Language of document : ECLI:EU:T:2005:429

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

29 ta' Novembru 2005

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordju – Suq tal-fosfat taż-żingu – Ammenda – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T-52/02

Société nouvelle des couleurs zinciques SA (SNCZ), stabbilita f'Bouchain (Franza), irrappreżentata minn R. Saint-Esteben u H. Cavet, avocats, b'indirizz għan-notifika l-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u F. Lelievre, imbagħad minn Castillo de la Torre u O. Beynet, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika l-Lussemburgu

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament ta' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2003/437/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Diċembru 2001, dwar proċedura implimentata taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim Ekonomiku Ewropew (Każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1), jew, sussidjarjament, talba għal tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti

1       Is-Société nouvelle des couleurs zinciques SA (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti" jew is-"SNCZ") hija impriża Franċiża li tipproduċi fosfat taż-żingu u kromati taż-żingu, ta' stronzju u ta' barju. Dawn il-prodotti kollha huma pigmenti minerali kontra l-korrużjoni użati fl-industrija taż-żebgħa u tal-kisi. Fis-sena 2000, il-fatturat tas-SNCZ fuq il-livell dinji kien ta' 17.08 miljun EUR.

2       Minkejja li l-formuli kimiċi tagħhom jistgħu jvarjaw kemmxejn, l-ortofosfati taż-żingu jikkostitwixxu prodott kimiku omoġenju, magħruf taħt l-isem ġeneriku "fosfat taż-żingu".Il-fosfat taż-żingu, miksub mill-ossidju taż-żingu u mill-aċtu fosforiku, huwa spiss użat bħala pigment minerali kontra l-korrużjoni fl-industrija taż-żebgħa. Huwa kkummerċjalizzat fuq is-suq kemm bħala fosfat taż-żingu standard, kif ukoll bħala fosfat taż-żingu mmodifikat jew "attivat".

3       Fl-2001, il-biċċa l-kbira tas-suq dinji tal-fosfat taż-żingu kienet f'idejn il-ħames prodotturi Ewropej li ġejjin: Dr.Hans Heubach GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Heubach"), James M. Brown Ltd (iktar 'il quddiem "Trident")(li qabel kienet Britannia Alloys and Chemicals Ltd iktar 'il quddiem "Britannia") u Union Pigments AS (li qabel kienet Waardals AS) (iktar 'il quddiem "Union Pigments"). Bejn l-1994 u l-1998, il-valur tas-suq tal-fosfat taż-żingu standard tela' għal madwar 22 miljun EUR fis-sena fuq il-livell dinji u għal bejn 15 u 16-il miljun EUR fis-sena fuq il-livell taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fiż-ŻEE, Heubach, is-SNCZ, Trident (li qabel kienet Britannia) u Union Pigments kellhom f'idejhom ishma bejn wieħed u ieħor l-istess fis-suq tal-fosfat taż-żingu, li kienu jammontaw għal madwar 20 %. James Brown kellu f'idejh sehem mis-suq li kienet bil-wisq inqas. Ix-xerrejja tal-fosfat taż-żingu huma l-produtturi l-kbar taż-żebgħa. Is-suq taż-żebgħa huwa ddominat minn xi gruppi multi-nazzjonali tal-kimika.

4       Fit-13 u l-14 ta' Marzu 1998, il-Kummissjoni għamlet, simultanjament u mingħajr preavviż, investigazzjonijiet fl-istabbilimenti ta' Heubach, tas-SNCZ u ta' Trident, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Mit-13 sal-15 ta' Mejju 1998, wara talba tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) għamlet, simultanjament u mingħajr preavviż, investigazzjonijiet fl-istabbilimenti ta' Union Pigments, skond l-Artikolu 14(2) tal-Kapitolu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja.

5       Waqt il-proċedura amministrattiva, Union Pigments u Trident infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jikkooperaw fis-sħiħ magħha, skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' ammendi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni") u kull waħda minnhom għamlet dikjarazzjonijiet fuq l-akkordju (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni ta' Union Pigments" u d-"dikjarazzjoni ta' Trident").

6       Fit-2 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni ta' lmenti kontra l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors preżenti (ara punt 7 iktar 'il quddiem), li tinkludi r-rikorrenti. Fir-risposta tagħha ta' l-1 ta' Diċembru 2000 għall-komunikazzjoni ta' lmenti, ir-rikorrenti ddikjarat li hi ma kinitx qed tikkontesta fis-sustanza l-fatti esposti fil-komunikazzjoni ta' lmenti.

7       Fil-11 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/437/KE dwar proċedura implimentata taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1). Id-deċiżjoni meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet tas-sentenza preżenti hija dik li ġiet innotifikata lill-impriżi kkonċernati u li hija annessa mar-rikors (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din id-deċiżjoni hija, taħt ċerti aspetti, differenti minn dik li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

8       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998 kien jeżisti akkordju li jgħaqqad Britannia (Trident mill-15 ta' Marzu 1997), Heubach, James Brown, is-SNCZ u Union Pigments. L-akkordju kien ristrett għall-fosfat taż-żingu standard. L-ewwelnett, il-membri ta' l-akkordju poġġew fis-seħħ ftehim ta' tqassim tas-suq bi kwotas ta' bejgħ għall-prodotturi. It-tieninett, huma ffissaw prezzijiet "minimi" jew "irrakkomandati" f'kull laqgħa u ġeneralment segwewhom. It-tieletnett, kien hemm, sa ċertu punt, tqassim tal-klijenti.

9       Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tinqara hekk:

"Artikolu 1

Britannia […], Hans Heubach […], James […] Brown […], [is-SNCZ], Trident […] u [Union Pigments] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fil-qasam tal-fosfat taż-żingu.

It-tul ta' żmien tal-ksur kien li ġej :

a) f'dak li jikkonċerna […] Heubach […], James […] Brown […], [is-SNCZ] u [Union Pigments] : mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998 ;

[…]

Artikolu 3

L-ammendi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-ewwel Artikolu:

a) Britannia […] : 3.37 miljun EUR ;

b) […] Heubach […] : 3.78 miljun EUR

c) James […] Brown […] : 940 000 EUR ;

d) [SNCZ]: 1.53 miljun EUR ;

e) Trident […]: 1.98 miljun EUR ;

f) [Union Pigments] : 350 000 EUR.

[…] "

10     Għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija mfissra fil-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida") u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

11     B'hekk, il-Kummissjoni bdiet billi ffissat l-"ammont bażi" u dan skond il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur (ara premessi 261 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

12     Dwar l-ewwel fattur, hija qieset li l-ksur kellu jkun deskritt bħala "serju ħafna", u dan wara li rat in-natura ta' l-imġieba in kwistjoni, l-effetti reali ta' din l-imġieba fuq is-suq tal-fosfat taż-żingu u l-fatt li l-imġieba kienet tkopri t-totalità tas-suq komuni u, wara t-twaqqif taż-ŻEE, it-totalità ta' din ta' l-aħħar (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata). Indipendentement min-natura serja ħafna tal-ksur, il-Kummissjoni fissret li hi qed tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs ristrett tas-suq in kwistjoni (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

13     Il-Kummissjoni applikat "trattament differenzjali" għall-impriżi kkonċernati sabiex, min-naħa, tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetituri tagħhom u, min-naħa l-oħra, tiffissa l-ammenda fuq livell li jiggarantixxi effett li jiskoraġġixxi b'mod suffiċjenti (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dan il-għan, hi qassmet l-impriżi kkonċernati f'żewġ kategoriji, skond "l-importanza relattiva fuq is-suq in kwistjoni" li huma kellhom. Hija bbażat ruħha fuq il-fatturat li intlaħaq fiż-ŻEE minn kull waħda minn dawn l-impriżi matul l-aħħar sena tal-ksur bil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li għamlet u qieset il-fatt li r-rikorrenti, Britannia (Trident mill-15 ta' Marzu 1997), Heubach u Union Pigments kienu "il-prodotturi ewlenin ta' fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, b'partijiet tas-suq, bejn wieħed u ieħor simili, 'il fuq jew madwar l-20 %" (premessi 307 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, bħal Britannia, Heubach, Trident u Union Pigments ("ammont ta' tluq" ta' 3 miljun EUR). James Brown, li kellu parti mis-suq " bil-wisq inqas ", ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija ("ammont ta' tluq" ta' 750 000 EUR) (premessi 308 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

14     Dwar il-fattur relattiv għat-tul ta' żmien, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur għal liema r-rikorrenti hi responsabbli kien ta' tul "medju", minħabba li kien mifrux bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998 (premessa 310 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, hi żiedet b'40 % l-ammont ta' tluq tar-rikorrenti, biex b'hekk waslet għal "ammont bażi" ta' 4.2 miljun EUR (premessi 310 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

15     Imbagħad, il-Kummissjoni qieset li fil-każ in kwistjoni ma kienx hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti fil-każ in kwistjoni (premessi 314 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija rrifjutat l-argumenti bbażati fuq il- "kuntest ekonomiku diffiċli" li fih kien seħħ l-akkordju u fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-impriżi kkonċernati (premessi 337 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għaldaqstant ffissat għal 4,2 miljun EUR l-ammont ta' l-ammenda "qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq [il-kooperazzjoni]" fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

16     Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret il-limitu li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammenda li tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tistax taqbeż. Għaldaqstant, l-ammont ta' l-ammenda qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti kien ġie mnaqqas għal 1.7 miljun EUR u dak ta' Union Pigments għal 700 000 EUR. L-ammonti ta' l-ammendi ta' l-impriżi l-oħra qabel l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma ġewx affettwati minn dan il-limitu (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

17     Fl-aħħarnett il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti tnaqqis ta' 10 % skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni wara li qieset il-fatt li hija kienet iddikjarat, fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, li hi ma kinitx qed tikkontesta fis-sustanza l-fatti hemm esposti (premessi 360, 363 u 366 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont finali ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti huwa għaldaqstant 1.53 miljun EUR (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

19     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-Kummissjoni tippreżenta dokument u twieġeb domanda bil-miktub. Il-Kummissjoni osservat dawn it-talbiet.

