Language of document : ECLI:EU:C:2020:598

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawża C372/19

Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM)

vs

Weareone.World BVBA,

Wecandance NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kunċett ta’ ‘prezz inġust’ – Remunerazzjonijiet imposti minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur matul festivals – Metodu ta’ kalkolu”






1.        Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju) tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Din it-talba oriġinat fl-isfond ta’ żewġ tilwimiet, l-ewwel waħda bejn il-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (iktar ’il quddiem is-“SABAM”) u l-kumpannija Weareone.World BVBA (iktar ’il quddiem “W.W”), it-tieni waħda bejn is-SABAM u l-kumpannija Wecandance NV (iktar ’il quddiem “WCD”), li għandhom bħala suġġett ir-remunerazzjonijiet irċevuti mis-SABAM għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali li jappartjenu għar-repertorju tagħha matul festivals organizzati minn W.W u WCD.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, “[s]afejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit”. Abbażi tal-ittra a) tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu dawn il-prattiki abbużivi jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari “[fl]-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”.

3.        Id-Direttiva 2014/26 (2), adottata abbażi tal-Artikoli 50(1), 53(1) u 62 TFUE u li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ April 2014, tistabbilixxi bħala għanijiet prinċipali t-titjib tal-kapaċità tal-membri tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv fl-eżerċizzju tal-kontroll fuq l-attivitajiet tagħhom, il-garanzija ta’ trasparenza suffiċjenti minn dawn il-kumpanniji u t-titjib tal-ħruġ tal-liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu online (3), Għal dan l-għan, din id-direttiva tistabbilixxi b’mod partikolari r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv (4). L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħruġ ta’ liċenzji”, inkluż fil-Kapitolu 4, iddedikat għar-“Relazzjonijiet mal-utenti”, jipprevedi, fil-paragrafu (2):

“It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. […].

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.”

B.      Id-dritt nazzjonali

4.        L-Artikolu IV.2 tal-Wetboek van economisch recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) għandu l-istess kontenut tal-Artikolu 102 TFUE.

5.        Id-Direttiva 2014/26 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-Wet van 8 juni 2017 tot omzetting in Belgisch recht van de richtlijn 2014/26 (il-Liġi tat‑8 ta’ Ġunju 2017 li tittrasponi d-Direttiva 2014/26 fid-dritt Belġjan) (5), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2018. L-Artikolu 63 ta’ din il-liġi emenda l-Artikolu XI.262 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, li jipprevedi, fil-paragrafu 1, li “il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-liċenzji jiddependu fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji […]. Min huwa intitolat għandu jirċievi remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet. It-tariffi applikati għad-drittijiet esklużivi u għad-drittijiet ta’ remunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli, fir-rigward, inter alia, tal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-portata tal-użu tax-xogħol u s-servizzi, minbarra l-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar. Il-kumpanniji ta’ mmaniġġjar għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat bil-kriterji użati sabiex jiġu stabbiliti dawn it-tariffi”.

6.        Bis-saħħa tal-Artikolu XI.248 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali, “il-kumpanniji ta’ mmaniġġjar jimmaniġġjaw id-drittijiet fl-interess tad-detenturi tad-dritt. Dan l-immaniġġjar għandu jitwettaq b’mod ġust, diliġenti, effikaċi u mhux diskriminatorju. […]”.

7.        Skont l-Artikolu XI.279 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, servizz ta’ verifika tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet simili, li jagħmel parti mid-direttorat ġenerali tal-ispezzjoni ekonomika tas-Servizz Pubbliku Federali Ekonomija (FOD Economie), iwettaq sorveljanza, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ ġbir, ta’ tariffikazzjoni u ta’ tqassim adottati minn dawn il-kumpanniji.

II.    Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

8.        Is-SABAM, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, hija kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur skont il-leġiżlazzjoni Belġjana. Il-kumpanniji konvenuti, W.W u WCD, huma l-organizzaturi, rispettivament, tal-festivals mużikali Tomorrowland u Wecandance.

9.        Ir-remunerazzjoni għall-użu tar-repertorju tas-SABAM matul il-festivals mużikali (6) tiġi ddeterminata abbażi tal-hekk imsejħa “tariffa 211” li, fi żmien il-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kienet tinvolvi żewġ kriterji differenti ta’ tariffikazzjoni. L-ewwel wieħed kien jipprevedi l-applikazzjoni ta’ tariffa minima kkalkolata abbażi tas-superfiċji tal-ħoss jew tan-numru ta’ siġġijiet disponibbli. It-tieni wieħed, applikabbli meta kienu jkunu involuti remunerazzjonijiet ogħla, kien jinkludi tariffa digressiva skont livelli kkalkolati abbażi tal-ammont l-iktar għoli bejn il-baġit artistiku (7) u d-dħul gross prodott mill-bejgħ tal-biljetti, inklużi dawk offruti lill-isponsors. Mill-fajl jirriżulta li r-rati applikati kienu jvarjaw bejn 6 % u 2.50 % (3.25 % għall‑2017) u kienu japplikaw għal 8 (9 mill‑2017) livelli ta’ dħul mill-bejgħ li kienu jvarjaw minn EUR 0.01 sa iktar minn EUR 3 200 000. Il-verżjonijiet differenti tat-tariffa 211 kienu jipprevedu t-tnaqqis ta’ ċerti spejjeż mill-ammont meħud bħala bażi, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ riżervazzjoni, il-VAT u t-taxxi muniċipali (8). Fuq din it-tariffa kien applikat tnaqqis abbażi tar-regola 1/3‑2/3, li skontha: i) jekk inqas minn terz tas-siltiet mużikali eżegwiti kien jaqa’ fir-repertorju tas-SABAM, din tal-aħħar kienet tapplika terz mit-tariffa, ii) jekk iktar minn terz u inqas minn żewġ terzi tax-xogħlijiet eżegwiti kien jaqa’ f’dan ir-repertorju, is-SABAM kienet tapplika żewġ terzi mit-tariffa; iii) fil-każijiet li jifdal, kienet tiġi applikata t-tariffa sħiħa. Kundizzjoni għall-kisba tat-tnaqqis imsemmi kienet it-tfassil, mill-organizzatur tal-avveniment, ta’ lista tax-xogħlijiet mużikali eżegwiti. Din il-lista kellha tiġi mfassla sa mhux iktar tard minn 10 ijiem qabel l-avveniment jew, mill‑2017 u għax-xogħlijiet eżegwiti live minn DJ, sa 30 jum wara l-avveniment, suġġett għall-ingaġġ, mill-organizzatur, ta’ kontroll approvata mis-SABAM.

10.      Permezz ta’ ċitazzjonijiet differenti (9), is-SABAM titlob li l-konvenuti jħallsu d-drittijiet għall-użu tar-repertorju mużikali tagħha matul l-edizzjonijiet tal‑2014, tal‑2015 u tal‑2016 tal-festival Tomorrowland (10) u tal-edizzjonijiet mill‑2013 sal‑2016 fir-rigward tal-festival Wecandance (11).

11.      Quddiem il-qorti tar-rinviju W.W u WCD ikkontestaw il-validità tat-tariffa 211 li jqisu li hija inġusta minħabba li ma tikkorrispondix għall-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-SABAM. Minn naħa, huma jsostnu li r-regola 1/3‑2/3 li abbażi tagħha ġie applikat it-tnaqqis ma hijiex preċiża biżżejjed u li jeżistu teknoloġiji li jippermettu l-identifikazzjoni b’ikbar eżattezza tax-xogħlijiet tar-repertorju tas-SABAM eżegwiti matul il-festival u t-tul tagħhom (12). Min-naħa l-oħra, dawn jikkontestaw il-kalkolu tat-tariffa abbażi tal-baġit artistiku jew tad-dħul gross, mingħajr tnaqqis xieraq tal-ispejjeż mhux direttament marbuta mal-mużika. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sistema ta’ tariffikazzjoni adottata mis-SABAM rigward avvenimenti bħal dawk organizzati mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit skont l-Artikolu 102 TFUE.

12.      Huwa paċifiku li fil-Belġju s-SABAM għandha monopolju de facto fuq is-suq tal-ġbir u tat-tqassim tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali.

13.      Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa impossibbli li jiġi kkalkolat bi preċiżjoni l-valur ekonomiku tad-drittijiet tal-awtur marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet mużikali fl-isfond ta’ avvenimenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, minħabba li kalkolu bħal dan jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attraenza u l-popolarità ta’ kull silta eżegwita. Id-determinazzjoni tar-remunerazzjoni dovuta lill-kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur għalhekk tkun neċessarjament il-frott ta’ approssimazzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huwa l-livell ta’ preċiżjoni mitlub sabiex din ir-remunerazzjoni ma titqiesx inġusta u jekk is-sistema ta’ tariffikazzjoni adottata mis-SABAM, minħabba l-elementi kkontestati mill-konvenuti, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE.

14.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Ondernemingsrechtbank Antwerp (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 102 TFUE, kemm meqjus flimkien ma’ jew mingħajr l-Artikolu 16 tad-Direttiva [2014/26], għandu jiġu interpretat fis-sens li jkun hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti meta kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur li jkollha monopolju de facto fi Stat Membru tapplika fir-rigward tal-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kompożizzjonijiet mużikali, struttura ta’ remunerazzjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq id-dħul mill-bejgħ,

1.      li tuża tariffa fissa f’biċċiet minflok tariffa kkalkolata fuq il-parti speċifika (bl-għajnuna ta’ għodod tekniċi avvanzati) tar-repertorju mużikali protett mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar li jiġi eżegwit matul l-avveniment?

2.      li torbot ukoll ir-remunerazzjonijiet tal-liċenzja ma’ elementi esterni, bħall-prezz tad-dħul, il-prezz tal-affarijiet tal-ikel u tax-xorb, il-baġit artistiku għal dawk li jagħtu l-prestazzjoni mużikali kif ukoll il-baġit għal funzjonijiet oħra, bħad-dekor?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Is-SABAM, W.W, WCD, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet u l-persuni kkonċernati, ħlief għall-Gvern Franċiż, għamlu wkoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta tas‑27 ta’ Mejju 2020.

IV.    Analiżi

1.      Osservazzjonijiet preliminari

16.      Il-kwistjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni għall-użu tax-xogħlijiet mużikali li jagħmlu parti mir-repertorju tas-SABAM matul il-festivals mużikali ilha għal ċertu żmien fiċ-ċentru ta’ serje ta’ tilwim li fihom il-kumpanniji ta’ mmaniġġjar jopponu l-organizzaturi ta’ dawn l-avvenimenti. Wieħed mill-eżempji l-iktar reċenti ta’ din is-saga hija d-deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2018 li permezz tagħha, fuq rikors ippreżentat minn diversi kumpanniji organizzatriċi ta’ festivals (li fosthom ma hemmx il-konvenuti fil-kawżi prinċipali) u mill-federazzjoni li tirrappreżentahom, il-Voorzitter van de Nederlandstalige rechtbank van koophandel te Brussel (il-President tal-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell bil-Lingwa Olandiża, il-Belġju) ikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE min-naħa tas-SABAM b’riferiment, inter alia, għall-elementi tat-tariffa applikata fil-festivals ikkontestati minn W.W u WCD fil-kawżi prinċipali (13). Wara din id-deċiżjoni, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, is-SABAM biddlet, milli jidher biss b’mod temporanju, is-sistema ta’ tnaqqis varjabbli skont il-kwantità ta’ xogħlijiet tar-repertorju tagħha eżegwiti matul il-festival billi ssostitwixxiet ir-regola 1/3‑2/3 b’subdiviżjoni skont livelli ta’ 10 %. Ġiet ukoll prevista d-deduċibbiltà tad-dħul gross tal-ispejjeż għas-servizzi ta’ sigurtà professjonali u ta’ għajnuna pubblika sa 50 % tat-total tagħhom. Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li s-SABAM ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li esprimiet ruħha b’sentenza tal‑10 ta’ April 2019 billi talbet parir mingħand il-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-istruttura tat-tariffikazzjoni tas-SABAM u tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar l-oħra li għandhom għanijiet simili u li għandhom monopolju fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. Din il-qorti staqsiet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tinformaha dwar l-eżistenza ta’ rikorsi pendenti fi Stati Membri oħra simili għal dak pendenti quddiemha jew dwar kwalunkwe miżura eventwalment eżaminata f’livell Ewropew. Il-Kummissjoni tat il-parir tagħha fit‑8 ta’ Mejju 2020. Dan il-parir ġie assimilat ma’ dan il-proċess permezz ta’ miżura skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17.      Minħabba li s-suġġett tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huwa jekk l-applikazzjoni ta’ metodu speċifiku ta’ kalkolu ta’ prezz – b’mod partikolari r-remunerazzjonijiet dovuti lil kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali li jappartjenu lir-repertorju tagħha – hijiex abbużiva, taqax qabel kollox taħt il-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE li, kif rajna, jipprojbixxi l-impożizzjoni, minn impriża dominanti, ta’ “prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”.

