Language of document : ECLI:EU:C:2019:972

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C752/18

Deutsche Umwelthilfe eV

vs

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2008/50/KE – Pjan dwar il-kwalità tal-arja – Valuri ta’ limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu – Effettività tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu tal-qrati nazzjonali biex jieħdu kull miżura neċessarja biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ direttiva – Nuqqas ta’ osservanza mill-amministrazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Ordnijiet u pagamenti ta’ penalità ineffikaċi – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Detenzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi – Ħtieġa li jkun osservat l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal-libertà personali”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), tirrigwarda l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (2). Kif għandu jiġi żgurat li deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali, f’dan il-każ fil-qasam partikolarment sensittiv tad-dritt tal-ambjent, ikunu osservati? Quddiem ir-rieda manifesta ta’ uffiċjali pubbliċi li ma jonorawx deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, id-dritt tal-Unjoni jawtorizza jew jimponi l-obbligu li tintuża miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà permezz tad-detenzjoni, jekk din teżisti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, iżda li ma hijiex prevista fir-rigward ta’ tali persuni? Din il-mistoqsija għandha twassal biex jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ drittijiet fundamentali, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u d-dritt għal-libertà.

2.        Din il-problema tqajmet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-organizzazzjoni mhux governattiva Deutsche Umwelthilfe eV u Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) dwar id-deċiżjoni tal-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) li ordnat lil dan il-Land biex ibiddel il-pjan tiegħu għall-kwalità tal-arja billi jintroduċi projbizzjonijiet kontra ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi b’magna diesel fil-belt ta’ München (il-Ġermanja). Dan qiegħed jirrifjuta, madankollu, milli jintroduċi tali projbizzjonijiet, minkejja l- pagamenti ta’ penalità repetuti imposti fuqu.

3.        Iffaċċjata b’insuffiċjenza ta’ mezzi fid-dritt intern biex tiżgura li l-Land ta’ Bayern tosserva din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dwar il-portata tal-obbligi li huma imposti fuqha skont id-dritt tal-Unjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/50 u tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi għaliex, fil-fehma tiegħi, l-obbligu tal-qorti nazzjonali, skont id-dritt tal-Unjoni, li tapplika miżuri koerċittivi sabiex tiżgura l-effettività ta’ dan id-dritt ma huwiex illimitat, b’mod partikolari meta dawn il-miżuri jistgħu jiksru dritt fundamentali ieħor, f’dan il-każ id-dritt għal-libertà.

5.        Jien ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li għalkemm il-qorti nazzjonali għandha, bħala regola ġenerali, tagħmel minn kollox biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u għal dan l-għan tieħu l-miżuri kollha li jipprovdi d-dritt nazzjonali tagħha sabiex tobbliga lill-uffiċjali pubbliċi josservaw deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, id-dritt tal-Unjoni la jobbliga u lanqas jawtorizza lill-qorti nazzjonali li tadotta miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meta dan ma huwiex previst f’liġi ċara, prevedibbli, aċċessibbli u mhux arbitrarja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

6.        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (3) jipprevedi aċċess wiesa’ lill-pubbliku għall-ġustizzja sabiex, skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kulħadd, fil-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li jgħix f’ambjent xieraq li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tiegħu.

B.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom josservaw ċerti valuri ta’ limitu ta’ dijossidu tan-nitroġenu.

8.        L-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja meta, f’żona jew agglomerazzjoni stipulata, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja tal-ambjent jaqbżu l-valuri ta’ limitu previsti mill-imsemmija direttiva.

C.      Id-dritt Ġermaniż

9.        It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGB1 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem “il-Liġi Fundamentali”) jipprevedi dritt fundamentali għal-libertà personali. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 104(1) tal-Liġi Fundamentali, “[i]l-libertà tal-persuna tista’ tkun ristretta biss skont liġi formali u filwaqt li jiġu osservati l-formalitajiet li huma stabbiliti fiha”.

10.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Ġustizzja Amministrattiva, iktar ’il quddiem, il-“VwGO”) tipprovdi:

“Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni speċjali ta’ din il-liġi, l-eżekuzzjoni hija rregolata, mutatis mutandis, mit-tmien ktieb taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”).”

11.      L-Artikolu 172 tal-VwGO li jikkostitwixxi, skont il-qorti tar-rinviju, tali dispożizzjoni speċjali, li, skont il-parti introduttiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-VwGO, teskludi fil-prinċipju l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata li tinsab fit-tmien ktieb taz-ZPO, jipprovdi:

“Jekk, fil-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 113(1), fl-Artikolu 113(5), kif ukoll fl-Artikolu 123, l-amministrazzjoni ma tosservax l-ordni li tkun ingħatat fis-sentenza jew fid-digriet li jordna miżuri provviżorji, il-qorti tal-ewwel istanza tista’, wara li ssirilha talba, twissiha, permezz ta’ digriet, b’pagamenti ta’ penalità f’-ammont sa EUR 10 000 fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fit-terminu li hija tistabbilixxi, tipproċedi f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fl-imsemmi terminu għal-likwidazzjoni ta’ dan il-pagament ta’ penalità u tipproċedi ex officio għall-eżekuzzjoni forzata. Tali ordni tista’ twassal għal diversi drabi għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, għal-likwidazzjoni tagħha u għall-eżekuzzjoni tagħha.”

12.      L-Artikolu 888 li jinsab fit-tmien ktieb taz-ZPO jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Meta att ma jistax jitwettaq minn terz u jiddependi esklużivament mir-rieda tad-debitur, il-qorti adita fl-ewwel istanza għandha tikkonstata, wara li ssirilha talba, li d-debitur għandu jkun obbligat iwettaq dan l-att billi tirrikorri għall-pagament ta’ penalità u, f’każ ta’ impossibbiltà li tirkuprah, għad-detenzjoni jew għad-detenzjoni. L-ammont ta’ kull pagament ta’ penalità ma jistax jeċċedi EUR 25 000. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 dwar iċ-ċaħda tal-libertà japplikaw mutatis mutandis għad-detenzjoni.