20     Instemgħu l-partijiet waqt it-trattazzjoni tagħhom kif ukoll ir-risposti tagħhom għal mistoqsijiet li ġew magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tat-2 ta' Lulju 2004.

21     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :

–       tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ;

–       sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta' l-ammenda ;

–       tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha :

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

23     Ir-rikorrenti tinvoka tliet argumenti biex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel wieħed hu bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tieni wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, u t-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

 L-argumenti tal-partijiet

24     Skond ir-rikorrenti, meta ffissat l-ammont ta' tluq ta' l-ammenda tagħha għal 3 miljun EUR, jiġifieri 17 % tal-fatturat dinji tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Dan l-ammont jeċċedi l-limitu massimu ta' l-ammendi previst minn din id-dispożizzjoni.

25     L-ewwelnett, ir-rikorrenti tallega li tali ffissar arbitrarju ta' l-ammont ta' tluq imur kontra t-termini espliċiti ta' l-Artikolu15(2) tar-Regolament Nru 17. Din id-dispożizzjoni tagħti l-possibilità, lill-Kummissjoni, li taqbeż l-ewwel limitu ta' miljun biex tilħaq sa 10 % tal-fatturat imma assolutament ma tippermettix metodu li jikkonsisti fl-iffissar mal-ewwel ta' ammont ta' tluq akbar mil-limitu massimu ta' 10 %, imbagħad fit-tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda, sabiex jkun hemm konformità ma' l-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant il-metodu ta' kalkolu li ġie applikat fil-każ in kwistjoni, li jikkonsisti fl-iffissar ta' l-ammont ta' tluq għal 3 miljun EUR, jiġifieri 17 % tal-fatturat dinji tagħha, mhuwiex legali

26     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tbiddel is-sens ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 meta tallega li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-ammenda li fl-aħħarnett tiġi imposta fuq impriża għandha tkun "imnaqqsa" jekk l-ammont "ikun akbar" mil-limitu ta' 10 % tal-fatturat. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix tnaqqis f'dan il-limitu ta' 10 %, imma ssemmi biss espliċitament l-ipoteżi meta l-ammenda tkun, fil-bidu, ffissata 'il fuq mil-limitu ta' 10 %, jiġifieri bejn 1 000 EUR u miljun EUR, tkun miżjuda biex "tasal għal 10 %".

27     Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (T-9/99, Ġabra p. II-1487), tikkorrobora t-teżi tal-Kummissjoni li l-ammont ta' tluq jista' jiġi ffissat aktar mil-limitu ta' 10 % tal-fatturat ta' l-impriża in kwistjoni. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni "ammont intermedjarju" 'il fuq mil-limitu ta' 10 % "waqt il-kalkolu tagħha" u mhux fil-"bidu" ta' dan il-kalkolu. Għaldaqstant, hi ma qisietx il-possibbiltà li l-ammont ta' tluq jista' jkun iffissat għal aktar mil-limitu massimu ta' 10 %. Din l-interpretazzjoni hi kkonfermata mill-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li biss "ċerti fatturi li ġew ikkunsidrati waqt il-kalkolu mhumiex riflessi fl-ammont finali ta' l-ammenda" (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 452). Issa fil-metodu adottat mill-Kummissjoni, huma l-"fatturi" kollha li, bħala regola, mhumiex riflessi fl-ammont finali, bl-eċċezzjoni waħdanija tat-tnaqqis għal "kooperazzjoni", minħabba li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal din ħlief wara li naqqset l-ammont intermedjarju biex terġa' tniżżlu għal-limitu massimu ta' 10 %. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li s-sentenza HFB et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, bħas-sentenzi l-oħra kollha ċċitati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' dan il-motiv, kienet is-suġġett biss ta' pubblikazzjoni parzjali fil-Ġabra, minħabba li s-siltiet mhux ippublikati tas-sentenzi in kwistjoni kienu mingħajr dubju kkunsidrati mill-Imħallef Komunitarju li ma fihomx kwistjonijiet ta' prinċipju.

28     It-tieninett, ir-rikorrenti ssostni li l-mod kif l-ammont ta' tluq ġie ffissat fil-każ in kwistjoni jikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba li jeskludi l-kunsiderazzjoni tat-tul ta' żmien tal-ksur fl-ammont ta' l-ammenda imposta. Hi tfakkar li din id-dispożizzjoni titlob li l-Kummissjoni tiffissa l-ammenda filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni "minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta' żmien tiegħu". Fil-każ in kwistjoni, wara li ffissat l-ammont ta' tluq għal 3 miljun EUR, li huwa bil-wisq ikbar mil-limitu massimu ta' 10 %, il-Kummissjoni żiedet dan l-ammont b'40 % biex tieħu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien "medju" tal-ksur u ġabitu għaldaqstant għal 4.2 miljun EUR. Issa, ladarba l-ammont ta' tluq ffissat wara li ttieħdet in kunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur hu wisq ikbar mil-limitu massimu ta' 10 % tal-fatturat, aġġustament ulterjuri skond it-tul ta' żmien jkun għal kollox impossibli u ma jkunx ħlief eżerċizzju purament teoretiku li jwassal biex ir-rispett ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ikun biss finzjoni.

29     Wara li kkunsidrat li l-ksur li bih hi akkużata r-rikorrenti kien ta' tul medju, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni dan l-element bħala wieħed li relattivament jimmodera, għaliex ammenda aktar iebsa kellha normalment tiġi imposta fuqha li kieku hi kienet ikkommettiet ksur mhux biss "serju ħafna", imma wkoll ta' tul ta' żmien "twil" jew "twil ħafna". Il-fatt li sanzjoni tiġi imposta mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien tal-ksur ikun "perikoluż ħafna" għall-politikà tal-kompetizzjoni, għax l-impriżi, fuq kollox l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), ma jkollhom ebda inċentiv li jillimitaw it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

30     Dwar ir-rilevanza tas-sentenza HFB et vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, biex jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien ta' ksur, ir-rikorrenti tosserva, l-ewwelnett, li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fuq eċċezzjoni ta' illegalità tal-linji gwida u eżaminat għaldaqstant kritiċi ġenerali fuqhom. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, hija kwistjoni li jiġi vverifikat jekk il-kalkolu konkret magħmul speċifikament fil-każ tar-rikorrenti huwiex konformi ma' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Imbagħad, ir-rikorrenti tfakkar li, f'din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat biss l-ipoteżi li fiha "ċerti fatturi" meqjusa ma ġewx riflessi fl-ammenda finali (punt 453). Hi ma għamlitx dikjarazzjoni fuq il-fattur ta' tul ta' żmien. Minħabba li dan il-fattur huwa wieħed miż-żewġ fatturi msemmija mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, huwa għandu jkun meħud in kunsiderazzjoni u jiġi rifless fl-ammont finali ta' l-ammenda, għaliex altrimenti jiġi ppruvat minn kull forza obbligatorja u minn kull effett utli għaliex altrimenti r-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II-1681, punt 203).

31     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fattur tal-kooperazzjoni wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta' 10 % għalkemm żiedet l-ammont bażi wara li qieset it-tul ta' żmien tal-ksur qabel l-applikazzjoni ta' l-imsemmi limitu massimu. Dan il-metodu kellu bħala riżultat li l-fattur ta' kooperazzjoni, previst mil-linji gwida, kellu impatt dirett fuq l-ammenda effettiva u ħajjar għaldaqstant lill-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-impriżi ma kinux jieħdu ħlief vantaġġ teoretiku mill-fattur tat-tul ta' żmien, previst mir-Regolament tal-Kunsill, u konsegwentement ma kienx ikollhom inċentiv li jtemmu mill-aktar fis possibbli l-ksur.

32     It-tieletnett, ir-rikorrenti ssostni li l-mod kif l-ammont ta' tluq ġie ffissat, jiġifieri bil-wisq iktar mil-limitu massimu ta' 10 %, jikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fis-sens li jeskludi l-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti fl-ammont ta' l-ammenda imposta. Meta tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza u l-linji gwida tagħha stess, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta metodu li jrendi impossibbli kull teħid effettiv in kunsiderazzjoni ta' tali ċirkostanzi, għaliex dawn jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, kriterju previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 109).

33     Ir-rabanett, il-metodu adottat mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-ammont ta' l-ammendi ma jagħti ebda ħjiel fuq l-elementi kkunsidrati minn din ta' l-aħħar sabiex tiffissa l-ammont ta' tluq. Minkejja li l-linji gwida jitkellmu fuq ammont "possibbli" ta' 20 miljun EUR għal ksur serju ħafna, il-Kummissjoni kellha tinduna bil-karattru inadattat ta' tali ammonti ladarba, bħalma huwa l-każ, għall-impriżi kollha in kwistjoni, ta' daqs żgħir u medju, dan il-"minimu" kien diġà bil-wisq iktar mil-limitu ta' 10 % tal-fatturat tagħhom. Ir-rikorrenti tenfasizza li "din l-impreċiżjoni assoluta, ta' l-inqas pekuljari fi ħdan inizjattiva li għandha bħala għan li tassigura 'it-trasparenza u l-karattru oġġettiv tad-deċiżjonijiet', issir eżerċizzju arbitrarju totali jekk tippermetti lill-Kummissjoni li tinterpreta ħażin il-kriterji li jimponi fuqha l-Artikolu 15(2)".

