Language of document : ECLI:EU:T:2011:158

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ April 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali EURO AUTOMATIC PAYMENT – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑28/10,

Euro-Information – Européenne de traitement de l’information, stabbilita fi Strasbourg (Franza), irrappreżentata minn A. Grolée, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tal-11 ta’ Novembru 2009, (Każ R 635/2009‑2), li tirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali EURO AUTOMATIC PAYMENT bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2010,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2010,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2010,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika lill-parti tal-egħluq tal-proċedura bil-miktub u peress li ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-18 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti, Euro-Information – Européenne de traitement de l’information, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali EURO AUTOMATIC PAYMENT.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 35 sa 38, 42 u 45 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

4        B’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2009, l-eżaminatur laqa’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għas-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassijiet 35, 37, 38, 42 u 45, u għal ċerti prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 36. Bil-kontra, huwa ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u servizzi l-oħra li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 36, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru, rispettivament, l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009]. Dawn il-prodotti u servizzi jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Distributuri awtomatiċi, magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, magni awtomatiċi ta’ ħlas, magni awtomatiċi bankarji, kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, magni li jaqraw il-bar codes, detekters tal-flus foloz, tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), software għall-ġestjoni tal-kontijiet, monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuters, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri), programmi u tagħmir informatiċi li jippermettu li jiġu offruti servizzi kompluti bankarji, ta’ kumpannija finanzjarja u ta’ assigurazzjoni għad-distanza, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, software għal ħlas b’sigurtà għal netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online, apparat u strumenti ta’ ħlas elettroniku, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, tagħmir tal-kompjuter għal ħlas elettroniku, software għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku, kards għal ħlas elettroniku, strumenti elettriċi u elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji”.

–        Klassi 36: “Affarijiet bankarji, affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji, servizzi ta’ karti ta’ kreditu, servizzi ta’ karit ta’ debitu, operazzjonijiet ta’ skambju, operazzjonijiet ta’ kumpens (skambju), senserija fil-Borża, kreditu, trasferiment elettroniku ta’ fondi, operazzjonijiet monetarji, tranżazzjonijiet finanzjarji, servizzi ta’ ħlas elettroniku, servizzi ta’ trasferiment elettroniku ta’ oġġetti ta’ valur, ta’ fondi, ta’ kapitali, ta’ ishma, ta’ munita u ta’ kull titolu finanzjarju ieħor, servizzi ta’ ħlas online fuq netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni, senserija u tranżazzjonijiet fuq netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni ondine”.

5        Fil-5 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur sa fejn hija tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 36, kif deskritti fil-punt 4 iktar ’il fuq.

6        B’deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2009, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it‑Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell.

7        Il-Bord tal-Appell qies, billi bbaża ruħu fuq il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-konsumaturi medji kollha u tal-professjonisti li jitkellmu bl-Ingliż tal-Komunità Ewropea, li t-tifsira miżmuma mill-eżaminatur tat-tliet kelmiet li jikkomponu l-imsemmija trade mark kienet korretta. B’hekk, huwa kkunsidra, minn naħa, li l-espressjoni “euro automatic payment” tiddeskrivi direttament il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, jiġifieri li jippermettu t-twettiq ta’ ħlasijiet awtomatiċi bl-Euro u, min-naħa l-oħra, li din l-espressjoni tipprovdi informazzjoni diretta fuq is-suġġett tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, jiġifieri, it-twettiq jew il-kisba ta’ ħlasijiet automatiċi bl-Euro. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod partikolari li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

8         Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 36;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiemu u quddiem il-Qorti Ġenerali.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-talbiet

10      L-UASI jqajjem eċċezzjoni ta’ nonammissibbiltà tat-tieni parti tat-talbiet tar-rikors sa fejn il-Qorti Ġenerali tintalab sabiex tindirizza lill-UASI b’ordni sabiex jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi kollha inkwistjoni.

11      Permezz tat-tieni parti tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

12      Din it-talba tista’ tagħti lok għal żewġ interpretazzjonijiet. Minn naħa, tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI sabiex jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, skont interpretazzjoni stabbilita, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Arikiolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009], l-UASI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tindirizza ordni lill-UASI. Huwa dan tal-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II‑433, punt 33, u tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, Ġabra p. II-1401, punt 24, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia vs UASI – Ferrero (FERRÓ), T-35/04, Ġabra p. II-785, punt 15].

13      Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tat-talbiet tar-rikorrenti tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, billi tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94. Issa, l-istanzi tal-UASI kompetenti f’dan il-qasam ma jadottawx deċiżjonijiet formali li jikkonstataw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex hija tirreġistra trade mark Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas il-Qorti Ġenerali ma hija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex tbiddel deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens [Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2009, Securvita vs UASI (Natur-Aktien-Index), T-285/08, Ġabra p. II-2171, punti 14 u 17 sa 23].