2.      Il-miżuri koerċittivi jiġu ordnati mingħajr intimazzjoni minn qabel”.

13.      L-Artikolu 890(1) u (2) taz-ZPO jipprevedi li intimazzjoni tingħata lid-debitur ta’ obbligu biex ma jagħmilx att jew biex jippermetti att qabel ma dan tal-aħħar ikun ikkundannat għal multa jew għal detenzjoni.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Deutsche Umwelthilfe, organizzazzjoni mhux governattiva Ġermaniża li hija awtorizzata tressaq azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-ambjent, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tat-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92/UE (4), ippreżentat rikors kontra l-Land ta’ Bayern intiż li dan jiġi obbligat josserva valuri ta’ limitu tad-dijossidu tan-nitroġenu stabbiliti fid-Direttiva 2008/50.

15.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatt li dawn il-valuri ta’ limitu jinqabżu kultant b’mod kunsiderevoli ġie kkonstatat, ġudizzjarjament, fit-territorju tal-belt ta’ München, sa minn diversi snin. Dawn il-valuri ta’ limitu kienu jinqabżu f’madwar 250 triq jew parti minn toroq u kienu jilħqu f’ċerti każijiet id-doppju tal-valuri awtorizzati.

16.      Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2012, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München, il-Ġermanja) ordnat lil-Land ta’ Bayern biex ibiddel il-“pjan ta’ azzjoni għall-kwalità tal-arja”, li jikkorrispondi għall-“pjan dwar il-kwalità tal-arja”, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, għal dak li jikkonċerna l-belt ta’ München, sabiex dan josserva l-imsemmija valuri. Din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

17.      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Ġunju 2016, din il-qorti bagħtet intimazzjoni lil-Land ta’ Bayern fejn wissietu b’pagamenti ta’ penalità minħabba li kienu nqabżu l-valuri ta’ limitu inkwistjoni, li kontriha l-Land ippreżenta rikors.

18.      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Frar 2017, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) ċaħdet dan ir-rikors. Wara li kkonstatat li l-Land ta’ Bayern kien għadu ma osservax is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2012, hija wissiet lil dan tal-aħħar b’diversi pagamenti ta’ penalità fl-ammont totali ta’ EUR 10 000 jekk ma jiħux il-miżuri neċessarji biex josserva dawn il-valuri ta’ limitu. Dawn il-miżuri kienu jinkludi l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti vetturi b’magni diesel f’ċerti żoni urbani (5). Anki dan id-digriet kiseb l-awtorità ta’ res judicata.

19.      Fuq talba ta’ Deutsche Umwelthilfe, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München), b’digriet tas-26 ta’ Ottubru 2017 ipproċediet għal-likwidazzjoni ta’ wieħed mill-pagamenti ta’ penalità previsti fid-digriet preċedenti tas-27 ta’ Frar 2017. Il-Land ta’ Bayern ma appellax minn din id-deċiżjoni u ħallas l-ammont tal-pagament ta’ penalità.

20.      Permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Jannar 2018, din il-qorti, fuq talba ta’ Deutsche Umwelthilfe, illikwidat pagament ta’ penalità ieħor li kien is-suġġett tad-digriet tas-27 ta’ Frar 2017 u wissiet lil-Land ta’ Bayern b’pagament ta’ penalità ġdid fl-ammont ta’ EUR 4 000. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ċaħdet, inter alia, it-talba għal deċiżjoni dwar id-detenzjoni fir-rigward tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Land ta’ Bayern li kien fil-kariga dak iż-żmien jew, fin-nuqqas tiegħu, tal-Ministru-President ta’ dan il-Land. Deutsche Umwelthilfe appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern).

21.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Land ta’ Bayern kien għadu ma osservax l-ordnijiet li sarulu permezz tad-digriet tas-27 ta’ Frar 2017 u li ma hemmx lok li wieħed jistenna lil dan josserva dan id-digriet. Għall-kuntrarju, xi rappreżentanti tal-Land ta’ Bayern, fosthom il-Ministru-President tiegħu, urew pubblikament l-intenzjoni tagħhom li ma josservawx l-obbligu li jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi b’magni diesel f’ċerti toroq. Il-Land indika wkoll quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, li huwa kien iqis li jkun sproporzjonat li jipprojbixxi ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi diesel f’ċerti toroq jew partijiet minn toroq u li għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li jieħu miżuri f’dan is-sens.

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, meta s-setgħa eżekuttiva turi, b’mod daqshekk ċar u persistenti, id-determinazzjoni tagħha li ma tosservax ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni u l-likwidazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ġodda, ta’ ammont ogħla, ma humiex ser ikollhom effett fuq dan l-aġir. Dan japplika iktar u iktar meta l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ma jinvolvi ebda telf patrimonjali għal-Land. Il-ħlas ta’ dan il-pagament ta’ penalità jsir, fil-fatt, billi l-ammont stabbilit mill-qorti jiġi allokat għal entrata partikolari fl-estimi tal-Land u billi dan l-istess ammont jiġi kkontabilizzat bħala dħul tal-fond ċentrali tal-Land.

23.      Din il-qorti żżid li z-ZPO tipprevedi d-detenzjoni biex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet. Madankollu, dan l-istrument ma jkunx applikabbli għall-uffiċjali pubbliċi minħabba raġunijiet ta’ dritt kostituzzjonali.

24.      Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 167(1) tal-VwGO tippermetti li jiġu applikati – sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni speċjali li tgħid mod ieħor – il-miżuri previsti fit-tmien ktieb taz-ZPO, fosthom id-detenzjoni, l-Artikolu 172 tal-VwGO jikkostitwixxi tali dispożizzjoni speċjali li teskludi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata li tinsab fit-tmien ktieb taz-ZPO.

