Language of document : ECLI:EU:T:2014:59

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq ta’ stabilizzaturi termiċi tal-landa u ta’ stabilizzaturi termiċi ESBO/esteri — Deċiżjoni li tikkonstata żewġ każijiet ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Impriża ta’ konsulenza li ma toperax fis-swieq inkwistjoni — Multi — Talba għal annullament — Kunċett ta’ impriża — Prinċipju ta’ nulla poena sine lege — Tul tal-ksur — Preskrizzjoni — Tul tal-proċeduri amministrattivi — Terminu raġonevoli — Drittijiet tad-difiża — Informazzjoni tardiva tal-proċeduri ta’ investigazzjoni — Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Sanżjoni ta’ żewġ każijiet ta’ ksur f’deċiżjoni waħda — Kunċett ta’ ksur uniku — Talba għal bidla — Ammont tal-multi — Tul tal-ksur — Tul tal-proċeduri amministrattivi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Valur tal-bjegħ — Multa simbolika — Setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑27/10,

AC-Treuhand AG, stabbilita fi Zurich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn C. Steinle u I. Bodenstein, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi Termiċi), jew, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-kawża preżenti tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 − Stabilizzaturi Termiċi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” li sunt tagħha jidher fil-ĠU 2010, C 307, p. 9).

2        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat li ċertu numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’żewġ ftehim u prattiki miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-ŻEE u li jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epoksizzat u ta’ esteri (iktar ’il quddiem is-“settur ESBO/esteri”).

3        Id-deċiżjoni kkontestata ssostni l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur li jirrigwardaw żewġ kategoriji ta’ Stabilizzaturi Termiċi, li jammontaw għal prodotti miżjuda mal-prodotti abbażi tal-klorur tal-polivinil (PVC) sabiex tittejjeb ir-reżistenza termika tagħhom (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kull wieħed minn dawn il-ksur jikkonsisti f’li jiġu ffissati l-prezzijiet, f’li jitqassmu s-swieq permezz ta’ kwoti ta’ bejgħ, li jinqasmu l-klijenti u li tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari fuq il-klijenti, il-produzzjoni u l-bejgħ.

5        Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw fil-ksur matul perijodi differenti inkluż bejn l-24 ta’ Frar 1987 u l-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u bejn il-11 ta’ Settembru 1991 u s-26 ta’ Settembru 2000, għas-settur ESBO/esteri.

6        Ir-rikorrenti, AC-Treuhand AG, li s-sede prinċipali tagħha tinstab Zurich (l-Isvizzera), hija kumpannija ta’ konsulenza li toffri “firxa sħiħa ta’ servizzi personalizzati lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u lill-gruppi interessati”, fejn jiġi ppreċiżat li jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li din il-kumpannija tiddeskrivi s-servizzi tagħha hekk kif ġej: “ġestjoni u amministrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet professjonali Svizzeri u internazzjonali kif ukoll ta’ federazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru; ġbir, trattament u pproċessar ta’ data tas-suq; preżentazzjoni tal-istatistika tas-suq; kontroll taċ-ċifri kkomunikati lill-parteċipanti” (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Ir-rikorrenti ġiet stabbilita f’Novembru 1993 u rreġistrata fit-28 ta’ Diċembru 1993 sussegwentement għal xiri mill-ġdid permezz ta’ diviżjoni ta’ Fides Trust AG (iktar ’il quddiem “Fides”). Qabel dan ix-xiri mill-ġdid, l-attivitajiet tar-rikorrenti kienu eżerċitati minn Fides. Ir-rikorrenti kompliet l-attivitajiet tagħha, bl-istess persuni, fejn forniet l-istess servizzi lill-membri tagħha u kienet marbuta bl-istess obbligi (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fides u r-rikorrenti organizzaw numru ta’ laqgħat (ċirka 160) dwar akkordji li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“laqgħat Fides” u l-“laqgħat AC-Treuhand”) bejn l-1987 u l-2000 (premessi 68 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        M. S. kienet il-persuna li, għal Fides, imbagħad għar-rikorrenti, “mexxiet” il-laqgħat inkwistjoni fil-perijodi kollu tal-ksur (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Id-deċiżjoni kkontestata żżomm lir-rikorrenti responsabbli sa fejn din kellha rwol essenzjali u simili fiż-żewġ każijiet ta’ ksur inkwistjoni meta organizzat laqgħat għall-parteċipanti għall-akkordju li għaliha hija assistiet u pparteċipat attivament, fejn ġabret u forniet lill-parteċipanti data fuq il-bejgħ tas-swieq inkwistjoni, fejn ipproponiet li taġixxi bħala moderatur f’każ ta’ tensjoni bejn l-impriżi kkonċernati u fejn inkoraġġiet lill-partijiet sabiex jinstabu kompromessi, u dan għal remunerazzjoni (premessi 108 sa 129, 356 sa 359, 380 sa 387, 668, 669 u 744 sa 753 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nfetħet wara li Chemtura ressqet, fis-26 ta’ Novembru 2002, talba għal immunità taħt l-Avviż tal-Kummissjoni, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fit-12 u t-13 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ CECA (Franza), ta’ Baerlocher (il-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit), ta’ Reagens (l-Italja), ta’ Akcros (ir-Renju Unit) u ta’ Rohm & Haas (Franza), taħt l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

13      Matul l-ispezzjoni li seħħet għand Akcros, ir-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar indikaw lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li xi dokumenti setgħu kienu koperti mill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata). It-talba għal din il-protezzjoni kienet barra minn hekk is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji mressqa fil-11 ta’ April u l-4 ta’ Lulju 2003 quddiem il-Qorti Ġenerali, li wasslu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, Ġabra p. II‑3523), li tiċħad ir-rikors (premessi 84 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ’il quddiem il-“proċeduri ġudizzjarji Akzo”).

14      Fit-8 ta’ Ottubru 2007 u f’numru ta’ okkażjonijiet fl-2008, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi implikati talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Ir-rikorrenti kienet destinatarja tal-ewwel talba għal informazzjoni fit-8 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem it-“talba tat-8 ta’ Ottubru 2007”).

16      Ir-rikorrenti rrifjutat li tirrispondi għat-talba tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008 għal dak li jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ mondjali tagħha u kkuntentat ruħha, bħala risposta għal talba għal informazzjoni addizzjonali, li tirreferi għar-risposta tagħha lill-Kummissjoni fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37. 857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44) (iktar ’il quddiem il-“Kawża dwar il-perossidi organiċi”).

17      Fis-17 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġiet innotifikata lil bosta kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti, fit-18 ta’ Marzu 2009 (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Ir-rikorrenti rrispondiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’ittra fil-25 ta’ Mejju 2009.

19      Fil-11 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

20      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa tal-1 ta’ Diċembru 1993 sal-21 ta’ Marzu 2000 u dak li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri tal-1 ta’ Diċembru 1993 sas-26 ta’ Settembru 2000.

21      F’dak li jirrigwarda s-setgħa tagħha li timponi multi fuq ir-rikorrenti għall-ksur imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti mressqa mill-impriżi kkonċernati, li skont dawn, is-sospensjoni li tirriżulta mill-proċeduri ġudizzjarji Akzo, bis-saħħa tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, japplikaw biss għall-partijiet għall-imsemmija proċeduri, jiġifieri Akzo Nobel Chemicals Ltd u AkcrosChemicals Ltd. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li l-imsemmija sospensjoni kellha effett erga omnes, b’mod li l-preskrizzjoni kienet ġiet sospiża fir-rigward tal-impriżi kollha kkonċernati mill-investigazzjoni, inkluża r-rikorrenti (premessi 672 sa 682 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat li kumpannija ta’ konsulenza, li kienet tikkontribwixxi deliberatament għal akkordju, setgħet tinżamm responsabbli, bħala koawtur tal-ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, iktar ’il quddiem is-“sentenza AC-Treuhand I”).

23      Sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru°1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

24      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Għall-ksur fis-suq tal-istabilizzaturi tal-landa […], huma imposti l-multi segwenti:

[…]

17) AC-Treuhand hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 174 000;

[…]

Għall-ksur fis-suq tal-ESBO/l-esteri […], huma imposti l-multi segwenti:

[…]

38) AC-Treuhand hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 174 000;

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

26      B’ittri ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni sostniet li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u l-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239), hija rrepetiet l-argumenti tagħha li, skont dawn, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-proċeduri ġudizzjarji Akzo kellha effett erga omnes, inkluż fir-rigward tar-rikorrenti, li tagħha l-Qorti Ġenerali ħadet nota.

27      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tgħaddi għall-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu xi domandi bil-miktub. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2012.

29      Fis-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tippreżenta d-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena 2011. Peress li r-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha dwar l-imsemmi dokument. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit-terminu mogħti.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      In sostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi, li uħud minnhom huma invokati prinċipalment insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u oħrajn insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi.

33      Fil-kuntest tad-disa’ motiv tagħha mqajjem fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ma kinitx ġiet innotifikata lilha b’mod regolari.

34      Fis-seduta, ir-rikorrenti madankollu kkonfermat li kienet irrinunzjat, hekk kif ġie indikat fir-risposta tagħha bil-miktub għal domanda tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, għall-motiv tagħha bbażat fuq irregolarità tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħha l-Qorti Ġenerali ħadet nota.

35      Għalhekk, ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni dwar id-disa’ motiv tar-rikorrenti.

 Fuq il-motivi invokati għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

36      Għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege (it-tielet motiv); it-tieni nett, tal-preskrizzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni li timponi multi, taħt l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 (it-tieni motiv); it-tielet nett, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt ta’ informazzjoni tardiva tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha (it-tmien motiv); ir-raba’ nett, ta’ ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli minħabba l-fatt tat-tul tal-proċeduri amministrattivi (is-seba’ motiv) u, il-ħames nett, ta’ ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (l-ewwel parti tas-sitt motiv).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege

37      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, li jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, peress li hija ma pparteċipatx għall-ftehim, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna biss l-impriżi li kkonkludew ftehim restrittiv tal-kompetizzjoni jew li pparteċipaw fi prattiki miftiehma, iżda mhux dawk li kkuntentaw ruħhom li jorganizzaw laqgħat jew li jfornu servizzi fil-kuntest ta’ ftehim antikompetittivi.

38      Ir-rikorrenti allegatament ikkonkludiet ftehim fejn l-għan ma kienx dak li tixxekkel il-kompetizzjoni, iżda li jiġu fornuti servizzi, b’mod li dan il-ftehim ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE.

39      Il-Kummissjoni b’hekk ma setgħetx, skont ir-rikorrenti, tippenalizzaha għal aġir li ma jaqax taħt l-Artikolu 81 KE u, billi tagħmel dan, kisret il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, trattata fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1).

40      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-aġir jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE, id-deċiżjoni kkontestata xorta tikser il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, fis-sens li l-interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 81 KE mill-Kummissjoni ma kinitx prevedibbli għaliha fil-mument tal-fatti kkritikati, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-prassi tal-Kummissjoni.

41      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-karattru imprevedibbli tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE huwa tant gravi f’din il-kawża li l-Kummissjoni ma imponietx multa simbolika, bħal fil-Kawża dwar il-perossidi organiċi, iżda d-doppju tal-iktar multa għolja possibbli.

42      Il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda tat-tielet motiv fuq il-bażi, b’mod partikolari, tas-sentenza AC-Treuhand I.

43      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, f’kawża li timplika barra minn hekk lir-rikorrenti, li l-Artikolu 81 KE kien suġġett li japplika għall-aġir adottat minn impriża bħar-rikorrenti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti (sentenza AC-Treuhand I, punti 112 sa 138).

44      Fis-sentenza AC-Treuhand I, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li tikkonkludi li kull impriża li tkun adottat aġir kollużiv, inklużi l-impriżi ta’ konsulenza li ma jkunux attivi fis-suq inkwistjoni affettwat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, setgħet raġonevolment tipprevedi li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE kienet bħala regola ġenerali applikabbli fir-rigward tagħha, peress li din l-impriża ma setgħetx tinjora jew normalment kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja preċedenti kellhom diġà fihom infushom, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, il-bażi tar-rikonoxximent espliċitu tar-responsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE meta din tikkontribwixxi attivament u deliberatament għal akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li fih hija stess topera (sentenza AC-Treuhand I, punt 150).