34     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha b'mod partikolari fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawżi msejħa "Pajpijiet diġà Iżolati" (sentenzi HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq ; Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Brugg Rohrsyteme vs Il-Kummissjoni, T-15/99, Ġabra p. II-1613, punt 150, u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T-16/99, Ġabra p. II-1633, punt 292), li r-rikorrenti għamlet interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi respint.

35     Dwar l-argument li r-rikorrenti tressaq fir-replika tagħha u skond liema ma teżisti ebda indikazzjoni ġenerali fil-linji gwida li jippermetti li jiġi previst il-livell li l-ammont ta' tluq għandu normalment jilħaq, il-Kummissjoni tqis li hu inammissibbli minħabba li jikkostitwixxi motiv ġdid. Fil-fatt, dan l-argument m'għandux x'jaqsam ma' ksur eventwali ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jikkostitwixxi l-ewwel motiv, u ma jistax għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala żvilupp ta' dan il-motiv. F'kull ċirkustanza, dan l-argument ma jkunx rilevanti inkwantu l-linji gwida jagħtu indikazzjonijiet rigward l-ammont ta' tluq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

36     Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fis-sens li l-ammont ta' tluq użat għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammenda, jiġifieri 3 miljun EUR li jirrapreżentaw 17 % tal-fatturat tagħha, huwa akbar mil-limitu massimu ta' 10 % previst minn din id-dispożizzjoni. Dan l-argument ma jistax jintlaqa'.

37     Skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, "il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi minn 1000 sa 1 000 000 unit ta' rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b'negliġenza […] huma jikkommettu ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu [81](1), […] tat-Trattat". L-istess dispożizzjoni tipprevedi li, "fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur".

38     Meta jipprovdi li l-Kummissjoni tista' timponi ammendi ta' ammont li jista' jitwassal għal 10 % tal-fatturat miksub matul l-eżerċizzju soċjali preċedenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jeżiġi li l-ammenda li tiġi finalment imposta fuq impriża tkun imnaqqsa jekk l-ammont ikun akbar minn 10 % tal-fatturat tagħha, kienu x'kienu l-operazzjonijiet ta' kalkolu intermedjarji ddestinati biex jieħdu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien u l-gravità tal-ksur. Għaldaqstant il-limitu massimu ta' 10 % previst minn din id-dispożizzjoni japplika biss għall-ammont ta' l-ammenda li jiġi finalment impost mill-Kummissjoni (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 451 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 367 u 368).

39     Kontrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-"ammonti intermedjarji" fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata f'punt 38 iktar 'il fuq jinkludu l-ammont ta' tluq (ara, f'dan is-sens, sentenzi HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 450, u Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, punti 183, 184 u 205 ; ara, b'analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, T-230/00, Ġabra p. II-2733, punt 56).

40     Barra minn hekk, jekk, fil-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni ddaħħal ammont intermedjarju, fosthom ammont ta' tluq, li hu ikbar mil-limitu massimu ta' 10 % tal-fatturat ta' l-impriża in kwistjoni, il-fatt li ċerti fatturi meħudin in kunsiderazzjoni, waqt l-imsemmi kalkolu, ma jiġux riflessi fuq l-ammont finali ta' l-ammenda ma jistax jiġi kkritikat. Dan huwa, fil-fatt, il-konsegwenza tal-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li l-ammont ikun ikbar mil-limitu massimu ta' 10 % tal-fatturat ta' l-impriża kkonċernata (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 453). Fost il-"fatturi" li jistgħu ma jiġux riflessi fuq l-ammont finali ta' l-ammenda hemm it-tul ta' żmien tal-ksur (sentenzi HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punti 450 sa 453, u Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, punt 251).

41     Dwar l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-fattur ta' kooperazzjoni hu meħud in kunsiderazzjoni wara applikazzjoni tal-limitu massimu ta' 10 % u għalhekk għandu impatt dirett fuq l-ammont ta' l-ammenda, biżżejjed jingħad li dan il-metodu jassigura li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tista' tagħti l-effett utli sħiħ tagħha : jekk l-ammont bażi ikun bil-wisq ikbar mil-limitu ta' 10 % qabel l-applikazzjoni ta' l-imsemmija komunikazzjoni mingħajr ma dan il-limitu jkun jista' jiġi applikat immedjatament, l-inċentiv għall-impriża kkonċernata biex tikkoopera mal-Kummissjoni jkun wisq iktar dgħajjef, ladarba l-ammenda finali terġa' tinġab għal 10 % f'kull każ, bi jew mingħajr kooperazzjoni (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar 'il fuq, punti 352 sa 354).

42     Rigward l-argument tar-rikorrenti li ma teżisti ebda indikazzjoni ġenerali, fil-linji gwida, li tippermetti li jiġi previst il-livell li l-ammont ta' tluq għandu normalment jilħaq, dan għandu jiġi respint mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibilità tiegħu (ara punt 35 iktar 'il fuq). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li biżżejjed jingħad li l-linji gwida jipprevedu li, għall-ksur serju ħafna, l-ammont ta' l-ammendi "possibbli" jaqbeż l-20 miljun EUR (punt 1 A, tielet inċiż, tieni sottoparagrafu). Ma jkunx possibli li jingħataw indikazzjonijiet preċiżi dwar l-ammonti ta' tluq f'kull ksur possibbli. Barra minn hekk, jirriżulta biċ-ċar mill-punt 1 A, tielet inċiż, tieni paragrafu li l-ammont ta' l-ammendi jista' jkun inqas minn 20 miljun EUR, b'tali mod li l-argument tar-rikorrenti li dawn il-linji gwida mhumiex maħsubin għall-SME għandu jiġi respint. Barra minn hekk, l-istess linji gwida jippermettu lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni, fejn iċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, is-sitwazzjoni partikolari li jinsabu fiha l-SME (sentenza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 295).

43     Jirriżulta biċ-ċar mil-linji gwida li l-ammendi imposti fuq l-SME li pparteċipaw għall-ksur serju ħafna jistgħu jkunu mhux biss inqas minn 20 miljun EUR, imma wkoll miġjuba għal-limitu massimu ta' 10 % previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. L-ilment tar-rikorrenti li ma teżisti ebda indikazzjoni ġenerali f'dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

44     Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

45     B'mod preliminari, ir-rikorrenti tosserva li, meta jiġi meqjus it-tnaqqis ta' 10 % skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-ammenda li ġiet imposta fuqha hija s-sanzjoni l-aktar għolja li setgħet legalment tiġi adottata kontriha, għaliex hi tirrappreżenta 9 % tal-fatturat dinji tagħha. Sa fejn taf hi, qatt, f'40 sena, ma ġiet adottata deċiżjoni daqstant ħarxa mill-Kummissjoni. Hi tallega li l-Kummissjoni kisret b'dan il-mod il-prinċipju ta' proporzjonalità.

46     It-tieni motiv hu magħmul minn tliet partijiet, f'liema r-rikorrenti turi b'mod suċċessiv li l-prinċipju ta' proporzjonalità ġie miksur minħabba :

–       li l-ammenda li ġiet imposta fuqha hija kompletament sproporzjonata, b'mod partikolari meta mqabbla ma' dik imposta fuq l-impriżi l-oħra, kemm fil-kawża preżenti kif ukoll f'kawżi oħra riċenti ;

–       li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat dinji tagħha biex tiddetermina l-limitu massimu ta' l-ammenda tagħha ;

–       li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-rapport bejn il-fatturat globali tagħha u dak miksub mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq il-fatt li l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija kompletament sproprozjonata

–       L-argumenti tal-partijiet

47     Ir-rikorrenti tgħid li l-fatt li, fil-każ in kwistjoni, l-ammont ta' tluq ġie ffissat arbitrarjament fuq livell wisq ikbar mil-limitu massimu ta' 10 % wassal għal sanzjoni manifestament sproporzjonata. Hi tispjega li, minħabba li l-ammont ta' tluq jirrappreżenta, fil-każ tagħha, 17 % tal-fatturat dinji tagħha, jiġifieri 170 % tal-massimu legali, hija kienet "assigurata" li se tiġi imposta ammenda ta' ammont massimu, u dan minkejja li xejn ma kien jiġġustifika tali ħruxija. B'mod partikolari, hi tgħid li m'hemm ebda rabta bejn l-ammont ta' l-ammenda, fuq naħa, u l-gravità tal-ksur, u lanqas bejn id-daqs tagħha u r-responsabbilità tagħha nfisha, fuq in-naħa l-oħra. Is-sanzjoni imposta hija bbażata fuq linja ta' kondotta kompletament barranija għal kull teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrenti. Hi tgħid li l-Kummissjoni nfisha ammettiet li t-tul ta' żmien tal-ksur li hi kkommetiet kien "medju" u b'ebda mod "twil".