25.      Ċertament, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) diġà ddeċidiet li l-qrati ta’ natura amministrattiva għandhom, fil-prinċipju, id-dmir li jqisu lilhom infushom, jekk ikun il-każ, bħala li ma humiex marbutin bir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 172 tal-VwGO. Fid-digriet tagħha tad-9 ta’ Awwissu 1999 (1 BvR 2245/98), hija enfasizzat li l-applikazzjoni ta’ miżuri oħra koerċittivi possibbli skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 167 tal-VwGO u taz-ZPO, “hija meħtieġa, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’kull każ fejn id-deċiżjoni dwar, u l-likwidazzjoni ta’, pagament ta’ penalità limitat għal 2 000 mark Ġermaniż (DEM) [madwar EUR 1 000, li kien il-limitu fis-seħħ dak iż-żmien] ma hijiex adattata biex tipproteġi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata”. Skont dan id-digriet:

“Jekk, pereżempju, jirriżulta ċar, fid-dawl tal-esperjenza passata, mid-dikjarazzjonijiet univokali jew mill-għoti ta’ diversi pagamenti ta’ penalità li baqgħu mingħajr effett, li l-amministrazzjoni mhux ser iċċedi taħt il-pressjoni ta’ pagament ta’ penalità, allura r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effikaċi jimponi l-obbligu li jiġu applikati ‘mutatis mutandis’ ir-regoli ta’ proċedura ċivili, awtorizzata mill-Artikolu 167 tal-VwGO, u li jittieħdu miżuri koerċittivi iktar drastiċi, sabiex l-amministrazzjoni tkun obbligata tosserva l-liġi […]. Finalment hija l-qorti amministrattiva li għandha tiddeċiedi liema mill-miżuri koerċittivi, iktar drastiċi, previsti fl-Artikoli 885 sa 896 taz-ZPO […] ser jintużaw, jekk ikun il-każ, waqt l-eżekuzzjoni, f’liema ordni u f’liema forma […]”

26.      Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-eżekuzzjoni minn terzi li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma hijiex ikkontemplata fil-kuntest ta’ din il-kawża, kif ukoll id-detenzjoni prevista fl-Artikolu 888 taz-ZPO.

27.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, jekk wieħed kellu japplika d-detenzjoni fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi tal-Land ta’ Bayern abbażi tal-Artikolu 888 taz-ZPO, dan jikser il-kundizzjoni, stabbilita mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), skont liema l-għan attwallment imfittex bl-użu ta’ dan l-artikolu għandu jkun maħsub mil-leġiżlatur meta tiġi adottata l-liġi. Fid-dawl tal-oriġini tal-Artikolu 888 taz-ZPO, dan ma huwiex il-każ.

28.      Għal din ir-raġuni, il-qrati Ġermaniżi – anki wara l-għoti tad-digriet tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tad-9 ta’ Awwissu 1999 (1 BvR 2245/98) – qiesu, b’mod repetut, bħala illegali d-deċiżjoni ta’ detenzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi li jappartjenu lil setgħa eżekuttiva.

29.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix jew jawtorizzax evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30.      Skont din il-qorti, li kieku d-deċiżjoni dwar id-detenzjoni f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni, il-qrati Ġermaniżi ma kinux ikunu awtorizzati jieħdu inkunsiderazzjoni l-ostaklu li toħloq il-ġurisprudenza kostituzzjonali. Il-qorti nazzjonali jkollha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni b’mod leġiżlattiv jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor, kif ukoll kull ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra dan.

31.      F’dan il-kuntest il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) [TUE], li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jitwettqu,

2)      Il-prinċipju tal-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, li huwa stabbilit, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 197(1)[TFUE],

3)      Id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (6),

4)      l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw rimedju legali effettiv fi kwistjonijiet ambjentali li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(4) tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus],

5)      l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw rimedju legali effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE],

għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti Ġermaniża hija intitolata, u possibbilment tista’ tkun meħtieġa, li timponi d-detenzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi ta’ Land Federali Ġermaniż sabiex dan il-Land Federali jeżegwixxi l-obbligu tiegħu li jaġġorna l-pjan dwar il-kwalità tal-arja fis-sens tal-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2008/50] b’ċertu kontenut minimu, jekk dan il-Land Federali jkun ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata jwettaq aġġornament ta’ dan il-pjan b’dan il-kontenut minimu, u

–        l-Land Federali għal numru ta’ drabi ġie mhedded bi u suġġett għal sanzjonijiet pekunjarji mingħajr suċċess,

–        t-theddid bi u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji ma kellhomx effett persważiv sinjifikattiv minkejja li ammonti ogħla minn qabel ġew mhedda u imposti, dan għaliex il-ħlas tas-sanzjonijiet ma jinvolvix telf għal-Land Federali li ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, iżda, f’dan ir-rigward, hemm biss trasferiment tal-ammont impost f’kull każ minn partita tal-baġit tal-Land għal partita oħra tal-baġit tal-Land,

–        l-Land Federali li ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ddikjara kemm fil-qorti kif ukoll fil-pubbliku, fi ħdan il-Parlament permezz tal-uffiċjali politiċi l-iktar għolja, li mhux se jwettaq l-obbligi imposti mill-qorti b’konnessjoni mal-pjan dwar il-kwalità tal-arja,

–        l-liġi nazzjonali tipprovdi bħala prinċipju d-detenzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, iżda l-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti għal każ tat-tip inkwistjoni, u

–        għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk, il-liġi nazzjonali ma tipprovdix mezzi ta’ infurzar li huma iktar effikaċi mit-theddid u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji iżda tipprovdi mezzi li huma inqas intrużivi minn detenzjoni, u rikors għal mezzi ta’ infurzar bħal dawn lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni?”

32.      Deutsche Umwelthilfe, il-Land ta’ Bayern u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet u persuni kkonċernati kif ukoll il-Gvern Ġermaniż kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit-3 ta’ Settembru 2019.

IV.    Analiżi

A.      Kummenti preliminari

33.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda l-miżuri li qorti nazzjonali tista’ jew għandha tieħu fil-konfront tal-amministrazzjoni meħud kont ta’ żewġ tipi ta’ obbligi li għandha din tal-aħħar skont, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, f’dan il-każ id-Direttiva 2008/50 u, fit-tieni lok, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà meħuda fil-konfront tagħha sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

34.      Il-problema li hija ffaċċjata biha l-qorti tar-rinviju hija dik ta’ nuqqas ta’ mezzi koerċittivi biżżejjed fid-dritt intern biex tobbliga lill-uffiċjali pubbliċi josservaw id-deċiżjonijiet tagħha u, b’dan il-mod, biex josservaw id-dritt tal-Unjoni.