14      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, it-tieni parti tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti fl-Anness 9 tar-rikors

15      L-UASI jsostni li l-Anness 9 tar-rikors, sa fejn fih xi provi li ma ġewx ippreżentati fil-kors tal-proċedura segwita quddiemu, huwa inammissibbli.

16      Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-imsemmija provi huma ġodda.

17      Abbażi ta’ dan, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li r‑rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal‑Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod li l-funzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ tali provi hija kuntrarja għall-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18].

18      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-provi li hemm fl-Anness 9 tar-rikors ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

 L-argumenti tal-partijiet

20      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li ma jeżistix, mill-perspettiva tal-pubbliku relevanti, rapport suffiċjentement dirett u konkret bejn, minn naħa, is-sinjal ikkontestat u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet miċħuda. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      L-ewwel nett, fir-rigward tat-tifsira tal-kliem li jikkomponu s-sinjal inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-kelma “euro” tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għall-munita unika Ewropea u, min-naħa l-oħra, li l-kelma “payment” tfisser “paiement [ħlas]” bil-Franċiż. Fir-rigward tal-kelma “automatic”, li hija tradotta f’“automatique [awtomatiku]” bil-Franċiż, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma tfisser li “jiġi eżegwit mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa ta’ intenzjoni”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “automatic” ma fiha l-ebda tifsira li taqa’ taħt il-qasam bankarju jew finanzjarju.

22      It-tieni nett, fir-rigward tat-tifsira tal-espressjoni “euro automatic payment”, meħuda fit-totalità tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-kliem li jikkomponuha huma immedjatament identifikabbli, ma jfissirx madankollu li t-trade mark hija deskrittiva. Hija ssostni li, għalkemm il-Bord tal-Appell ma pproponiex tifsira tal-espressjoni “euro automatic payment”, hija tidher li hija bbażata fuq dik miżmuma mill-eżaminatur, jiġifieri, “ħlas awtomatiku mwettaq bl-Euro”. Issa, din l-espressjoni hija nieqsa minn tifsira diretta, ċara u immedjatament identifikabbli, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u l-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, l-espressjoni “euro automatic payment”, hija biss kunċett vag għall-konsumaturi, peress li ma jiġrix ta’ spiss li ħlas jitwettaq b’mod awtomatiku, jiġifieri mingħajr il-manifestazzjoni ta’ intenzjoni.

23      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, li għalihom l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet irrifjutata.

24      L-ewwel nett, fir-rigward, minn naħa, tal-“kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, kards għal ħlas elettroniku” (iktar ’il quddiem il-“kards li jaqgħu fil-klassi 9”) u, min-naħa l-oħra, “tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), software għall-ġestjoni tal-kontijiet, monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuters, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri), programmi u tagħmir informatiċi li jippermettu li jiġu offruti servizzi kompluti bankarji, ta’ kumpannija finanzjarja u ta’ assigurazzjoni għad-distanza, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, software għal ħlas b’sigurtà għal netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online, apparat u strumenti ta’ ħlas elettroniku, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, tagħmir tal-kompjuter għal ħlas elettroniku, software għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku, kards għal ħlas elettroniku, strumenti elettriċi u elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji” u “apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni)” (iktar ’il quddiem il-“prodotti li huma parti mill-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 9”), ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma kienx fondat li japplika raġunament globali fuq il-prodotti msemmija iktar ’il fuq, peress li ċerti mill-kards li jaqgħu fil-klassi 9 ma jippermettux li jitwettaq ħlas u ċerti mill-prodotti li huma parti mill-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 9 ma jistgħux jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas.

25      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssosnti li, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, l-operazzjonijiet imwettqa permezz tad-“distributuri awtomatiċi”, tad-“detekters tal-flus foloz”, tal-“magni awtomatiċi bankarji” u tal-“magni li jaqraw il-bar codes”, previsti b’mod distint fl-applikazzjoni għal trade mark, ma jistgħux jiġu analizzati bħala operazzjonijiet ta’ ħlas. B’hekk, hija tqis li t-trade mark kunfliġġenti ma hijiex deskrittiva ta’ dawn il-prodotti, u lanqas ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

26      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, il-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet”, previsti mill-applikazzjoni għat-trade mark ma humiex marbuta b’mod strett mal-“magni li jagħtu l-biljetti” u li, f’kull każ, anki jekk jiġi meqjus li huma marbuta b’dan il-mod, dawn tal-aħħar ma għandhomx, fihom infishom, bħall-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet”, x’jaqsmu mal-ebda operazzjoni ta’ ħlas.

