disponibbli f’databases elettroniċi li huma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ networks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni. B’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja għandha tkun disponibbli b’dan il-mod:

[…]

c)      fejn xieraq, il-politiki, pjanijiet u programmi dwar l-ambjent jew relatati mal-ambjent u l-ftehim dwar l-ambjent […] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

126    L-Artikolu 5(5) tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Kull parti għandha tieħu miżuri, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha, sabiex ixxandar, b’mod partikolari:

a)      it-testi ta’ liġijiet u d-dokumenti ta’ politika bħalma huma d-dokumenti fuq l-istrateġiji, politiki, programmi u pjanijiet ta’ azzjoni relatati mal-ambjent u r-rapporti li jiffokaw fuq l-applikazzjoni tagħhom, stabbiliti fid-diversi livelli tal-gvern […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

127    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, kif ukoll skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 11 TUE, il-Kummissjoni kellha xxandar b’mod attiv l-istudji kontenzjużi.

128    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li kemm il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll ir-Regolament Nru 1367/06 jipprevedu l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba, jiġifieri fil-kuntest ta’ xandir attiv mill-awtoritajiet u istituzzjonijiet ikkonċernati. Sa fejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw talba għal aċċess għal informazzjoni meta din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li huma ma humiex marbuta jxandru attivament din l-informazzjoni. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-eċċezzjonijiet inkwistjoni jisfaw mingħajr l-ebda effett utli, li huwa manifestament inkompatibbli mal-ispirtu u mal-ittra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tar-Regolament Nru 1367/06.

129    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

130    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

131    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

132    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, waqt l-istanza, tat aċċess għal parti mhux negliġibbli mid-dokumenti li r-rikorrenti kienet talbet fl-applikazzjoni konfermatorja, li r-rifjut ta’ aċċess tagħha kien ta lok għall-preżentata ta’ dan ir-rikors. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, hemm lok li l-partijiet jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ClientEarth u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.