35.      Id-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju dwar l-ewwel tip ta’ obbligi huma l-Artikolu 4(3) TUE li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jeżiġi li dawn tal-aħħar jieħdu kull miżura xierqa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li joħorġu mill-atti tal-istituzzjonijiet u l-Artikolu 197(1) TFUE li jenfasizza n-natura essenzjali, għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni, tal-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri.

36.      Insostenn tat-tieni tip ta’ obbligi, il-qorti tar-rinviju ssemmi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u previst fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Minn dan id-dritt joħroġ obbligu għall-Istati Membri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

37.      Kif jirriżulta mill-kuntest ġuridiku ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza, fid-dritt ċivili Ġermaniż, jinkludu l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, l-eżekuzzjoni minn terzi u d-detenzjoni. Id-dritt amministrattiv Ġermaniż jipprevedi, min-naħa tiegħu, il-possibbiltà li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità sabiex tiġi żgurata l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-ordni li ssirilha permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Dawn huma ta’ ammont iktar baxx minn dawk tad-dritt ċivili. Jekk l-użu tal-pagamenti ta’ penalità jirriżulta ineffikaċi, huwa possibbli, skont il-qorti tar-rinviju, li wieħed jirrikorri għar-regoli tad-dritt ċivili li jipprovdu, b’mod partikolari, pagamenti ta’ penalità li jistgħu jilħqu l-ammont ta’ EUR 25 000 minflok EUR 10 000, iżda d-detenzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi. Kif ġie indikat fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan joħroġ mid-dritt kostituzzjonali Ġermaniż, kif interpretat mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali).

38.      Nippreċiża f’dan l-istadju li din id-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali hija kkontestata minn Deutsche Umwelthilfe (7). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tkun adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, iżżomm mal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif tkun ġiet esposta minn din il-qorti (8). Konsegwentement, irrispettivament mill-kritika tal-partijiet fil-kawża prinċipali fil-konfront tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt kif ingħatat minn din il-qorti tal-aħħar.

39.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-raġuni għaliex il-mezzi koerċittivi użati fil-konfront tal-Istat u l-amministrazzjoni tiegħu fid-dritt nazzjonali Ġermaniż huma iktar moderati milli fid-dritt ċivili hija marbuta mal-fatt li l-Istat normalment josserva d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li tagħhom huwa destinatarju. Skont Deutsche Umwelthilfe stess, din il-kawża hija wkoll każ eċċezzjonali.

40.      Madankollu, bħall-qorti tar-rinviju, Deutsche Umwelthilfe u l-Kummissjoni, irrid nenfasizza li dan il-każ, għalkemm eċċezzjonali, ma huwiex insinjifikattiv. Għall-kuntrarju, ir-rifjut tal-uffiċjali pubbliċi tal-Land ta’ Bayern li josservaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li akkwistaw l-awtorità ta’ res judicata, jista’ jwassal għal konsegwenzi gravi, kemm għas-saħħa u l-ħajja tal-persuni (9) kif ukoll għall-Istat tad-dritt (10).

41.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 197(1) TFUE, l-Artikolu 47(1) tal-Karta, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/50 u, għal dan l-għan, l-uffiċjali pubbliċi jiġu obbligati josservaw deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tadotta fil-konfront tagħhom miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, bħalma hija d-detenzjoni, jekk id-dritt nazzjonali jinkludi din il-miżura, anki jekk din ma hijiex prevista fil-konfront ta’ tali persuni b’liġi nazzjonali ċara u prevedibbli.

42.      Biex nirrispondi għal din id-domanda, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-portata tal-obbligi li għandha l-qorti nazzjonali sabiex tkun iggarantita l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (Taqsima B), u mbagħad, fit-tieni lok, il-limiti eventwali ta’ dawn l-obbligi fid-dawl tad-dritt fundamentali għal-libertà (Taqsima Ċ).

B.      L-obbligu li tkun iggarantita l-effettività tad-dritt tal-Unjoni

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina l-miżuri li għandha tieħu l-qorti nazzjonali skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u d-dritt tal-partijiet f’kawża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, f’każ ta’ ksur minn Stat Membru tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50 u b’mod partikolari tal-Artikoli 13 u 23 tagħha.

44.      F’dan ir-rigward, mis-sentenzi Janecek (11), ClientEarth (12)u Craeynest et (13) jirriżulta li, meta Stat jikser l-obbligi tiegħu dwar it-tfassil ta’ pjan li jirrigwarda l-kwalità tal-arja, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tadotta, fuq talba tal-individwi kkonċernati, il-miżuri kollha neċessarji, bħal, jekk tkun prevista mid-dritt nazzjonali, ordni, sabiex l-awtorità kompetenti tistabbilixxi dan il-pjan fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/50 (14).

45.      Dawn is-sentenzi jirrispondu biss parzjalment għall-kwistjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni f’każ bħalma hu dak tal-kawża prinċipali. Bħal fil-kawżi involuti fis-sentenzi inkwistjoni, il-problema tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda mhux it-traspożizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat tad-Direttiva 2008/50, iżda l-azzjonijiet konkreti meħuda mill-Istat biex jikkonforma ruħu ma’ din id-direttiva. Madankollu, ma’ din il-problema tiżdied, fil-kuntest ta’ din il-kawża, dik tan-nuqqas ta’ osservanza, mill-amministrazzjoni, ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jordnawlha tieħu ċerti azzjonijiet konkreti, f’dan il-każ dik li tipprovdi għal projbizzjonijiet kontra ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku f’ċerti toroq.

46.      Il-kwistjoni hija dwar jekk l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tieħu “[l-]miżuri kollha neċessarji”, biex tiżgura l-osservanza tad-Direttiva 2008/50 jinkludix, f’tali każ, l-obbligu li tapplika miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, bħalma hija d-detenzjoni.

47.      Din il-kwistjoni tqum iktar u iktar f’din il-kawża fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa partikolarment serju. Fil-fatt, il-fatt li l-Istat ma josservax deċiżjoni ġudizzjarja li tordnalu jwettaq ċerti atti sabiex josserva din id-direttiva jdgħajjef id-dritt fundamentali tal-parti f’kawża għal rimedju ġudizzjarju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

48.      Kif jirriżulta mis-sentenzi Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (15)u Torubarov (16), id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta jkun illużorju kieku l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru kien jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti, peress li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha titqies li tifforma parti sħiħa mir-“rimedju effettiv”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47.