48     Skond ir-rikorrenti, il-fatt li tiġi imposta ammenda massima fuq SME imur kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza u mil-linji gwida tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet dawn ta' l-aħħar meta indikat li seta' jkun adattat li jiġu mwieżna l-ammonti ddeterminati "b'mod partikolari meta jkun hemm differenza konsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li kkommettew ksur ta' l-istess natura u li jiġi konsegwentement adottat ammont ta' tluq ġenerali skond il-karattru speċifiku ta' kull impriża" (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p. II-3859, punt 80). Fis-sentenza Acerinox vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ukoll l-argument invokat minn waħda mir-rikorrenti u bbażat fuq id-dgħjufija ta' l-ishma tagħha fis-suq minħabba li kellu jittieħed in kunsiderazzjoni d-"daqs" tagħha u s-"saħħa ekonomika tagħha" (punti 89 u 90). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza enfassizat li kien essenzjali li jittieħed in kunsiderazzjoni d-daqs ta' l-impriża, b'mod indipendenti mill-ishma tagħha fis-suq. Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni naqset kompletament milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti hija SME partikolarment żgħira u li kienet teżisti "differenza konsiderevoli" bejn id-daqsijiet ta' l-impriżi differenti in kwistjoni.

49     Ir-rikorrenti tqis li l-linji gwida assolutament ma kinux maħsuba għall-SME. Per eżempju, fil-każ ta' ksur serju ħafna, huma kienu jipprevedu ammenda "possibbli" 'il fuq minn 20 miljun EUR. Issa, ammenda ta' tali ammont timplika mill-inqas fatturat ta' 200 miljun EUR, jiġifieri fatturat ħdax-il darba aktar minn dak tar-rikorrenti.

50     Ir-rikorrenti tallega li waħda mill-konsegwenzi tal-metodu arbitrarju ta' l-iffissar ta' l-ammendi adottat mill-Kummissjoni hi li l-impriżi l-kbar ikunu ssanzjonati fuq livell inqas mill-SME. Hi tikkunsidra li, l-ewwelnett, f'dak li jirrigwarda l-każ in kwistjoni, li hu manifestament sproporzjonat li impriżi kbar jiġu imposti ammendi inqas min-nofs ta' dawk tal-SME għall-ksur li huwa strettament identiku. Ir-rikorrenti tirreferi, f'dan ir-rigward, għal-lista li tidher fir-rikors u li tindika l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq kull waħda mill-impriżi akkużati. Hi tallega li l-ammenda li ġiet imposta fuqha hija l-ammenda massima u li tirrapreżenta fil-prattika d-doppju ta' dik imposta fuq Heubach, minkejja li l-ksur li huma akkużati bihom kienu ta' gravità u ta' tul ta' żmien strettament identiċi. Hi tippreċiża, f'dan ir-rigward, li hi tuża bħala miżura l-persentaġġ ta' fatturat u mhux l-ammonti assoluti. It-tieninett, l-isproporzjon ikun ukoll manifest jekk wieħed iqabbel l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti ma' dik imposta fuq impriżi oħra f'kawżi simili. Fil-fatt, fid-Deċiżjoni 2001/716/KE tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Lulju 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (kawża COMP.D.2 37.444 – SAS vs Maersk Air u kawża COMP.D.2 37.386 – Sun air vs SAS u Maersk Air) (ĠU L 265, p. 15, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni SAS"), il-kumpannija SAS kienet ġiet ikkundannata għal ammenda li tikkorrispondi għal 0.79 % tal-fatturat dinji tagħha wara li kienet ibbenefikat minn tnaqqis ta' 10 % skond il-komunikazzjoni fuq l-operazzjoni, jiġifieri ammenda ħdax-il darba inqas għolja, in proporzjon tal-fatturat, minn dik imposta fuq ir-rikorrenti. Din ta' l-aħħar tenfasizza li, għal impriża li tikseb fatturat dinji ta' qrib il-5 biljun EUR, ammenda li tikkorrispondi għal 0.79 % tal-fatturat tagħha hi insinifikanti, filwaqt li għaliha nfisha, li tikseb fatturat ta' 17 miljun EUR, ammenda ta' 1.53 miljun EUR hija sanzjoni kolossali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punti 336 u 347).

51     Rigward l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li d-daqs tar-rikorrenti ittieħed in kunsiderazzjoni, għaliex l-ammont ta' tluq ġie ffissat għal 3 miljun EUR, u mhux għal 20 miljun EUR bħalma jippreveduh il-linji gwida, ir-rikorrenti tgħid, fir-replika tagħha, li l-Kummissjoni ma tagħtix kas l-evalwazzjoni tal-kobor ta' l-ammenda meta mqabbla ma' dik ta' l-impriża. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tużax bħala miżura ħlief ammonti assoluti, u b'hekk tiċħad kull sinifikat ta' referenza għall-fatturat sabiex tevalwa d-daqs ta' ammenda għal impriża determinata. Issa, il-linji gwida "ma [jipprojbixxux] li tali fatturati jkunu meħuda in konsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda sabiex jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi juru l-ħtieġa" (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 447). Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda sabiex tevita ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Ċerti provvedimenti importanti, fosthom ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn l-impriżi [ĠU L 395, p. 1 u rettifika ĠU 1990, L 257, p. 13, hekk kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1310/97 tal-Kunsill, tat-30 ta' Ġunju 1997, ĠU L 180, p. 1], u l-provvedimenti li jirregolaw l-SME juru l-karattru essenzjali tal-kriterju tal-fatturat.

52     Dwar l-argument tal-Kummissjoni li hi ma tistax tiġi akkużata li l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq ċerti impriżi huwa ikbar, meta mqabbel mal-fatturat, minn dak ta' l-ammenda imposta fuq impriżi oħra implikati fl-istess ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza in kwistjoni tapplika biss għall-impriżi li jinsabu f'sitwazzjoni differenti meta jiġu mqabbla l-fatturi tal-"gravità" u tat-"tul ta' żmien". Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ma tagħtix risposta għad-domanda mqajma fil-kawża preżenti, fejn is-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti hi, meta mqabbla mal-fatturat tagħha, kważi darbtejn aktar minn dik imposta fuq Heubach, għalkemm dawn iż-żewġ impriżi kienu jinsabu f'sitwazzjoni identika.

53     Ir-rikorrenti tallega li l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità jidher aktar biċ-ċar f'dan il-każ minħabba li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda. B'mod partikolari, hi ma ħaditx in kunsiderazzjoni la l-prinċipji li hi tistabbilixxi fil-linji gwida tagħha u lanqas il-prassi preċedenti tagħha. L-ewwelnett, il-fatt li r-rikorrenti, li hija SME, lanqas kellha għad-dispożizzjoni tagħha dipartiment legali ma ġiex ikkunsidrat fil-kawża preżenti. Ir-rikorrenti tfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni rrinunzjat, f'ċerti każijiet, milli timponi ammendi fuq impriżi żgħar li ma kinux jafu biżżejjed id-dritt Komunitarju u l-liġi nazzjonali [Deċiżjoni 82/897/KEE tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Diċembru 1982, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/C-30.128 Toltecs-Dorcet) (ĠU L 379, p. 19)]. Hi żżid, filwaqt li tirreferi għall-fatt li l-impriżi kkonċernati ħallew l-indikazzjoni tal-laqgħat kollha fl-aġendi tagħhom, li l-Kummissjoni ma stabbilietx biżżejjed li dawn l-impriżi kienu fil-verità konxji tal-karattru illegali tal-prattiċi in kwistjoni

54     It-tieninett, ir-rikorrenti tgħid li, b'mod ġenerali, il-Kummissjoni timponi ammendi attenwati meta tapplika għall-ewwel darba r-regoli tal-kompetizzjoni f'kuntest ġdid [Deċiżjoni 92/521/KEE tal-Kummissjoni, tas-27 ta' Ottubru 1992, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/33.384 u 33.378 – distribuzzjoni ta' pakketti turistiċi waqt it-tazza tad-dinja tal-futbol 1990) (ĠU L 326, p. 31, punt 125)]. Hi tgħid li l-komunikat stampa tal-Kummissjoni fil-preżenti kawża jagħti l-impressjoni li din hi l-ewwel darba li din ta' l-aħħar qed tittratta b'mod daqstant aħrax prattiċi illeċiti li fihom ikunu pparteċipaw SME u minn dan tikkonkludi li l-ammenda massima ma kellhiex tiġi imposta fuqha

55     It-tieletnett, ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova l-eżistenza ta' dannu eċċezzjonali għall-konsumaturi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka d-daqs tas-suq tal-fosfat taż-żingu, meqjus "limitat" mill-Kummissjoni nfisha (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata), l-eżistenza ta' prodotti sostituti (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata) u d-daqs tax-xerrejja (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

56     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tfakkar li, skond il-linji gwida, "il-vantaġġ ekonomiku jew finanazjarju li eventwalment jiġi miksub minn dawk li jikkommettu r-reat" huwa element importanti fl-evalwazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda. Issa, l-Kummissjoni qatt ma allegat li r-rikorrenti kienet ħadet xi benefiċċju mill-ksur.

57     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti. Hi tgħid li l-ammenda li ġiet imposta fuqha tirrapreżenta 9 % tal-fatturat li hi kienet kisbet matul is-sena ta' negozju preċedenti Għaldaqstant, l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li din l-ammenda hi "l-ammenda l-aktar għolja li setgħet legalment tiġi adottata kontriha", hi żbaljata, għaliex hi tirrapreżenta inqas minn 10 % tal-fatturat tagħha. Barra minn hekk, hi tippreċiża li, bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, mhux biss imponiet sanzjonijiet aktar ħorox minn dik li ġiet imposta fuqha, imma, wkoll, kemm-il darba naqqset l-ammenda imposta fuq impriża biex tirrispetta l-limitu massimu ta' 10 % [Deċiżjoni 1999/60/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ottubru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E—4 – Pajpijiet diġà Iżolati) (ĠU 1999, L 24, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Pajpijiet diġà iżolati"), premessa 176 (dwar l-impriża Lögstör), u d-Deċiżjoni 2002/271/KE tal-Kummissjoni, tat-12 ta' Lulju 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafit) (ĠU 2002, L 100, p. 1), premessa 199 (dwar l-impriża UCAR)]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta' l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-karattru sproporzjonat ta' l-ammenda.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

58     Skond it-termini ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, biex jiġi ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien u l-gravità tal-ksur. Huwa għalhekk fil-kuntest taċ-ċirkustanzi kollha tal-ksur li għandu jiġi evalwat il-karattru proporzjonat ta' l-ammenda (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/97, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 1215).