27      Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-“distributuri awtomatiċi” u tal-“magni li jagħtu l-biljetti”, peress li l-ħlas imwettaq sabiex jinkiseb is-servizz offert minn dawn il-magni ma jitwettaqx b’mod awtomatiku, iżda b’mod volontarju, u l-assoċjazzjoni tal-klema “automatic”, mal-kliem “euro” u “payment” hija sempliċement evokattiva u mhux deskrittiva tal-imsemmija prodotti.

28      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi talbet il-protezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b’mod separat fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, hija kellha l-intenzjoni tibbenefika minn protezzjoni distinta fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti li jippermettu t-twettiq ta’ operazzjoni ta’ ħlas, u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk li ma għandhomx x’jaqsmu mal-ebda operazzjoni ta’ ħlas.

29      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, kif previsti fil-punt 4 iktar ’il fuq, li għalihom l-applikazzjoni għal trade mark ġiet irrifjutata (iktar ’il quddiem, is-“servizzi li jaqgħu fil-klassi 36”).

30      Qabel kollox, fir-rigward tas-servizzi ta’ “senserija fil-Borża”, ir-rikorrenti tallega li dawn jikkorrispondu għall-professjoni tal-intermedjarji li jaġixxu fil-Borża billi jwettqu skambji. Hija ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la ma hija deskrittiva tas-suġġett tal-imsemmija servizzi u lanqas ta’ kwalunkwe karatteristika ta’ dawn tal-aħħar. L-istess konklużjoni tapplika fuq is-servizzi ta’ “senserija fuq netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online”.

31      It-tieni nett, fir-rigward tal-“operazzjonijiet ta’ skambju”, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li dawn l-operazzjonijiet jimplikaw it-twettiq ta’ ħlas. Għaldaqstant, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma hijiex deskrittiva la tal-imsemmija servizzi u lanqas ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

32      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssosnti, qabel kollox, fir-rigward tal-prodotti u servizzi previsti mill-applikazzjoni għal trade mark li jappartjenu għall-qasam bankarju u finanzjarju, li fihom il-kliem “payment” u “euro” jistgħu jevokaw xi ħaġa, l-espressjoni “euro automatic payment” ma għandhiex tifsira diretta, ċara u immedjatament identifikabbli, u hija l-iktar l-iktar evokatriċi, wara analiżi ddettaljata mwettqa mill-pubbliku rilevanti, tal-imsemmi qasam. Skont ir-rikorrenti, il-prodotti u servizzi inkwistjoni huma dawn li ġejjin:

–        fir-rigward tal-klassi 9, il-“kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, magni awtomatiċi ta’ ħlas, magni awtomatiċi bankarji, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, programmi u tagħmir informatiċi li jippermettu li jiġu offruti servizzi kompluti bankarji, ta’ kumpannija finanzjarja u ta’ assigurazzjoni għad-distanza, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, software għal ħlas b’sigurtà għal netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online, apparat u strumenti ta’ ħlas elettroniku, apparat u strumenti ta’ ħlas elettroniku, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, tagħmir tal-kompjuter għal ħlas elettroniku, software għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku, kards għal ħlas elettroniku, strumenti elettriċi u elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji”;

–        fir-rigward tal-klassi 36, is-servizzi kollha msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tal-“operazzjonijiet ta’ kumpens (skambju), senserija fil-Borża, kreditu, servizzi ta’ trasferiment ta’ ishma u ta’ kull titolu finanzjarju ieħor, senserija u tranżazzjonijiet fuq netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online”.

33      Issa, peress li, għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, tintuża espressjoni mhux preċiża u li ma tinftehimx, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-prassi preċedenti tal-UASI billi ssostni li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li sempliċement tevoka ma tistax tiġi rrifjutata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

34      It-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti u servizzi kkonċernati l-oħra li, skont ir-rikorrenti, ma jaqgħux taħt il-qasam bankarju u finanzjarju, il-kliem “euro” u “payment” ma humiex evokattivi, iżda arbitrarji. B’hekk, it-tagħqid tal-kliem “euro automatic payment” ikun nieqes minn tifsira. Għaldaqstant, ma huwiex deskrittiv, la tal-prodotti u servizzi u lanqas ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

35      Konsegwentement, ir-rikorrenti tafferma li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet irrifjutata, iżda li hija arbitrarja jew sempliċement tevokahom.

36      Is-sitt nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma weriex kif it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija “użat[a] b’mod komuni għall-kummerċ tal-prodotti jew servizzi kkonċernati”. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma weriex li s-sinjal inkwistjoni intuża, jew jista’ jintuża fil-futur, għal finijiet deskrittivi.