49.      Ir-rifjut tal-Istat Membru milli josserva deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jdgħajjef ukoll l-Istat tad-dritt li jikkostitwixxi wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (17). L-osservanza tal-Istat tad-dritt hija obbligu ta’ kull ċittadin tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-rappreżentanti tal-Istat, meħud kont tar-responsabbiltajiet partikolari tagħhom f’dan il-qasam, minħabba l-karigi stess tagħhom (18). Il-Gvern Ġermaniż rrikonoxxa dan huwa stess matul is-seduta meta enfasizza li deċiżjoni ġudizzjarja għandha evidentement tiġi osservata mis-setgħa eżekuttiva. Min-naħa tagħha, Deutsche Umwelthilfe indikat ukoll li l-Istat ġeneralment josserva d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, fejn pagamenti ta’ penalità moderati jkunu suffiċjenti, normalment, biex jinċentivaw lill-amministrazzjoni biex tosservahom.

50.      Madankollu, preċiżament, meta tali pagamenti ta’ penalità, previsti mid-dritt nazzjonali fil-konfront tal-amministrazzjoni, ma jkunux suffiċjenti biex jobbligaw lill-Istat Membru josserva deċiżjoni ġudizzjarja intiża li timplimenta direttiva, il-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tirrikorri għal miżuri barra minn dawk li għandha għad-dispożizzjoni tagħha skont dan id-dritt?

51.      Fil-fatt, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-miżuri diġà applikati, konformement mad-dritt intern, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità f’ ammont totali ta’ EUR 10 000, baqgħu mingħajr effett fuq il-Land ta’ Bayern. Barra minn hekk, l-uniċi miżuri oħra li jistgħu jiġu kkontemplati, skont il-qorti tar-rinviju, jiġifieri pagamenti ta’ penalità li jistgħu jilħqu EUR 25 000, lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ effettività, peress li dawn ma għandhomx impatt fuq il-baġit tal-Land (19) u l-uffiċjali pubbliċi ta’ dan tal-aħħar kienu ddikjaraw pubblikament li ma kellhomx l-intenzjoni jistabbilixxu projbizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku kif ordnat mill-qorti tar-rinviju.

52.      F’dan ir-rigward, mis-sentenza Craeynest et (20) jirriżulta li l-miżuri neċessarji li għandhom jittieħdu mill-qorti nazzjonali biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2008/50 huma limitati, fil-prinċipju, għal dawk previsti mid-dritt nazzjonali.

53.      Bl-istess mod, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali dwar att tal-Unjoni taqa’, fil-prinċipju, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija kompetenza tal-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li jirregola l-metodi proċedurali tar-rimedji intiżi li jħarsu d-drittijiet illi l-persuni f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (21). Din l-awtonomija proċedurali hija eżerċitata bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (22). Il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża.

54.      F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, il-miżuri meħuda mill-qorti nazzjonali ma jippermettux li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/50 u, konsegwentement, din is-sitwazzjoni trendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju minn Deutsche Umwelthilfe tad-drittijiet li hija tgawdi minnhom taħt din id-direttiva.

55.      Tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni joffrix għodda, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tippermetti li jinqabżu l-ostakli ffaċċjati fid-dritt intern. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxix tali għodda.

56.      Skont dan il-prinċipju, id-dritt tal-Unjoni jipprevali fuq id-dritt tal-Istati Membri u jimponi li l-istanzi kollha ta’ dawn l-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tad-dritt tal-Unjoni (23). B’dan il-mod, il-qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretaw id-dritt intern tagħhom, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiżguraw l-effikaċità sħiħa ta’ dan tal-aħħar (24).

57.      Għalkemm l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma huwiex illimitat u ma jistax b’mod partikolari iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, dan jeħtieġ madankollu, sa fejn hu possibbli, li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnu (25).

58.      Il-qrati nazzjonali huma għalhekk obbligati li jibdlu, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva u li jħallu mhux applikata, fuq il-bażi tal-awtorità tagħhom stess, kwalunkwe interpretazzjoni li tkun trid tingħatalhom skont id-dritt nazzjonali tagħhom, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-direttiva kkonċernata (26).

59.      Fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tkun obbligata, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata kontra awtorità pubblika, li tħalli mhux applikata kwalunkwe regola nazzjonali li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni Ewropea jekk din ikollha effett dirett, fis-sens li tkun suffiċjentement ċara, preċiża u mhux ikkundizzjonata biex tagħti lill-individwi dritt li jista’ jiġi invokat bħala tali, quddiem qorti nazzjonali (27).

60.      Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ppermetta għaldaqstant li jintgħelbu diversi ostakli ta’ natura proċedurali li joħorġu mid-dritt intern, fil-kuntest ta’ tilwim ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. F’ċerti każijiet, dan seta’ jwassal lill-qorti nazzjonali tapplika regoli ta’ proċedura u tadotta miżuri f’sitwazzjonijiet mhux previsti mid-dritt nazzjonali (28).

61.      Fis-sentenza reċenti Torubarov, dwar applikazzjoni għal-protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju ma jkollhiex fid-dispożizzjoni tagħha xi mezz li jippermettilha tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi kkonċernati josservaw is-sentenza tagħha tikser il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (29). Hija kkunsidrat li kien il-kompitu tal-qorti nazzjonali li, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprojbixxiha milli tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha flok dik tal-korp amministrattiv li ma hijiex konformi mas-sentenza preċedenti tagħha (30).

62.      Bħal f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li ma għandhiex mezzi koerċittivi suffiċjenti, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, biex iġġiegħel lill-amministrazzjoni tosserva s-sentenza tagħha u biex tiżgura l-effikaċità sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, teżisti analoġija bejn din il-kawża u s-sentenza Torubarov.

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġew imfakkra, x’konsegwenza għandha tinsilet mill-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni f’din il-kawża?