18.      F’dawn il-konklużjonijiet ser nanalizza qabel kollox il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar prezzijiet inġusti b’riferiment speċifiku għat-tariffi tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur. Sussegwentement ser inkompli billi neżamina, separatament u fid-dawl tal-prinċipji li joħorġu, l-elementi tal-istruttura ta’ tariffikazzjoni tas-SABAM indikati fid-domanda preliminari, li dwarhom il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Ser nibda mill-metodu ta’ definizzjoni tal-ammont li abbażi tiegħu tiġi applikata r-rata li tiddetermina r-remunerazzjonijiet dovuti lis-SABAM, jiġifieri mill-element imsemmi fit-tieni parti tad-domanda preliminari. Sussegwentement ser nikkunsidra s-sistema ta’ tnaqqis b’rata fissa li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha.

19.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni messet ukoll il-kwistjoni tan-natura possibbilment diskriminatorja, skont il-punt c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, tal-istruttura tariffarja adottata mis-SABAM. Uħud mill-argumenti mressqa matul is-seduta minn W.W ukoll indirettament irreferew għal possibbiltà ta’ prezzijiet diskriminatorji. Madankollu ma jiniex ser nagħti l-fehma tiegħi dwar din il-kwistjoni, minħabba li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-Ondernemingsrechtbank Antwerp (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) kellha l-intenzjoni tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt ukoll.

20.      Finalment, jekk id-domanda preliminari tirrigwarda wkoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26, l-Ondernemingsrechtbank Antwerp (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) titlob mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki biss fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, kunċett li ma jinsabx, minn tal-inqas espressament, fid-Direttiva 2014/26. Għalhekk fl-analiżi tiegħi ser nillimita ruħi nikkunsidra l-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, il-każijiet previsti fil-punt a) tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

2.      Ġurisprudenza dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi u l-applikazzjoni tagħha għat-tariffi tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur

a)      Il-verifika tal-eżistenza ta’ prezzijiet inġusti

21.      Kuntrarjament għal dak li jseħħ f’sistemi ġuridiċi oħra, bħal dik tal-Istati Uniti, id-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jinkludi, kif diġà ntwera, fost l-illegalitajiet antikompetittivi l-possibbiltà ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li tinkludi “l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”. Din it-tip ta’ illegalità antikompetittiva kellha fil-prassi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni użu li għal ħafna żmien kien pjuttost limitat. Madankollu fl-aħħar snin seħħ qawmien mill-ġdid fl-użu tal-kunċett ta’ “prezzijiet inġusti”, kif jintwera miż-żieda fil-kawżi ttrattati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-kawżi rrigwardaw fuq kollox il-prezzijiet tal-prodotti mediċinali u t-tariffi applikati mill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (14).

22.      Sabiex tiġi spjegata din is-sitwazzjoni (diffidenza fl-użu tal-kunċett u suċċessivament l-espansjoni tiegħu madankollu fir-rigward ta’ setturi ekonomiċi speċifiċi), jeħtieġ li jiġi osservat li l-identifikazzjoni ta’ prezz bħala inġust u għalhekk kuntrarja għad-dritt tal-kompetizzjoni hija kompitu pjuttost diffiċli li fih hemm ir-riskju ta’ pożittivi foloz (li jivverifikaw ruħhom meta bi żball jiġi konkluż li prezz huwa ogħla mill-prezz kompetittiv) jew agħar it-tagħwiġ tad-dritt tal-kompetizzjoni f’forma ta’ diriġiżmu ekonomiku li jissostitwixxi minflok id-dinamika tas-swieq bi struttura tar-relazzjonijiet ekonomiċi li tikkorrispondi għall-preferenzi suġġettivi tar-regolatur. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-marġini ta’ profitt jista’ jirriżulta f’diżinċentiv għat-titjib tal-kwalità tal-prodott jew tas-servizz, għall-innovazzjoni u għad-dħul ta’ kompetituri ġodda. Għalhekk, finalment jirriżulta f’telf f’termini ta’ benesseri tal-konsumatur, jiġifieri tal-għan prinċipali (skont uħud uniku) tad-dritt tal-kompetizzjoni.

23.      Normalment f’suq kompetittiv il-prezzijiet għolja jiġu kkorreġuti mill-fatt li proprju l-livell għoli tagħhom jiġbed operaturi ġodda u għalhekk jagħti lok għal żieda fl-offerta u t-tnaqqis konsegwenti tal-prezz. B’dan il-mod is-suq jikkorreġi lilu nnifsu. Dan huwa l-approċċ segwit mill-kurrenti kollha ta’ ħsieb ekonomiku li jenfasizzaw il-kapaċità tas-swieq li jikkorreġu lilhom innifishom u ġie promoss mill-iskola ta’ Chicago li influwenzat b’mod qawwi l-prassi antitrust tal-Amerika ta’ Fuq.

24.      Madankollu, l-awtokorrezzjoni tas-suq ma hijiex dejjem possibbli. Qabel kollox, ma hijiex possibbli f’dawk il-każijiet kollha li fihom jeżistu ostakoli ġuridiċi għad-dħul ta’ operaturi oħra, kif isir fil-preżenza ta’ monopolju legali. Hemm ukoll il-każ tal-monopolju de facto, fi swieq fejn diversi fatturi – bħall-abitudnijiet tal-konsum, in-nuqqas ta’ sostitwibbiltà tal-prodott jew tas-servizz tal-monopolist b’affarijiet simili, l-effetti tal-lock-in, l-“effetti tax-xibka” fis-swieq b’aspetti differenti, l-ekonomiji ta’ skala li minnhom igawdi l-monopolist – jistgħu jagħmlu d-dħul ta’ kompetituri ġodda estremament diffiċli.

25.      Sussegwentement, fil-każ ta’ ċerti prodotti, ma huwiex veru li jeżisti limitu ta’ prezz li ’l fuq minnu l-konsumatur ma huwiex dispost li jħallas, bil-konsegwenza li f’dawn il-każijiet ma jkunx hemm ostakoli għall-introduzzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi. Pereżempju, fir-rigward ta’ prodott mediċinali li jsalva l-ħajja, l-uniku limitu għall-akkwist jirriżulta mill-kapaċità ekonomika tal-persuna li tkun qiegħda takkwistah (kemm jekk huwa l-pazjent uniku jew is-servizzi tas-saħħa nazzjonali). Madankollu, anki meta jkun hemm inkwistjoni valuri inqas fundamentali tal-ħajja umana, jista’ jkun hemm fatturi kulturali jew ta’ aġir li jimbuttaw ’il fuq ħafna l-prezz li l-konsumatur huwa dispost li jħallas. Sabiex wieħed jassisti għal kunċert ta’ rock-star ta’ fama mondjali, li hija l-idolu ta’ miljuni ta’ żgħażagħ, il-prezz jista’ jsib l-uniku limitu fir-riżorsi ekonomiċi li għandu fan individwali.

26.      F’każijiet, bħal dawk deskritti fiż-żewġ paragrafi preċedenti, in-nuqqas ta’ intervent mid-dritt tal-kompetizzjoni jippermetti negattivi foloz, għaliex, jekk nitilqu mill-idea tal-awtokorrezzjoni tas-suq, prezz ikun jitqies b’mod żbaljat li ma huwiex superjuri għall-prezz kompetittiv. F’każijiet bħal dawn ma hemmx biss distorsjoni tal-kompetizzjoni iżda hemm xi ħaġa iktar. Jista’ jkun hemm, fil-fatt, attakk fuq ċerti valuri bażiċi tas-soċjetajiet tagħna, bħall-ugwaljanza taċ-ċittadini li għaliha d-differenzi fit-tgawdija ta’ oġġetti speċifiċi meqjusa fundamentali ma tistax tiddependi, lil hinn minn ċerti limiti, mill-kapaċità ta’ dħul mingħajr ma tiġi mminata l-koeżjoni tas-soċjetà. Il-protezzjoni tas-saħħa u għalhekk id-disponibbiltà ta’ prodotti mediċinali kkunsidrati essenzjali, jew l-aċċess għal ċertu konsum kulturali huma, fis-soċjetajiet tagħna, karatteristiċi kostituttivi tal-appartenenza għall-komunità ta’ ċittadini. Għalhekk, f’dawn l-oqsma tiġi mmanifestata bl-ikbar intensità t-tema tal-“prezz inġust”. U dan iseħħ fuq kollox f’perijodi ta’ kriżi ekonomika jew li fihom teżisti sensibbiltà soċjali ikbar fil-konfront tad-diżugwaljanzi. Il-kunċett tal-prezzijiet eċċessivi jinvolvi d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni proprju għaliex dan jidħol f’sistema ġuridika u huwa bbażat fuq kultura ekonomika li tagħmel riferiment għall-“ekonomija soċjali tas-suq” (Artikolu 3(3) TUE).

27.      Minn dak premess jirriżulta li l-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali, meta japplikaw il-kunċett ta’ prezz eċċessiv ikunu qegħdin jaħdmu b’mod riġidu. Minn naħa r-riskju ta’ over-enforcement antitrust, imsaħħaħ bil-pożittivi foloz, li finalment jippreġudikaw l-effiċjenza u l-istess benesseri tal-konsumatur, u min-naħa l-oħra r-riskju ta’ under-enforcement, minħabba n-negattivi foloz, li minbarra li jippreġudikaw il-benesseri tal-konsumatur jista’ jkollhom, kif intqal fil-punt preċedenti, konsegwenzi negattivi ta’ portata iktar wiesgħa.

28.      Sabiex taħdem fi spazju tant diffiċli l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat metodi li ġew speċifikati fl-evoluzzjoni suċċessiva tal-ġurisprudenza. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza jista’ jinbena sfond preċiż biżżejjed tal-metodi u tal-kriterji li għandhom jitħaddmu sabiex prezz jiġi kkwalifikat bħala inġust u li jmur kontra l-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. L-Avukat Ġenerali Wahl daħal fid-dettall dwar dawn fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība (15), li huma relatati u ser jiġu mfakkra, filwaqt li ser jiġu wkoll integrati ma’ ċerti kunsiderazzjonijiet iktar marbuta mal-karatteristiċi tal-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

29.      Il-leading case tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kwistjoni ta’ prezzijiet inġusti jinsab fis-sentenza famuża tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni (16) (iktar ’il quddiem is-“sentenza United Brands”) (17), li fiha, kif diġà għamlet preċedentement fis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il‑Kummissjoni (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet bħala “eċċessiv” il-“prezz mingħajr l-ebda rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut” (19). Mhux kull prezz għoli pprattikat minn impriża f’pożizzjoni dominanti f’suq partikolari huwa għalhekk eċċessiv u jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE, iżda huma eċċessivi biss dawk il-prezzijiet li huma “sproporzjonati” jew “eżorbitanti”.

30.      Kif għandu jiġi stabbilit li l-prezz ma għandu ebda rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut? Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan is-sens, identifikat, fis-sentenza United Brands, eżami li jitwettaq f’żewġ fażijiet, li l-ewwel wieħed minnhom jikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk hemmx differenza sinjifikattiva, jiġifieri sproporzjon, bejn il-prezz effettivament ipprattikat fis-suq rilevanti tal-impriża dominanti u l-prezz li l-impriża setgħet ipotetikament tipprattika f’każ ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq (prezz ta’ referenza). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li dan l-isproporzjon jista’ jiġi evalwat oġġettivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kobor tal-marġini ta’ profitt tal-impriża dominanti, meħuda mir-rabta bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni sostnuti minn din l-impriża u l-prezz impost minnha. F’każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, it-tieni fażi tal-eżami hija intenzjonata sabiex tikkonstata “jekk hemmx impożizzjoni ta’ prezz inġusti, kemm f’livell assolut u kemm meta pparagunat mal-prodotti kompetituri” (20) (iktar ’il quddiem l-“eżami United Brands”).

31.      Abbażi ta’ dan l-eżami, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sproporzjon bejn il-prezz u l-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ marġini ta’ profitt eċċessiv ma timplikax għalhekk awtomatikament li l-prezz huwa inġust, jiġifieri nieqes minn kwalunkwe rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut. Sabiex wieħed jasal għal din il-konklużjoni huwa neċessarju li jimxi għat-tieni fażi tal-analiżi, li teħtieġ li jiġi evalwat jekk id-differenza kkonstatata bejn il-prezz u l-ispejjeż ta’ produzzjoni hijiex fiha nnifisha indikattiva ta’ prezz inġust jew jekk l-inġustizzja tirriżulta minn paragun mal-prezzijiet ipprattikati minn impriżi kompetittivi (21). Filwaqt li l-evalwazzjoni mwettqa fl-isfond tal-ewwel parti tal-eżami u dik tan-natura inġusta per se tal-prezz, imwettqa fl-isfond tat-tieni parti, essenzjalment jiffukaw fuq il-marġini ta’ profitt tal-impriża dominanti, il-paragun mal-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi jintroduċi evalwazzjoni bbażata fuq terminu ta’ paragun.