37      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

38      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutat r‑reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il‑kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi. Dawn is-sinjali deskrittivi ma humiex adatti sabiex jaqdu l-funzjoni ta’ indikatur ta’ oriġini inerenti għat-trade marks (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punti 29 u 30).

39      F’din il-perspettiva, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 39, u tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T-19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24].

40      Minn dak li ntqal isegwi li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa meħtieġ li jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (is-sentenza PAPERLAB, punt 39 iktar ‘il fuq, punt 25).

41      B’hekk, il-karattru deskrittiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tagħhom li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs UASI (EUROPIG), T‑207/06, Ġabra p. II‑1961, punt 30].

42      Fil-kawża preżenti, il-partijiet ma jikkontestawx li l-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra ġustament li l-pubbliku rilevanti kien kompost minn konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż tal-Komunità, li dan il-pubbliku jinkludi professjonisti u persuni mhux professjonisti, u li l-imsemmi pubbliku huwa meqjus bħala normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li t-tliet elementi verbali li jikkomponu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma kliem bl-Ingliż li jinftehmu minn dan l-istess pubbliku.

43      Qabel kollox, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), li jipprovdi li l-Bord tal-Appell ma weriex kif is-sinjal inkwistjoni kien intuża, jew jista’ jintuża fil-futur, għal finijiet deskrittivi.

44      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi għalkemm l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali illi jirrikjedi illi s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi ta’ karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu liberament jiġu użati minn kulħadd [sentenza UASI vs Wrigley, punt 38 iktar ’il fuq, punt 31], xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ disponibbiltà konkreta, attwali jew serja favur terzi [is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II‑723, punt 39].

45      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Abbażi ta’ dan, waqt dan l-eżami, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C-273/05 P, Ġabra p. I‑2883, punti 78 sa 80).

46      Fir-rigward tal-espressjoni “euro automatic payment”, għandu jiġi rrilevat li din ma tmurx kontra r-regoli tas-sintassi jew lessikali tal-lingwa Ingliża, li tikkonforma magħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II‑1963, punt 29]. Dwar dan is-suġġett, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-aġġettiv “automatic” jikkwalifika b’mod manifest is-sostantiv “payment”.

47      Fir-rigward tat-tifsira tal-elementi li jikkomponu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huwa kostanti, minn naħa, li l-element “euro” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għall-munita unika Ewropea u, min-naħa l-oħra, li l-element “payment”, li huwa tradott bil-Franċiż bħala “paiement [ħlas]”, ifisser, b’kunsiderazzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-ħlas ta’ somma ta’ flus bħala eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunarju. Fir-rigward tat-tifsira tal-element “automatic”, huwa jirreferi, skont ir-rikorrenti, għal azzjoni li tiġi eżegwita mingħajr intenzjoni. Għaldaqstant, dejjem skont ir-rikorrenti, l-espressjoni “euro automatic payment” hija nieqsa minn kwalunkwe tifsira diretta, ċara u immedjatament identifikabbli.

48      Madankollu, għalkemm il-kelma “automatic” tirrferi għal mekkaniżmu li jista’ jwettaq azzjoni waħdu, jew li juża proċess b’mod awtonomu, tali fatt ma jeskludix li l-imsemmi mekkaniżmu jista’ jinbeda jew ikun mantnut mill-intenzjoni umana. Dan huwa l-każ pereżempju, fil-ħlas ta’ debitu dirett favur parti terza effettwata minn stabbiliment bankarju. B’hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-espressjoni “euro automatic payment” tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-implementazzjoni ta’ proċess awtomatiku ta’ ħlas bl-Euro li timplika l-għażlu tal-utent li jużah b’mod volontarju, b’mod puntwali u kontinwu.

49      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, huwa ġustament li l-UASI sostna li l-kelma “automatic” li hija parti mill-familja tal-lingwa Ingliża, li l-bażi tagħha hija l-kelma “automat”, tintuża ta’ spiss f’din il-lingwa, fil-qasam bankarju u finanzjarju. Huwa b’hekk li, pereżempju “automat” tiddeskrivi b’mod komuni magna li tqassam b’mod awtomatiku l-biljetti u li l-espressjoni “automated teller machine” tiddeskrivi kaxxier atomatiku jew distributur awtomatiku tal-biljetti. Konsegwentement, il-pubbliku rilevanti ma jara xejn sorprendenti u lanqas mhux tas-soltu fil-fatt li, fil-lingwa Ingliża, il-kliem “automatic” u “payment” jintużaw b’mod assoċjat mal-qasam bankarju u finanzjarju.