64.      Kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti nazzjonali hija obbligata li, sa fejn huwa possibbli, tħalli mhux applikata ġurisprudenza li tostakola l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, jew anki liġi li toħloq tali ostaklu, meta t-tilwima li tkun adita biha, bejn individwu u l-Istat, tirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħnija b’effett dirett (31).

65.      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija deherilha li wieħed jista’ jinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod li jiżgura l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Hija tipproponi għal dan l-għan li jintuża l-mekkaniżmu tal-interpretazzjoni konformi mfakkar fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet billi jiġi applikat għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata previsti fid-dritt nazzjonali meħudin flimkien.

66.      Peress li l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità f’ammont totali ta’ EUR 10 000 rriżultat ineffikaċi, u l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ogħla, sa EUR 25 000, lanqas ma tista’ twassal għall-effett imfittex, jeħtieġ, skont din il-qorti, li tiġi applikata d-detenzjoni. Dan ikun jimplika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), dik tal-1999 (32), li tikkontempla t-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri iktar koerċittivi li jinsabu fid-dritt ċivili Ġermaniż, iżda li tiġi injorata ġurisprudenza tal-istess qorti tal-1970 (33) li tkun ta’ ostaklu għall-użu tad-detenzjoni kontra uffiċjali pubbliċi. Dan l-ostaklu jkun dovut għall-assenza ta’ liġi ċara u preċiża li tissodisfa ċerti rekwiżiti formali fil-konfront ta’ dawn il-persuni. L-Artikolu 888 taz-ZPO ma jirriflettix dawn ir-rekwiżiti u, kif ġie indikat waqt is-seduta mill-Gvern Ġermaniż bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda miżura ta’ detenzjoni ma ġiet adottata mill-qrati Ġermaniżi fil-konfront tagħhom fuq din il-bażi.

67.      Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex tmur daqshekk ’il bogħod fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha biex tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 u lill-Artikolu 47 tal-Karta, billi twarrab ġurisprudenza, jew anki liġi, li tipproteġi lil persuna f’kawża. Jien ma naħsibx li għandha tagħmel dan.

68.      Fil-fatt, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tista’, fil-prattika, ikollha ċerti limiti. Il-qorti nazzjonali, li fuqha jaqa’ l-obbligu li tapplika d-dritt tal-Unjoni, għandha xi kultant tibbilanċja diversi drittijiet fundamentali (34). F’ċerti każijiet, l-applikazzjoni sħiħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi mwarrba minħabba prinċipju ġenerali tad-dritt (35) jew dritt fundamentali (36).

69.      Peress li d-detenzjoni tinvolvi ċaħda ta’ libertà, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-fatt li parti mid-dritt nazzjonali tiġi eskluża, kif ikkontemplat mill-qorti tar-rinviju, sabiex direttiva tiġi implimentata b’mod sħiħ u jiġi żgurat id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6 tal-Karta li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà.

C.      It-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà

70.      L-Artikolu 6 tal-Karta jipprevedi dritt fundamentali għal-libertà li jirrifletti dak stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (37).

71.      Dan id-dritt għal-libertà għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, skont liema kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

72.      Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha għandu jsir riferiment skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, fir-rigward ta’ dritt li jikkorrispondi għal dritt previst fil-KEDB, tikkonferma n-neċessità ta’ liġi. Din il-ġurisprudenza u b’mod partikolari s-sentenza Del Rio Prada vs Spanja (38) tagħmel enfasi fuq il-kwalità tal-liġi meta tenfasizza li kull ċaħda ta’ libertà għandha jkollha bażi legali u l-liġi inkwistjoni għandha tkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiża u previdibbli fl-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi evitat kull perikolu ta’ arbitrarjetà. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet dawn il-kriterji fis-sentenza tagħha Al Chodor billi ppreċiżat li hija meħtieġa bażi legali u li din għandha tissodisfa l-kriterji ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà, ta’ aċċessibbiltà u ta’ protezzjoni kontra l-arbitrarjetà (39).

73.      Nirrileva li l-Artikolu 104 tal-Liġi Fundamentali, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, fih rekwiżiti simili fejn jipprevedi li l-libertà tal-persuna tista’ tkun ristretta biss permezz ta’ liġi, liema liġi għandha tissodisfa ċerti kriterji ta’ formalità.

74.      Issa, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tesponi b’mod ċar u ferm li d-dritt intern ma jipprovdix tali liġi dwar iċ-ċaħda tal-libertà permezz tad-detenzjoni sabiex iġiegħel lill-uffiċjali pubbliċi josservaw deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

75.      Din il-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali ġiet ċertament iddibattuta fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, barra mill-fatt li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkontesta l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħti tad-dritt nazzjonali (40), ser nenfasizza li mid-dibattiti jirriżulta li, mill-inqas, jeżisti dubju serju fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, fuq il-grad ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà tiegħu.

76.      Skont Deutsche Umwelthilfe u l-qorti tar-rinviju, din il-problema ta’ prevedibbiltà tista’ tkun megħluba billi tiġi adottata intimazzjoni fil-konfront tal-persuni kkonċernati. Madankollu, din il-qorti tindika, hija stess, li dan it-tip ta’ avviż ma huwiex previst fiz-ZPO għall-obbligu li wieħed jagħmel xi ħaġa, bħalma huwa l-obbligu li tipprovdi projbizzjoni kontra ċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti vetturi (41).

77.      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju turi li teżisti inċertezza supplimentari u mhux negliġibbli fir-rigward tal-persuni li jistgħu ikunu milquta b’detenzjoni.

78.      Il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-fatt, diversi persuni, jiġifieri, fir-rigward tal-Land, il-Ministru‑President u l-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, fir-rigward tar-reġjun amministrattiv ta’ Oberbayern, il-president u l-viċi president tal-Gvern. Hija żżid li wieħed irid iħares ukoll, bħala prekawzjoni, lejn il-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-Land u r-reġjun amministrattiv ta’ Oberbayern peress li l-korpi responsabbli tal-Land jibbenefikaw minn immunità parlamentari li, jekk din ma titneħħiex, trendi d-detenzjoni ineffettiva.