32.      L-analiżi tal-prezzijiet-spejjeż ta’ produzzjoni prevista mill-eżami United Brands, bħall-metodi alternattivi ta’ determinazzjoni tal-marġini ta’ profitt, jeħtieġu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, investigazzjonijiet kumplessi u jaslu għal riżultati li ta’ sikwit ikunu biss approssimattivi.

33.      Għal dan l-għan, il-ġurisprudenza u l-prassi tal-Kummissjoni rrikonoxxew l-importanza awtonoma wkoll ta’ metodi oħra ta’ analiżi (22) bbażati, kif previst fit-tieni fażi tal-eżami United Brands, fuq paragun bejn il-prezz ikkunsidrat inġust u listi differenti ta’ referenza, li wħud minnhom huma meħuda mill-istess suq rilevanti, oħrajn minn barra. Dawn il-listi huma: i) il-prezzijiet ipprattikati fil-passat mill-impriża dominanti għall-istess prodotti fl-istess suq rilevanti (23); ii) il-prezzijiet ipprattikati mill-impriża dominanti għal prodotti differenti (24) jew relatati (25) jew simili (26) jew fir-rigward tat-tipi differenti ta’ klijenti (27), iii) il-prezzijiet ipprattikati mill-impriża dominanti għall-istess prodott f’reġjuni differenti tal-istess suq rilevanti (28) jew fi swieq oħra ġeografiċi (29); iv) il-prezzijiet ipprattikati minn impriżi kompetittivi mhux dominanti fl-istess suq rilevanti (30); v) il-prezzijiet ipprattikati minn impriżi oħra għall-istess prodott jew għal prodotti paragunabbli fi swieq oħra (31). Il-leġittimità tar-rikors għal metodi alternattivi għall-paragun bejn prezz u spejjeż ta’ produzzjoni, ibbażati b’mod partikolari fuq il-paragun bejn il-prezzijiet applikati fl-Istat Membru kkonċernat u dawk applikati fi Stati Membri oħra, ġiet reċentement ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AKKA/LAA proprju b’riferiment għat-tariffi tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur (32).

34.      L-għażla tal-metodoloġija ta’ analiżi l-iktar xierqa, kif ukoll b’mod iktar ġenerali l-ġudizzju dwar l-eżistenza ta’ prezzijiet inġusti (33), għandha, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża inkwistjoni (34). Din l-għażla tiddependi, b’mod partikolari, mill-prodott jew mis-servizz inkwistjoni, mill-karatteristiċi tas-suq, mid-disponibbiltà tal-informazzjoni rilevanti, mill-kategorija tal-partijiet kontraenti mal-impriża dominanti. Għalhekk, pereżempju, fis-sentenza United Brands, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat kif l-analiżi tal-prezzijiet-spejjeż ta’ produzzjoni kienet, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prodott inkwistjoni u tal-aċċessibbiltà tal-informazzjoni relatata mal-istruttura tal-ispejjeż ta’ UBS, kriterju affidabbli ħafna meta mqabbel ma’ dak użat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-paragun bejn il-prezzijiet ipprattikati minn UBS fis-swieq nazzjonali suġġett tal-investigazzjoni u f’suq nazzjonali ta’ referenza, magħżul, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi ta’ evalwazzjonijiet żbaljati (35). Min-naħa l-oħra, f’każijiet oħra bħal pereżempju fil-kawża ta’ beni immaterjali, analiżi bbażata fuq it-tqabbil tal-prezzijiet-spejjeż ta’ produzzjoni tista’ tkun kumplessa, minbarra li ma hijiex xierqa biex tagħti kont tar-realtà ekonomika sottostanti.

35.      Fi kliem ieħor, ma teżistix, kif espressament irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AKKA/LAA, sistema waħda xierqa sabiex jitwettaq paragun bejn prezz meqjus inġust u prezz ta’ referenza, lanqas sabiex jiġi ddefinit l-isfond ta’ dan il-paragun (36). Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost tipprivileġġja approċċ ibbażat fuq ir-rikors konġunt għal iktar kriterji ta’ paragun, li kull wieħed minnhom jista’ jipprovdi indikazzjonijiet tal-eżistenza ta’ prezz inġust jew li jikkonfronta jew jinvalida l-informazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kriterju ieħor jew iktar kriterji (37).

36.      Dan l-approċċ, sostnut mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża AKKA/LAA, fil-fehma tiegħi għandu jiġi kondiviż. Il-metodi kollha ta’ analiżi deskritti iktar ’il fuq jippreżentaw, fil-fatt, limiti intrinsiċi u, sabiex jiġu evitati riżultati ta’ pożittiv falz jew ta’ negattiv falz, jeħtieġu verifika jew korrezzjoni permezz tat-tħaddim ta’ kriterji oħra li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni, jirriżultaw rilevanti (38).

37.      Hekk kif ma jeżistix metodu wieħed ta’ paragun bejn il-prezz ikkunsidrat inġust u l-prezz ta’ referenza, ma teżistix tweġiba univoka għall-mistoqsija, fundamentali, dwar lil hinn minn liema livell ta’ sproporzjon bejn dawn il-prezzijiet jista’ jkun hemm lok ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti fis-suq u li jkun meħtieġ l-intervent tal-awtoritajiet antitrust. Fil-fatt, it-tweġiba għal din il-mistoqsija timplika li jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut u li jiġi stabbilit marġni raġonevoli ta’ profitt tal-impriża dominanti, xogħol li ma jistax loġikament jitwettaq in abstracto. Fil-fatt i-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fis-sentenza AKKA/LAA b’riferiment għat-tqabbil bejn it-tariffi pprattikati mill-impriża dominanti ta’ Stat Membru u dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, li ma jeżisti “l-ebda limitu minimu li minnu rata għandha tkun ikkwalifikata bħala ‘kunsiderevolment iktar ogħla’, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ huma determinanti f’dan ir-rigward” u li, għaldaqstant, differenza bejn it-tariffi tista’ tiġi kklassifikata bħala “kunsiderevoli” jekk hija sinjifikattiva u persistenti, jiġifieri mhux temporanja u okkażjonali (39).

38.      Fil-każ fejn l-indikazzjonijiet miġbura mill-varji metodoloġiji deskritti iktar ’il fuq jikkonverġu fis-sens tal-eżistenza ta’ prezzijiet inġusti, l-impriża dominanti għandha l-possibbiltà li tiġġustifika l-istruttura tagħha tal-prezzijiet u d-differenza fil-livell bejn dawn tal-aħħar u l-prezz ta’ referenza billi tibbaża ruħha, inter alia, fuq id-differenza bejn is-sitwazzjoni tas-suq li fih topera u dik tas-swieq ġeografiċi ta’ referenza (40), fuq l-istruttura tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, jew ukoll fuq il-ħtieġa li l-kapital jiġi rremunerat (41) jew li tirkupra spejjeż supplimentari, pereżempju, spejjeż ta’ riċerka u żvilupp (42), jew spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali (43). Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li ineffiċjenzi possibbli tal-impriża dominanti jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti (44).

b)      Ġurisprudenza relatata mat-tariffi tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur

39.      Il-monopolju tradizzjonali (45) tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur ta lok għal diversi interventi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’livell kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew, li kellhom bħala suġġett, inter alia, il-politika tariffarja pprattikata minn dawn il-kumpanniji.

40.      Fis-sentenza tad‑9 ta’ April 1987, Basset (46) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Basset”), li fiha kien inkwistjoni l-fatt li l-kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur Franċiża, is-SACEM, kienet tirċievi dritt kumplimentari ta’ riproduzzjoni mekkanika li kien jiġi miżjud mad-dritt ta’ rappreżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali rreġistrati fid-diskoteki, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, affermat li t-tariffi miġbura bħala remunerazzjoni tad-dritt tal-awtur għal rappreżentazzjoni bħal din, li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tad-diskoteka, għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-użu normali ta’ dritt tal-awtur u li l-ġbir tagħhom ma jikkostitwixxix, fih innifsu, abbuż minn pożizzjoni dominanti (47). Hija madankollu speċifikat li l-ammont tar-remunerazzjoni jew tar-remunerazzjonijiet akkumulati stabbilit minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv li tgawdi minn pożizzjoni dominanti fis-suq jista’ jikkostitwixxi prattika abbużiva sa fejn jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet inġusti (48).

41.      Il-kawżi li taw lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Tournier (49) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Tournier”) u Lucazeau et (50) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Lucazeau”), kienu jirrigwardaw il-livell tar-remunerazzjonijiet irċevuti mis-SACEM fil-konfront tad-diskoteki, li għalih kienet ikkontestata n-natura notevolment ogħla meta mqabbla ma’ dik ipprattikata fl-Istati Membri l-oħra u l-assenza ta’ kwalunkwe rabta mat-tariffi pprattikati fil-konfront ta’ utenti oħra kbar ta’ mużika rreġistrata, bħat-televiżjoni u r-radju (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li jekk impriża f’pożizzjoni dominanti timponi tariffi, għas-servizzi pprovduti minnha, li jkunu kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra, u sakemm il-paragun tal-livelli tat-tariffi jkun twettaq fuq bażi omoġenea, din id-differenza għandha titqies bħala indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’dan il-każ, hija l-impriża inkwistjoni li għandha tiġġustifika d-differenza billi tibbaża ruħha fuq l-għanijiet differenti bejn is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u dik prevalenti fl-Istati Membri l-oħra kollha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida ċ-ċirkustanza li l-perċentwali tad-dħul tar-remunerazzjonijiet iddestinat għall-ispejjeż ta’ ġbir, ta’ amministrazzjoni u ta’ tqassim, pjuttost milli għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, tkun notevolment ogħla meta pparagunata ma’ dik tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, minħabba li ma huwiex eskluż li din id-differenza tkun il-konsegwenza ta’ ineffiċjenzi dovuti għan-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq (52). Finalment, fis-sentenza Tournier, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li n-natura globali u b’rata fissa tar-remunerazzjoni rċevuta tista’ titqiegħed f’dubju fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ prezz inġust “biss sa fejn ikun hemm metodi oħra li jistgħu jilħqu l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkunu jinvolvu żieda fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti” (53).

42.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4 (54) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kanal 5”), li fiha ġiet ikkontestata l-inġustizzja tat-tariffi għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur applikati mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar Svediża, l-iSTIM, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet adottat il-prinċipju diġà espress fis-sentenza Tournier, fejn speċifikat li tariffi kkalkolati abbażi tad-dħul tal-kumpanniji ta’ telediffużjoni u tal-volum ta’ mużika telediffuża (55), fihom innifishom leġittimi, jistgħu xorta waħda jkollhom natura abbużiva jekk “hemm metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza u fil-każ fejn dan il-metodu jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur” (56).

43.      Fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA (57) (iktar ’il quddiem is-“sentenza OSA”) il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet adottat u applikat fl-istess ħin iż-żewġ approċċi segwiti fis-sentenzi Tournier u Kanal 5. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma, minn naħa, li l-fatt li kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, timponi tariffi għas-servizzi li hija tipprovdi, li huma kunsiderevolment ogħla minn dawk ipprattikati fl-Istati Membri l-oħra jikkostitwixxi, sakemm il-paragun tal-livelli tat-tariffi jkun sar fuq bażi omoġenea, l-indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u, min-naħa l-oħra, li tali abbuż jista’ jikkonsisti fil-prattika ta’ prezz eċċessiv mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (58).

44.      Finalment, fis-sentenza reċenti AKKA/LAA, diġà msemmija diversi drabi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-metodu sabiex tiġi identifikata natura possibbilment eċċessiva tat-tariffi ta’ kumpannija ta’ mmaniġġjar użat fis-sentenzi Tournier u Lucazeau u bbażat fuq il-paragun mat-tariffi applikati fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari ċerti Stati limitrofi, magħżula skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli, jikkostitwixxi, sakemm dan it-tqabbil jitwettaq fuq bażi omoġenea u b’teħid inkunsiderazzjoni, fejn neċessarju, tal-indiċi ta’ parità tal-kapaċità tal-akkwist (PKA), alternattiva leġittima għall-eżami United Brands (59).