59     Fil-każ in kwistjoni, hu importanti li jiġi enfassizat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hi pparteċipat fi ksur serju ħafna fis-sens tal-linji gwida u dan mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998, jiġifieri għal aktar minn erba' snin.

60     Barra minn hekk, għandu jingħad li l-ammont ta' tluq ta' 3 miljun EUR iffissat mill-Kummissjoni hu bil-wisq inqas mil-limitu minimu ta' 20 miljun EUR li normalment hu previst mil-linji gwida għal dan it-tip ta' ksur (ara punt 1 A, it-tieni inċiż, it-tielet paragrafu). L-ammenda li ġiet finalment imposta fuq ir-rikorrenti tammonta biss għal 1.53 miljun EUR. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, wara li kkunsidrat, min-naħa, il-gravità tal-ksur, it-tul ta' żmien tiegħu u r-rwol tar-rikorrenti fil-ksur u, min-naħa l-oħra, l-elementi miġjuba mir-rikorrenti fil-kawża preżenti, li l-ammont ta' l-ammenda li ġie impost fuqha mhuwiex sproporzjonat.

61     Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li l-ammenda li ġiet imposta fuqha hi spoporzjonata wara li jiġi kkunsidrat id-daqs tagħha. L-ewwelnett, l-affirmazzjoni tagħha li hi kienet ġiet "assigurata" li se tiġi imposta l-ammenda massima ladarba l-ammont ta' tluq kien jikkorrispondi għal 17 % tal-fatturat dinji tagħha ma tistax tiġi milqugħa. Jekk l-imġieba tar-rikorrenti kienet tiġġustifikah, l-ammenda, fil-fatt, setgħet tiġi mnaqqsa b'mod konsiderevoli minħabba ċirkustanza attenwanti u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-każ in kwistjoni, l-ammenda imposta ma tirrapreżentax l-ammenda massima li l-Kummissjoni setgħet timponi, għaliex ġiet imnaqqsa b'10 % skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

62     Imbagħad, għandu jiġi mfakkar, min-naħa, li l-unika referenza espliċita għall-fatturat imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tirrigwarda l-limitu massimu li l-ammont ta' l-ammenda ma jistax jaqbeż u, min-naħa l-oħra, li dan il-limitu hu maħsub bħala wieħed li jirrigwarda l-fatturat globali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119). Biex tirrispetta dan il-limitu, il-Kummissjoni tista', fit-teorija, tiffissa l-ammenda billi tibda mill-fatturat ta' l-għażla tagħha, skond il-bażi ġeografika u l-prodotti kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95, T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 5023), mingħajr ma tkun obbligata li tadotta eżattament il-fatturat globali jew dak miksub fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni. Fl-aħħarnett, jekk hu minnu li l-linji gwida ma jipprevedux il-kalkolu ta' l-ammendi skond fatturat iddeterminat, huma lanqas ma jipprojbixxu li tali fatturat jittieħed in kunsiderazzjoni, sakemm l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ma tkunx difettuża minħabba żball ċar ta' evalwazzjoni (sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar 'il fuq, punt 195).

63     Fil-każ in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jintuża trattament differenzjali għall-impriżi sabiex tiġi meħuda in kunsiderazzjoni l-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetizzjoni, kif ukoll sabiex tiffissa l-ammenda fuq livell li jassigura effett dissważiv biżżejjed" (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Hi żiedet li kien neċessarju li "jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż partikulari ta' kull impriża, u għalhekk ta' l-effett reali ta' l-aġir illeċitu tagħha fuq il-kompetizzjoni". Għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturat miksub mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu standard fiż-ŻEE matul l-aħħar sena tal-ksur. Hi osservat li r-rikorrenti kienet waħda mill-produtturi ewlenin tal-fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, minħabba li kellha f'idejha parti mis-suq ta' madwar 20%, u għalhekk ikklassifikatha fl-ewwel kategorija (premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont tat-tluq ta' l-ammenda ġie ffissat, għall-impriżi kollha ta' l-ewwel kategorija, għal 3 miljun EUR. L-ammont ta' tluq ta' James Brown, li kellha parti mis-suq ta' madwar 5%, ġie ffissat għal 750 000 EUR.

64     Minkejja li l-Kummissjoni kienet qabblet l-importanza relattiva ta' l-impriżi kkonċernati fuq il-bażi tal-fatturat miksub mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, hi għamlet riferenza ukoll għall-partijiet tas-suq ta' l-impriżi fuq is-suq in kwistjoni sabiex tikklassifikahom f'żewġ kategoriji differenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkalkulat il-partijiet tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati billi bbażat ruħha, min-naħa, fuq il-fatturat miksub fuq is-suq in kwistjoni indikati fil-lista li tidher fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fuq it-tagħrif li jinsab fil-proċess. Il-fatt jekk dan il-metodu huwiex fondat ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

65     Fl-eżami tal-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja li jagħmlu ħsara konsiderevoli lill-kompetizzjoni", li tinvolvi evalwazzjoni ta' l-importanza reali ta' dawn l-impriżi fuq is-suq ikkonċernat, jiġifieri l-influwenza tagħhom fuqu, il-fatturat globali ma jurix ħlief stampa inkompleta ta' l-affarijiet. Fil-fatt ma jistax jiġi eskluż li impriża qawwija li jkollha numru kbir ta' attivitajiet differenti ma tkunx preżenti ħlief inċidentalment fuq is-suq speċifiku tal-prodotti. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti fuq suq ġeografiku extra-Komunitarju ma jkollhiex ħlief pożizzjoni dgħajfa fuq is-suq Komunitarju jew taż-ŻEE. F'każijiet bħal dawn il-fatt waħdani li l-impriża kkonċernata tikseb fatturat globali konsiderevoli mhux bilfors ifisser li hi teżerċita influwenza determinanti fuq is-suq affettwat. Hu għalhekk li l-Qorti enfassizzat, fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139), li, jekk hu minnu li l-partijiet tas-suq miżmuma minn impriża mhumiex determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tagħmel parti minn entità ekonomika qawwija, huma min-naħa l-oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 193). Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat kemm il-parti tas-suq kif ukoll il-fatturat ta' l-impriżi in kwistjoni fuq is-suq affettwat, li ppermettew li tiġi ddeterminata l-importanza relattiva ta' kull impriża fuq is-suq in kwistjoni.

66     Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni fl-eżami tagħha tal-"kapaċità ekonomika effettiva tal-ħatja", fis-sens tar-raba' paragrafu ta' punt 1 A tal-linji gwida.

67     Barra minn hekk, jirriżulta minn tqabbil tal-fatturat miksub fuq is-suq mill-impriżi li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija u indikati fil-lista li tidher fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa ġust li dawn l-impriżi ġew imqiegħda fl-istess grupp u li ġew imposti ammont ta' tluq identiku. Fil-fatt, ir-rikorrenti kisbet, fl-1998, fatturat fuq is-suq ikkonċernat fiż-ŻEE ta' 3.9 miljun EUR. Heubach, Trident u Union Pigments kienu kisbu fatturati, rispettivament ta' 3.7, ta' 3.69 u ta' 3.2 miljun EUR. Britannia, li kienet waqfet teżerċita kull attività ekonomika fl-1998, kienet kisbet, fl-1996, fatturat fuq is-suq ikkonċernat fiż-ŻEE ta' 2.78 miljun EUR.

68     Għandu wkoll jingħad li, bħalma tindika ġustament ir-rikorrenti, skond is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, dawn l-istess linji gwida jipprevedu li differenza "konsiderevoli" fid-daqs ta' l-impriżi li kkommettew ksur ta' l-istess natura hi, b'mod partikolari, tali li tiġġustifika differenzjar għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara, f'dan is-sens, sentenza Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar 'il fuq, punt 90). Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, jekk il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammendi u jekk il-kalkolu ta' l-ammenda m'għandux isegwi sempliċi formula matematika (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59), l-ammont ta' l-ammendi għandu, mill-inqas, ikun proporzjonat meta mqabbel ma' l-elementi kkunsidrati biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, punt 106). Konsegwentement, minħabba li l-Kummissjoni qassmet l-impriżi kkonċernati fi gruppi għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi, l-iffissar tal-limiti għal kull wieħed mill-gruppi hekk identifikati għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 298, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, iktar 'il quddiem is-"sentenza FETTCSA", punt 416).

69     Ċertament, fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti, minkejja li ma kisbitx ħlief fatturat globali ta' 17 miljun EUR fis-sena 2000, hi ġiet ikklassifikata fl-istess grupp bħal Britannia, Heubach, Trident u Union Pigments, li kellhom rispettivament fatturat globali ta' 55.7, ta' 71, ta' 76 u ta' 7 miljun EUR bejn wieħed u ieħor. Madankollu, ma jistax jiġi inferit minn dan ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Kif imfisser fil-punti 63 u 64 iktar 'il fuq, dawn l-impriżi differenti ġew imqiegħda fi grupp wieħed għax kellhom fatturat fuq is-suq ikkonċernat u partijiet tas-suq li kienu simili ħafna. Kien koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-impriżi jiġu mqiegħda fl-istess grupp fuq din il-bażi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li d-differenza fid-daqs tar-rikorrenti meta mqabbla ma' dawk ta' l-impriżi l-oħra in kwistjoni ma kinitx daqstant konsiderevoli li kellha tiġi kklassifikata fi grupp differenti (ara, f'dan is-sens, sentenza Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar 'il fuq, punti 69 sa 77).

70     Għandu jingħad, sussidjarjament, li, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, ġie kkunsidrat biżżejjed il-fatturat globali tar-rikorrenti fl-applikazzjoni tal-limitu massimu ta' 10 % previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hekk kif ġie indikat fil-punti 16 u 17 iktar 'il fuq, l-ammont ta' l-ammenda tar-rikorrenti ġie mnaqqas għal 1.7 miljun EUR sabiex dan il-limitu jiġi rispettat, qabel ma reġa' ġie mnaqqas għal 1.53 miljun EUR għal kooperazzjoni. Il-limitu massimu ta' 10 % hu intiż sabiex jiġi evitat li l-ammendi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-importanza ta' l-impriża (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 119). L-applikazzjoni ta' dan il-limitu massimu fil-każ in kwistjoni assigurat li l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti tkun proporzjonata mad-daqs tagħha. Meta wieħed jikkunsidra l-karattru serju ħafna tal-ksur, kif ukoll il-fatt li dan il-ksur kien dam għal aktar minn erba' snin, l-ammont ta' l-ammenda kellu jkun ħafna aktar għoli li kieku r-rikorrenti ma kinitx impriża żgħira u li kieku ma kinitx ibbenefikat mil-limitu massimu ta' 10 %.

71     Ir-rikorrenti tallega li huwa manifestament spoporzjonat li l-impriżi l-kbar jiġu imposti ammendi inqas min-nofs meta mqabbla ma' dawk ta' SME għal ksur identiku. Hi tinvoka l-fatt li, b'fatturat ta' 17.08 miljun EUR, hi ġiet imposta ammenda li tikkorrispondi għal madwar 9 % tal-fatturat tagħha, filwaqt li l-ammenda imposta fuq Heubach, li kellha fatturat ta' 71.018 miljun EUR, kienet tikkorrispondi biss għal 5.3 % ta' dan il-fatturat.

72     B'risposta għal dawn l-allegazzjonijiet, għandu jingħad, l-ewwelnett, li l-Kummissjoni imponiet ammenda ta' 3.78 miljun EUR fuq Heubach u ammenda ta' 1.53 miljun EUR fuq ir-rikorrenti. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi kienu pparteċipaw għal ksur serju ħafna għal aktar minn erba' snin u li kellhom importanza simili fuq is-suq (ara punt 67 iktar 'il fuq), l-ammenda ta' Heubach tirrapreżenta aktar mid-doppju ta' dik tar-rikorrenti.

73     Jekk hu minnu li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkalkula l-ammont ta' l-ammenda billi tibda minn ammonti bbażati fuq il-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati, hi lanqas hi obbligata li tassigura, fil-każ li ammendi jiġu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali ta' l-ammendi ta' l-impriżi kkonċernati li jwassal għalihom il-kalkolu tagħha jirriflettu kull differenza bejniethom rigward il-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat tagħhom fuq is-suq tal-prodott in kwistjoni (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, punt 202).

74     F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jitlobx lanqas li, fil-każ li ammendi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont ta' l-ammenda imposta fuq impriża ta' daqs żgħir jew medju ma tkunx aktar, bħala persentaġġ tal-fatturat, minn dak ta' l-ammendi imposti fuq impriżi akbar. Fil-fatt, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, kemm għall-impriżi ta' daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta' daqs ikbar, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda, l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur. Inkwantu l-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, ammendi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ma tistax tiġi akkużata li, għal x'uħud minnhom, l-ammont ta' l-ammenda jkun aktar, meta mqabbel mal-fatturat, minn dak ta' impriżi oħra (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, punt 203).

75     Ir-rikorrenti tallega li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim'Istanaza fis-sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, ma japplikawx ħlief fil-każ ta' impriżi li jinsabu f'sitwazzjoni differenti meta jiġu mqabbla l-fatturi ta' gravità u ta' tul ta' żmien tal-ksur. Issa, huwa evidenti li, jekk l-impriżi in kwistjoni jinsabu f'sitwazzjoni differenti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tassigura li l-ammonti ta' l-ammenda jirriflettu kull differenza bejniethom rigward il-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat tagħhom fuq is-suq tal-prodott in kwistjoni. L-imsemmija prinċipji japplikaw anke jekk l-impriżi in kwistjoni jkunu f'sitwazzjoni identika.

76     L-argument tar-rikorrenti li l-karattru sproporzjonat ta' l-ammenda imposta huwa manifest meta din l-ammenda tiġi mqabbla ma' dik imposta fuq impriżi oħra f'kawżi simili għandu wkoll jiġi respint. Il-Kummissjoni ma tistax, fil-fatt, tkun obbligata li tiffissa ammendi bi proporzjon mal-fatturati u b'koerenza perfetta meta mqabbla ma' dawk iffissati f'kawżi preċedenti.

77     Għandu jiġi enfassizat, f'dan ir-rigward, li l-prassi ta' deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nfisha bħala kuntest ġuridiku għall-ammendi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, ammendi ta' ċertu livell għal ċertu tip ta' ksur ma jistax jippriva lill-Kummissjoni mill-possibilità li tgħolli l-livell sakemm tibqa' fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi assigurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 109, u s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar 'il fuq, punt 243).

78     Barra minn hekk, inkwantu l-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur ammendi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ma tistax tiġi akkużata li, għal ċerti impriżi, l-ammont ta' l-ammenda jkun iktar, meta mqabbel mal-fatturat, minn dak ta' impriżi oħra f'kawżi preċedenti (ara, f'dan is-sens, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 278).

79     Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi elementi bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv ta' l-ammendi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33, u sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 236). Issa, l-informazzjoni relevanti, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jvarjaw skond il-kawża. Konsegwentement il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li timponi ammendi li jirrappreżentaw l-istess proporzjon tal-fatturat fil-kawżi kollha li huma simili fuq il-livell ta' gravità (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 187 sa 189).

80     Għandu jingħad, barra minn hekk, li, anke jekk l-ammenda imposta mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni SAS, invokata mir-rikorrenti (ara punt 50 iktar 'il fuq), ma tirrappreżentax persentaġġ konsiderevoli ħafna tal-fatturat ta' l-impriża in kwistjoni, hi kienet minkejja dan konsiderevoli ħafna, għaliex kienet tammonta għal kważi 40 miljun EUR. Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni kellha l-obbligu li timponi fuq ir-rikorrenti ammenda li tikkorrispondi għal 0.79 % tal-fatturat tagħha, bħalma kienet għamlet fid-Deċizjoni SAS, tali ammenda, li kienet tammonta għal 134 939 EUR, ma kinitx tkun dissważiva b'mod evidenti.

81     L-allegati żbalji ta' evalwazzjoni mqajma mir-rikorrenti għandhom bl-istess mod jiġu respinti.

82     L-ewwelnett, il-Kummissjoni setgħet ma tikkunsidrax il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha dipartiment legali. Skond il-linji gwida, "jista' wkoll jiġi meħud in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta' daqs kbir għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fil-biċċa l-kbira, tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li jippermettulhom li jevalwaw aħjar il-karattru illegali ta' l-imġieba tagħhom u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-aspett tal-liġi fuq il-kompetizzjoni" (punt 1 A, il-ħames inċiż). Bħalma tgħid ġustament il-Kummissjoni, dan l-inċiż jippermettilha li żżid l-ammendi ta' l-impriżi ta' daqs kbir, imma ma jobbligahiex li tnaqqas dawk iffissati għal impriżi ta' daqs medju. Barra minn hekk, peress li l-inkompatibilità ta' l-akkordju in kwistjoni mar-regoli fuq il-kompetizzjoni hija msemmija espliċitament fl-Artikolu 81(1)(a) sa (c), KE u hija stabbilita minn ġurisprudenza kostanti, ir-rikorrenti ma tistax tallega li hi ma kinitx taf biżżejjed il-liġi rilevanti. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi akkużati kienu jafu sew bl-illegalità ta' akkordju li kellu bħala skop l-iffissar ta' prezzijiet indikattivi, it-tqassim tas-suq u l-assenjazzjoni ta' klijenti (premessi 99 sa 100, 125 u 253).

83     F'kull ċirkustanza, sabiex ksur tar-regoli fuq il-kompetizzjoni jista' jiġi meqjus bħala wieħed li sar deliberament, mhuwiex meħtieġ li l-impriża kienet konxja li kienet qed tikser dawn ir-regoli, imma hu biżżejjed li hi ma setgħetx tinjora l-fatt li din l-imġieba kellha bħala għan li tillimita l-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'istanza tas-6 ta' April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punt 41, u tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra, p. II-5761).

84     It-tieninett, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kellha timponi ammendi attenwati minħabba li hi l-ewwel darba li hi ħadet passi b'mod daqstant aħrax kontra prattiċi illeċiti għal liema kienu pparteċipaw SME, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni mhix obbligata li tnaqqas l-ammendi f'każ li tkun qed tieħu passi għall-ewwel darba f'settur partikolari. Barra minn hekk, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni li tnaqqas ammendi meta l-impriżi kkonċernati jkunu SME. Id-daqs ta' l-impriża hu, fil-fatt, meħud in kunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Minn barra dawn il-konsiderazzjonijiet rigward id-daqs, m'hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta SME b'mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l-impriżi jkunu SME ma jeskludihomx mid-dmir tagħhom li jirrispettaw ir-regoli fuq il-kompetizzjoni, kif ġustament indikat il-Kummissjoni (ara premessa 343 tad-deċiżjoni kkontestata).

85     Barra minn hekk, ma jistax jiġi allegat li, f'din il-kawża, il-Kummissjoni aġixxiet f'kuntest ġdid minn dan l-aspett. Fid-deċiżjoni Pajpijiet diġà Iżolati hi kienet, fil-fatt, diġà imponiet ammendi għoljin fuq SME li kienu pparteċipaw fi prattiċi illeċiti.

86     It-tieletnett, ir-rikorrenti tilmenta fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma invokatx l-eżistenza ta' dannu eċċezzjonali kkawżat lill-konsumaturi. Biżżejjed jiġi kkonstatat li, f'dan ir-rigward, ma jistax jiġi dedott min-nuqqas ta' tali dannu eċċezzjonali li l-ammenda in kwistjoni kienet spoporzjonata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod indirett, il-fatt li l-ksur ma kkawżax tali dannu. Min-naħa, hi ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq in kwistjoni biex tiffissa l-ammont ta' tluq ta' 3 miljun EUR (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hi għarfet li l-kuntest ekonomiku li fih seħħ il-ksur kien diffiċli u li, b'mod partikolari, il-klijenti ta' l-impriżi kkonċernati kellhom qawwa ta' xiri konsiderevoli (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata).

87     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-eżistenza ta' dannu eċċezzjonali lill-konsumaturi meta wieħed jikkunsidra l-"eżistenza ta' prodotti sostituti". Dan l-argument ma jistax ipoġġi fid-dubju l-konklużjoni msemmija f'punt 86 iktar 'il fuq. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti esponiet, waqt li kienet qed tirreferi għall-eżistenza ta' prodotti sostituti, li hi kienet tfisser li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet eżami biżżejjed dettaljat tas-suq u li l-ksur ma kellux effett reali. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-atti tagħha, ir-rikorrenti semmiet fil-qosor prodotti sostituti fil-kuntest ta' argument sussidjarju dwar il-proporzjonalità ta' l-ammenda u, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' dannu eċċezzjonali kkawżat lill-konsumaturi. Huwa ċar li hi ma ddubitatx l-effetti tal-ksur b'mod ġenerali u li ma kkontestatx id-definizzjoni tas-suq.

88     F'kull ċirkustanza, hekk kif ġie deċiż fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' dan il-jum, Heubach vs Il-Kummissjoni (T-64/02, li għadha ma ġietx ippubblikata), il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-ksur in kwistjoni kellu effetti reali. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ġabet prova biżżejjed li l-ftehim fuq il-kwotas ta' bejgħ, il-"bażi" ta' l-akkordju (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata), kien ġie mpoġġi fis-seħħ b'mod skrupuluż u li, fuq bażi annwali, "l-ishma reali tas-suq tal-ħames produtturi kienu jixxiebhu wisq mal-kwoti li kienu ġew assenjati lilhom" (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabet il-prova li l-ftehim fuq il-prezzijiet kellu impatt konkret fuq is-suq. Għandu jiġi emfassizat, f'dan ir-rigward, li, skond osservazzjonijiet oġġettivi magħmula minn Union Pigments u Trident, l-impriżi ewlenin li kkooperaw mal-Kummissjoni, l-inizzjattivi rigward il-prezzijiet ħolqu effett fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq. B'mod aktar ġenerali, meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-akkordju kellu bħala għan, fost l-oħrajn, it-tmiem ta' gwerra tal-prezzijiet, u li l-prattiċi li bihom ġiet akkużata kienu ġew applikati għal aktar minn erba' snin, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-impriżi kkonċernati irnexxielhom, essenzjalment, itemmu din il-gwerra tal-prezzijiet u li għalhekk adattaw il-prezzijiet tagħhom biex jilħqu livell ta' prezz ta' transazzjoni 'il fuq minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas ta' akkordju.

89     Fl-aħħarnett, dwar l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li, fil-prattika, hi ma kienet kisbet ebda benefiċċju mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, jekk l-ammont ta' l-ammenda imposta għandu jkun in proporzjon mat-tul ta' żmien tal-ksur u ma' l-elementi l-oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, foshom il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiċi tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127), il-fatt li impriża ma tkun ħadet ebda benefiċċju mill-ksur ma jistax, skond il-ġurisprudenza, jimpedixxi li ammenda tkun imposta, altrimenti jintilef il-karattru dissważiv ta' din ta' l-aħħar (sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar 'il fuq, punt 53, u FETTCSA, punt 340).

90     Għaldaqstant il-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tkun qed tiffissa l-ammont ta' l-ammendi, li tieħu in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' benefiċċju miġjub minħabba l-ksur in kwistjoni (sentenzi Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 4881, u FETTCSA, punt 341).

91     Minkejja li l-Kummissjoni tista', skond il-linji gwida tagħha (punt 2, l-ewwel paragrafu, il-ħames inċiż) u minħabba ċirkustanzi aggravanti, iżżid is-sanzjoni sabiex tilħaq ammont ikbar mill-ammont ta' qligħ illeċitu miksub minħabba l-ksur, din il-possibilità ma timplikax li l-Kummissjoni għandha għaldaqstant id-dover li tistabbilixxi, f'kull ċirkustanza, għall-finijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammenda, il-vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur konstatat (FETTCSA, punti 342 sa 343). Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta' tali vantaġġ ma jistax jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti.

92     Fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-profitti li dawk li kkommettew il-ksur ħadu mill-istess ksur. Meta tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza invokata fil-punti 89 sa 91 iktar 'il fuq, hi ma għamlet ebda żball manifest ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward.

93     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ewwel parti tat-tieni motiv ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat dinji tar-rikorrenti biex tiddetermina l-limitu massimu ta' 10 %

–       L-argumenti tal-partijiet

94     Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta' proporzjonalità ġie miksur minħabba li l-Kummissjoni kkunsidrat il-fatturat dinji ta' l-impriżi biex tiddetermina l-limitu massimu ta' 10 % previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hi tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tevita li tagħti lill-fatturat applikabbli fl-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi "importanza sproporzjonata meta mqabbla ma' l-importanza mogħtija lill-elementi l-oħra ta' evalwazzjoni" (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 121). Skond id-duttrina, dan il-provvediment jinkludi "twissija kontra applikazzjoni purament matematika tar-regola ta' 10 fil-mija li tirriskja li tidħol f'kunflitt mal- […] 'prinċipju ta' proporzjonalità'" (Van Bael, I. u Bellis, J.F., Droit de la concurrence de la Communauté économique européenne, Bruylant, Brussell, 1991, p. 648). Il-Kummissjoni tagħraf, fid-deċiżjoni kkontestata, li, biex tiddetermina l-ammont bażi ta' l-ammenda, hu meħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-effett reali ta' l-imġieba illeċita fuq il-kompetizzjoni (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dan ir-rigward, hi qieset li hu xieraq li tuża l-fatturat miksub għall-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE bħala bażi ta' tqabbil ta' l-importanza relattiva ta' l-impriżi kkonċernati fuq is-suq in kwistjoni (premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tkun konsistenti fir-raġunament tagħha u tikkalkula l-limitu massimu ta' 10 % għar-rikorrenti skond il-fatturat Ewropew tagħha, li jirrappreżenta inqas minn kwart tal-fatturat dinji tagħha.

95     Il-Kummissjoni tgħid li hi ħadet in kunsiderazzjoni l-ishma rispettivi mis-suq tal-membri ta' l-akkordju fiż-ŻEE biex tiddetermina l-ammont ta' tluq ta' l-ammendi. Dan il-metodu ma kellu ebda rabta mal-fatt li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont ta' l-ammenda li jista' jiġi impost fuq impriża ma jistax ikun iktar minn 10 % tal-fatturat dinji tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

96     It-tieni parti tat-tieni motiv ma tistax tiġi milqugħa. Min-naħa, fil-fatt, jirriżulta biċ-ċar mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kif ukoll mill-ġurisprudenza, li l-limitu massimu ta' 10 % hu maħsub sabiex jiġi evitat li l-ammendi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-importanza ta' l-impriża in kwistjoni (ara punt 70 iktar 'il fuq). Għandu għaldaqstant jintuża l-fatturat globali biex jiġi ffissat dan il-limitu massimu (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punt 119, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 541). Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni tal-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott li hu s-suġġett tal-ksur fis-suq ġeografiku in kwistjoni hu maħsub sabiex jiġi aċċertat fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-portata ta' l-imġieba ta' kull waħda mill-impriżi f'dan is-suq. Kontrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, xejn ma jipprojbixxi li fatturati differenti jkunu wżati għall-finijiet distinti. Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx ir-relazzjoni bejn il-fatturat globali tar-rikorrenti u l-fatturat li hi kisbet mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

97     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, biex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-fatt li l-fatturat li hi kienet kisbet bil-bejgħ tal-prodott in kwistjoni kien dgħajjef meta mqabbel mal-fatturat globali tagħha rigward il-prodotti kollha mingħajr distinzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-540, punt 94).