45      Għalhekk, l-argumenti li ssostni r-rikorrenti, li skont dawn, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE f’din il-kawża tmur kontra l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandha karattru imprevedibbli, ma jintlaqgħux.

46      Din l-evalwazzjoni ma tiġix ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma imponietx fuqha multa simbolika, iżda d-doppju tal-iktar multa għolja possibbli, dan l-argument għandu bħala għan li jikkontesta mhux, fih innifsu, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-ammont tal-multi imposti għall-finijiet ta’ riforma, b’mod li hija inoperattiva insostenn tat-talbiet għall-annullament u għandha tkun konnessa mal-analiżi tar-raba’ motiv għall-finijiet tar-riforma.

47      Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv, li r-rikorrenti ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni li timponi multi

48      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, imqajjem insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-ksur kien seħħ sal-11 ta’ Novembru 1999.

49      Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fil-11 ta’ Novembru 2009, is-setgħat tal-Kummissjoni li timponi l-multi kienu ġew preskritti f’din id-data, skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003.

50      Skont ir-rikorrenti, l-elementi ta’ ksur bdew jonqsu mill-1996 u ntemmu “f’nofs is-sena 1999” jew “fis-sajf tal-1999”, skont il-frażijiet li jinsabu fil-kitbiet tagħha.

51      In sostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta s-saħħa probatorja tal-provi użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

52      Hija tirreferi wkoll għal dikjarazzjoni tal-20 ta’ Mejju 2009 irripetuta bil-ġurament fis-17 ta’ Jannar 2010, ta’ waħda mill-kollaboraturi preċedenti, M. S. (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ M. S.”), li “mexxiet” il-laqgħat Fides, imbagħad il-laqgħat AC-Treuhand, li hija kkomunikat lill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ddaħlet fil-proċess mill-partijiet fil-kawża preżenti.

53      L-elementi li jirriżultaw u li jistabbilixxu t-tmiem tal-aġir ta’ ksur, “l-iktar tard f’nofs is-sena 1999”, ikunu kkorroborati minn dikjarazzjonijiet u provi ta’ impriżi oħra li jidhru fil-fajl.

54      Peress li l-preskrizzjoni kienet inkisbet fil-11 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar interess leġittimu tikkonstata ksur. Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument tar-rikorrenti fejn sostniet li hija stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-ksur kienu seħħew sal-11 ta’ Novembru 1999, b’mod li s-setgħa tagħha li timponi multi ma kinitx preskritta u li hija b’hekk ma kinitx uriet interess leġittimu li tikkonstata l-ksur.

–       Referenza għall-ġurisprudenza rilevanti

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86, u tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u l-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 62).

56      Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Ċertament, jekk il-Kummissjoni kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma setgħux jiġu spjegati mod ieħor milli abbażi tal-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni ser ikollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi għall-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jkunx ikkunsidrat li l-Kummissjoni ressqet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punti 126 u 127).

58      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn ir-rekwiżiti meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur, peress li huwa suffiċjenti li l-ġabra ta’ provi prodotta mill-istituzzjoni, evalwata b’mod globali, tissodisfa dan ir-rekwiżit (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 u 271).

59      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-projbizzjoni għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet u ftehim antikompetittivi u l-pieni li jistgħu jeħlu dawk li jiksru l-liġi huma magħrufa sew, hija ħaġa normali li l-attivitajiet li dawk il-prattiki u l-ftehim jinvolvu jsiru b’mod klandestin, ta’ spiss f’pajjiż mhux membru, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li kemm jista’ jkun ftit li xejn tinżamm id-dokumentazzjoni relatata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 55).

60      Min-naħa l-oħra, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatti illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

61      Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

62      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punt 132).

63      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta ddeċidiet li, peress li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi li kienu ta’ natura manifestament antikompetittivi, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li kienet għal din tal-aħħar li kellha tipprovdi spjegazzjoni oħra tal-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. Billi tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova, u lanqas ma kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 181).

64      Għall-kuntrarju, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn tali prova ma tistax tiġi fornuta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanza li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tpoġġi fid-dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Enerġija vs Il-Kummissjoni, T‑141/08, Ġabra p. II‑5761, punt 56).

65      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kienu seħħew għall-inqas sal-11 ta’ Novembru 1999.

–       Fuq it-tul tal-ksur

66      F’din il-kawża, jeħtieġ li jitfakkar mill-bidu li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kienu seħħew, fil-forma ta’ laqgħat fl-Isvizzera, b’mod partikolari, tal-impriżi implikati, sal-21 ta’ Marzu 2000, għal dak li jirrigwarda l-ksur fuq l-istabilizzaturi tal-landa, u sas-26 ta’ Settembru 2000, għal dak li jirrigwarda l-ksur dwar is-settur ESBO/esteri (premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, “għal numru kunsiderevoli ta’ laqgħat, […] [kienu] jeżistu provi diretti u kontemporanja li l-parteċipanti […] kien ikollhom regolarment diskussjonijiet b’għan antikompetittiv” (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Issa, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ aġir ta’ ksur, jiġifieri li l-laqgħat AC-Treuhand li seħħew wara l-11 ta’ Novembru 1999 kellhom għan antikompetittiv, b’elementi materjali suffiċjentement probatorji u li l-aġir ta’ ksur kien intemm “f’nofs is-sena 1999” jew “matul is-sajf tal-1999”, skont il-kliem użati mir-rikorrenti fil-kitbiet tagħha.

69      Xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax li, fl-estensjoni immedjata tal-laqgħat Fides, il-laqgħat AC-Treuhand, kellhom għan manifestament antikompetittiv, għall-inqas sa “nofs is-sena 1999”.

70      Bl-istess mod, ir-rikorrenti tirrikonoxxi speċifikament fil-kitbiet tagħha li dawn il-laqgħat kollha kienu mmexxija minn M. S., fejn hija ssostni li jiddispjaċiha dwar l-aġir, u tosserva li, b’ittra tas-17 ta’ Novembru 2009, hija kienet esprimiet dan lill-klijenti tagħha billi skużat ruħha magħhom.

71      Anki jekk irreġistrat tnaqqis ta’ aġir ta’ ksur sa mis-sena 1996, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-karattru kontinwat tal-aġir ta’ ksur.

72      Għalhekk, ir-rikorrenti tammetti l-eżistenza tal-ksur u l-karattru kontinwat tagħhom mill-1 ta’ Diċembru 1993 sa għall-inqas, nofs tas-sena 1999.

73      Ir-rikorrenti ma tikkontestax iktar l-eżistenza tal-laqgħat AC-Treuhand matul it-tieni semestru tas-sena 1999 u matul l-ewwel semestru tas-sena 2000.

74      Ir-rikorrenti rrikonoxxiet ukoll speċifikament fil-kitbiet tagħha li dawn il-laqgħat ġew “immexxija” minn M. S.

75      Konsegwentement, sabiex jiġi evalwat it-tieni motiv tar-rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni stabbilixxietx, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-laqgħat AC-Treuhand li seħħew wara l-11 ta’ Novembru 1999 kellhomx, bħal dawk li kienu ppreċedewhom, għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 155; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

–       Fuq il-kontinwazzjoni, wara l-11 ta’ Novembru 1999, tal-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa

76      Fir-rigward tas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir ta’ ksur kien seħħ sal-21 ta’ Marzu 2000, jiġifieri wara l-11 ta’ Novembru 1999, fuq il-bażi ta’ provi differenti msemmija fil-premessi 299 sa 304, għas-sena 1999, u 316 sa 323 kif ukoll 420, għas-sena 2000.

77      L-ewwel nett u għal dak li jirrigwarda s-sena 1999, seħħew disa’ laqgħat AC-Treuhand fl-Isvizzera, jiġifieri tnejn fi Frar, tnejn f’April, tnejn f’Lulju, waħda f’Settembru kif ukoll tnejn oħra fid-29 u t-30 ta’ Novembru, dawn il-laqgħat ġabru flimkien lill-Akcros, Baerlocher, CECA, Reagens u Chemtura (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li ġie speċifikat li r-rikorrenti tammetti li l-laqgħat kollha seħħew, ħlief għal dik ta’ Lulju.

78      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’rapport mensili ta’ Chemtura għax-xahar ta’ Awwissu 1999 u datat is-16 ta’ Settembru 1999, prodott minn din l-impriża fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni fil-proċeduri amministrattivi, saret referenza għall-fatt li “l-kompetituri [tagħha] japplikaw il-politika [tagħha] ta’ prezzijiet u li huma [kienu] żiedu wkoll il-prezzijiet tagħhom” u li impriża, A, kellha “diffikultajiet tosserva dixxiplina ta’ prezzijiet” (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      It-tielet nett, fir-rapport mensili ta’ Chemtura għax-xahar ta’ Ottubru 1999 u datat il-15 ta’ Novembru 1999, ġie nnotat li l-impriża A, kuntrarjament għall-atturi l-oħra kollha tas-suq, kienu qed ibaxxu l-prezzijiet, iżda li “kienet qed tittieħed xi azzjoni sabiex tintemm din it-tendenza” (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Ir-raba’ nett, f’posta elettronika ta’ Chemtura, datata t-23 ta’ Novembru 1999, saret referenza għaż-żieda fil-prezzijiet ta’ 8 % għall-1999 fil-punent tal-Ewropa u li kienet mistennija żieda fil-prezzijiet fir-raba’ trimestru tas-sena 1999 (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Il-ħames nett, rapport mensili ta’ Chemtura għax-xahar ta’ Novembru 1999, datat is-17 ta’ Diċembru 1999, irrefera għal żieda fil-prezzijiet, mmexxija minn kumpannija kompetitriċi sostnuta minn żewġ kumpanniji kompetituri oħra, li ma “tidħolx fis-seħħ qabel l-ewwel trimestru tal-2000” (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Is-sitt nett u għal dak li jirrigwarda s-sena 2000, seħħew żewġ laqgħat AC-Treuhand fi Zurich, jiġifieri fl-20 u fil-21 ta’ Marzu, li laqqgħu lil Akcros, Baerlocher, CECA, Reagens u Chemtura (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

83      Is-seba’ nett, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal memorandum datat is-16 ta’ Frar 2000 u redatt minn kollaboratur ta’ Akcros lil wieħed mis-superjuri tiegħu (iktar ’il quddiem il-“memorandum Akcros”), li għandu jiġi riprodott kollu kemm hu, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, iktar ’il quddiem:

“Jiena tkellimt mad-diretturi tal-marketing li jafu sew is-swieq tal-UE tal-istabilizzaturi […] Illum, aħna u l-parti l-kbira tal-kompetituri UE nipparteċipaw f’gruppi industrijali (wieħed għall-ESBO u wieħed għall-istabilizzaturi tal-landa) bil-għan prinċipali li jikkonsisti f’li tiġi kkonsolidata l-informazzjoni tas-suq fil-forma ta’ bejgħ ta’ tunnellati kull xahar. Kull impriża membru tibgħat l-informazzjoni tagħha lil AC-Treuhand, Suisse, li tibgħat ir-riżultati lil kull impriża parteċipanti fil-forma tat-totali […] L-ebda informazzjoni ta’ kompetizzjoni ma tidher. Dan jidhirli li huwa dak kollu li kien hemm li kien regolari u utli. Madankollu, bejn darbtejn u erba’ darbiet fis-sena, l-impriżi membri jiltaqgħu fl-Isvizzera sabiex jiddiskutu punti ta’ interess komuni bħall-perspettivi u t-tendenzi tas-suq, l-attivitajiet ta’ impriżi mhux membri eċċ. Filwaqt li l-laqgħa ppreseduta minn AC-Treuhand ma tidhirx li hija fiha nnfisha abbużiva, għedtli li darba l-kompetituri kollha ddiskutew prezzijiet ġodda u ddiskutew il-klijenti. Huwa għal din ir-raġuni li nirrakkomanda li jiġi kkomunikat lil AC-Treuhand li aħna ma nipparteċipawx iktar f’dawn il-laqgħat, iżda nibgħatu l-informazzjoni tagħhna fuq il-bejgħ tagħna sabiex nibbenefikaw minn dan is-servizz. Għal sentejn, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-gruppi kienet għal kollox differenti. Apparti dan, deheru l-karti ħomor: huma kienu jikkontjenu l-minuti tal-laqgħat u jelenkaw id-deċiżjonijiet tal-gruppi, li jirrigwardaw iż-żidiet fit-tariffi u t-tqassim tas-swieq. Hemmhekk saret ukoll referenza għall-klijenti speċifiċi. Il-minuti tagħhom ma tqassmux iżda nżammu f’fajls AC-Treuhand, b’mod ‘sigur’, peress li l-Isvizzera ma hijiex membru tal-UE. Fl-1996 jew fl-1997, din it-tip ta’ laqgħa ma seħħietx iktar, probabbilment minħabba l-pressjonijiet li saru sabiex ma jsirux tali attivitajiet, minħabba applikazzjonijiet iktar rigorużi tal-liġijiet. Iktar minn membru tal-grupp tal-landa eżerċitat pressjoni fuq ir-rappreżentant tagħna sabiex tiġi għas-sitwazzjoni fejn l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq kienu regolarment miftehma f’dawn il-laqgħat AC-Treuhand. Barloecher teżerċita l-iktar pressjoni fuqna kif ukoll fuq membri oħra li ma humiex favur tali ftehim. Huma jparlaw b’mod iktar partikolari li ‘jiffriżaw’ l-ishma tas-swieq, iżda jekk membru iżid is-sehem tiegħu billi jieħu klijent, huwa kellu jċedi klijent ieħor sabiex jinstab l-ekwilibriju. Dan ikun ikkonfermat permezz ta’ verifiki mensili tal-kwoti. Aħna ma naċċettawx li nipparteċipaw iktar għal tali attivitajiet abbużivi, u din hija raġuni supplementari li għaliha aħna għandna nirtiraw minn dawn il-laqgħat […] Bħala sunt, apparentement kien hemm laqgħat/diskussjonijiet abbużivi li għalihom ipparteċipat Akcros. Peress li probabbilment għad ikollna diskussjonijiet okkażjonalment li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala inadegwati, aħna ma nipparteċipawx iktar għal dawn il-laqgħat uffiċjali li huma ċarament mhux xierqa. Nirrakkomanda li: 1) AC-Treuhand tiġi nnotifikata li aħna ma nassistux iktar f’laqgħat fl-Isvizzera għall-gruppi tal-landa u [ESBO/esteri], minkejja li nkomplu nibgħatu d-data tagħna tal-bejgħ kif konna nagħmlu qabel; 2) jiġi organizzat taħriġ dwar għarfien […] għad-diretturi tagħna tal-marketing (u oħrajn) sabiex ikunu jafu b’mod ċar il-limiti sa fejn jistgħu jaslu fil-kuntest tal-kuntatti mal-kompetituri. Nitolbok tgħarrafni jekk taqbel ma’ dawn is-suġġerimenti.”

84      It-tmien nett u sabiex tikkorrobora l-interpretazzjoni tagħha tal-memorandum Akcros, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata, li Akzo kienet irrikonoxxiet li l-memorandum Akros kien ġie ppreċedut minn noti miktuba bl-id tal-awtur tal-imsemmi memorandum (iktar ’il quddiem in-“noti miktuba bl-id Akcros”) fejn jirriżulta li, ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, minn naħa, li xi diskussjonijiet “mhux miktuba” kienu seħħew f’dak li jirrigwarda l-“livell tal-prezzijiet”, “għandhom jiżdiedu” jew “miżmuma” kif ukoll fuq “ċerti klijenti” u, min-naħa l-oħra, li l-laqgħat kienu seħħew fl-“Isvizzera, mhux membru tal-UE”, peress li ma jistgħux ikunu “is-suġġett ta’ żjarat mhux avżati”.

85      Id-disa’ nett, il-Kummissjoni osservat li, fl-estensjoni tal-memorandum Akcros, ir-rappreżentant ta’ din il-kumpannija sostna, fil-kuntest tal-laqgħa AC-Treuhand tal-21 ta’ Marzu 2000 fi Zurich, li hija ma kinitx tipparteċipa iktar għal-laqgħat AC-Treuhand “filwaqt li kompliet tiskambja d-data fuq il-bejgħ” (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

86      L-għaxar nett, il-Kummissjoni ssostni li Akcros kienet ikkonfermat, b’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2000 indirizzata lil M. S., u b’hekk kollaboratur tar-rikorrenti, li hija ma pparteċipatx iktar għal-laqgħat AC-Treuhand (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

87      Il-ħdax nett, il-Kummissjoni ssostni li dikjarazzjonijiet li saru minn Chemtura fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha magħha fil-proċeduri amministrattivi, kienu jirreferu għall-kontinwazzjoni tal-akkordju fuq l-istabilizzaturi tal-landa “sal-2000” [premessa 420(a) tad-deċiżjoni kkontestata].

88      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, meħuda flimkien, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-prova tal-ksur li hija kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-istabilizzaturi tal-landa, meta ressqet provi xierqa sabiex turi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li wasslu għall-ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa fil-kawża preżenti, fis-sens li l-Kummissjoni rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għal provi suffiċjenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li kien seħħ ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa.

89      Fil-fatt, ikkunsidrati flimkien, il-provi differenti msemmija fil-punti 77 sa 87, għal dak li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa, jeskludu li l-laqgħat AC-Treuhand li seħħew fi tmiem Novembru 1999 u f’Marzu 2000, għal dak li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa, ma kellhomx għan antikompetittiv.

90      L-imsemmija elementi juru b’mod ċar l-għan antikompetittiv tal-laqgħat AC-Treuhand, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-memorandum Akcros, li tikkritika n-natura antikompetittiva tal-laqgħat AC-Treuhand, tad-deċiżjoni ta’ din l-impriża li ma tipparteċipax iktar, minħabba l-fatt li hija ddistanzjat ruħha pubblikament, u dan f’żewġ okkażjonijiet fis-sena 2000, b’tali mod li hija ħasbet għal taħriġ ta’ għarfien tal-qafas ta’ din l-impriża għar-regoli tal-kompetizzjoni, tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chemtura li juru l-kontinwazzjoni tal-akkordju “sal-2000” kif ukoll tan-nuqqas ta’ kull prova, minn naħa tar-rikorrenti, fir-rigward tat-tibdil tan-natura tal-laqgħat AC-Treuhand.

91      B’hekk jirriżulta li l-laqgħat AC-Treuhand tat-tmiem ta’ Novembru 1999 u ta’ Marzu 2000 ma setgħux ikollhom suġġett differenti minn dak tal-laqgħat preċedenti, b’mod li l-istess impriżi u l-istess persuni kienu jiltaqgħu fl-istess kuntest dwar M. S.

92      Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ġabra ta’ provi li, evalwata b’mod globali, huma l-bażi ta’ konvinzjoni soda li l-aġir ta’ ksur jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa ġew adottati fil-kuntest tal-laqgħat AC-Treuhand wara l-11 ta’ Novembru 1999.

93      Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod effettwata bl-argumenti tar-rikorrenti.

94      Skont ir-rikorrenti, l-aġir ta’ ksur setgħa jiġi attribwit għall-waqfa “f’nofs is-sena 1999”, kemm fir-rigward tas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa jew tas-settur ESBO/esteri, kif ukoll minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ M. S., liema kontenut ikun ikkorroborat mill-atti tal-proċess tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-minuti tal-laqgħat AC-Treuhand, li fuqhom ir-rikorrenti kienet tiddependi totalment sabiex tippreżenta l-perspettiva tagħha fuq it-tmiem tal-akkordju, peress li ħadd minn fost il-kollaboraturi tagħha ma kellhom ebda konnessjoni mal-akkordju.

95      Ir-rikorrenti ssostni li l-attivitajiet ta’ akkordju fil-laqgħat AC-Treuhand, kemm fir-rigward tas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa jew tas-settur ESBO/esteri, kienu bdew jonqsu progressivament “sa mill-1996/1997”.

96      Madankollu u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali tnaqqis seħħx, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti rrikonoxxiet, speċifikament u f’numru ta’ okkażjonijiet fil-kitbiet tagħha, l-eżistenza ta’ aġir ta’ ksur attribwibbli lilha, kemm għal dak li jirrigwarda s-settur tal-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll tas-settur ESBO/esteri, għall-inqas sa “nofs is-sena 1999”.

97      B’hekk, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali, għall-finijiet li jiġi evalwat it-tieni motiv tar-rikorrenti, li tippronunċa ruħha fuq l-elementi li hija tressaq sabiex jiġi stabbilit tali tnaqqis, li jkun ippreċiżat li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan is-sens ma għandhomx l-għan ta’ riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi imposta fuqha, iżda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba preskrizzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni li timponi multi.

98      Skont ir-rikorrenti, l-elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u msemmija fil-punti 77 sa 87 tas-sentenza preżenti ma tippermettix, f’kull każ, li tistabbilixxi, fir-rigward tar-rikorrenti, l-eżistenza tal-ksur fir-rigward tal-istabilizzaturi tal-landa wara l-11 ta’ Novembru 1999.

99      F’dan is-sens, hija ssostni argumenti validi kemm għall-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll għal dawk li jirrigwardaw is-settur ESBO/esteri.

100    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li M. K., waħda mir-rappreżentanti ta’ wieħed mill-membri għall-akkordju, jiġifieri Ciba, mixtrija f’Mejju 1998 minn Chemtura, li kienet il-“fondatriċi” tal-akkordju u li kienet ipparteċipat sa mill-bidu għal-laqgħat kollha AC-Treuhand, waqfet milli tipparteċipa f’Lulju 1999, għas-settur tal-istabilizzaturi tal-landa, u f’Settembru 1999, għal dak ESBO/esteri, peress li rtirat.

101    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

102    Fil-fatt, ma jkunx dedott mill-irtirar ta’ wieħed mir-rappreżentanti tal-parteċipanti għall-akkordju, ċentrali daqs kemm kien ċentrali r-rwol tiegħu, li dawn tal-aħħar kienu neċessarjament temmew l-aġir ta’ ksur tagħhom, b’mod partikolari peress li komplew bil-laqgħat AC-Treuhand dwar M. S.

103    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni d-dikjarazzjoni ta’ M. S. li, “fl-aħħar tas-snin disgħin, ma [kienx] hemm iktar tali diskussjonijiet [antikompetittivi] fil-[laqgħat AC-Treuhand]”.

104    Fir-rigward tal-fatt, rikonoxxut speċifikament mir-rikorrenti, li M. S. kienet “il-persuna li tmexxi”, għar-rikorrenti, il-laqgħat AC-Treuhand li tammetti fir-rigward tagħhom l-għan antikompetittiv, għat-temporalità ta’ din id-dikjarazzjoni, li twettqet in tempore suspecto, u għall-fatt li M. S. ippreċiżat “li [ma tistax] tgħid b’ċertezza sa minn meta din it-tip ta’ diskussjoni [kienet] ġiet abbandunata”, id-dikjarazzjoni ta’ M. S. ma taffettwax is-saħħa probatorja tal-provi miżmuma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

105    Għall-istess motivi, jeħtieġ, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-ammissibbiltà, li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti li tisma’ lill-M. S.

106    It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li Arkema pproduċiet biss provi li juru li l-akkordju kien seħħ sad-29 ta’ Settembru 1999 u li Ciba kienet ipproduċiet provi tal-eżistenza tad-diskussjonijiet antikompetittivi biss sa April 1999, għall-istabilizzaturi tal-landa, u sa Mejju 1999, għas-settur ESBO/esteri.