45.      Jista’ jiġi mistoqsi, fid-dawl tas-sentenza AKKA/LAA, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellhiex definittivament l-intenzjoni li tidentifika l-paragun mat-tariffi applikati fl-Istati Membri ta’ referenza bħala l-metodu esklużiv ta’ analiżi, applikabbli fil-każijiet kollha dwar l-evalwazzjoni tan-natura eċċessiva tat-tariffi ta’ kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali. Jekk il-kontenut tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza u ċ-ċirkustanza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja astjeniet milli tiċċita s-sentenza Kanal 5 jidhru li jindikaw dan, madankollu konklużjoni bħal din ma tirriżultax valida fid-dawl tal-għanijiet tas-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq din il-metodoloġija partikolari ta’ analiżi huwa dovut iktar għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u għall-formulazzjoni tad-domandi preliminari milli għal għażla intenzjonali ta’ fehma.

46.      Madankollu ma jidhirlix li għażla bħal din tkun opportuna. Fil-fatt, l-ewwel nett, diġà kelli okkażjoni nosserva li kull metodu ta’ analiżi jippreżenta l-inkonvenjenzi tiegħu. B’mod partikolari, kif diġà ġie indikat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tournier (60), id-diffikultà tal-paragun mat-tariffi stabbiliti fi Stati Membri oħra tinsab fil-fatt li huwa neċessarju li jinsab metodu ta’ paragun oġġettiv, xogħol mhux faċli fid-dawl tad-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali u bejn il-metodi ta’ kalkolu u ta’ ġbir tar-remunerazzjonijiet użati mid-diversi kumpanniji ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur. B’mod iktar ġenerali, kif ġie żvelat mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża AKKA/LAA, “f’dak li jirrigwarda l-paraguni ġeografiċi, elementi bħal – biex insemmi ftit – taxxi domestiċi, il-karatteristiċi partikolari tas-suq nazzjonali tax-xogħol u l-preferenzi tal-konsumaturi lokali jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet finali tal-prodott jew tas-servizz rilevanti”. It-tieni nett, għandu jiġi ċċarat kif wieħed għandu jipproċedi fil-każ fejn ma jkunx possibbli li jsir paragun fuq bażi omoġenea, pereżempju sakemm ma jkunx disponibbli fl-Istati Membri ta’ referenza metodu simili ta’ kalkolu tat-tariffi, jew anki f’każ li, kif jidher li jirriżulta f’din il-kawża mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirriżulta minn dan il-paragun li t-tariffi pprattikati mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar huma iktar baxxi minn dawk applikati mill-Istati Membri ta’ referenza. Fl-aħħar nett, ma huwiex eskluż li l-għoti ta’ importanza esklużiva jew deċiżiva lill-paragun bejn it-tariffi applikati f’diversi Stati Membri fl-evalwazzjoni tan-natura possibbilment eċċessiva tat-tariffi tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar, dan jista’ jiffaċilita aġir ta’ kollużjoni bejn dawn tal-aħħar intiż għall-koordinament tal-prezzijiet.

47.      Għal dawn ir-raġunijiet huwa preferibbli fil-fehma tiegħi li l-eżami tan-natura possibbilment inġusta tat-tariffi pprattikati mill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur għal xogħlijiet mużikali jitwettaq bl-għażla minn żmien għall-ieħor tal-iktar metodu jew metodi rilevanti, identifikati abbażi taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret.

48.      Huwa fid-dawl tal-prinċipji indikati iktar ’il fuq u tal-kunsiderazzjonijiet magħmula sa hawn li jeħtieġ li jiġu analizzati ż-żewġ partijiet tad-domanda preliminari.

3.      Fuq it-tieni parti tad-domanda preliminari

49.      Permezz tat-tieni parti tad-domanda preliminari tagħha, li jeħtieġ li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hemmx abbuż minn pożizzjoni dominanti fejn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur li tgawdi monopolju de facto fi Stat Membru tapplika fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt li jiġu kkomunikati xogħlijiet mużikali lill-pubbliku, struttura ta’ remunerazzjoni, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ “li torbot ukoll ir-remunerazzjonijiet tal-liċenzja ma’ elementi esterni, bħall-prezz tad-dħul, il-prezz tal-affarijiet tal-ikel u tax-xorb, il-baġit artistiku għal dawk li jagħtu l-prestazzjoni mużikali kif ukoll il-baġit għal funzjonijiet oħra, bħad-dekor”.

50.      Preliminarjament, huma neċessarji tliet dettalji.

51.      L-ewwel nett, filwaqt li fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tirreferi għal struttura tariffarja “[b]bażata fuq id-dħul mill-bejgħ” mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl jirriżulta, kif ġie kkonfermat fis-seduta, li r-rata digressiva prevista mit-tariffa 211 għall-possibbiltà li fiha ma jsirx użu tat-tariffa bażi tapplika, alternattivament, għall-baġit artistiku, jiġifieri l-ispiża li tikkorrispondi għall-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-artisti, jew għal parti mid-dħul, li ma jammontax għad-dħul mill-bejgħ kollu tal-avveniment, iżda biss għall-ammont li jikkorrispondi għad-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti (inkluż dawk offruti lill-isponsors (61)).

52.      It-tieni nett, minkejja li l-formulazzjoni tat-tieni parti tad-domanda preliminari ma hijiex ċara f’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-element tat-tariffa tas-SABAM li dwaru huma mitluba l-kjarifiki huwa magħmul mill-adozzjoni bħala bażi tal-kalkolu ta’ parti mid-dħul, li tammonta għad-dħul gross li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti ta’ dan id-dħul li ma tiddependix fuq is-servizz tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar u mingħajr ma huwa permess li jitnaqqsu l-ispejjeż li ma humiex speċifikament marbuta mal-mużika.

53.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk dan l-aspett tal-metodu ta’ kalkolu mħaddem mis-SABAM huwiex abbużiv sa fejn dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ remunerazzjoni eċċessiva, iżda sa fejn ma jistabbilixxix rabta suffiċjenti bejn is-servizz ipprovdut mis-SABAM u r-remunerazzjoni mitluba minnha. Għalhekk ma huwiex il-livell tar-remunerazzjoni rċevut fih innifsu li huwa, mill-inqas direttament, inkwistjoni, iżda iktar ġeneralment, il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet, jiġifieri l-istruttura stess tat-tariffa 211 u r-rabta li din l-istruttura tippermetti li tiġi stabbilita mas-servizz ipprovdut realment mis-SABAM.

54.      F’dan ir-rigward, tajjeb li jiġi ppreċiżat minn issa li impriża, anki jekk f’pożizzjoni dominanti, għandha tkun tista’ ssegwi l-interessi tagħha stess u li, għal dan l-għan, bħala prinċipju, tkun libera tagħżel il-metodu ta’ kalkolu li tikkunsidra l-iktar xieraq sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni mitluba inkambju għall-prodotti jew is-servizzi li din toffri. Għalhekk ma humiex il-Qorti tal-Ġustizzja, jew il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li għandhom jistabbilixxu liema metodu ta’ kalkolu għandu jiġi adottat, iżda dawn għandhom biss jivverifikaw jekk il-metodu applikat b’mod konkret jiksirx il-projbizzjonijiet imposti mill-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari jekk iwassalx għall-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti.

55.      W.W issostni li t-tariffa 211 ġiet maħluqa għall-festivals mużikali tradizzjonali, li l-offerta u l-attraenza tagħhom tikkonsisti fil-mużika li tindaqq live. Avvenimenti bħal Tomorrowland joffru minflok lill-ispettaturi esperjenza “unika u globali”, b’mod partikolari permezz tal-attenzjoni għat-tiżjin, li jittrasforma mhux biss il-palk iżda ż-żona kollha li fiha jinżamm l-avveniment f’“dinja immaġinarja”, il-kostumi milbusa mill-persunal, l-elementi viżivi, bħal-logħob tad-dawl, effetti ottiċi jew murtali, il-gastronomija u sensiela sħiħa ta’ servizzi offruti matul, qabel u wara s-soġġorn. Bl-istess mod WCD tenfasizza n-natura partikolari tal-avveniment li hija torganizza u, bħal W.W, issostni li d-dħul gross prodott mill-bejgħ tal-biljetti huwa prinċipalment iġġenerat minn fatturi estranji għar-repertorju mużukali użat. Isegwi, skont W.W, li, għal avvenimenti ta’ dan it-tip, l-adozzjoni tad-dħul bħala bażi ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv jikkostitwixxi fih innifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti. Min-naħa l-oħra, WCD tqis li huwa abbużiv il-fatt li ma jkunx permess li jitnaqqsu mid-dħul gross l-ispejjeż li ma jurux rabtiet mal-mużika, li wħud minnhom, bħal dawk relatati mal-osservanza tar-regolamentazzjonijiet fil-qasam ambjentali jew fil-qasam tas-sigurtà, qegħdin jiżdiedu b’mod kostanti. Skont W.W u WCD lanqas il-baġit artistiku ma jikkostitwixxi bażi xierqa għall-kalkolu.

56.      Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (62) prezz ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inġust, skont il-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, jekk juri rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-impriża f’pożizzjoni dominanti. F’din il-kawża, dan is-servizz jinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur sabiex dawn jiġu kkomunikati lill-pubbliku matul avvenimenti ta’ festivals.

57.      Kif ġie muri iktar ’il fuq, l-eżami United Brands jissuġġerixxi, tal-inqas impliċitament, li l-valur tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut mill-impriża dominanti jiġi ddeterminat skont l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha. Issa, filwaqt li huwa possibbli li jiġu kkwantifikati l-ispejjeż inerenti għall-immaniġġjar kollettiv, huwa estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġu ddeterminati l-ispejjeż tal-ħolqien ta’ xogħol intellettwali, bħal xogħol mużikali. Il-kriterju inkluż fl-eżami United Brands huwa għalhekk mhux xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut lill-utenti minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv fit-totalità tagħha.

58.      Il-valur ekonomiku ta’ dan is-servizz u, f’dan il-każ, tas-servizz ipprovdut mis-SABAM lill-organizzaturi tal-festivals, għandu għaldaqstant jiġi evalwat bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-immaniġġjar kollettiv, minn naħa, u tad-dritt tal-awtur, min-naħa l-oħra (63).

59.      Skont l-ewwel perspettiva, parti rilevanti ta’ dan il-valur tinkludi l-fatt li l-organizzaturi tal-festivals ma humiex obbligati jduru unikament fuq id-detenturi tad-dritt tal-awtur fir-rigward tax-xogħlijiet li għandhom l-intenzjoni jeżegwixxu sabiex jinnegozjaw ma’ kull wieħed minnhom liċenzja għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, iżda għandhom interlokutur wieħed li jikkonsisti fil-kumpannija ta’ mmaniġġjar. Barra minn hekk, permezz ta’ liċenzja unika l-kuntratti ta’ reċiproċità konklużi mis-SABAM ma’ kumpanniji oħra ta’ mmaniġġjar jippermettu wkoll l-aċċess għar-repertorju tal-kumpanniji barranin. L-eżistenza ta’ sistema ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet mhux biss tirrappreżenta ekonomija evidenti ta’ żmien u ta’ riżorsi iżda hija kundizzjoni neċessarja għall-istess realizzazzjoni ta’ avvenimenti bħal dawk organizzati minn kumpanniji bħal W.W u WCD.

60.      Skont it-tieni perspettiva, il-valur ekonomiku tax-xogħlijiet mużikali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-organizzaturi ta’ festival jiddependi mill-profitti li dawn jippermettu (jew li huwa previst li jippermettu) li jiġu rrealizzati. Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Kanal 5 (64) huwa totalment normali li, għall-ħruġ ta’ liċenzja li tirrigwarda drittijiet tal-awtur, tintalab remunerazzjoni kkalkolata fuq il-perċentwali tad-dħul li jkun sar permezz tal-oġġett li l-produzzjoni tiegħu saret bl-użu tad-drittijiet tal-awtur. L-idea sottostanti hija li awtur għandu jkun jista’ jikseb perċentwali raġonevoli mid-dħul li jsir permezz tal-użu tax-xogħol tiegħu.

61.      Din l-idea tinsab fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà msemmija iktar ’il fuq, li skontha l-fatt li kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur tirċievi remunerazzjoni għar-rappreżentazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali protetti li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-utent għandha tiġi kkunsidrata bħala użu normali tad-dritt tal-awtur (65). Remunerazzjonijiet ikkalkolati abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-utent huwa għalhekk, bħala prinċipju, raġonevolment relatat mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (66).

62.      Huwa minnu li d-dħul mill-bejgħ ta’ avveniment bħal festival mużikali (67) jiddependi b’mod ftit jew wisq vast minn fatturi differenti mill-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur, fosthom, b’mod partikolari, mill-kwalità u l-fama ta’ dawk li jeżegwixxuhom, mill-post fejn isir, mit-tiżjin, mid-dwal, mis-servizzi li jiġu offruti flimkien mal-avveniment jew mill-popolarità nnifisha tiegħu, li huma kollha fatturi li jiddependu, fil-parti l-kbira (anki jekk mhux esklużivament), mill-isforzi tal-organizzaturi u li jagħtu lok għal spejjeż indipendenti mill-ispejjeż marbuta mar-remunerazzjonijiet dovuti lill-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv u, b’mod ftit jew wisq evidenti, nieqsa minn rabta diretta mas-servizz ipprovdut minn din tal-aħħar.

63.      Madankollu, l-ewwel nett, mingħajr ma nneħħi xejn mill-importanza ta’ dawn il-fatturi, jidhirli li ma jistax jiġi miċħud, minkejja li hija l-aħħar istanza tal-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu, li l-mużika tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-“prodott” offrut mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-ewwel fattur ta’ aggregazzjoni tal-pubbliku msejjaħ għall-avveniment. It-tieni nett, ninnota li sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ hija normali fi kwistjoni ta’ drittijiet tal-awtur u, iktar ġeneralment, fi kwistjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, anki fejn id-dritt li fuqu tiddependi l-liċenzja ma jkunx jikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-prodott finali li tippermetti li jiġi rrealizzat (68). It-tielet nett, kif intwera, fis-sentenza Kanal 5, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat sistema ta’ remunerazzjoni bħal din anki b’riferiment għall-utenti, bħax-xandara televiżivi, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jista’, anki b’mod prinċipali, jiddependi minn elementi estranji għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti (69). Ir-raba’ nett, jidhirli li l-argumenti mressqa mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali jistgħu jirrigwardaw, ġeneralment, tipi differenti ta’ utenti, anki intensivi, ta’ mużika bħal fosthom id-diskoteki, li s-suċċess tagħhom jiddependi f’parti kbira anki minn fatturi li jistgħu jitqiesu estranji għall-mużika, fosthom it-tiżjin, id-dwal, il-pożizzjoni, il-kwalità tal-konsum, it-tip ta’ klijenti, il-fama tad-DJs, u oħrajn. Finalment, u fuq kollox, kif ġie korrettement osservat mis-SABAM, l-uniku fatt li fatturi oħra minbarra l-mużika jkollhom effett fuq id-deċiżjoni ta’ akkwist tal-biljett għal avvenimenti bħal dawk organizzati minn W.W u WCD ma jipprekludix fih innifsu minn kwalunkwe rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur struttura tariffarja li tadotta d-dħul magħmul mill-bejgħ tal-biljetti bħala l-bażi tal-kalkolu tar-remunerazzjonijiet.

64.      Qiegħed ninnota wkoll li elementi differenti tat-tariffa 211 – li, kif korrettement osservat is-SABAM, għandha tiġi evalwata fit-totalità tagħha – jintervjenu sabiex jimmitigaw l-effetti tal-adozzjoni tad-dħul mill-bejgħ bħala l-bażi tal-kalkolu tar-remunerazzjonijiet u, b’xi mod, jippermettu li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-volum tad-dħul ma jiddependix esklużivament, jew madankollu mhux neċessarjament b’mod direttament proporzjonali, mill-valur tal-mużika.

65.      Fl-ewwel lok, kif diġà ġie antiċipat iktar ’il fuq, id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti jikkostitwixxi biss parti u mhux it-totalità mid-dħul mill-bejgħ prodott mill-avvenimenti organizzati mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali. F’dan ir-rigward qiegħed ninnota li, mingħajr ma ġiet kontradetta minn dawn tal-aħħar, waqt is-seduta s-SABAM ippreċiżat li l-parti tad-dħul mill-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni għall-għanijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjonijiet dovuti lilha tammonta għal madwar 35 % u għal madwar 50 % tad-dħul mill-bejgħ globali magħmul rispettivament minn Tomorrowland u minn Wecandance. Fit-tieni lok, l-ammonti ta’ bażi, li jikkorrispondu għad-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti jew għall-baġit artistiku, huma maqsuma fi 8 (jew 9) livelli li għalihom tapplika rata li tonqos u li tvarja minn 6 għal 2.5 %. B’dan il-mod il-frazzjoni tal-ammont ta’ bażi li tikkorrispondi għar-remunerazzjonijiet dovuti lis-SABAM tonqos biż-żieda ta’ dan l-ammont. Fit-tielet lok, hija prevista sistema ta’ tnaqqis applikata għar-remunerazzjonijiet hekk ikkalkolati li tippermetti, anki jekk biss b’rata fissa, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-volum tar-repertorju tas-SABAM effettivament eżegwit matul l-avveniment. Fl-aħħar lok, waqt is-seduta s-SABAM sostniet, anki hawn mingħajr ma ġiet kontradetta mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali li, proprju sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dettalji tal-festivals, ir-rata digressiva applikata għal dawn l-avvenimenti tibda minn massimu inferjuri (6 %) meta mqabbel ma’ dak previst għal avvenimenti simili, bħall-kunċerti (8 %) (70).

66.      Bħal fir-rigward tar-remunerazzjonijiet ikkalkolati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-avveniment, inqis li anki dawk ikkalkolati skont il-baġit artistiku jippreżentaw, bħala prinċipju, kuntrarjament għal dak affermat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-SABAM, sa fejn din l-ispiża tippermetti li tingħata indikazzjoni diretta tal-importanza, fl-organizzazzjoni tal-avveniment, tal-komponent marbut mal-komunikazzjoni tax-xogħlijiet mużikali protetti.

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sempliċi fatt li s-sistema tariffarja adottata mis-SABAM tieħu bħala bażi tal-kalkolu r-remunerazzjonijiet dovuti għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali li jappartjenu għar-repertorju tagħha, frazzjoni tad-dħul mill-bejgħ jew parti mid-dħul mill-bejgħ prodott mill-avveniment li matulu seħħet din il-komunikazzjoni, jew alternattivament il-baġit artistiku, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, indikazzjoni tal-eżistenza ta’ prezzijiet inġusti, lanqas, a fortiori, kuntrarjament għal dak li jidher li jsostnu l-konvenuti fil-kawżi prinċipali, ma jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali abbuż.

68.      Fil-fehma tiegħi, bħala prinċipju, l-istess jgħodd għal dak li jirrigwarda l-impossibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż “mhux direttament marbuta mal-mużika” mill-ammonti bażiċi kkalkolati fuq il-parti mid-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti jew fuq il-baġit artistiku. Irrispettivament mill-kunsiderazzjoni li huwa estremament diffiċli li jiġi evalwat liema spejjeż jistgħu jitqiesu li ma humiex direttament marbuta mal-mużika minħabba n-natura tal-avvenimenti inkwistjoni (pereżempju, dawk li jiżguraw il-kwalità tal-ħoss u mhux dawk relatati mad-dwal?), l-effett ta’ dawn l-ispejjeż fuq il-parti tad-dħul mill-bejgħ meħud bħala l-bażi tal-kalkolu (f’dan il-każ il-qligħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti) tiddependi mill-allokazzjoni deċiża mill-organizzaturi tal-avveniment u għalhekk minn elementi li huma totalment nieqsa mill-isfera ta’ kontroll tas-SABAM. Qiegħed ninnota wkoll li fis-sentenzi Basset u Tournier il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur il-leġittimità tas-sistemi ta’ remunerazzjoni bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ gross. Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kanal 5, STIM kienet tikkalkola r-remunerazzjonijiet tagħha skont id-dħul li jirriżulta mix-xandir ta’ trażmissjonijiet intiżi għall-pubbliku wiesa’ jew, sussidjarjament, mir-reklamar u/jew mill-abbonamenti, bi tnaqqis biss ta’ ċerti spejjeż (71).

69.      Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tat-totalità taċ-ċirkustanzi rilevanti, jekk l-applikazzjoni tat-tariffa 211, sa fejn din tadotta bħala bażi għall-kalkolu tar-remunerazzjonijiet id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti jew, alternattivament, il-baġit artistiku, li jippermetti li minn dawn l-ammonti jitnaqqsu biss spejjeż speċifiċi u li jistgħu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti.

70.      Madankollu, sabiex din il-qorti tkun tista’ tasal tikkonstata l-eżistenza ta’ prezzijiet eċċessivi, hija għandha, kif jirriżulta minn dak espost fil-punti 29 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tipparaguna l-livell tar-remunerazzjonijiet irċevuti mis-SABAM permezz tal-applikazzjoni tat-tariffa 211 ma’ prezz ta’ referenza, li għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ metodi ta’ analiżi għad-dispożizzjoni tagħha li l-iktar jirriżultaw rilevanti fid-dawl tat-totalità taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-każ li suġġett għall-eżami tagħha. In-natura eċċessiva ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet tiġi kkonstatata fejn jirriżulta minn dan il-paragun li teżisti differenza sinjifikattiva u persistenti bejn l-imsemmija remunerazzjonijiet u l-prezz ta’ referenza meħud inkunsiderazzjoni, mingħajr ma din id-differenza tkun oġġettivament iġġustifikata.

71.      L-esklużjoni ta’ dan l-istadju mill-analiżi jkun ifisser, essenzjalment, li jkun qiegħed jiġi rrikonoxxut li metodu speċifiku ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni mitluba minn impriża dominanti għall-prodotti jew is-servizzi offruti minnha jwassal fih innifsu għall-impożizzjoni ta’ prezzijiet eċċessivi, indipendentement mil-livell effettiv ta’ dawn il-prezzijiet. Issa, mingħajr preġudizzju għal xi każijiet eċċezzjonali, fil-fehma tiegħi dan il-mod huwa metodoloġikament żbaljat u jista’ b’mod konkret iwassal għar-riżultat paradossali li jċaħħad impriża mil-libertà li tadotta metodu speċifiku ta’ kalkolu anki fejn l-applikazzjoni tiegħu twassal għal prezzijiet li ma humiex ogħla mil-livell kompetittiv.

72.      Fost il-metodi ta’ analiżi li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni, għar-raġunijiet diġà esposti, tal-analiżi prezzijiet-spejjeż ta’ produzzjoni prevista mill-eżami United Brands u l-paragun mal-prezzijiet ipprattikati mill-kompetizzjoni fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ monopolju de facto tas-SABAM, hemm qabel kollox il-paragun ġeografiku, li għandu jitwettaq skont kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AKKA. Barra minn hekk, minkejja li waqt is-seduta rriżulta li s-SABAM ma biddlitx b’mod sostanzjali l-livell tar-remunerazzjonijiet mitluba għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet mużikali tar-repertorju tagħha lill-organizzaturi tal-festivals (72), jista’ jkun rilevanti li ssir analiżi storika li tippermetti l-adozzjoni ta’ viżjoni dinamika tal-evoluzzjoni tal-livell tar-remunerazzjonijiet konkretament imħallsa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Minn din il-perspettiva, ma neskludix li l-fatt li ma tittieħed ebda kunsiderazzjoni taż-żieda, fejn tingħata prova, ta’ ċerti spejjeż – b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ preskrizzjonijiet legali, bħal pereżempju l-ispejjeż relatati mal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà jew ta’ protezzjoni ambjentali – u tal-inċidenza ta’ dawn l-ispejjeż, fejn aċċertata, fuq l-ammonti meħuda bħala bażi tal-kalkolu tat-tariffi tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar, jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ prezzijiet inġusti, sa fejn dan ifisser żieda sinjifikattiva tal-livell tar-remunerazzjonijiet mingħajr korrispettiv għall-utenti u mingħajr ma jiġi ġġustifikat b’żieda fl-ispejjeż tas-SABAM. Finalment, jista’ jkun rilevanti anki paragun mar-remunerazzjonijiet irċevuti mis-SABAM għal servizzi simili, li għandhom jiġu identifikati, fejn possibbli, abbażi ta’ kriterji oġġettivi fl-isfond ta’ evalwazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq.

4.      Fuq l-ewwel parti tad-domanda preliminari

73.      Fl-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex abbuż minn pożizzjoni dominanti l-fatt li, kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur li tgawdi minn monopolju de facto fi Stat Membru, tapplika għall-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, mudell ta’ remunerazzjoni li juża tariffa b’rata fissa f’livelli minflok tariffa li tieħu inkunsiderazzjoni l-kwota preċiża tar-repertorju protett minn din il-kumpannija eżegwit waqt l-avveniment.

74.      Anki f’dan il-każ, dak li qiegħed jitpoġġa f’dubju fil-kawżi prinċipali ma huwiex direttament il-livell tar-remunerazzjonijiet iżda l-applikazzjoni ta’ metodu partikolari ta’ kalkolu li jista’ jkun fih innifsu abbużiv, minħabba li huwa nieqes minn rabta raġonevoli mas-servizz ipprovdut mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar.

75.      Skont W.W u WCD mis-sentenzi Kanal 5 u OSA jirriżulta li d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-użu effettiv tax-xogħlijiet li jagħmlu parti mir-repertorju ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn il-kumpanniji jsostnu, b’mod partikolari, li jeżistu diversi tekniki li jippermettu l-identifikazzjoni preċiża u mingħajr possibbiltà ta’ żball tax-xogħlijiet mużikali realment eżegwiti u għalhekk il-kwota tar-repertorju tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar effettivament użata. Dawn jirreferu b’mod partikolari għall-programm żviluppat mill-kumpannija Olandiża DJ Monitor. L-użu ta’ dawn it-tekniki ma jinvolvix spejjeż addizzjonali għas-SABAM, jew fi kwalunkwe każ mhux ta’ natura eċċessiva, minħabba li din tal-aħħar tkun xorta waħda obbligata tanalizza l-lista tax-xogħlijiet eżegwiti sabiex twettaq tqassim tar-remunerazzjonijiet bejn id-detenturi tad-dritt. Is-SABAM ma taqbilx mal-portata ġenerali li W.W u WCD jagħtu lis-sentenza Kanal 5. Din is-sentenza tinvolvi biss ix-xandara televiżivi, jiġifieri operaturi attivi f’settur li fih l-intensità ta’ użu ta’ xogħlijiet mużikali hija varjabbli, u mhux operaturi bħal W.W u WCD, li l-avvenimenti tagħhom huma bbażati fuq il-mużika. Jekk ikun opportun, skont is-SABAM, li jiġu kkalkolati r-remunerazzjonijiet dovuti minn dawn tal-ewwel bl-applikazzjoni ta’ kwota varjabbli skont ix-xogħlijiet mużikali eżegwiti, fil-każ ta’ avvenimenti mużikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali r-remunerazzjoni tista’ dejjem tiġi espressa bħala perċentwali fissa tad-dħul mill-bejgħ jew varjabbli b’rata fissa.

76.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, jeħtieġ qabel kollox li tiġi ċċarata l-portata tas-sentenza Kanal 5, li dawn il-partijiet jinterpretaw b’mod differenti. Infakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tariffi kkalkolati skont id-dħul tal-kumpanniji ta’ telediffużjoni u l-volum ta’ mużika telediffuża, jista’ jkollhom natura abbużiva fejn “[i]kun hemm metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza u fil-każ fejn dan il-metodu jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur” (73).

77.      Diġà kelli okkażjoni nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi oħra affermat il-leġittimità ta’ sistema ta’ remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet mużikali protetti li l-ammont tagħhom huwa kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-utent u dan kemm fil-każ ta’ utenti li l-attività tagħhom tiddependi mill-użu ta’ xogħlijiet mużikali, bħad-diskoteki fis-sentenzi Basset u Tournier, kif ukoll fil-każ ta’ utenti li għalihom l-intensità ta’ dan l-użu tvarja skont fatturi oħra, bħax-xandara televiżivi fis-sentenza Kanal 5.

78.      Fid-dawl ta’ dan, ninnota li diġà fis-sentenza Tournier, proprju b’riferiment għal utenti intensivi ta’ mużika, bħad-diskoteki, u f’kuntest li fih kienet inkwistjoni l-leġittimità tal-hekk imsejjaħ blanket licensing, li jikkonsisti fil-previżjoni ta’ remunerazzjoni fissa għall-aċċess għar-repertorju sħiħ tal-kumpanniji ta’ mmaniġġjar indipendentement mill-użu effettiv tax-xogħlijiet mużikali protetti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm in-natura globali jew b’rata fissa tar-remunerazzjoni rċevuta fiha nnifisha ma timplikax ksur tal-projbizzjoni ta’ prezzijiet inġusti, prattika abbużiva tista’ xorta waħda teżisti fil-każ fejn jeżistu metodi alternattivi li joffru l-istess protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur mingħajr spejjeż addizzjonali (74). Il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi oħra affermat ukoll li, fil-każ ta’ xogħlijiet protetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, id-detentur tad-dritt tal-awtur u s-suċċessuri tiegħu għandhom interess leġittimu li jikkalkolaw ir-remunerazzjonijiet dovuti skont in-numru effettiv jew probabbli tar-rappreżentazzjonijiet (75). Finalment ninnota li fis-sentenza Kanal 5, minkejja li l-Avukat Ġenerali Trstenjak, b’mod ċar kienet għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tax-xandara televiżivi u dik tal-utenti intensivi tal-mużika, billi qalet li l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni bbażat fuq perċentwali fissa huwa illegali biss fl-ewwel każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat il-ħtieġa ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni abbażi tal-volum tal-mużika realment użata mhux b’rabta man-natura tax-xandara televiżivi, iżda, b’mod iktar ġenerali, minħabba l-ħtieġa li tiġi ggarantita r-rabta neċessarja bejn remunerazzjoni u valur tas-servizz u l-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet (76).

79.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nqis għalhekk, bħall-Kummissjoni, li f’dan l-istadju huwa prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għalkemm kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur li tgawdi minn pożizzjoni dominanti fi Stat Membru hija libera li tikkalkola l-ammont tar-remunerazzjonijiet dovuti lilha għar-rappreżentazzjoni ta’ xogħlijiet mużikali fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-utent u li tistabbilixxi li dan jikkorrispondi għal perċentwali ta’ dan id-dħul mill-bejgħ varjabbli skont il-volum tal-mużika użata, iżda kkalkolata b’rata fissa, metodu ta’ kalkolu bħal dan jista’ madankollu jindika abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-każ fejn jeżistu metodi alternattivi li jippermettu l-kalkolu bi preċiżjoni kemm tax-xogħlijiet mużikali kif ukoll tal-udjenza. Dawn il-metodi għandhom jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika u ma għandhomx iqiegħdu fuq il-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv żieda eċċessiva fl-ispejjeż tagħha. Il-prinċipju indikat iktar ’il fuq japplika kemm fil-każ ta’ utenti li l-attività tagħhom tiddependi totalment jew fil-parti l-kbira mill-użu tal-mużika, u kemm fil-każ ta’ utenti li għalihom il-kobor ta’ dan l-użu huwa inqas rilevanti u varjabbli.

80.      Huwa paċifiku li t-tariffa 211, kemm fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, ibbażata fuq ir-regola 1/3‑2/3, kif ukoll f’dik emendata fl‑2018, ibbażata fuq livelli ta’ 10 % taħdem, bi grad kbir jew żgħir ta’ approssimazzjoni, għal determinazzjoni b’rata fissa tal-kwota tar-repertorju tas-SABAM effettivament eżegwita matul l-avvenimenti inkwistjoni. Fuq il-bażi tal-ewwel waħda miż-żewġ verżjonijiet, it-tnaqqis tat-tariffa sħiħa kien applikabbli bil-kundizzjoni li minn tal-inqas terz mix-xogħlijiet indikati fil-lista pprovduta mill-organizzaturi tal-avveniment ma jappartjenix għar-repertorju tas-SABAM. Madankollu ebda tnaqqis ma kien previst taħt dan il-livell. Peress li ebda remunerazzjoni ma kienet tkun dovuta fis-sempliċi każ fejn ebda xogħol tar-repertorju ta’ SABAM ma jkun jidher fuq din il-lista, bħala prinċipju, l-eżekuzzjoni ta’ anki wieħed biss mix-xogħlijiet protetti mis-SABAM kienet tkun tinvolvi l-applikazzjoni ta’ terz tat-tariffa sħiħa. Barra minn hekk, jekk ix-xogħlijiet mużikali tar-repertorju tas-SABAM kienu jikkorrispondu preċiżament għal terz jew għal żewġ terzi ta’ dawk li l-organizzaturi tal-avveniment kienu pprevedew li jeżegwixxu, is-SABAM kienet tapplika rispettivament iż-żewġ terzi tat-tariffa jew it-tariffa sħiħa. Fuq il-bażi tat-tieni verżjoni tat-tariffa, it-tliet livelli ta’ 33 % ġew issostitwiti minn għaxar livelli ta’ 10 % bi tnaqqis għalhekk tax-xogħlijiet imwarrba fir-rigward tal-kwota ta’ xogħlijiet mużikali tar-repertorju tas-SABAM realment eżegwiti, minkejja li din il-kwota għadha tiġi ddeterminata b’rata fissa.

81.      Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Tournier u Kanal 5 mfakkra iktar ’il fuq hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fuq il-bażi tat-totalità taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni: i) jekk jeżistux metodi li jippermettu l-identifikazzjoni bi preċiżjoni kbira tax-xogħlijiet mużikali protetti mis-SABAM eżegwiti matul l-avveniment (minħabba li r-remunerazzjonijiet tas-SABAM jiġu rċevuti skont id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti, ma tqumx il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-udjenza), ii) jekk dawn il-metodi jiżgurawx l-istess protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-dritt tal-awtur fuq dawn ix-xogħlijiet u iii) jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi ma żżidx b’mod eċċessiv l-ispejjeż tas-SABAM, b’mod partikolari fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kuntratti u s-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti.

82.      Fost iċ-ċirkustanzi rilevanti li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-ewwel punt fost il-punti indikati iktar ’il fuq, hemm, fil-fehma tiegħi i) l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni relatata max-xogħlijiet mużikali realment użati u mat-teknoloġiji mħaddma (77); ii) l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn it-teknoloġiji (78) u iii) iż-żmien involut fil-ksib ta’ din l-informazzjoni (79). Fir-rigward tal-affidabbiltà tat-teknoloġiji diġitali msemmija minn W.W u WCD, ninnota, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha s-SABAM indikat li l-programm użat matul l-edizzjonijiet tal‑2015 u tal‑2016 tal-eventi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma rrikonoxxiex madwar 8 % tas-siltiet eżegwiti, li dawn it-teknoloġiji jirrikonoxxu b’diffikultà x-xogħlijiet immiksjati u li, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jintużaw għall-mużika live.

83.      Fil-verifika tat-tieni wieħed mill-punti indikati fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-vantaġġi u l-inkonvenjenzi tal-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjonijiet użat mis-SABAM, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih dawn ir-remunerazzjonijiet jiġu ffatturati. F’dan ir-rigward, jidhirli li t-tliet fatturi segwenti huma, b’mod partikolari, rilevanti. L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat liema huwa l-proporzjon tax-xogħlijiet mużikali li jappartjenu għar-repertorju tas-SABAM u li normalment jiġu eżegwiti matul l-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta mqabbel mat-totalità tal-mużika użata. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li r-rikors għal metodu b’rata fissa jkun madankollu preferibbli, fid-dawl tal-interessi kontrapposti inkwistjoni, fil-każ fejn kważi t-totalità tax-xogħlijiet eżegwiti matul dawn it-tip ta’ avvenimenti tappartjeni għar-repertorju tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar. F’dan ir-rigward nosserva, dejjem suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, s-SABAM, mingħajr ma ġiet ikkontestata minn W.W u WCD, affermat li madwar 80 % sa 90 % tal-mużika eżegwita matul il-festivals organizzati minn dawn il-kumpanniji ġejja mir-repertorju tagħha. It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi evalwat l-effett tal-użu tal-metodoloġiji alternattivi dwar ir-rapidità tat-tqassim tar-remunerazzjonijiet. Huwa possibbli fil-fatt, kif innotat is-SABAM, li, minħabba żbalji fir-rikonoxximent tax-xogħlijiet eżegwiti, jinħoloq tilwim bejn il-kumpannija ta’ mmaniġġjar u l-organizzatur tal-avveniment li jista’ jdewwem iż-żmien li fih jitqassmu r-remunerazzjonijiet b’detriment għad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet (80). It-tielet nett, jeħtieġ li jiġi evalwat l-effett possibbli tal-abbandun tal-metodu b’livelli b’rati fissi (fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu) adottat mis-SABAM fuq l-interessi tad-detenturi fid-dawl tas-sistema ta’ tqassim tad-drittijiet użata minn din il-kumpannija u mill-istruttura tal-infiq tas-SABAM.

84.      Fir-rigward tal-aħħar wieħed mill-punti indikati fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li huwa relatat mal-ispejjeż, qiegħed ninnota li, b’differenza mill-formulazzjoni użata fis-sentenza Tournier li dehret li teskludi kwalunkwe żieda fl-ispejjeż ta’ mmaniġġjar jew ta’ sorveljanza tal-kumpannija, is-sentenza Kanal 5 ippreċiżat li l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li jippermetti l-identifikazzjoni preċiża tax-xogħlijiet mużikali eżegwiti ma għandux jinvolvi żieda “sproporzjonata” ta’ dawn l-ispejjeż (81). Filwaqt li għalhekk iċ-ċaqliq għal sistema bħal din jista’ jiddetermina żieda fl-ispejjeż tas-SABAM, din iż-żieda għandha tiġi mrażżna u għandha tkun tista’ tiġi bbilanċjata bil-vantaġġi li l-istess ċaqliq jikseb għall-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali. Fil-fatt żieda eċċessiva jista’ jkollha effetti fuq il-livelli tad-drittijiet tal-awturi u tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom billi tnaqqashomlhom. Fil-kawżi prinċipali W.W u WCD isostnu li l-ispejjeż relatati mal-użu tat-tekniki diġitali ta’ rikonoxximent tax-xogħlijiet mużikali, li, skont dak sostnut mis-SABAM, huma rilevanti, jiġu sostnuti minnhom u għalhekk ma jinvolvu ebda spejjeż addizzjonali għas-SABAM. Fil-każ li din iċ-ċirkustanza tiġi kkonfermata (82), ikun jonqos li jiġi vverifikat il-kobor tal-ispejjeż b’kawża ta’ żbalji jew tilwim possibbli relatati mal-identifikazzjoni tar-repertorju tas-SABAM, imsemmija minnha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. L-argument imressaq mis-SABAM, li huma biss ċerti organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali li jistgħu jsostnu l-ispejjeż marbuta mal-użu tat-teknoloġiji diġitali l-ġodda u li, għall-oħrajn, tali spejjeż jiġu sostnuti minnha ma jidhirlix madankollu deċiżiv minħabba li xejn ma jipprekludi lis-SABAM milli tadotta metodi ta’ kalkolu differenti għal kategoriji differenti ta’ klijenti, fejn din id-differenzjazzjoni tkun iġġustifikata u mhux diskriminatorja.

85.      Fil-każ li l-eżitu tal-verifiki indikati fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet jkun pożittiv, l-istruttura tariffarja tas-SABAM tista’ tikser il-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet inġusti skont il-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, struttura tariffarja bbażata fuq livelli b’rata fissa li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-użu effettiv tax-xogħlijiet mużikali protetti timplika, fejn teżisti l-possibbiltà li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni (jew bi preċiżjoni kbira) l-volum ta’ dan l-użu (u s-smiegħ), li parti, bejn wieħed u ieħor wiesgħa, tar-remunerazzjonijiet irċevuti minn din il-kumpannija ma tikkorrispondix għal servizz realment ipprovdut (83).

86.      Madankollu, ma nqisx li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni fis-sentenzi Tournier u Kanal 5 li tistabbilixxi awtomatiżmu li abbażi tiegħu l-adozzjoni ta’ struttura tariffarja bħal din twassal, fiċ-ċirkustanzi speċifikati f’dawn is-sentenzi u fl-assenza ta’ ġustifikazzjonijiet imressqa mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar, neċessarjament għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prezzijiet inġusti.

87.      Kif diġà osservajt iktar ’il fuq fil-punti 70 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-adozzjoni ta’ metodu speċifiku ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni għall-prodotti jew is-servizzi offruti minn impriża f’pożizzjoni dominanti ma tippermettix biss fiha nnifisha li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ prezzijiet eċċessivi, iżda għandha tiġi kkorroborata minn analiżi komparattiva tal-livell ta’ dawn il-prezzijiet ma’ prezz ta’ referenza.

88.      Huwa biss fl-ipoteżi li fiha jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bħal dan twassal b’mod konkret għall-esklużjoni ta’ kwalunkwe rabta raġonevoli bejn il-prezz u l-valur ekonomiku tas-servizz offrut li tali analiżi komparattiva ma tkunx neċessarja.

89.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din il-verifika. Għal dak li jikkonċerna l-metodi ta’ paragun li din il-qorti tista’ tuża fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, nirreferi għall-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

V.      Konklużjoni

90.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Ondernemingsrechtbank Antwerp (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) bil-mod segwenti:

“Il-punt a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto fi Stat Membru ma tabbużax mill-pożizzjoni dominanti tagħha permezz tal-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti għas-sempliċi raġuni li tadotta struttura tariffarja li permezz tagħha r-remunerazzjonijiet irċevuti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet mużikali protetti li jappartjenu għar-repertorju tagħha bil-għan li jiġu kkomunikati lill-pubbliku matul il-festivals huma kkalkolati billi tiġi applikata rata digressiva fuq id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti jew fuq il-baġit artistiku, mingħajr il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija, u billi tipprevedi sistema ta’ tnaqqis ibbażata fuq l-użu ta’ livelli b’rati fissi bl-intenzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwota ta’ xogħlijiet mużikali effettivament eżegwiti matul il-festival. Madankollu ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni ta’ struttura tariffarja bħal din tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ remunerazzjonijiet inġusti b’mod partikolari fil-każ fejn ikun hemm metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż ix-xogħlijiet mużikali realment eżegwiti u fil-każ fejn dan il-metodu jkun idoneu sabiex jintlaħaq l-istess għan leġittimu li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr madankollu ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-kuntratti u għas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każijiet li jinsabu taħt l-eżami tagħha, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti u, fejn din l-evalwazzjoni tagħti eżitu pożittiv, jekk l-impożizzjoni ta’ remunerazzjonijiet inġusti hijiex ikkorroborata minn indikazzjonijiet ulterjuri dedotti, b’mod partikolari, mill-paragun mat-tariffi applikabbli fi Stati Membri oħra, ikkorreġuti permezz tal-indiċi ta’ parità tal-kapaċità tal-akkwist, mill-paragun mar-remunerazzjonijiet applikati fil-passat mill-istess kumpannija ta’ mmaniġġjar jew mill-paragun mar-remunerazzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija kumpannija għal servizzi simili.”


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72).


3      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7, 8, 9 u 55 tad-Direttiva 2014/26.


4      Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/26.


5      B.S./M.B., 26 ta’ Ġunju 2017.


6      Mill-fajl jirriżulta li, minkejja li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “festival” varjat fl-edizzjonijiet differenti tat-tariffa 211, dan il-kunċett dejjem indika l-organizzazzjoni ta’ sensiela ta’ kunċerti mogħtija minn tal-inqas ħames gruppi jew artisti kuljum, ilkoll bil-programm tagħhom. F’ċerti każijiet kienet tintalab tema komuni u repetizzjoni annwali.


7      Mill-fajl jirriżulta li, fil-verżjonijiet tal‑2014 u tal‑2016 tat-tariffa 211, il-kunċett ta’ baġit artistiku kien iddefinit bħala l-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-artisti għall-eżekuzzjoni tal-programm tagħhom. Fil-verżjoni tal‑2017 ġew miżjuda wkoll l-ispejjeż tekniċi għad-dawl u għall-ħoss irrimborsati lill-artisti.


8      Fil-verżjoni tal‑2017 ġew miżjuda l-ispejjeż ta’ trasport pubbliku.


9      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kawżi mressqa mis-SABAM fil-konfront ta’ W.W u WCD ma ġewx magħquda, iżda ser jiġu ddefiniti permezz ta’ deċiżjoni waħda.


10      Il-qorti tar-rinviju tindika li, sa mill-ewwel edizzjonijiet tal-festival Tomorrowland, is-SABAM u W.W ma kinux qablu dwar il-livell ta’ remunerazzjoni dovut lil din tal-ewwel. Wara tranżazzjoni fl‑2008, u tilwima ġdida rigward l-edizzjonijiet tal‑2011 u tal‑2014, fl‑2015, il-qorti ta’ Antwerpen iddikjarat bħala fondata t-talba għal ħlas imressqa mis-SABAM għall-edizzjonijiet ta’ Tomorrowland tal‑2011 u tal‑2013. Wara din id-deċiżjoni, fit‑30 ta’ Lulju 2015, is-SABAM u W.W ikkonkludew tranżazzjoni ġdida li bħala suġġett kellha r-remunerazzjonijiet dovuti lil din tal-ewwel, kif ukoll għall-edizzjonijiet tal-festival tal‑2011 u tal‑2013, u anki għal dik tal‑2014. Dawn ftiehmu, b’mod partikolari, li ż-żewġ terzi tal-ammont tal‑2014 kellu jingħata direttament lis-SABAM u li terz kellu jiġi mblukkat f’kont bankarju sakemm tintlaħaq soluzzjoni għat-tilwima li rriżultat sadanittant dwar il-perċentwali tar-repertorju ta’ SABAM użat matul din l-edizzjoni. Fir-rigward tas-snin 2015 u 2016, minkejja li oriġinarjament W.W aċċettat it-tariffa applikata mis-SABAM, din suċċessivament ikkontestat il-fatturi maħruġa minn din tal-aħħar. Is-SABAM titlob il-ħlas ta’ EUR 194 925.29 għall-edizzjoni tal-festival Tomorrowland tal‑2014, ta’ EUR 259 072.42 għall-edizzjoni tal‑2015 u ta’ EUR 283 726.99 għall-edizzjoni tal‑2016, apparti l-interessi relattivi. Is-SABAM titlob ukoll li W.W tikkomunikalha n-numru ta’ biljetti VIP mibjugħa għall-edizzjoni tal‑2016 u l-prezz relattiv. W.W ifformulat kontrotalba sabiex tikkjarifika, prinċipalment, li ebda ammont ma huwa dovut lis-SABAM għall-edizzjonijiet tal-festival Tomorrowland mill‑2014 sal‑2016 u sabiex tikseb il-liberazzjoni tal-fondi miżmuma għall-edizzjoni tal‑2014 kif ukoll ir-rimbors ta’ EUR 16 236.00 għall-edizzjoni tal‑2016. Sussidjarjament, W.W talbet li jiġi maħtur espert sabiex jistabbilixxi l-parti tax-xogħlijiet tar-repertorju tas-SABAM li ġew eżegwiti matul l-edizzjonijiet tal‑2014, tal‑2015 u tal‑2016.


11      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għall-edizzjoni tal‑2013, is-SABAM applikat it-tariffa 105 u, mit-tieni edizzjoni, it-tariffa 211. WCD ipproċediet bl-għoti tal-ammonti mitluba, filwaqt li madankollu kkontestathom suċċessivament. Għall-edizzjonijiet tal‑2015 u tal‑2016, WCD użat ir-repertorju ta’ SABAM mingħajr awtorizzazzjoni. L-ammonti relattivi għal dawn l-edizzjonijiet, li wkoll ġew ikkontestati minn WCD, madankollu ġew stabbiliti mis-SABAM abbażi tal-konstatazzjonijiet tagħha. Is-SABAM titlob il-kundanna ta’ WCD għall-ħlas ta’ EUR 27 359.04 u ta’ EUR 38 550.45, minbarra l-interessi relattivi. WCD ifformulat kontrotalba sabiex titlob il-kundanna tas-SABAM għar-rimbors ta’ EUR 7 897.00 u ta’ EUR 13 349.78, minbarra l-interessi relattivi.


12      W.W u WCD jirreferu b’mod partikolari għall-programm “DJ Monitor”.


13      Id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brussell akkużat ukoll lis-SABAM b’żieda tat-tariffa applikata għall-festivals ta’ madwar 37 % u l-applikazzjoni ta’ tariffa minima għolja żżejjed. Is-SABAM ġiet ukoll ikkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità moratorji li ammontaw għal EUR 5000 kuljum, sa massimu ta’ EUR 1 000 000, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ara https://www.rtbf.be/pure/article/detail_dans-leur-conflit-avec-la-sabam-les-festivals-obtiennent-gain-de-cause?id=9894749.


14      Fis-settur farmaċewtiku, diversi awtoritajiet nazzjonali antitrust ikkonstataw prattiki ta’ prezzijiet żleali u abbużivi, b’mod partikolari fl-Italja (kawża Aspen, deċiżjoni tal-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato tad‑29 ta’ Settembru 2016, iktar ’il quddiem, il-“kawża Aspen”), fir-Renju Unit (kawża Pfizer vs Flynn, deċiżjoni tal-Competition and Markets Authority tas‑7 ta’ Diċembru 2016), u fid-Danimarka (kawża CD Pharma, Deċiżjoni tal-Konkurrence- og Forbrugerstyrelsen tal‑31 ta’ Jannar 2018); fuq livell Ewropew, f’Mejju 2017, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali dwar l-applikazzjoni, minn Aspen Pharma, ta’ prezzijiet inġusti għal mediċini tal-kanċer fiż-ŻEE (bl-eċċezzjoni tal-Italja); ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku” (2009‑2017), tat‑28 ta’ Jannar 2019, COM (2019) 17 final, punt 4.2. Fir-rigward tal-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, ara għal excursus tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet antitrust nazzjonali l-fajl aċċessibbli fuq https://www.concurrences.com/fr/bulletin/special-issues/collecting-societies/collecting-societies-and-competition-law-an-overview-of-eu-and-national-case; fuq livell Ewropew, ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      C‑177/16, EU:C:2017:286 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AKKA/LAA”).


16      27/76, EU:C:1978:22.


17      Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kellha bħala suġġett ir-rikors ippreżentat mill-grupp globali l-iktar importanti fis-settur tal-banana f’dak iż-żmien, il-United Brands Company (iktar ’il quddiem “UBC”), kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, inter alia, in-natura eċċessiva tal-prezzijiet ipprattikati mis-sussidjarja Ewropea tal-grupp fil-konfront ta’ wħud mill-klijenti tagħha. Il-Kummissjoni kienet waslet għal din il-konklużjoni wara li għamlet paragun bejn il-prezzijiet ipprattikati minn UBC fis-suq Ġermaniż, Olandiż, Daniż, Belġjan u Lussemburgiż u dawk ipprattikati fis-suq Irlandiż, li minnu rriżulta li dawn tal-ewwel kienu sinjifikattivament superjuri għal dawn tal-aħħar.


18      26/75, EU:C:1975:150, punt 12.


19      Ara l-punt 250 tas-sentenza United Brands. Din id-definizzjoni ntużat f’diversi deċiżjonijiet suċċessivi, ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il‑Kummissjoni (226/84, EU:C:1986:421, punti 27 u 28), tas‑17 ta’ Lulju 1997, GT-Link (C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 39), tas‑17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco (C‑340/99, EU:C:2001:281, punt 46), tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 88), tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4 (C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 28), u, reċentement, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība (C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 35, iktar ’il quddiem is-“sentenza AKKA/LAA”).


20      Ara l-punt 252 tas-sentenza United Brands. Ara wkoll is-sentenza AKKA/LAA, punt 36.


21      Dawn l-evalwazzjonijiet ma għandhomx jitwettqu b’mod kumulattiv, ara d-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2009, Scippacercola u Terezakis vs Il‑Kummissjoni (C‑159/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:188, punt 47).


22      Diġà fis-sentenza United Brands, il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li ċċensurat lill-Kummissjoni essenzjalment minħabba li ma eżaminatx l-istruttura tal-ispejjeż ta’ UBC, madankollu ammettiet espressament li “huma konċepibbli metodi oħra […] sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz ta’ prodott huwiex ġust” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ara l-punt 253 tas-sentenza United Brands.


23      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il‑Kummissjoni (226/84, EU:C:1986:421, punti 28 u 29), li fiha żieda fil-prezzijiet ta’ 600 % mingħajr żieda apparenti tal-ispejjeż għamlitha inutli li ssir analiżi ta’ dawn tal-aħħar u ffukat l-attenzjoni fuq id-differenza bejn il-prezz attwali u l-prezz passat.


24      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il‑Kummissjoni (226/84, EU:C:1986:421, punti 28 u 29).


25      Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2001, rigward proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Kawża Nru COMP/C‑1/36.915 – Deutsche Post AG – Interċettazzjoni ta’ posta transkonfinali, premessa 160).


26      Ara, impliċitament, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Tournier (395/87, EU:C:1989:319, punt 44).


27      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il‑Kummissjoni (226/84, EU:C:1986:421, punti 28 u 29).


28      Ara, impliċitament, is-sentenza United Brands, li fiha l-paragun magħmul mill-Kummissjoni bejn il-prezzijiet ta’ UBC fi swieq differenti tal-Istati Membri ġiet iċċensurata biss minħabba li s-suq nazzjonali ta’ referenza ġie magħżul abbażi ta’ evalwazzjonijiet żbaljati.


29      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, EU:C:1971:59, punt 19).


30      Ara wkoll is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co. (24/67, EU:C:1968:11, p. 81) u tal-5 ta’ Ottubru 1988, CICRA u Maxicar (53/87, EU:C:1988:472), minkejja li fiż-żewġ kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li s-superjorità tal-prezz ipprattikat mill-impriża dominanti fir-rigward ta’ dak tal-kompetituri kien suffiċjenti sabiex jiġi identifikat abbuż, minħabba li l-prodotti tal-ewwel waħda kienu protetti minn privattiva.


31      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1988, Bodson (30/87, EU:C:1988:225, punt 31) u, reċentement, is-sentenza AKKA/LAA, punt 38.


32      Ara s-sentenza AKKA/LAA, punti 37 u 38.


33      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il‑Kummissjoni (26/75, EU:C:1975:150, punt 15).


34      Bl-istess mod, ladarba jiġi identifikat il-metodu tal-analiżi, l-għażla tal-listi ta’ referenza rilevanti hija affettwata wkoll b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża inkwistjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza AKKA/LAA, punti 41 u 42, li skontha l-għażla tas-swieq ta’ referenza li fil-konfront tagħhom għandu jitwettaq il-paragun jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1985, CICCE vs Il‑Kummissjoni (298/83, EU:C:1985:150, punti 24 u 25).


35      Ara l-punti minn 254 sa 261 tas-sentenza United Brands.


36      Ara s-sentenza AKKA/LAA, punt 49. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AKKA/LAA, punt 36.


37      F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet lilha nnifisha reċentement, fis-sentenza AKKA/LAA, punti 38 u 43, fir-rigward tat-tqabbil bejn it-tariffi kkunsidrati inġusti applikati mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur fi Stat Membru u dawk ipprattikati mill-kumpanniji simili fl-uniċi Stati Membri limitrofi jew f’kampjun iktar wiesa’ ta’ Stati Membri oħra. Ara, ukoll is-sentenza C‑351/12, punti 87 sa 92.


38      F’dan ir-rigward nagħmel riferiment għall-analiżi mwettqa fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AKKA/LAA, punti 43 sa 45.


39      Ara s-sentenza AKKA/LAA, punti 55 u 56, ara fl-istess sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AKKA/LAA, punt 107.


40      F’dan is-sens, ara reċentement is-sentenza AKK/LAA, punt 57.


41      Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Lulju 2004, każ COMP/A.36.568/D3 – Scandlines Sverige AB c. Port of Helsingborg.


42      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co. (24/67, EU:C:1968:11, p. 100) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li prezz ta’ prodott bil-privattiva jkun ogħla minn dak ta’ prodott mingħajr privattiva mhux neċessarjament jikkostitwixxi abbuż; ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, CICRA u Maxicar (53/87, EU:C:1988:472, punt 17).


43      Ara, pereżempju, is-sentenza AKKA/LAA, punt 59.


44      Ara s-sentenza AKKA/LAA.


45      Il-monopolju tal-kumpanniji ta’ maniġġjar, sikwit legali, huwa dovut essenzjalment għad-diffikultà għall-utenti u detenturi tad-drittijiet li jinnegozjaw individwalment il-liċenzji ta’ użu tax-xogħlijiet mużikali. Madankollu jidher li l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali l-ġodda qiegħed jitfa’, tal-inqas, parzjalment f’dubju l-inevitabbiltà ta’ dawn il-monopolji. Ara T.M. Lenard u L.J. White, Moving Music Licensing Into the Digital Era: More Competition and Less Regulation, fuq https://techpolicyinstitute.org/wp-content/uploads/2015/12/moving-music-licensing-digital-era.pdf L-istess Direttiva 2014/26 tipprepara sfond ġuridiku iktar favorevoli għal ftuħ ikbar għall-kompetizzjoni tas-suq tal-immaniġġjar tad-dritijiet tal-awtur.


46      402/85, EU:C:1987:197, punt 19.


47      Ara l-punti 15, 16, 18 u 21.


48      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi dwar il-livell tar-remunerazzjonijiet.


49      395/87, EU:C:1989:319.


50      110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326.


51      Is-SACEM kienet tirċievi rata fissa ta’ 8.25 % fuq id-dħul mill-bejgħ, bil-gross tal-VAT, tad-diskoteka.


52      Ara l-punti 38 u 42 tas-sentenza Tournier u l-punti 25 u 29 tas-sentenza Lucazeau.


53      Punt 45 tas-sentenza Tournier. B’mod partikolari, is-SACEM kienet qiegħda tirrifjuta li tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-diskoteki biss il-parti tar-repertorju tagħha effettivament użata minnhom.


54      C‑52/07, EU:C:2008:703.


55      Dan kien il-każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bit-tariffa pprattikata mill-iSTIM fuq Kanal 5 u TV 4. Din it-tariffa kienet tinkludi perċentwali varjabbli tal-profitti li dawn ix-xandara televiżivi kienu jirċievu mill-bejgħ ta’ spazji għar-reklamar u, b’mod sussidjarju, mill-bejgħ ta’ spazji għar-reklamar u mill-abbonamenti. Il-perċentwali kienet tiżdied biż-żieda tal-kwota annwali tal-mużika tax-xandar televiżiv (jiġifieri t-tul tal-użu, fit-trażmissjonijiet uniċi, ta’ xogħol mużikali protett ikkalkolat fuq sena), anki jekk b’mod mhux direttament proporzjonali. L-iSTIM kienet tagħmel it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-royalties dovuti lill-Istat Svediż sabiex tkun tista’ tittrażmetti bil-cable, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Kanal 5 u TV 4 (C‑52/07, EU:C:2008:491, punt 9).


56      Ara l-punt 40 tas-sentenza Kanal 5.


57      C‑351/12, EU:C:2014:110.


58      Ara l-punti 87 u 88 tas-sentenza OSA.


59      Ara s-sentenza AKKA/LAA, punti 36 sa 38 u 41.


60      Punt 60.


61      Mill-fajl jirriżulta li l-biljetti marbuta mal-isponsorizzazzjoni huma kkalkolati fuq il-valur nominali jew inkella, fejn dan il-valur ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, fuq il-bażi tal-prezz medju tad-dħul.


62      Ara b’mod partikolari l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kanal 5, punti 30 u 31.


64      C‑52/07, EU:C:2008:491, punt 60.


65      Ara s-sentenza Basset, punti 15, 16, 18 u 21.


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tournier, punt 45 u s-sentenza Kanal 5, punt 37.


67      W.W b’mod partikolari tikkontesta l-punt li Tomorrowland jista’ jiġi ddefinit bħala “festival”.


68      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Kanal 5, punt 62.


69      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Huwa ċar li l-inċidenza ta’ element bħal dan għandha tiġi evalwata billi tiġi pparagunata l-istruttura taż-żewġ tariffi fit-totalità tagħhom, xogħol li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq.


71      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Kanal 5, punt 9 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


72      Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jirriżulta madankollu li l-proċedura pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell tinvolvi inter alia żieda reċenti tat-tariffi applikati mis-SABAM għall-festivals.


73      Ara l-punt 40 tas-sentenza Kanal 5.


74      Ara s-sentenza Tournier, punt 45.


75      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1980, Coditel et (62/79, EU:C:1980:84), Tournier, punt 12, u Kanal 5, punt 38.


76      Ara l-punti 36 sa 38 tas-sentenza Kanal 5.


77      W.W u WCD isostnu li lista tax-xogħlijiet li ser jiġu eżegwiti normalment tiġi pprovduta lis-SABAM. Minħabba li l-preżentazzjoni ta’ din il-lista tikkostitwixxi kundizzjoni għall-kisba ta’ tnaqqis tat-tariffa, l-informazzjoni li din tinkludi hija miksuba mis-SABAM mingħajr interventi partikolari. Ir-riferiment għat-teknoloġiji diġitalizzati jista’ minflok ikun iktar kumpless.


78      Il-preżentazzjoni mill-organizzaturi tal-lista tax-xogħlijiet li ser jiġu eżegwiti teħtieġ sorveljanza matul l-iżvolġiment tal-festival. L-użu tat-teknoloġiji diġitali ma jippreżentax, bħala prinċipju, dan l-inkonvenjent, madankollu għandu jiġi evalwat ir-riskju li jkun hemm problemi tekniċi matul l-avveniment.


79      Il-lista tax-xogħlijiet li ser jiġu eżegwiti matul il-festival titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-SABAM qabel ma jseħħ l-użu. Madankollu l-użu ta’ tekniki diġitali jippermetti d-disponibbiltà tal-informazzjoni biss wara li l-avveniment ikun seħħ.


80      Is-SABAM issostni li hija għandha terminu legali ta’ 9 xhur mit-tmiem tal-eżerċizzju li fih ikunu nġabru l-profitti li rriżultaw mid-drittijiet sabiex tipproċedi għat-tqassim favur id-detenturi.


81      Ara l-punt 45 tas-sentenza Tournier u l-punt 40 tas-sentenza Kanal 5.


82      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha s-SABAM issostni li, fil-kawża prinċipali, WCD sostniet li dawn l-ispejjeż għandhom jitnaqqsu mill-profitti użati bħala bażi għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tas-SABAM.


83      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 19), u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 141 sa 147).