98     Il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar 'il fuq, ġiet deċiża fi żmien meta l-ammonti bażi ta' l-ammendi kienu ffissati skond il-fatturat ta' l-impriżi. Effettivament, il-fatturat globali kien wieħed fost id-diversi elementi li l-Kummissjoni setgħet tieħu in kunsiderazzjoni, taħt il-kontroll ta' l-Imħallef, imma mhux il-każ li huwa fattur li hi għandha bilfors tieħu in kunsiderazzjoni. Hi tgħid, b'mod aktar partikolari, li, hekk kif iddikjarat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 184), "[hi] mhix obbligata li tieħu in kunsiderazzjoni, biex tevalwa l-gravità tal-ksur, ir-rabta li teżisti bejn il-fatturat globali ta' impriża u l-fatturat li jkun ġej mill-merkanzija li hi s-suġġett tal-ksur".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99     Għandu, l-ewwelnett, jiġi mfakkar li ġurisprudenza stabbilita sew tipprojbixxi li tiġi attribwita importanza sproporzjonata lil wieħed jew ieħor mill-fatturati differenti meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta' evalwazzjoni, b'tali mod li l-iffissar ta' ammenda xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta' sempliċi kalkolu bbażat fuq il-fatturat globali, b'mod partikolari meta l-merkanzija kkonċernata tirrapreżenta biss porzjon żgħir ta' dan il-fatturat (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar 'il fuq, punti 120 u 121, u sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar 'il fuq, punt 94). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet, fis-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar 'il fuq, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-fatturat miksub bil-prodotti kkonċernati mill-ksur kien relattivament żgħir meta mqabbel ma' dak tal-bejgħ totali magħmul mill-impriża in kwistjoni.

100   F'dan il-każ, minħabba li l-Kummissjoni ma bbażatx il-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammenda li għandha tkun imposta fuq ir-rikorrenti fuq il-fatturat globali tagħha, din ta' l-aħħar ma tistax tinvoka b'mod utli s-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar 'il fuq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 156).

101   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara premessi 262 sa 309) li, b'mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni sensiela sħiħa ta' elementi oħra minbarra l-fatturat globali biex tiffissa l-ammenda, fosthom in-natura tal-ksur, l-effetti reali tiegħu, l-importanza ta' l-impriżi kkonċernata fis-suq, il-portata dissważiva ta' l-ammendi u d-daqs limitat tas-suq in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar 'il fuq, punt 157, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar 'il fuq, punt 202, u Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar 'il fuq, punt 60).

102   F'kull ċirkustanza, hekk kif tirrimarka ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-fatturat miksub bil-bejgħ tal-fosfat taż-żingu mir-rikorrenti jirrapreżenta parti relattivament konsiderevoli tal-fatturat globali tagħha, jiġifieri aktar minn 22.83 %. Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat li r-rikorrenti ma kisbitx ħlief porzjon żgħir mill-fatturat globali tagħha fuq is-suq in kwistjoni.

103   Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li t-tielet parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda. It-tieni motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

104   Ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta' determinazzjoni ta' l-ammendi użat fil-każ in kwistjoni huwa diskriminatorju fis-sens li, għal ċerti impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta' tluq 'il fuq mil-limitu massimu legali.

105   L-ewwelnett, ir-rikorrenti terġa' tgħid li, bil-mod kif aġixxiet, il-Kummissjoni imponitielha awtomatikament ammenda li tilħaq il-massimu legali. Min-naħa l-oħra, l-impriżi li għandhom fatturati aktar konsiderevoli minn tagħha, imma li jinsabu f'sitwazzjoni kompletament identika rigward il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ġew assigurati li se tiġi imposta fuqhom ammenda inferjuri mill-massimu legali. Ir-rikorrenti tqis li l-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni joħroġ partikolarment ċar meta s-sitwazzjoni tagħha tiġi mqabbla ma' dik ta' Heubach. Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma ħadet in kunsiderazzjoni ebda differenza bejn dawn iż-żewġ impriżi fid-deteminazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammendi, l-ammenda imposta fuq Heubach tirrapreżenta 5.3 % tal-fatturat tagħha u dik imposta fuq ir-rikorrenti 9 % tal-fatturat tagħha. Ir-rikorrenti qiegħda għaldaqstant tiġi imposta ammenda li tirrapreżenta persentaġġ tal-fatturat li jammonta għal 170 % ta' l-ammenda ta' Heubach. Trattament daqstant differenti u totalment mhux iġġustifikat bejn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxi diskriminazzjoni ċara. Dan il-ksur tal-prinċipju ta' non-disrkriminazzjoni huwa kkawżat mir-rifjut assolut tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat biex tiddetermina l-ammenda imposta.

106   Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tiċħad l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni tas-sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq.

107   It-tieninett, hi tallega li l-metodu adottat mill-Kummissjoni kellu bħala konsegwenza li jwassal għall-istess sanzjoni, jiġifieri l-massimu legali, fil-każ ta' żewġ impriżi li madankollu kellhom parteċipazzjoni fil-ksur b'tul ta' żmien differenti. Hi tindika li żewġ impriżi bl-istess ammont ta' tluq li hu akbar mil-limitu massimu ta' 10 %, imma li pparteċipaw, waħda għal sena biss fil-ksur u l-oħra għal ħames snin, ġew finalment, it-tnejn li huma, imposti l-istess ammenda li tikkorrispondi għal 10 % tal-fatturat dinji. Dan jikkostitwixxi eżempju partikolarment ċar tal-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fil-każ in kwistjoni.

108   Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti kienet s-suġġett ta' trattament diskriminatorju. Fil-fatt, minkejja li l-kapaċità tagħha li tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni kienet daqs dik ta' Heubach, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti kienet imnaqqsa minn 4.2 għal 1.53 miljun EUR b'applikazzjoni preċiża tal-limitu massimu ta' 10 % tal-fatturat totali msemmi mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni tqis li d-differenza ta' trattament, favur ir-rikorrenti, ma tistax jiġi mequsa bħala diskriminazzjoni u li hi, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenzi Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar 'il fuq, punt 155, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 300), il-konsegwenza diretta tal-limitu massimu impost għall-ammendi mir-Regolament Nru 17.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

109   Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali ma jinkisirx ħlief meta sitwazzjonijiet simili jkunu ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jkunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar 'il fuq, punt 69, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

110   Kontrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li, fil-każ tagħha, l-ammont ta' tluq kien 'il fuq mil-limitu massimu ta' 10 % ma kellux bħala effett li l-ammenda massima ġiet imposta awtomatikament fuqha (ara punt 61 iktar 'il fuq).

111   Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika ta' l-impriżi kkonċernati u sabiex tiffissa l-ammendi fuq livell li jiggarantixxi effett dissważiv biżżejjed, il-Kummissjoni qiegħdet lir-rikorrenti, kif ukoll lil Heubach, Trident, Britannia u Union Pigments, fl-ewwel kategorija (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma jistax jiġi inferit mill-fatt li l-fatturat globali tar-rikorrenti kien inqas minn dak miksub minn Heubach, Trident u Britannia li l-prinċipju ta' trattament ugwali ġie miksur.

112   Fil-fatt, bħalma hu indikat f'punt 69 iktar 'il fuq, it-tqabbil tal-fatturati miksuba bil-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE juri li hu ġust li dawn l-impriżi ġew mqiegħda fl-istess grupp u li ġew imposti ammont ta' tluq identiku.

113   Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti u Heubach kienu t-tnejn li huma pparteċipaw fi ksur serju ħafna għal aktar minn erba' snin, l-ammenda finali imposta fuq ir-rikorrenti, jiġifieri 1.53 miljun EUR, tirrappreżenta inqas min-nofs ta' dik imposta fuq Heubach, jiġifieri 3.78 miljun EUR. Din id-differenza ta' trattament, favur ir-rikorrenti, hi oġġettivament iġġustifikata meta tiġi meqjusa d-differenza ta' daqs taż-żewġ impriżi, li għandha bħala effett li r-rikorrenti bbenefikat mil-limitu massimu previst mir-Regolament Nru 17.

114   Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tassigura li l-ammonti finali ta' l-ammendi li jwasslu għalihom il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom rigward il-fatturat tagħhom (ara punt 74 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti ma tistax takkużaha li imponitielha ammenda ikbar, bħala persentaġġ tal-fatturat globali, minn dik imposta fuq Heubach (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar 'il fuq, punt 210).

115   Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-metodu adottat mill-Kummissjoni kellu bħala konsegwenza li jwassal għall-istess sanzjoni fil-każ ta' żewġ impriżi li madankollu kienu pparteċipaw fil-ksur għal tul ta' żmien differenti, biżżejjed jingħad li mhuwiex ibbażat fuq il-fatti in kwistjoni u li hu għaldaqstant purament ipotetiku.

116   Fl-aħħarnett, għandu jiġi osservat, f'dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' trattament ugwali, fid-dawl ta' dak li intqal iktar 'il fuq, li l-applikazzjoni tal-linji gwida fil-każ in kwistjoni ppermettiet li ż-żewġ partijiet tal-prinċipju jiġu rrispettati. Min-naħa, l-impriżi kollha kkonċernati kellhom responsabbilità komuni u simili fis-sens li kollha kienu pparteċipaw fi ksur serju ħafna. Għaldaqstant, fil-bidu, din ir-responsabbilità ġiet evalwata skond elementi tal-ksur innifsu bħalma huma n-natura tiegħu u l-impatt tiegħu fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, sussegwentement, il-Kummissjoni aġġustat din l-evalwazzjoni skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull impriża kkonċernata, fosthom id-daqs u l-kapaċitajiet tagħha, it-tul ta' żmien tal-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tagħha.

117   It-tielet motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

118   Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

119   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati l-ispejjeż, skond il-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Novembru 2005

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

       M. Vilaras