79.      Minn din il-lista jirriżulta li l-uffiċjali pubbliċi prinċipali tal-Land jistgħu jevitaw id-detenzjoni. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali għolja tar-reġjun amministrattiv ta’ Oberbayern, li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandhom isegwu l-istruzzjoniijiet tal-Land kif ukoll tal-persuni li jokkupaw funzjoni ta’ tmexxija fi ħdan is-servizzi kompetenti ta’ dan tal-aħħar u tar-reġjun amministrattiv ta’ Oberbayern jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżura. Fir-rigward ta’ dawn il-persuni, il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li għad irid jiġi vverifikat jekk wieħed jistax raġonevolment jeżiġi mingħandhom li huma jeżegwixxu d-deċiżjoni ġudizzjarja minkejja li jkollhom jaġixxu kontra l-fehma tas-superjur ġerarkiku tagħhom.

80.      Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, anki jekk wieħed jippreżumi li d-detenzjoni tista’ tilħaq l-għan imfittex, jiġifieri, l-osservanza tar-res judicata u, b’din, l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2008/50 – ħaġa li jidhirli li hija ’l bogħod milli tkun ċerta – l-applikazzjoni ta’ tali miżura fil-konfront tal-uffiċjali tal-Land tkun tikser id-dritt fundamentali għal-libertà, iggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta, minħabba l-assenza ta’ liġi għal dan l-għan jew, tal-inqas, l-assenza ta’ liġi ċara u prevedibbli.

81.      Minkejja l-problema ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-interferenza fid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv li s-sitwazzjoni partikolari tiġġenera, il-qorti nazzjonali ma tistax tonqos milli tosserva r-rekwiżiti fundamentali tal-Artikolu 6 tal-Karta.

82.      Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ tilwima dwar dritt ibbażat fuq direttiva, il-qorti adita għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni u tista’ tkun obbligata li tħalli mhux applikata liġi nazzjonali li tostakola dan. Madankollu, din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandhiex ċertament twassal għal ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà.

83.      Bħall-Gvern Ġermaniż, jidhirli li l-libertà tal-persuni individwali ma tistax tkun limitata mingħajr ma jkun hemm bażi legali suffiċjenti. Tali limitazzjoni għandha tkun ibbażata fuq liġi ċara, prevedibbli, aċċessibbli u nieqsa mill-arbitrarjetà. Fin-nuqqas ta’ dan, il-limitazzjoni għal-libertà tista’ min-naħa tagħha timmina serjament l-Istat tad-dritt.

84.      Għaldaqstant, gravi kemm hu gravi l-aġir tal-uffiċjali pubbliċi li jirrifjutaw li josservaw deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, jidhirli li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha biex tagħti effett sħiħ lil xi direttiva, b’mod partikolari direttiva fil-qasam tal-ambjent, u li tiżgura d-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv, ma jistax ikun issodisfatt bi ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà. Għaldaqstant, dan l-obbligu ma jistax jinftiehem bħala li jippermettilha – jew a fortiori li jobbligaha - tikser dan id-dritt fundamentali għal-libertà (42).

85.      Nistieden għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża li l-obbligu tal-qorti biex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, sa fejn hu possibbli, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u eventwalment li twarrab liġi li, fil-prattika, tostakola l-effettività sħiħa ta’ dan id-dritt, għandu limitazzjoni assoluta meta din l-interpretazzjoni tikser id-dritt fundamentali għal-libertà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta.

86.      Barra minn hekk, anki f’każ fejn id-detenzjoni tkun prevista mil-liġi, irrid infakkar, kif kont enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Al Chodor, li d-detenzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi miżura tal-aħħar għażla (43). Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, hija għandha tkun applikata biss jekk tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni kull miżura oħra u jekk ikun ġie osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

87.      Ninnota li lanqas ma hemm ċertezza, f’dan il-każ, li l-qorti tar-rinviju rrikorriet għall-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha skont id-dritt nazzjonali. Ġie ssuġġerit matul is-seduta li jista’ jkun hemm miżuri oħra bħal pagamenti ta’ penalità, sa massimu ta’ EUR 25 000, possibbilment irrepetuti fi żmien qasir. Issemmiet ukoll il-possibbiltà li dawn il-pagamenti ta’ penalità jitħallsu mhux lil Land imma lil persuna terza, jiġifieri r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk tali miżuri jistgħux jiġu meqjusa.

88.      Fin-nuqqas ta’ miżuri koerċittivi effikaċi fid-dritt intern biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, huwa, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tal-leġiżlatur nazzjonali li, jekk jidhirlu rilevanti jew mixtieq, jipprevedi jew le miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà bħalma hija d-detenzjoni fil-konfront tal-uffiċjali pubbliċi. Tali deċiżjoni tista’ tvarja skont l-Istati Membri skont għażliet tas-soċjetajiet u evalwazzjoni tal-adegwatezza ta’ tali miżura biex tippermetti li jintlaħaq ir-riżultat previst mid-direttiva inkwistjoni (44).

89.      Nirrileva li, anki jekk il-qorti tar-rinviju kienet totalment nieqsa mill-għodda, skont id-dritt intern tagħha, biex tiżgura l-osservanza min-naħa tal-konvenuta tad-deċiżjonijiet ġudizzarji tagħha li kisbu l-awtorità ta’ res judicata u, konsegwentement, tad-Direttiva 2008/50, l-Unjoni għad għandha mezz koerċittiv. F’każ bħal dan tkun tista’ ssir proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru u tali proċedura ġiet fil-fatt mibdija mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna t-tniġġis tal-arja, b’mod partikolari fil-belt ta’ München (45). Jekk l-Istat Membru kellu jinstab ħati ta’ ksur tad-Direttiva 2008/50 u jekk huwa ma jikkonformax ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, timponilu l-ħlas ta’ somma f’daqqa għall-passat u pagamenti ta’ penalità għall-futur, f’livell dissważiv, pagabbli, jekk ikun il-każ, għal kull jum li l-Istat Membru jibqa’ inadempjenti.