50      Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jkollha tifsiriet oħra, hekk kif tallega r-rikorrenti, ma jostakolax l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati [sentenza UASI vs Wrigley, punt 38 iktar ’il fuq, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2010, Euro-Information vs UASI (EURO AUTOMATIC CASH), T-15/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39].

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament li t-tifsira miżmuma mill-eżaminatur tal-espressjoni “euro automatic payment”, jiġifieri ħlas awtomatiku f’Euro, kienet korretta. Tali espressjoni għandha b’hekk tiġi interpretata bħala li tipprevedi mekkaniżmu ta’ ħlas bl-Euro, li l-konsumatur jagħżel li juża, b’mod puntwali u kontinwu, li huwa kapaċi li jwettaq azzjoni huwa stess jew li juża proċess b’mod awtonomu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din it-tifsira hija perċepibbli mill-pubbliku rilevanti, mingħajr il-ħtieġa ta’ analiżi ddettaljati jew ta’ proċessi intellettwali.

52      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-espressjoni “euro automatic payment” hija nieqsa minn tifsira diretta, ċara u immedjatament indentifikabbli, għanu jiġi miċħud bħala infondat.

53      B’hekk, issa għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tat-tifsira li għandha tinżamm tal-espressjoni “euro automatic payment”, l-imsemmija espressjoni hijiex deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li għandhom jiġu osservati waqt l-eżami ta’ applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni minn naħa, l‑eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li biha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha, fil-prinċipju, tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Mejju 2009, CFCMCEE vs UASI (P@YWEB CARD u PAYWEB CARD), T-405/07 u T-406/07, Ġabra p. II‑1441, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta wkoll mir-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt rikonoxxut mid-dritt Komunitarju għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minħabba f’hekk, għandu jirrigwarda l-legalità tal-motivi. Madankollu, meta l-istess raġuni għal rifjut titqajjem għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, din l-awtorità tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall‑prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punti 34 sa 37 u s-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

55      Madankollu, il-possibbiltà għall-UASI li jagħti motivazzjoni globali dwar l‑applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew servizzi m’għandhiex tippreġudika l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 253 KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa li deċiżjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Għalhekk, għandu jiġi rikjest li l-prodotti jew is‑servizzi kkonċernati jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġeni biżżejjed sabiex l-UASI jkun jista’ jagħti tali motivazzjoni globali. Issa, is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom (ara s-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, punt 54 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      It-tieni nett, fir-rigward tal-eżami ddettaljat ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont ir-Regolament Nru 207/2009, l-UASI għandu jeżamina l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u servizzi kollha li huma inklużi fil-lista kkonċernata, sakemm, meta din il-lista jkun fiha kategorija jew iktar ta’ prodotti u servizzi, l-UASI ma għandux l-obbligu li jwettaq analiżi ta’ kull prodott jew ta’ servizz f’kull kategorija, iżda għandu jagħmel eżami tal-kategorija inkwistjoni, fiha nnifisha [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T-304/06, Ġabra p. II-1927, punti 22 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata].

57      It-tielet nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ bażi dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kif previsti fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-UASI ma jistax jipproċedi għal eżami globali, ta’ kull kategorija ta’ prodotti u servizzi, ħlief meta l-prodotti jew servizzi kkonċernati jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed.

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Bord tal‑Appell eżaminax u motivax, b’mod suffiċjenti, in‑nuqqas ta’ karattru deskrittiv tat-trade marks mitluba fir-rigward tal‑prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

–       Fuq il-kards li jaqgħu fil-klassi 9

59      Fir-rigward tal-kards li jaqgħu fil-klassi 9, jiġifieri l-“kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, kards għal ħlas elettroniku”, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-imsemmija kards jistgħu jintuża sabiex jitwettqu l-ħlasijiet, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tad-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, sa fejn dawn il-prodotti kollha, li huma indirizzati lill-istess pubbliku, jiġifieri l-pubbliku ġenerali kif ukoll il-professjonisti, ikollhom il-forma ta’ kard b’tejp manjetiku, b’mikroproċessur jew b’ċipp li kapaċi tirreġistra u tittrażmetti informazzjoni bl-għajnuna ta’ strument (diġitali) ta’ qari u ta’ pproċessar ta’ data, l-imsemmija prodotti jikkostitwixxu, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-funzjonijiet simili, anki identiċi, tagħhom, grupp omoġenju ta’ prodotti.