107    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

108    Fil-fatt, ma jkunx ikkunsidrat li l-unika ċirkustanza li ċerti impriżi ma ressqux provi li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur ħlief sa ċertu perijodu huwa suffiċjenti sabiex ipoġġi fid-dubju l-konstatazzjoni, min-naħa l-oħra sostnuti, li l-imsemmija ksur seħħew wara dan il-perijodu.

109    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li Faci indikat li l-prezzijiet kienu ġew diskussi biss sal-bidu tas-sena 1999 u li Chemson indikat li l-aġir ta’ ksur kien intemm l-iktar tard f’Settembru 1999.

110    Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

111    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Faci mressqa mir-rikorrenti jikkonċernaw biss wieħed mill-komponenti tal-akkordji inkwistjoni, jiġifieri l-iffissar illeċitu tal-prezz, iżda mhux komponenti oħra tagħhom, b’mod partikolari t-tqassim tas-swieq u ta’ klijenti kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

112    Min-naħa l-oħra u għal dak li jirrigwarda indikazzjonijiet ta’ Chemson, ma jkunx ikkunsidrat, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni li saret minn impriża in tempore suspecto, li l-parteċipanti kollha għall-akkordji inkwistjoni neċessarjament temmew l-aġir tagħhom ta’ ksur, speċjalment peress li komplew il-laqgħat AC-Treuhand dwar M. S. u li, hekk kif tosserva r-rikorrenti stess, impriża oħra, f’dan il-każ Ciba, ma eskludietx li l-akkordju setgħa jseħħ wara.

113    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tosserva li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni fil-proċeduri amministrattivi, Chemtura bl-ebda mod ma rreferiet għal-laqgħat AC-Treuhand.

114    Sabiex tiċħad dan l-argument, huwa suffiċjenti li jingħad li r-rikorrenti stess issostni li t-tmexxija ta’ Chemtura injorat “apparentement” il-kontenut tal-imsemmija laqgħat.

115    Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li Chemtura, minn Mejju 1998, adottat strateġija awtonoma fil-qasam tal-prezz.

116    Għall-istess raġunijiet bħal dawk kif imsemmija fil-punt 112 tas-sentenza preżenti, dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti, b’mod partikolari għaliex in-nuqqas ta’ osservanza, minn wieħed mill-parteċipanti tagħha, tal-kundizzjonijiet ta’ akkordju ma jkunx, fin-nuqqas ta’ distakkar pubbliku minn naħa tagħha, li jeżoneraha, u lanqas, à fortiori, tistabbilixxi t-tmiem ta’ akkordju għal dak li jirrigwarda parteċipanti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C−510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 120).

117    Is-seba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li Akzo, li magħha ġiet konnessa Akcros, applikat politika ta’ rispett strett tar-regoli tal-kompetizzjoni “fit-tmiem tas-snin 1990”.

118    Għall-istess raġunijiet bħal dawk kif imsemmija fil-punt 112 tas-sentenza preżenti, dan l-argument ma jintlaqgħax, b’mod partikolari peress li ġie stabbilit li Akcros iddistanzjat ruħha formalment mill-akkordji inkwistjoni biss f’Marzu 2000.

119    It-tmien nett, għal dak li jirrigwarda, speċifikament, il-ksur li jirrigwarda stabilizzaturi tal-landa, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ laqgħha ta’ AC-Treuhand fl-1999.

120    Madankollu, ir-rikorrenti tammetti speċifikament l-eżistenza ta’ laqgħat oħra ta’ AC-Treuhand, b’mod partikolari ta’ waħda li seħħet f’Lulju 1999 u ta’ oħrajn li seħħew fid-29 u fit-30 ta’ Novembru 1999, b’mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala bla effett.

121    Id-disa’ nett u għal dak li jirrigwarda r-rapporti mensili ta’ Chemtura li saret referenza għalihom fil-punti 78 u 79 tas-sentenza preżenti, kif ukoll fil-posta elettronika ta’ Chemtura tat-23 ta’ Novembru 1999 u tar-rapport mensili tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1999, li saret referenza għaliha fil-punti 80 u 81 tas-sentenza preżenti, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmija rapporti ma jirreferux għalihom, b’mod li huma ma jippruvawx li eventwali ftehim fuq il-prezz ġew konklużi bl-appoġġ tagħha jew anki matul laqgħa AC-Treuhand.

122    Min-naħa l-oħra, dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-prezzijiet, iżda jillimitaw ruħhom li juru żieda fil-prezzijiet, b’mod li dawn l-elementi ma jippruvawx li attivitajiet antikompetittivi marbuta mal-laqgħat AC-Treuhand kienu seħħew wara nofs is-sena 1999.

123    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

124    Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 62 tas-sentenza preżenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi.

125    Issa, minn naħa, ir-rikorrenti tirrikonoxxi l-għan antikompetittiv tal-laqgħat AC-Treuhand ta’ Frar, ta’ April u, għall-inqas, tal-laqgħa ta’ Lulju 1999.

126    Min-naħa l-oħra, minn dawn l-elementi jirriżulta, għall-inqas fis-suq tal-istabilizzaturi tal-landa, allinjament ta’ żieda fil-prezzijiet, minn naħa tal-impriżi li joperaw fis-suq u li ħadu sehem f’laqgħat AC-Treuhand, fit-tieni parti tas-sena 1999, jiġifieri f’perijodu kontemporanju għal-laqgħat AC-Treuhand liema eżistenza ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

127    L-għaxar nett u għal dak li jirrigwarda s-sena 2000 f’dak li jirrigwarda kemm il-ksur dwar l-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll dawk li jirrigwardaw is-settur ESBO/esteri, ir-rikorrenti tikkontesta l-qari, mill-Kummissjoni, dwar il-memorandum Akcros.

128    Skont ir-rikorrenti, il-memorandum Akcros, li l-kundizzjonijiet tiegħu ġew inklużi fil-punt 83 tas-sentenza preżenti, ikun “fil-parti l-kbira li jiskaġuna”. L-imsemmi memorandum ma huwiex prova li l-akkordju kompla sal-2000, iżda jiżvela, kuntrarjament, li l-intensità tal-akkordju naqset ħafna fl-1996/1997 u li l-ebda attività antikompetittiva ma seħħet iktar fl-1999/2000.

129    Dan jirriżulta minn ċerti partijiet tan-nota Akcros li tirreferi għal “sitwazzjoni kemm xejn differenti” “sentejn ilu”, b’mod li, fl-“1996 jew fl-1997, din it-tip ta’ laqgħa ma kenitx seħħet iktar”, li ntbagħtet b’informazzjoni mhux kompetittiva lil AC-Treuhand “kien jidher li huwa l-iktar regolari u utli”, li “l-laqgħa preseduta minn AC-Treuhand ma kenitx tidher fiha nnfisha abbużiva”, li kienet eżerċitat “pressjoni fuq ir-rappreżentant [tagħha] sabiex tiġi għas-sitwazzjoni fejn l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq kienu regolarment miftehma f’dawn il-laqgħat AC Treuhand”.

130    Din l-eċċezzjoni ma tistax tirnexxi.

131    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kitbiet tagħha, ir-rikorrenti rriproduċiet biss siltiet manifestament qosra tal-memorandum Akcros, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-punt 83 tas-sentenza preżenti.

132    Hekk kif jirriżulta b’mod ċar minn ċerti siltiet tal-memorandum Akcros, datat is-16 ta’ Frar 2000, li l-awtur tiegħu rrakkomanda li ma jipparteċipax iktar għal-laqgħat tagħha, u dan f’żewġ okkażjonijiet f’dan id-dokument, u li tikkuntenta ruħha li tibgħat “[l-]informazzjoni fuq [il-] bejgħ”. Hija rreferiet ukoll, billi użat il-preżent, ħaġa li għandha tiġi enfasizzata, għal pressjoni sabiex “tiffriża l-partijiet tas-suq” u ta’ “diskussjonijiet okkażjonali li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala inadegwati” u li “[kienu] b’mod ċar mhux xierqa”.

133    F’kull każ, qari flimkien ta’ memorandum Akcros jippermetti li jiġi stabbilit, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza ta’ aġir ta’ ksur attribwit lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod li jirriżulta, għal dak li jirrigwarda barra minn hekk, kemm is-suq tal-istabilizzaturi tal-landa kif ukoll is-suq tal-ESBO/esteri, il-prova li impriża tipparteċipa fil-laqgħat AC-Treuhand ikkonstatat l-għan antikompetittiv u li din l-impriża kkunsidrat opportun li ma tipparteċipax iktar għall-imsemmija laqgħa f’Marzu 2000 u li tiddistanzja ruħha b’mod apert u f’żewġ okkażjonijiet tal-għan tagħhom, u dan fl-ewwel trimestru tas-sena 2000, jiġifieri f’perijodu kontemporanju għal-laqgħat AC-Treuhand li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

134    Ma jkunx ikkunsidrat li aġir bħal dan minn naħa ta’ Akcros, adottat fl-ewwel semestru tas-sena 2000, kellu bħala għan laqgħat antikompetittivi datati tlieta, anki erba’, snin qabel.

135    Għall-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-andament, wara l-11 ta’ Novembru 1999, tal-ksur fuq l-istabilizzaturi tal-landa.

–       Għall-kumplament, wara l-11 ta’ Novembru 1999, tal-ksur fuq is-settur ESBO/esteri

136    Għal dak li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir ta’ ksur kien seħħ fl-1999 u sas-26 ta’ Settembru 2000, jiġifieri wara l-11 ta’ Novembru 1999, fuq il-bażi ta’ provi differenti msemmija fil-premessi 305 sa 315, għas-sena 1999, u 316 sa 323, għas-sena 2000.

137    L-ewwel nett u għal dak li jirrigwarda s-sena 1999, tmien laqgħat AC-Treuhand seħħew, jiġifieri tnejn f’Jannar, tnejn f’Mejju u tnejn f’Settembru kif ukoll waħda fl-14 u oħra fil-15 ta’ Diċembru, dawn il-laqgħat ġabru lil Akcros, CECA, Chemson, Faci u Chemtura (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

138    It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet li r-rapport mensili ta’ Chemtura għax-xahar ta’ Awwissu, datat is-16 ta’ Settembru 1999, jindika li xi impriżi kienu waslu “għal żieda tal-prezz ta’ ċirka 10 % għas-[settur ESBO/esteri] minn Ottubru” (premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    It-tielet nett, il-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-minuti ta’ laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 1999 redatti mir-rikorrenti u li jsemmu l-impossibbiltà ta’ “kooperazzjoni iktar mill-qrib […] fl-immedjat” ma’ impriża li għadha ma tipparteċipax fil-laqgħat AC-Treuhand.

140    Ir-raba’ nett u għal dak li jirrigwarda s-sena 2000, seħħew ħames laqgħat AC-Treuhand, jiġifieri tnejn f’Marzu, waħda f’Ġunju u tnejn f’Settembru, fejn dawn il-laqgħat ġabru lil Akcros, CECA, Chemson, Faci u Chemtura (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li r-rikorrenti ma kkontestatx.

141    Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssottomettiet il-memorandum Akcros, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fil-punt 83 tas-sentenza preżenti.

142    Is-sitt nett, il-Kummissjoni ssottomettiet ukoll in-noti miktuba bl-id Akcros, li saret referenza għalihom fil-punt 84 tas-sentenza preżenti.

143    Is-seba’ nett, il-Kummissjoni sostniet li, fil-proroga tal-memorandum Akcros, ir-rappreżentant ta’ din il-kumpannija sostniet, fil-kuntest ta’ laqgħa AC-Treuhand tat-22 ta’ Marzu 2000 fi Zurich, li hija ma pparteċipatx iktar għal-laqgħat AC-Treuhand (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    It-tmien nett, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li Akcros kienet ikkonfermat, b’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2000, l-intenzjoni tagħha li ma tipparteċipax iktar fil-laqgħat AC-Treuhand (premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

145    Id-disa’ nett, il-Kummissjoni rreferiet għall-minuti ta’ laqgħa tas-26 ta’ Settembru 2000 organizzata mir-rikorrenti fl-Italja, li hija kisbet minn Chemson fil-proċeduri amministrattivi u huma jsemmu l-possibbiltà li l-“kooperazzjoni” ma sseħx “bħal fil-passat” (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ġiet ikkontestata biss mir-rikorrenti meta kienet qed tirreferi għad-dikjarazzjonijiet ta’ M. S.

146    L-għaxar nett, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal dikjarazzjonijiet magħmula minn Chemtura fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha magħha fil-proċeduri amministrattivi dwar il-kontinwazzjoni tal-akkordju fis-settur ESBO/esteri “sal-2001” [premessa 420(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

147    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, meħuda flimkien, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-prova tal-ksur li hija kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-settur ESBO/esteri, meta ressqet provi xierqa sabiex turi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li wasslu għall-ksur inkwistjoni fil-kawża preżenti, fis-sens li l-Kummissjoni rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għal provi suffiċjenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li kien seħħ ksur dwar is-settur ESBO/esteri.

148    Fil-fatt, ikkunsidrati flimkien, l-elementi differenti mressqa fil-punti 137 sa 146 tas-sentenza preżenti, għal dak li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri, jeskludu l-laqgħat AC-Treuhand li seħħew għall-inqas f’Diċembru 1999, għal dan is-settur ma kellhomx għan antikompetittiv.

149    L-imsemmija elementi juru b’mod ċar l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat AC-Treuhand, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-minuti ta’ AC-Treuhand datati l-15 ta’ Diċembru 1999, previsti fil-punt 139 tas-sentenza preżenti, tal-memorandum Akcros, li jikkritikaw in-natura antikompetittiva tal-laqgħat AC-Treuhand, tad-deċiżjoni ta’ din l-impriża li ma tipparteċipax iktar, minħabba l-fatt li hija ddistanzjat ruħha pubblikament, u dan f’żewġ okkażjonijiet fis-sena 2000, b’tali mod li hija ħasbet għal taħriġ ta’ għarfien tal-qafas tagħha għar-regoli tal-kompetizzjoni, tad-dikjarazzjonijiet ta’ Chemtura li juru l-kontinwazzjoni tal-akkordju “sal-2001” kif ukoll tan-nuqqas ta’ kull prova, minn naħa tar-rikorrenti, fir-rigward tat-tibdil tan-natura tal-laqgħat AC-Treuhand.

150    B’hekk jirriżulta li l-laqgħat AC-Treuhand ta’ Diċembru 1999 u ta’ Marzu 2000 ma setgħux ikollhom suġġett differenti minn dak tal-laqgħat preċedenti, b’mod li l-istess impriżi u l-istess persuni kienu jiltaqgħu fl-istess kuntest dwar M. S.

151    Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ġabra ta’ provi li, evalwati b’mod globali, huma l-bażi ta’ konvinzjoni soda li l-aġir ta’ ksur jirrigwarda s-settur ESBO/esteri ġew adottati fil-kuntest tal-laqgħat AC-Treuhand, għall-inqas wara l-11 ta’ Novembru 1999.

152    Il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq ma jkunux ikkontestati mill-argumenti tar-rikorrenti.

153    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax b’mod effettiv is-saħħa probatorja tar-rapport mensili ta’ Chemtura, imsemmija fil-punt 138 tas-sentenza preżenti, u dan għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 124 sa 126 tas-sentenza preżenti.

154    It-tieni nett, hija ma ssostnix b’mod serju li l-minuti ta’ laqgħa AC-Treuhand tal-15 ta’ Diċembru 1999, imsemmija fil-punt 139 tas-sentenza preżenti u li jsemmu l-impossibbiltà ta’ “kooperazzjoni iktar mill-qrib […] fl-immedjat” ma’ impriża li ma tipparteċipax iktar għal-laqgħat AC-Treuhand, kellha bħala għan il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża għall-preżentazzjoni tal-istatistiċi tas-suq.

155    Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkuntenta ruħha li tirrepeti l-argumenti tagħha fir-rigward tal-allegat kontenut tal-laqgħat AC-Treuhand, li ma jaffettwax is-saħħa probatorja tal-elementi msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

156    Barra minn hekk, li wieħed jikkunsidra kooperazzjoni “iktar mill-qrib” timplika l-eżistenza ta’ kooperazzjoni minima, dak iż-żmien eżistenti, li ma setgħetx tkun altru mill-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża għall-istatistiċi tas-suq, b’mod li kooperazzjoni “iktar mill-qrib” kienet teskludi l-unika parteċipazzjoni għall-istatistiċi tas-suq.

157    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax effettivament tallega d-dikjarazzjoni ta’ M. S., għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 104 tas-sentenza preżenti.

158    Ir-raba’ nett, hija lanqas ma tista’ tikkonvinċi billi tikkontesta s-saħħa probatorja tal-memorandum Akcros għar-raġunijiet esposti fil-punti 131 sa 133 tas-sentenza preżenti.

159    Għall-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-kontinwazzjoni, wara l-11 ta’ Novembru 1999, tal-ksur li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri.

160    Għalhekk, ma hemmx lok li jiġu evalwati l-argumenti li tressaq ir-rikorrenti dwar provi oħra li għandha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri sa Settembru 2000.

161    Fil-fatt, anki jekk dawn l-argumenti jkunu fondati, ma jkunux operattivi insostenn tat-tieni motiv ta’ annullament tar-rikorrenti.

162    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi fid-deċiżjoni kkontestata li l-aġir ta’ ksur kompla sal-11 ta’ Novembru 1999, b’mod li s-setgħat tagħha li timponi sanzjonijiet ma kinux preskritti sal-11 ta’ Novembru 2009.

163    Fl-aħħar lok, għandu jiġi deċiż li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ interess leġittimu milli tikkonstata ksur huma b’hekk nieqsa minn din il-premessa u b’hekk, għandhom jiġu miċħuda.

164    Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv, li r-rikorrenti tqajjem għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt ta’ informazzjoni tardiva tal-proċeduri ta’ investigazzjoni

165    Permezz tat-tmien motiv tagħha, imqajjem għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża ġie affettwat minħabba l-fatt li l-Kummissjoni informatha tardivament dwar proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha.

166    Skont ir-rikorrenti, skont obbligu ġenerali li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, hija din tal-aħħar li għandha tinforma dwar proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha ftit wara l-bidu tal-investigazzjonijiet u, l-iktar tard, fit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, u dan b’mod speċifiku.

167    Issa, ir-rikorrenti ġiet informata biss b’ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2009, jiġifieri sena u nofs iktar tard, xi ġimgħat qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 ta’ Marzu 2009.

168    Din l-informazzjoni tardiva ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni li seħħew fil-konfront tagħha kienu affettwaw l-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

169    Ir-rikorrenti ssostni f’dan is-sens li, bejn l-2007 u l-2009, il-memorja ta’ M. S. saret inqas preċiża, b’mod li d-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar, tal-20 ta’ Mejju 2009, setgħet tkun tikkontjeni ftit dettalji u kienet tilfet iktar kredibbiltà f’għajnejn il-Kummissjoni.

170    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, u hekk kif ġie kkonfermat fl-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija ta’ proċeduri amministrattivi dwar il-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Fir-rigward ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u sabiex tieħu l-ewwel pożizzjoni dwar l-orjentazzjoni kif ukoll is-segwitu tal-proċedura. Min-naħa tagħha, il-fażi kontenzjuża, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-allegat ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontenzjuża li l-entità kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu bis-sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Dana premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jistgħu f’ċerti sitwazzjonijiet, jimplikaw min-natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur għar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116).

175    Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117).

176    Għalhekk, fir-rigward tal-osservazzjoni ta’ terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tas-sors ta’ ostakoli eventwali għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat biss għall-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iżda għandu jestendi għal din il-proċedura kollha billi ssir referenza għat-tul totali tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 49 u 50, u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punti 54 u 55).

177    Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’anoloġija għad-domanda dwar jekk u sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata tipprovdi lill-impriża kkonċernata, diġà fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, ċerti elementi ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni, li jippermettulha tippreżerva l-effikaċja tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

178    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, qabel l-ewwel azzjoni meħuda fir-rigward ta’ entità speċifika, hija meħtieġa li fi kwalunkwe każ, tinnotifika lil din l-entità bil-possibbiltà stess ta’ miżuri struttorji jew ta’ prosekuzzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, speċjalment jekk minħabba f’tali twissija, l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi kompromessa bla bżonn (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tat-tmien motiv, invokat għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti bbażat fuq allegata informazzjoni tardiva ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha.

180    F’dan ir-rigward, hemm lok, mill-bidu, li jingħad li, fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti ma tallegax li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha ġie affettwat minħabba t-tul tal-proċedura amministrattiva kollha, dan l-argument kien is-suġġett tas-seba’ motiv tagħha u kien, f’kull każ, evalwat b’dan il-mod, fil-punti 198 sa 221 tas-sentenza preżenti.

181    Fil-kuntest tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża ġie affettwat minħabba t-tul ta’ żmien li kien hemm bejn it-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007 u d-data li fiha hija rrikonoxxiet li ġiet informata b’ittra tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fil-konfront tagħha, jiġifieri d-9 ta’ Frar 2009, jiġifieri sena u nofs iktar tard u xi xhur qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fit-18 ta’ Marzu 2009.

182    Fl-argumenti tagħha insostenn tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tinformaha bl-eżistenza ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fil-konfront tagħha mill-bidu tal-investigazzjoni jew, “l-iktar tard”, skont kliemha, fid-data tat-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007.

183    B’hekk, sabiex tevalwa l-fondatezza tat-tmien motiv tar-rikorrenti, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta tinforma lir-rikorrenti fi stadju qabel it-8 ta’ Ottubru 2007 tal-proċeduri amministrattivi.

184    Huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 169 sa 177 tas-sentenza preżenti, jekk il-Kummissjoni, fit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, fornietx lir-rikorrenti elementi ta’ informazzjoni suffiċjenti fuq is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni li setgħu jpoġġuha f’pożizzjoni li tippreżerva l-effettività tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża.

185    Issa, fit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni rreferiet għal “allegazzjonijiet ta’ aġir antikompetittiv fis-settur tal-istabilizzaturi termiċi” dwar ċertu “numru ta’ partijiet implikati fis-suq tal-istabilizzaturi termiċi”.

186    Fir-rigward tal-kontenut stess tal-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni talbet id-dettalji ta’ persuna ta’ kuntatt jew ta’ “ġurista [avukat] debitament awtorizzat sabiex jirrispondi” għat-talba inkwistjoni.

187    Mill-punti 3 u 5 jirriżulta wkoll li t-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007 li l-Kummissjoni tixtieq tirċievi indikazzjonijiet fuq il-perijodi li fihom huma implikati l-partijiet fis-suq tal-istabilizzaturi termiċi u fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kienet torganizza laqgħat għall-industrija tal-istabilizzaturi termiċi.

188    Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli, li bil-kontenut tat-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni forniet lir-rikorrenti elementi ta’ informazzjoni, fuq l-oġġett u l-għan tal-investigazzjoni inkwistjoni, li jistgħu jpoġġuha f’pożizzjoni li tippreżerva l-effettività tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża.

189    Ċertament, fit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ma rreferietx, speċifikament, għall-piżijiet li jaqgħu fuq ir-rikorrenti b’mod partikolari.

190    Madankollu, fit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tattribwixxi b’mod espliċitu ċerti akkużi lir-rikorrenti u, għalhekk, hija ma kinitx marbuta, f’dan l-istadju li tinforma dwar il-kontestazzjoni tagħha. Barra minn hekk, sabiex tikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew iggarantiti, huwa suffiċjenti li jiġi indikat b’mod ċar il-bażijiet ġuridiċi u l-għan tat-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 334).

191    Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet marbuta, għall-inqas, tinforma lir-rikorrenti dwar preżunzjonijiet ta’ ksur u li hija kienet tista’ tesponi ruħha għal kritika konnessa ma’ ksur eventwali, għandu jkun ikkunsidrat li l-Kummissjoni rrispettat tali obbligu fir-rigward tal-kontenut tat-talba tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2007, kif imsemmi fil-punti 185 sa 187 tas-sentenza preżenti.

192    Konsegwentement, it-tmien motiv tar-rikorrenti huwa infondat.

193    F’kull każ, anki jekk ir-rikorrenti kienet ġiet informata tard bil-proċeduri ta’ investigazzjoni fil-konfront tagħha, jiġifieri biss fid-9 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li dan id-dewmien kien affettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

194    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tikkuntenta ruħha li ssostni għal dan il-għan, id-degradazzjoni tal-memorja ta’ M. S. bejn l-2007 u l-2009.

195    Issa, argument bħal dan ma jkunx invokat b’mod effettiv mir-rikorrenti.

196    Fil-fatt, indipendentement mill-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ M. S. fuq livell psikoloġiku u tar-rwol ċentrali li hija kellha fl-akkordji, ħaġa li r-rikorrenti ma kkontestatx u li trendi suspettuża l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħha, ikun xi jkun il-kontenut tagħhom, ir-rikorrenti bl-ebda moda ma wriet kif informazzjoni iktar kmieni, ta’ biss sena u nofs u dak ta’ għaxar snin wara t-tmiem tal-fatti kontenzjużi, tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha kienu ppermettew li jkunu f’pożizzjoni li jippreżervaw l-effettività tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża.

197    Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tmien motiv, li r-rikorrenti ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli tal-fatt tat-tul tal-proċeduri amministrattivi

198    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, imqajjem għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli tal-fatt tat-tul tal-proċedura amministrattiva. Terminu eċċessivament twil ikun għadda bejn il-bidu tal-investigazzjonijiet, it-12 ta’ Frar 2003, u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-18 ta’ Marzu 2009, jiġifieri iktar minn sitt snin.

199    Issa, terminu bħal dan ma jkunx iġġustifikat mill-livell ta’ kumplessità tal-kawża. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex tissospendi fir-rigward tiegħu, il-proċedura amministrattiva fl-istennija tar-riżultati tal-proċeduri ġudizzjarji Akzo.

200    L-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kien ikun affettwat, peress li, minn naħa, fl-2009, il-memorji ta’ M. S., li kien “mexxa” l-laqgħat AC-Treuhand, kienu diġà vagi ħafna u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx tiddisponi minn ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-perijodu ta’ ksur, it-terminu legali tal-obbligu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti, jiġifieri għaxar snin fid-dritt Svizzeru, skont ir-rikorrenti, kienu skadew, b’mod li kien għalija biss diffiċli li tiddefendi ruħha mill-ilmenti tal-Kummissjoni.

201    Filwaqt li fakkret li ammettiet, fil-premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fażi ta’ investigazzjoni kienet damet għaddejja iktar minn normal minħabba ċirkustanzi partikolari, ħaġa li ġġustifikat tnaqqis eċċezzjonali ta’ 1 % tal-ammont tal-multi imposti, b’mod partikolari għar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li hija kellha tistenna l-andament tal-proċeduri ġudizzjarji Akzo, b’tali mod li t-tul tal-proċeduri ma tiġix attribwita lilha.

202    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, anki jekk wieħed jikkunsidra li dan it-tul ta’ żmien huwa attribwit lilha, dan ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni, peress li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx affettwati.

203    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata), dan il-prinċipju, huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u ġie ttrattat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali.

204    Madankollu jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li ma hemmx lok fid-dritt li tiġi annullata deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki fil-preżenza ta’ tul eċċessiv tal-proċeduri, meta ma hemmx evidenza ċirkustanzjata li din ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u li b’hekk ma teżisti l-ebda raġuni sabiex wieħed jikkonkludi li t-tul eċċessiv tal-proċeduri kellu effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, Compagnie maritime belge vs Il-Kummissjoni, T‑276/04, Ġabra p. II‑1277, punt 45).

205    Barra minn din l-ipoteżi, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva u ma tivvizzjax id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

206    Għandu wkoll jitfakkar li l-evalwazzjoni tas-sors ta’ ostakoli eventwali għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat biss għall-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iżda għandu jestendi għall-proċedura kollha billi ssir referenza għat-tul totali tagħha (sentenzi Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50, u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

207    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi evalwat is-seba’ motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli u li hija ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

208    F’din il-kawża, huwa stabbilit li, hekk kif ġie msemmi fil-punti 11 sa 19 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha f’din il-kawża permezz ta’ miżuri ta’ spezzjoni, fit-12 u fit-13 ta’ Frar 2003, li hija reġgħet bdiet, permezz ta’ talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-impriżi implikati, fosthom ir-rikorrenti, fit-8 ta’ Ottubru 2007, u li hija bagħtitilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-18 ta’ Marzu 2009, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-11 ta’ Novembru 2009.

209    Huwa wkoll stabbilit li r-rikorrenti ġiet formalment implikata fil-proċeduri amministrattivi fil-kawża preżenti biss mit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007 tal-Kummissjoni.

210    Konsegwentement, għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti, il-proċedura amministrattiva kienet seħħet mit-8 ta’ Ottubru 2007 sal-11 ta’ Novembru 2009, jiġifieri ftit iktar minn sentejn.

211    Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, tali tul, skont il-Qorti Ġenerali, ma jammontax għal tul eċċessiv fir-rigward tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, b’mod li din l-evalwazzjoni biss tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiċħad is-seba’ motiv tar-rikorrenti, li hija tibbaża fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli u li hija ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

212    Ir-rikorrenti madankollu ssostni li ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli b’kunsiderazzjoni tal-imsemmi terminu, mhux mit-talba tat-8 ta’ Ottubru 2007 li tikkonċernaha direttament, iżda sa mill-bidu tal-investigazzjoni li tirrigwarda, b’mod ġenerali, l-akkordji inkwistjoni, jiġifieri t-12 u t-13 ta’ Frar 2003, mingħajr ma kienet implikata mill-bidu tal-investigazzjoni.

213    Indipendentement mill-kwistjonijiet dwar jekk it-tul ta’ żmien li jissepara l-bidu tal-investigazzjoni li jikkonċerna, b’mod ġenerali, l-akkordji inkwistjoni u l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-proċeduri hija kostituttiva ta’ ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, u jekk tali ksur huwa attribwibbli għall-Kummissjoni, is-seba’ motiv tar-rikorrenti, li hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli u li hija ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ma tintlaqgħax.

214    Fil-fatt u hekk kif ukoll tfakkar fil-punt 206 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-perijodu rilevanti, sabiex tivverifika l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli, sa mill-fażi preliminari tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

215    Anki jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti mingħajr ma ġiet ikkontradita fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli għandu jiġi vverifikat mhux mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas mill-ewwel miżura ta’ investigazzjoni li timplika lir-rikorrenti, iżda mill-ftuħ tal-investigazzjoni li tirrigwarda, b’mod ġenerali, l-aġir ta’ ksur inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti tkun marbuta, għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża ġie affettwat mill-fatt tat-tul tal-proċedura amministrattiva u li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ġie mmodifikat.

216    Issa, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti ma tressaq ebda prova f’dan is-sens.

217    Fil-fatt, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet li, kieku l-Kummissjoni kienet implikat dan iktar kmieni fl-investigazzjoni, M. S. kienet tkun inklinata tforni dikjarazzjoni ta’ kontenut totalment differenti, jiġifieri billi tippermetti b’dan il-mod lir-rikorrenti li tkun f’pożizzjoni aħjar li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet mmodifikata.

218    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma forniet l-ebda indikazzjoni fir-rigward tan-natura jew tal-kontenut tad-dokumenti li hija setgħet issostni kieku kienet żammithom.

219    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jsostnux b’mod validu t-terminu, fid-dritt Svizzeru, tal-obbligu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti li jaqa’, skont il-każ fuq l-impriżi, peress li hija setgħet pjuttost tantiċipa, fil-kawża preżenti, in-neċessità li tikkonserva ċerti dokumenti fil-perspettiva tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha, peress li, fil-kawża dwar il-perossidi organiċi, hija kienet destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fis-27 ta’ Marzu 2003 u ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur attribwit lilha fl-10 ta’ Diċembru 2003.

220    F’kull każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-karattru antikompetittiv tal-laqgħat AC-Treuhand immexxija minn M. S. sa “nofs is-sena 1999”, u l-perijodu kruċjali għad-difiża tagħha f’dan ir-rigward kienet it-tieni nofs ta’ din is-sena. Issa, fil-mument fejn hija ġiet implikata fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri t-8 ta’ Ottubru 2007, bħal fid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri t-18 ta’ Marzu 2009, it-terminu tal-konservazzjoni tad-dokumenti li hija tinvoka ma kienx għadu skada fir-rigward tad-dokumenti li jirrigwardaw it-tieni nofs tas-sena 1999. Konsegwentement, hija kienet għadha trid tiddisponi, anki fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mid-dokumenti kollha rilevanti u setgħet tikkonservahom sabiex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Hija wkoll ma tallegax li l-allegat tul eċċessiv ta’ żmien tal-proċeduri amministrattivi affettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża f’dan ir-rigward.

221    Għalhekk, għandu jiġi miċħud is-seba’ motiv imressaq mir-rikorrenti bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

222    Permezz tas-sitt motiv tagħha meħud fl-ewwel parti tiegħu, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-ammont totali taż-żewġ multi imposti, jiġifieri EUR 348 000 (id-doppju ta’ EUR 174 000), jeċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tiegħu miksub fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ preżenti EUR 1 763 917 fl-2008.

223    Skont ir-rikorrenti, jeżisti biss ksur uniku, b’mod li ż-żewġ multi jikkonċernaw l-istess ksur u li s-somma taż-żewġ multi ma teċċedix 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali.

224    Għalkemm hija rreferiet għal żmien twil għal ksur uniku fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-“eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur paralleli iżda simili” (premessa 395 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma tispjega dan it-tibdil ta’ analiżi, li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata ta’ nuqqas tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

225    Fuq il-mertu, il-Kummissjoni allegatament injorat il-kriterju tar-rabta ta’ komplimentarjetà bejn il-ftehim billi ssostitwiethom, fid-deċiżjoni kkontestata, għar-rekwiżit tal-prova ta’ interdipendenza ekonomika taż-żewġ akkordji, b’mod li l-eżistenza ta’ ksur uniku kumpless jissupponi li jitħaddan għan antikompetittiv komuni.

226    Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata stess, il-ftehim li jammontaw għaż-żewġ allegati ksur ikunu qrib ħafna ta’ xulxin għal dak li jirrigwarda prodotti, użati b’mod kumplimentari għall-PVC u mibjugħa fl-istess kategorija ta’ klijenti, tal-kontenut ta’ ftehim, tal-għan imħaddan, ta’ persuni, tar-rwol ta’ M. S., tal-kronoloġija u tal-portata ġeografika.

227    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipju in dubio pro reo, li japplika għall-kwistjoni dwar jekk hija wettqet ksur wieħed jew iktar. F’din il-kawża, id-dubju fir-rigward tal-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur għandu jkun ta’ vantaġġ għar-rikorrenti.

228    Anki f’każ li hija tkun biddlet il-pożizzjoni tagħha fuq l-uniċità tal-aġir ta’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li pproċediet b’hekk, wara eżami ġdid b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni kuntrarja tal-partijiet differenti kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

229    Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan il-kuntest, li hija indikat fid-deċiżjoni kkontestata li, għaż-żewġ każijiet ta’ ksur, il-laqgħat kienu separati u t-tul tagħhom distinti, il-prodotti kkonċernati kienu differenti — fil-proprjetajiet kimiċi u fiżiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom, l-użi tagħhom, il-klijentela tagħhom — ċerti impriżi kienu pparteċipaw fi ksur wieħed peress li kienu klijenti tas-suq ikkonċernat mill-ksur l-ieħor.

–       Osservazzjonijiet preliminari

230    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ ċertu aġir illegali bħala li jikkostitwixxu ksur wieħed jew l-istess ksur, jew li jikkostitwixxu għadd ta’ ksur distint ma hijiex, fil-prinċipju, mingħajr konsegwenzi fuq is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ għadd ta’ ksur distint tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ għadd ta’ multi distinti, kull waħda minnhom fil-limiti ffissati fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri fir-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ li jsir fis-sena finanzjarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 118; tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punti 70 u 158; u Amann & Söhne et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

231    Apparti dan, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata, f’deċiżjoni waħda, żewġ każijiet ta’ ksur distinti u timponi żewġ multi fejn l-ammont totali jaqbeż il-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-ammont ta’ kull multa ma jaqbiżx l-imsemmi limitu.

232    Fil-fatt, huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni tal-imsemmi limitu ta’ 10 %, li ksur differenti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu ssanzjonati fi proċedura unika jew fi proċeduri separati, fi żminijiet differenti, peress li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika għal kull ċirkustanza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T-68/04, Ġabra p. II‑2511, punt 132).

233    F’din il-kawża, huwa b’hekk suffiċjenti, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tas-sitt motiv meħud fl-ewwel parti tiegħu, li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza taż-żewġ każijiet ta’ ksur distinti u mhux biss dik ta’ ksur uniku hekk kif tallega r-rikorrenti.

–       Fuq id-dupliċità tal-ksur

234    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa abbażi ta’ ġabra ta’ kunsiderazzjonijiet, imsemmija fil-premessi 3 sa 8, dwar is-swieq inkwistjoni, fil-premessi 75 sa 77, dwar il-prodotti kkonċernati, fil-premessi 388 sa 394, dwar il-prinċipji applikabbli skont din fuq din il-kwistjoni, u għall-premessi 395 sa 404, dwar l-applikazzjoni tagħhom fil-kawża preżenti, li l-Kummissjoni kkonkludiet dwar l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti.

235    Għalhekk, għandu mill-bidu jiġu miċħud l-argument li r-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, b’mod li ma huwiex sostnut, jekk mhux b’referenza għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mingħajr ma jiġi invokat preġudizzju għad-drittijiet tagħha tad-difiża f’dan ir-rigward, ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti.

236    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni sostniet motivi differenti, li l-parti l-kbira hija msemmija fil-premessi 396 sa 401, sabiex tikkunsidra li l-ksur li jirrigwarda s-suq tal-istabilizzaturi tal-landa kien parallel u simili għal dak li jirrigwarda s-suq ESBO/esteri, iżda li hija kienet distinta, fir-rigward, essenzjalment, tal-assenza tal-pjan ġenerali li għandhom bħala għan li jikkreaw distorsjoni għall-kompetizzjoni, għad-differenzi tas-swieq u tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll għan-nuqqas ta’ interdipendenza taż-żewġ akkordji, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-ksur, għall-parteċipanti u għad-dati tal-laqgħat differenti kollużorji.

237    Għal dak li jirrigwarda l-mertu, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ż-żewġ allegati ksur kienu konnessi mill-qrib, b’mod li huma kienu rriżultaw minn pjan ġenerali, b’mod li fir-realtà kienu jammontaw għal ksur wieħed u uniku.

238    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku ġustament jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwat fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess finalità tal-elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 257, u Amann & Söhne u Cousin Filtrerie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

239    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li xi att wieħed jew diversi atti minn dik is-serje ta’ atti jew minn dak l-aġir kontinwat ikunu jistgħu wkoll jikkostitwixxu minnhom infushom u waħedhom ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 258).

240    Huwa importanti wkoll li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett fuq il-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li aġir differenti li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, ikollhom b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II‑7953, punt 149, u l-ġurisprudenza ċċitata).

241    Għaldaqstant, sabiex aġir differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwat, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkontesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni (ara s-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filtrerie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Huwa għalhekk għal raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata ksur distint u timponi diversi multi distinti (ara s-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filtrerie vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

243    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi evalwata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tikkontesta l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti u ssostni l-eżistenza ta’ ksur uniku li jammonta bħal “pjan ġenerali”.

244    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jingħad li r-rikorrenti ma jinvokawx il-fatt li ż-żewġ akkordji huma iskritti fil-kuntest ta’ aġir kontinwat li għandu għan ekonomiku wieħed bil-għan li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 240 tas-sentenza preżenti, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett fuq il-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Definizzjoni bħal din tal-kunċett ta’ għan uniku jwassal għar-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat ta’ parti jiġi mċaħħad mis-sens tiegħu sa fejn dan kellu bħala konsegwenza, f’din il-kawża, li aġir varju, li jirrigwarda l-istess settur ekonomiku, jiġifieri, f’din il-kawża, dak tal-istabilizzaturi Termiċi, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE għandhom sistematikament ikunu kklassifikati bħala elementi li jammontaw għal ksur uniku.

245    Barra minn hekk, huwa ċertament mhux ikkontestat iktar li l-laqgħat AC-Treuhand li jilqgħu rappreżentanti tal-istess impriżi, kemm fir-rigward tas-suq tal-istabilizzaturi tal-landa jew tas-suq ESBO/esteri. Fil-fatt, ċerti impriżi li ġew irrappreżentati fil-laqgħat li jirrigwardaw l-istabilizzaturi tal-landa kienu wkoll dawk li jirrigwardaw is-settur ESBO/esteri, jiġifieri l-kumpanniji li jappartjenu lill-gruppi Akzo, Elf Aquitaine, Chemtura u BASF.

246    Xorta jibqa’ l-fatt li, għal dak li jirrigwarda l-atturi prinċipali tal-ksur sanzjonati, din l-identiċità tas-suġġetti kienet biss parzjali. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ċerti impriżi pparteċipaw biss għal wieħed biss miż-żewġ akkordji. B’hekk, l-impriżi MRF Michael Rosenthal u Reagens kif ukoll dawk li jappartjenu għall-grupp Baerlocher ipparteċipaw biss għall-akkordju fuq l-istabilizzaturi tal-landa, b’mod li l-impriżi Faci u dawk li jappartjenu għall-grupp GEA pparteċipaw biss għall-akkordju fuq is-settur ESBO/esteri.

247    Hemm lok ukoll li jingħad, hekk kif jirriżulta mill-impriżi li pparteċipaw kemm għal-laqgħat AC-Treuhand li jirrigwardaw l-istabilizzaturi tal-landa u ta’ dawk li jirrigwardaw is-settur ESBO/esteri, li xi wħud minn dawn l-impriżi ma kinux neċessarjament irrappreżentati, f’perijodi kontemporanji, mill-istess persuni fiżiċi li skont dawn, dan huwa każ ta’ akkordju jew ta’ ieħor, hekk kif jirriżulta mit-tabelli li jidhru fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

248    Konsegwentement, minkejja identiċità parzjali tal-impriżi kkonċernati, huwa eskluż li l-impriżi kollha inkwistjoni u r-rappreżentanti tagħhom kienu konxji li kienu qed jipparteċipaw f’għan komuni li jikkaratterizza l-eżistenza ta’ ksur uniku.

249    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ swieq ta’ prodotti differenti, għalkemm relatati, hija kriterju rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata u, għalhekk, tal-identiċità tal-ksur fir-rigward tal-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland-Werke et vs Il-Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Issa, fil-kawża preżenti, jekk ma huwiex ikkontestat li s-swieq tal-prodotti inkwistjoni huma għall-inqas relatati, il-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-istabilizzaturi tal-landa, l-ESBO u l-esteri, ma jkunux ikkunsidrati, għall-finijiet tal-eżistenza ta’ ksur uniku, bħala li jaqgħu fl-istess suq.

251    Indipendentement mill-kwistjoni tal-proprjetajiet kimiċi jew fiżiċi tagħhom u tal-applikazzjonijiet tagħhom, jirriżulta, l-ewwel nett, hekk kif intqal fil-punt 245 tas-sentenza preżenti, li l-gruppi Ewropej kbar biss tas-settur ifornu kemm stabilizzaturi tal-landa, tal-ESBO u tal-esteri.

252    Barra minn hekk jirriżulta mid-dokumenti differenti mdaħħla fil-fajl u mid-dupliċità stess tal-laqgħat differenti inkwistjoni skont il-prodotti inkwistjoni li l-prezzijiet ippratikati u, f’din il-kawża, iffissati b’mod illegali bejn kompetituri jvarjaw b’mod kunsiderevoli skont jekk huwiex każ ta’ stabilizzaturi tal-landa jew tas-settur ESBO/esteri.

253    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tikkontestax materjalment, li ċerti impriżi, bħal Baerlocher u Reagens, kienu kemm fornituri ta’ stabilizzaturi tal-landa u xerrejja ta’ ESBO u ta’ esteri.

254    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ ksur uniku u tikkonkludi dwar żewġ każijiet ta’ ksur distinti, wieħed fuq l-istabilizzaturi tal-landa u l-ieħor fuq is-settur ESBO/esteri, li dawn is-swieq ta’ prodotti kienu jvarjaw.

255    Fit-tielet lok, għandu jingħad li l-fatt li ż-żewġ akkordji kienu eventwalment ittrattaw żewġ swieq ta’ prodotti differenti ma jeskludix neċessarjament li huma kienu inklużi fl-istess pjan globali, sa fejn tista’ tiġi vverifikata l-eżistenza bejniethom ta’ rabtiet ta’ komplementarjetà, f’dak li jirrigwarda kundizzjonalità jew koordinazzjoni.

256    Issa, l-aġiri differenti ma jiġux ikkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwat, sakemm ma jkollhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom ma huwiex destinat li jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u ma kkontribwixxiex, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku.

257    L-ewwel nett, għandu jitfakkar, hekk kif intqal fil-punt 253 tas-sentenza preżenti u kif ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, li ċerti parteċipanti għal waħda miż-żewġ akkordji inkwistjoni kienu jiġu fornuti minn impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju l-ieħor.

258    Issa, hekk kif sostniet ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kien assurd għall-impriżi parteċipanti għall-akkordju fuq l-istabilizzaturi tal-landa, bħal Baerlocher u Reagens, li jipparteċipaw għal akkordju globali li jammonta għal ksur uniku, peress li huma kienu klijenti għas-settur ESBO/esteri u konsegwentement kienu jbatu mill-effetti ħżiena, ħlief jekk dawn l-impriżi kienu mħarsa mill-effetti tal-akkordju fuq dan l-aħħar imsemmi settur, li ma tevokax madankollu lir-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza ta’ pjan ġenerali u li, f’kull każ, ma jirriżulta minn ebda dokument fil-fajl.

259    Barra minn hekk, għandu jingħad li ż-żewġ akkordji ma kellhomx l-istess tul ta’ żmien. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar f’liema dati preċiżi huma waqfu u mill-fatt li dawn iż-żewġ akkordji ma setgħux ikunu attribwiti ħlief mill-1 ta’ Diċembru 1993, data li fiha hija ħadet post Fides, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-akkordju fuq l-istabilizzaturi tal-landa daħal fis-seħħ fi Frar 1987, b’mod li dak fuq is-settur ESBO/esteri daħal fis-seħħ biss f’Settembru 1991.

260    B’hekk jirriżulta li l-membri ta’ dawn iż-żewġ akkordji ma kellhom la proġett u lanqas għan komuni tat-tneħħija kkoordinata u globali tal-kompetizzjoni fuq iż-żewġt iswieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 312).

261    Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mit-tabelli li jidhru fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, ħaġa ammessa mir-rikorrenti stess, indirettament, iżda neċessarjament, fir-rikors, mhux biss għaliex kważi l-ebda laqgħa fuq l-istabilizzaturi tal-landa ma seħħet fl-istess jum bħal-laqgħa li tirrigwarda s-settur ESBO/esteri, iżda wkoll u l-iktar, anki meta kienu spiss viċini fiż-żmien, kien ikun hemm numru ta’ ġranet bejn dawn il-laqgħat, anki iktar minn ġimgħa.

262    B’hekk jirriżulta b’mod ċar li l-membri ta’ żewġ akkordji ma setgħux ikollhom la proġett u lanqas għan komuni tat-tneħħija kkoordinata u globali tal-kompetizzjoni fuq iż-żewġt iswieq inkwistjoni.

263    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’ċertezza suffiċjenti l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti, b’mod li għandu jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti bbażat fuq dubju fuq dan l-aspett li għandha tibbenefika minnu, u, għalhekk, li hija ma wettqet l-ebda żball meta kkonkludiet, fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat fl-Artikolu 81 KE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-istabilizzaturi tal-landa u ta’ ksur distint, uniku u kontinwat, għas-settur ESBO/esteri.

264    Fl-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq ma jkunux ikkontestati mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

265    Fil-fatt, la l-uniċità tal-għan tal-aġir ta’ ksur attribwibbli lir-rikorrenti, la l-fatt li persuna waħda, jiġifieri M. S., “mexxiet” iż-żewġ akkordji, la l-fatt li hija ma operat fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ swieq inkwistjoni ma huma rilevanti f’dan il-kuntest, fir-rigward tal-ispeċifiċità tar-rwol tiegħu fil-Kummissjoni ta’ ksur li d-dupliċità tiegħu ġiet stabbilita, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, mill-Kummissjoni.

266    Barra minn hekk, soluzzjoni kuntrarja tippermetti lill-impriżi ta’ konsulenza, bħar-rikorrenti, li jimmultiplikaw attivitajiet kollużorji li għandhom l-istess għan mal-istess persuna fuq swieq distinti, saħansitra fuq swieq ġirien, bir-riskju biss li wieħed jesponi ruħu għal sanzjoni waħda, ħaġa li bl-ebda mod ma tkun sodisfatta fir-rigward ta’ effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni u tar-rekwiżiti ta’ dissważjoni.

267    Għalhekk, għandu jiġi miċħud is-sitt motiv, meħud fl-ewwel parti tiegħu, kif ukoll il-motivi kollha li r-rikorrenti ssostni għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talbiet għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti

268    Insostenn tat-talbiet tagħha sussidjarji għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-mument tal-multi li ġew imposti fuqha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi kif ukoll it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażat, l-ewwel nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur (l-ewwel motiv); it-tieni nett, tat-tul tal-proċedura amministrattiva (is-seba’ motiv); it-tielet nett, ta’ obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li timponi biss multa simbolika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti (ir-raba’ motiv), ir-raba’ nett, ta’ ksur tal-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (il-ħames motiv) u, il-ħames nett, ta’ ksur tal-imsemmija linji gwida għall-kalkolu tal-kapaċità kontributtiva tagħha (it-tieni parti tas-sitt motiv).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur

269    Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur huwa żbaljat, fis-sens li l-ksur ma jkunx dam għaddej sal-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u lanqas sas-26 ta’ Settembru 2000, għas-settur ESBO/esteri.

270    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ġie deċiż, fil-punti 48 sa 164 tas-sentenza preżenti, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-ksur għall-inqas sal-11 ta’ Novembru 1999.

271    B’hekk, anki f’każ li jkun fondat, l-ewwel motiv jista’ jiġi aċċettat biss għall-perijodu mill-11 ta’ Novembru 1999 sal-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u sas-26 ta’ Settembru 2000, għas-settur ESBO/esteri.

272    Għandu jiġu kkunsidrat ukoll, b’mod partikolari fuq il-bażi tar-risposta bil-miktub qabel is-seduta tar-rikorrenti għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt u minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda oġġezzjoni fir-rapport għas-seduta redatt f’dan is-sens, ħlief, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ma titlobx l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata iżda tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqha fl-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

273    Konsegwentement, f’din il-kawża, dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

274    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 713 u 751 sa 753 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa, iffissat fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi tal-gravità u tat-tul tal-ksur, ġie, fl-istadju finali tal-kalkoli tal-Kummissjoni, sostanzjalment imnaqqas skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

275    B’hekk, tnaqqis eventwali skont it-tul għal dawn tal-aħħar u perijodi qosra inkwistjoni ma jippermettux, skont il-linji gwida tal-2006, li jnaqqsu iktar l-ammont finali tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata.

276    Għalhekk, għandu jiġi miċħud, peress li huwa bla effett, l-ewwel motiv, li r-rikorrenti tressaq għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti fuqha.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq tul tal-proċedura amministrattiva

277    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti, billi tinvoka l-prinċipju tat-terminu raġonevoli, tattribwixxi lill-Kummissjoni, t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva għall-finijiet, b’mod prinċipali, tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tar-riforma tagħha fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti fuqha.

278    Peress li dan il-motiv ġie miċħud għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ksur eventwali tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli jista’ jwassal biss, jekk ikun il-każ, għal riforma tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata.

279    Issa, fil-kuntest tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, hija tikkunsidra li ma hemmx lok li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, lil hinn minn dak diġà mogħti mill-Kummissjoni, il-ksur allegat mir-rikorrenti tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli ma jkollu ebda effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

280    Konsegwentement, dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat.

281    F’kull każ, għal dak li dan il-motiv jista’ jkollu bħala effett għall-finijiet tar-riforma, jeħtieġ ukoll li r-rikorrenti tistabbilixxi għal dan il-għan ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

282    Issa, ġie deċiż fis-sentenza preżenti li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet, fir-rigward tagħha, tali ksur.

283    Għalhekk, għandu jiġi miċħud is-seba’ motiv, li r-rikorrenti tressaq għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq obbligu, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, li tiġi imposta biss multa simbolika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti

284    Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha timponi fuqha biss multa simbolika, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tagħha ma kinitx prevedibbli, li l-linji gwida tal-2006 kienu joffrulha din il-possibbiltà u li hija imponiet biss fuqha multa simbolika fil-kawża dwar il-perossidi organiċi.

285    F’din il-kawża, dan il-motiv ma jistax jiġi aċċettat.

286    Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret allegat obbligu li timponi biss, f’din il-kawża, multa simbolika.

287    Ċertament, skont il-punt 36 tal-linji gwida tal-2006, il-“Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, timponi multa simbolika”, għall-“ġustifikazzjoni ta’ tali multa li għandha tidher fit-test tad-deċiżjoni”.

288    Madankollu, jirriżulta manifestament mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li l-impożizzjoni ta’ multa simbolika ma tammontax, f’ebda ċirkustanza, għal obbligu għall-Kummissjoni, iżda biss fakultà abbażi tal-evalwazzjoni tagħha, bla ħsara għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

289    L-allegat obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li tiġi imposta f’din il-kawża multa simbolika ma tirriżultax iktar mill-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fil-kawża dwar il-perossidi organiċi.

290    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livelli għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, iżda li għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 169 u 227, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 90).

291    Din it-talba ma tiġix ikkontestata permezz tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-karattru allegatament imprevedibbli tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata.

292    Fil-fatt, peress li din tirriżulta li hija tal-istess portata bħal dik imressqa insostenn tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-prinċipju nulla poena sine lege, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza preżenti.

293    Għalhekk, għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv, li r-rikorrenti ssostni għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha.

 Fuq il-ħames motiv u fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006

294    Permezz tal-ħames motiv u fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida tal-2006, f’dan is-sens, minn naħa, li l-multi li ġew imposti fuqha fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx jiġu ffissati fil-forma ta’ somma f’daqqa, iżda abbażi tal-onorarji riċevuti għall-provvista tas-servizzi relatati mal-ksur, b’mod konformi mal-metodoloġija esposta fil-linji gwida tal-2006, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tagħha, fis-sens tal-punt 35 tal-linji gwida tal-2006.

295    F’din il-kawża, il-ħames motiv u t-tieni parti tas-sitt motiv ma jintlaqgħux.

296    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-ħames motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

297    Ċertament, skont il-linji gwida tal-2006, “[m]ingħajr preġudizzju għall-punt 37 [tal-imsemmija linji], il-Kummissjoni tuża l-metodoloġija segwenti, li tinkludi żewġ stadji, għall-iffissar tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi”, jiġifieri li, fl-“ewwel lok, il-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża” u, fit-“tieni lok, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku, ’il fuq jew ’l isfel”, u preċiżament, minn naħa, li l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, stabbilit abbażi ta’ livell tal-gravità tal-ksur” u, min-naħa l-oħra, li, “[b]il-għan li jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi, imwettqa mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE […] normalment […] fl-aħħar sena kompluta tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur” (punti 9 sa 13 tal-linji gwida tal-2006).

298    Issa, il-linji gwida tal-2006 huma strument intiż li jippreċiża, b’osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223, u l-ġurisprudenza ċċitata).

299    B’hekk, jekk il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u s-sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

300    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 246, 274 u 275).

301    F’dan is-sens, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-punt 37 tal-linji gwida tal-2006, li, “[g]ħalkemm l-imsemmija linji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew in-neċessità li jintlaħaq livell disważiv f’kawża partikolari jistgħu jiġġustifikaw li [din] titbiegħed minn din il-metodoloġija”.

302    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma kinitx attiva fis-swieq ikkonċernati mill-ksur, b’mod li l-valur tal-bejgħ tagħha tas-servizzi, marbuta direttament jew indirettament mal-ksur, kienu nulli u mhux rappreżentattivi tal-effett, fis-swieq inkwistjoni, tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur inkwistjoni.

303    Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti fis-swieq inkwistjoni u ma setgħetx tikkunsidra l-ammont tal-onorarji riċevuti mir-rikorrenti peress li bl-ebda mod ma kienet tirrappreżenta l-imsemmi valur.

304    Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti jippermettu lill-Kummissjoni li, jekk mhux jobbligawha, tevita l-metodoloġija esposta fil-linji gwida tal-2006 fuq il-bażi tal-punt 37 tal-imsemmija linji (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 30).

305    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament evitat il-metodoloġija esposta fil-linji gwida tal-2006, billi ffissat l-ammont tal-multi fil-forma ta’ somma f’daqqa u, finalment, fil-limitu tal-limitu msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

306    Ċertament, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-punt 37 tal-linji gwida jekk hija tforni motivi suffiċjenti fid-deċiżjoni inkwistjoni bħall-kriterji kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta.

307    Fil-kawża preżenti, madankollu ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni forniet motivazzjoni suffiċjenti fil-premessi 746 sa 751 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

308    F’kull każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li l-ammont tal-multi impost fuq ir-rikorrenti għall-ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata huwa xieraq fir-rigward, b’mod partikolari, għall-gravità tal-imsemmija ksur.

309    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni parti tas-sitt motiv ma għandux jintlaqa’.

310    Ċertament, skont il-punt 35 tal-linji gwida tal-2006, “[f]’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tikkunsidra n-nuqqas tal-kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”.

311    Xorta jibqa’ l-fatt li, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika reali tar-rikorrenti, huwa stabbilit li din bl-ebda mod ma’ ressqet talba f’dan is-sens lill-Kummissjoni.

312    Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li t-tnaqqis tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-introduzzjoni ta’ talba matul il-proċedimenti amministrattivi, l-eżistenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari, u n-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tal-impriża, fejn dawn għandhom iressqu provi li juru li l-impożizzjoni ta’ multa tipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal sabiex iċċaħħadha mill-assi tagħha ta’ xi valur, li mhux neċessarjament jikkoinċidi mal-ftuħ ta’ proċedura ta’ likwidazzjoni fil-preżenza ta’ assi ta’ valur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. II‑3569, punt 171, u Ziegler vs Il-Kummissjoni, T‑199/08, Ġabra p. II‑3507, punt 165).

313    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma tagħtix tnaqqis b’dan il-mod.

314    Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tas-sitt motiv kif ukoll il-motivi kollha li r-rikorrenti tressaq għall-finijiet tar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti fuqha.

315    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

316    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, apparti għall-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni, b’mod konformi mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AC-Treuhand AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.