V.      Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 197(1) TFUE, l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa u, għal dan l-għan, iġġiegħel lill-uffiċjali pubbliċi biex josservaw deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali la hija marbuta u lanqas awtorizzata tadotta fil-konfront tagħhom miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà bħalma hija d-detenzjoni, jekk tali miżura ma hijiex prevista fil-konfront ta’ dawn il-persuni b’liġi nazzjonali ċara, prevedibbli, aċċessibbli u nieqsa mill-arbitrarjetà.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2008, L 152, p. 1. Din id-direttiva issostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 95).


3      Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem l-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, u Rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).


5      Il-qorti tar-rinviju tindika li n-natura xierqa ta’ tali miżuri ta’ projbizzjoni taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku sabiex ikunu osservati l-valuri ta’ limitu previsti fid-Direttiva 2008/50 hija kkonfermata b’sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tas-27 ta’ Frar 2018 (7 C. 26.16).


6      ĠU 2007, C 303, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”.


7      Deutsche Umwelthilfe ssostni li teżisti bażi legali biex tiġi applikata d-detenzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi. Din tinsab fl-Artikolu 167 tal-VwGO li taċċetta l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għad-dritt ċivili. Għaldaqstant, skont Deutsche Umwelthilfe, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriflettu mhux il-liġi kif prevista f’dan l-Artikolu 167, imma l-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali). Il-Land ta’ Bayern u l-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jittieħdu fil-konfront tal-amministrazzjoni huma previsti fl-Artikolu 167 tal-VwGO, li jirreferi għad-dritt ċivili jekk ma teżistix dispożizzjoni speċjali. Skont huma, l-Artikolu 172 tal-VwGO jikkostitwixxi tali dispożizzjoni u l-modifika li saret għall-Artikolu 172 wara d-digriet tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tad-9 ta’ Awwissu 1999 (1 BvR 2245/98), li jieħu inkunsiderazzjoni ta’ dan id-digriet billi jżid l-ammont massimu tal-pagamenti ta’ penalità applikabbli għall-amministrazzjoni sabiex iżid l-effikaċità tagħhom, għandu bħala effett li ma jibqax possibbli li wieħed jirrikorri għal miżuri oħra iktar koerċittivi previsti fid-dritt ċivili.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45) u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25).


9      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Settembru 2005 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (COM(2005) 447 finali), jirriżulta li konċentrazzjonijiet ta’ dijossidu tal-kubrit ħafna ogħla minn dawk awtorizzati mil-liġi jaffettwaw is-saħħa tal-persuni kuljum u l-istennija ta’ għajxien tagħhom.


10      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C‑237/07, EU:C:2008:447).


12      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014 (C‑404/13, EU:C:2014:2382).


13      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019 (C‑723/17, EU:C:2019:533).


14      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 56).


15      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 43).


16      Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019 (C‑556/17, EU:C:2019:626, iktar ’il quddiem is-“sentenza Torubarov”, punt 57).


17      Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 43), u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 30 u 31).


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 70).


19      Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019 (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 56).


21      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 39).


22      Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53 sa 54).


24      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 74, 76 u 77).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 78).


27      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61).


28      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et  (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 23); tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26 u t-tieni inċiż tal-punt 36); tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, EU:C:2002:705, punt 38), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 64).


29      Sentenza Torubarov (punti 71 u 72).


30      Sentenza Torubarov (punt 74).


31      Fir-rigward tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni timponi obbligu ċar li jiġi stabbilit pjan dwar il-kwalità tal-arja konformi ma’ ċerti rekwiżiti li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-awtoritajiet pubbliċi (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punti 53 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, dan l-artikolu huwa biżżejjed minnu nnifsu u ma għandux għalfejn jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali biex jagħti lill-individwi dritt li jista’ jiġi invokat bħala tali (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78, u s-sentenza Torubarov, punt 56).


32      Digriet tad-9 ta’ Awwissu 1999 (1 BvR 2245/98). Il-kawża li tat lok għal dan id-digriet kienet tirrigwarda r-rifjut ta’ muniċipalità li tikri sala lil partit politiku speċifiku. Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) ikkunsidrat li l-miżuri previsti mill-VwGO, b’mod partikolari l-Artikolu 172, setgħu jirriżultaw insuffiċjentu u li, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni tar-regoli taz-ZPO, kienet possibbli “mutatis mutandis” (“in entsprechender Anwendung”) skont l-Artikolu 167 tal-VwGO. Il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tagħti eżempji ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni forzata bbażati fuq iz-ZPO li kollha jikkonċernaw l-eżekuzzjoni minn terzi (pereżempju, il-ftuħ ta’ kamra minn marixxal tal-qorti). Id-detenzjoni ma hijiex, madankollu, imsemmija fid-digriet.


33      Digriet tat-13 ta’ Ottubru 1970 (1 BvR 226/70).


34      Ara, fir-rigward tal-ibbilanċjar tad-dritt mar-rispett tal-ħajja privata u tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punti 52 u 53).


35      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et  (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 53).


36      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punti 33, 34, 36 u 39).


37      Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt għal-libertà previst fl-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi għal dak li huwa ggarantit fl-Artikolu 5 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess sens u l-istess portata (ara taqsima “Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 6”, l-ewwel paragrafu).


38      Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Rio Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal-25 ta’ Ġunju 1996, Amuur vs Franza (CE:ECHR:1996:0625JUD001977692, punt 50).


39      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punti 38 u 40).


40      Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara l-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-intimazzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 888(2) taz-ZPO. Skont l-Artikolu 890(1) u (2) taz-ZPO, din l-intimazzjoni hija prevista f’każ ta’ obbligu li wieħed ma jagħmilx xi ħaġa jew li jittollera xi att.


42      Nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2018:623, punti 123 u 124) li jenfasizzaw il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-obbligu ta’ effettività u l-ħtieġa li jkunu protetti d-drittijiet fundamentali.


43      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2016:865, punt 55).


44      F’artiklu tat-18 ta’ Lulju 2019, ippubblikat fil-Frankfurter Allgemeine Zeitung, il-President tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) jikteb li d-detenzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħu, miżura xierqa fil-konfront tar-rappreżentanti ta’ organu amministrattiv bħalma huwa l-Ministru-President ta’ Land. Il-pubbliku jistenna li l-organi statali u reġjonali kif ukoll l-uffiċjali għolja jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet kollha tagħhom.


45      Ara l-kawża pendenti C‑635/18, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja.