Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2011 - VIP Car Solution vs Il-Parlament

(Kawża T-668/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: VIP Car Solution (Hoenheim, Franza) (rappreżentanti: G. Welzer, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas EUR1 408 000 lil SARL VIP CAR SOLUTIONS ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni materjali u morali li hija tqis li ġarrbet wara d-deċiżjoni tal-Parlament, tal-24 ta' Jannar 2007, li tiċħad l-offerta tagħha ppreżentata fil-kuntest ta' proċedura għal sejħa għal offerti li tikkonċerna t-trasport tal-membri tal-Parlament Ewropew fil-karozza jew fil-minibus bis-sewwieq matul il-perijodi ta' sessjoni fi Strasbourg (Nru PE/2006/06/UTD/1) 2. Din id-deċiżjoni ġiet annullata bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta' Mejju 2006 mogħtija fil-Kawża T-89/07, VIP Car Solutions vs Il-Parlament .

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka bħala żball ikkarratterizzat mill-Parlament li jagħti lok għal dannu:

ksur tal-obbligu li jiġi kkomunikat il-prezz propost mill-persuna li tingħata l-kuntratt;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-Parlament ma kkomunika ebda informazzjoni fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi li jirrigwardaw l-offerta magħżula, kif ukoll

żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Parlament ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu ta' ċaħda fuq kriterji ta' selezzjoni u ta' għoti preċedentement iddefiniti fid-dokumenti ta' sejħa għal offerti.

____________

1 - ĠU 2006/S 177-187988.

2 - Ġabra p. II-1403.