61      Fil-fatt, dawn il-kards jippermettu t-trasferiment ta’ informazzjoni u ta’ data, li huma reġistrati fuqhom, fi ħdan netwerk ta’ komunikazzjoni, bħall-internet, netwerk bil-cable jew bis-satellita, lil prestatarju ta’ servizzi, sabiex ikun jista’ jidentifika l-possessur tagħhom kif ukoll id-dritt ta’ aċċess tiegħu. Issa, tali trasferiment ta’ informazzjoni u ta’ data jista’ jippermetti b’mod partikolari lill-possessur ta’ tali kards, jekk ikun il-każ bi ħlas, sabiex ikollu aċċess għall-imsemmi netwerk, u dan sabiex ikun jista’ jwettaq ħlas elettroniku (ara, b’analoġija, is-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, punt 54 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’, b’mod validu, minn naħa, jikkunsidra li din il-kategorija ta’ prodotti ppreżentat karatteristiċi komuni, fosthom dik li tippermetti l-ħlas bl-Euro u għaldaqstant, li jipproċedi għal eżami ġenerali tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għal dawn il-prodotti u, min-naħa l-oħra, li jqis li l-pubbliku rilevanti, iffaċċjat bil-prodotti ta’ din il-kategorija li fihom “euro automatic payment”, jaħseb immedjatament u mingħajr l-ebda ħsieb li jinsab fil-preżenza ta’ kards li għandhom bħala għan it-twettiq ta’ ħlas awtomatiku f’Euro.

63      Konsegwentement, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li hemm il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-kards inkwistjoni.

–       Fuq il-prodotti li huma parti mill-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 9

64      Fir-rigward tal-prodotti li huma parti mill-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 9, jiġifieri t-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), software għall-ġestjoni tal-kontijiet, monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuters, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri), programmi u tagħmir informatiċi li jippermettu li jiġu offruti servizzi kompluti bankarji, ta’ kumpannija finanzjarja u ta’ assigurazzjoni għad-distanza, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, software għal ħlas b’sigurtà għal netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online, apparat u strumenti ta’ ħlas elettroniku, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, tagħmir tal-kompjuter għal ħlas elettroniku, software għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku, kards għal ħlas elettroniku, strumenti elettriċi u elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji” u “apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni)” li jagħmlu parti mill-qasam tat-telekomunikazzjoni, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prodotti jistgħu kollha jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku u li, għaldaqstant, eżistiet rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti msemmija.

65      L-ewwel nett, fir-rigward tal-prodotti li jagħmlu parti mill-qasam tal-informatika li jaqgħu fil-klassi 9, sa fejn dawn il-prodotti kollha, li huma indirizzati lill-istess pubbliku, jiġifieri l-pubbliku ġenerali kif ukoll il-professjonisti, huma kapaċi li jwettqu r-reġistrazzjoni, il-ħażna, it-trattament, it-trasferiment u t-trasferiment mill-ġdid tal-informazzjoni u tad-data, l-imsemmija prodotti jikkostitwixxu, minħabba l-karatteristiċi u l-funzjonijiet simili, anki identiċi tagħhom, grupp omoġenju ta’ prodotti. Fil-fatt, minħabba l-istess raġunijiet esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq fir-rigward ta’ dawn il-kards, dawn il-prodotti jippermettu b’mod partikolari lill-utenti tagħhom sabiex iwettqu ħlas elettroniku, u dan anki mill-bogħod.

66      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ b’mod validu, minn naħa, jikkunsidra li din il-kategorija ta’ prodotti ppreżentat karatteristiċi komuni, fosthom dik li tippermetti l-ħlas bl-Euro, u, għaldaqstant, jipproċedi għal eżami globali, għal kull kategorija, tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba għal dawn il-prodotti u, min-naħa l-oħra, li jqis li l-pubbliku rilevanti, meta jara prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija u li fihom is-sinjal “euro automatic payment”, jaħseb immedjatament u mingħajr riflessjoni li jinsab fil-preżenza ta’ prodott, konness ma’ netwerk ta’ komunikazzjoni, li jinkorpora mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku li jippermettilu li jwettaq direttament il-ħlas bl-Euro, permezz tal-imsemmi netwerk.

67      It-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti li jagħmlu parti mill-qasam ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqgħu fil-klassi 9, sa fejn dawn il-prodotti kollha, li huma indirizzati lill-istess pubbliku, jiġifieri l-pubbliku ġenerali kif ukoll il-professjonisti, huma kapaċi li jwettqu r-reġistrazzjoni, il-ħażna, it-trattament, it-trasferiment u t-trasferiment mill-ġdid tal-informazzjoni u tad-data, l-imsemmija prodotti jikkostitwixxu, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-funzjonijiet simili, anki identiċi, tagħhom, grupp omoġenju ta’ prodotti. Fil-fatt, minħabba l-istess raġunijiet esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kards, dawn il-prodotti jippermettu b’mod partikolari lill-utenti tagħhom sabiex iwettqu ħlas elettroniku, anki mill-bogħod. Huwa wkoll veru li “mekanniżmi ta’ ħlas minn qabel għal apparat ta’ televiżjoni” sa fejn dawn il-mekkaniżmi, bħal decoder jew riċevituri ta’ programmi televiżivi bi ħlas offerti fuq netwerk tal‑cable jew tas-satellita, huma mgħammra kemm b’kard (spiss imsejħa “smartcard”) kif ukoll bi strument li jippermetti li tiddaħħal din il-kard sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess bi ħlas għal dan in-netwerk (ara, b’analoġija, is-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, punt 54 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ b’mod validu, minn naħa, jikkunsidra li din il-kategorija ta’ prodotti ppreżentaw xi karatteristiċi komuni, fosthom dik li tippermetti l-ħlas bl-Euro, jipproċedi għal eżami globali, għal kull kategorija, tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba għal dawn il-prodotti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2009, France Télécom vs UASI (UNIQUE), T-396/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29] u, min-naħa l-oħra, iqis li l-pubbliku rilevanti, meta jara prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija u li fihom is-sinjal “euro automatic payment”, jaħseb immedjatament u mingħajr riflessjoni li jinsab fil-preżenza ta’ prodott, mibgħut permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni, li jinkorpora mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku li jippermettilu li jwettaq direttament il-ħlas bl-Euro, permezz tal-imsemmi netwerk.

69      Konsegwentement, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru deskrittiv, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-qasam tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni inkwistjoni.

–       Fuq il-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 9

70      L-ewwel nett, fir-rigward tal-“magni awtomatici ta’ ħlas” u tal-“magni awtomatiċi bankarji”, għandu jiġi kkonstatat, bħalma jagħmel il-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, u bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li l-għan ta’ dawk tal-ewwel, kif ukoll il-finalità possibbli u probabbli ta’ dawk tal-aħħar, huwa li jitwettqu l-ħlasijiet awtomatiċi.

71      Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun ipperċepita bħala li tiddeskrivi l-funzjonalità teknika tal-prodotti previsti, jiġifieri l-possibbiltà li jitwettaq ħlas bl-Euro, jew ukoll bħala riferiment għal waħda mill-kwalitajiet tagħhom, jiġifieri l-awtomatiċità, peress li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-għażla ta’ tali prodotti mill-pubbliku rilevanti. Konsegwentement, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinforma lill-pubbliku rilevanti dwar waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri li għandhom, jew li jista’ jkollhom, mekkaniżmu li jippermetti li jitwettqu l-ħlasijiet awtomatiċi bl-Euro.

72      Isegwi li peress li l-espressjoni “euro automatic payment” tista’, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tintuża b’mod komuni fil-kummerċ, sabiex tiddeskrivi l-“magni awtomatici ta’ ħlas” u l-“magni awtomatiċi bankarji”, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark kontenzjuża kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tal-imsemmija prodotti.

73      It-tieni nett, fir-rigward tad-“detekters tal-flus foloz, tad-“distributuri awtomatiċi”, tal-“magni li jagħtu l-biljetti” u tal-“magni li jaqraw il-bar codes”, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 17, 19 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prodotti jew jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku, jew jinkorportaw tali mekkaniżmu. Barra minn hekk, hija ppreċiżat, fil-punti 19 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-“detekters tal-flus foloz” u l-“magni li jaqraw il-bar codes” setgħu jkunu marbuta b’mod strett mad-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku bħad-distributuri awtomatiċi ta’ biljetti u ta’ affarijiet oħra, u li għaldaqstant setgħu jkollhom l-istess użu intenzjonat ta’ dawn tal-aħħar.

74      Isegwi li, hekk kif ġie ddikjarat fil-punt 51 iktar ’il fuq, ħlas awtomatiku f’Euro għandu jiġi interpretat bħala mekkaniżmu, li l-konsumatur volontarjament għażel li jużah b’mod puntwali u kontinwu, kapaċi li jwettaq azzjoni waħdu, jew li juża proċess b’mod awtonomu.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-karattru awtomatiku ta’ ħlas bl-Euro mwettaq permezz ta’ “distributuri awtomatiċi” u ta’ “magni li jagħtu l-biljetti” ma humiex esklużivament manifestazzjoni ta’ intenzjoni minn naħa tal-konsumatur.

76      Konsegwentement, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tad-“detekters tal-flus foloz”, tad-“distributuri awtomatiċi”, tal-“magni li jagħtu l-biljetti” u tal-“magni li jaqraw il-bar codes”, fis-sens li l-prodotti inkwistjoni jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku, jew jistgħu jiġu inkorporati f’tali mekkaniżmu.

77      It-tielet nett, fir-rigward tal-“magni li jagħtu l-biljetti”, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, meta magna li tagħti l-biljetti tagħti somma ta’ flus lill-possessur tal-kard bankarja, l-istabbiliment bankarju li miegħu hija marbuta din il-kard, iħallas biss somma ta’ flus bħala eżekuzzjoni tal-obbligu tal-ħlas tad-dejn tal-bank lill-possessur tal-kard bankarja. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun konsegwentement deskrittiva tal-imsemmija prodotti, fejn l-użu intenzjonat huwa marbut b’mod strett mal-kunċett ta’ ħlas. Issa, hemm fil-fatt lok li jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi eskluż li, meta jaqra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-pubbliku rilevanti jipperċepiha bħala deskrittiva b’mod partikolari tal-operazzjonijiet ta’ ġbid ta’ flus kontanti, peress li dawn tal-aħħar huma simili għal ħlasijiet.

78      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma jagħmel l-UASI, li l-magni li jagħtu l-biljetti jistgħu joffru sensiela wiesgħa ta’ funzjonalitajiet li jmorru lil hinn mis-sempliċi ġbid ta’ flus, bħat-twettiq ta’ ħlas jew ta’ ordnijiet ta’ ħlas, jew ukoll kif ġie ppreċiżat fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tqassim ta’ dikjarazzjonijiet tal-kontijiet. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi bħala deskrittivi l-indikazzjonijiet li jipprovdu li prodott jista’ jippermetti li jitwettaq ħlas awtomatiku f’Euro, taħt il-kundizzjoni li din il-karatteristika tkun rilevanti fil-konfront tal-prodott ikkonċernat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2010, hofherr communikation vs UASI (NATURE WATCH), T‑77/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 30], li huwa evidenti ħafna fil-kawża preżenti.

79      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tal-“magni li jagħtu l-biljetti”.

80      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit tad-disponibbiltà msemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq li jipprovdi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi, li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, għandhom jintużaw b’mod liberu minnhom kollha u dan jimplika li l-kompetituri tar-rikorrenti li jistgħu jinkorporaw fil-magni li jagħtu l-biljetti mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku f’Euro, ikunu jistgħu jużaw l-espressjoni “euro automatic payment” b’mod liberu.

81      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet”, il-Bord tal-Appell, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, qies essenzjalment, li dawn huma marbuta b’mod strett mal-“magni li jagħtu l-biljetti”, peress li dawn iż-żewġ prodotti huma inkorporati b’apparat uniku, u li, konsegwentement, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun ipperċepita bl-istess konnotazzjoni deskrittiva għaż-żewġ prodotti inkwistjoni.

82      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, il-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet”, minn naħa, u l-“magni li jagħtu l-biljetti”, min-naħa l-oħra, jistgħu jingħaqdu f’magna waħda u li, għaldaqstant, bl-istess mod ta’ dawn tal-aħħar, il-magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet ikunu jistgħu joffru funzjonalitajiet oħrajn. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala deskrittiva ta’ karatteristika essenzjali tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri dawk li jistgħu jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku f’Euro.

83      Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet”.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ġew qabel jirriżulta li kien ġustament li l-Bord tal-Appell, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, kif previst fil-punt 4 iktar ’il fuq.

–       Fuq is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36

85      Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma kollha offerti, b’mod partikolari fl-oqsma bankarji, finanzjarji u tal-informatika, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, u li, min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-imsemmija servizzi jimplikaw kollha t-twettiq ta’ operazzjoni ta’ ħlas, kemm fil-każ ta’ kard jew, jekk ikun il-każ, permezz ta’ mezz elettroniku.

86      Abbażi ta’ dan, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punti 30 u 31 iktar ’il fuq), għandu jiġi ppreċiżat li dan huwa b’mod partikolarment il-każ, hekk kif ikkunsidra ġustament il-Bord tal-Appell, fis-servizzi ta’ senserija fil-Borża jew fuq netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni online, li jistgħu jwasslu lill-aġent awtorizzat sabiex jipproċedi, fl-interess ta’ benefiċjarju, għal operazzjonijiet ta’ ħlas ta’ titoli fuq is-suq ikkonċernat. Huwa wkoll ġustament li l-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li s-servizzi ta’ skambju huma bbażati fuq operazzjoni ta’ ħlas intiża sabiex jiġu kkonvertiti l-valuti barranin bejniethom.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 jiddisponu kollha minn karatteristika komuni, jew anki l-istess suġġett, fis-sens li, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li jaqgħu taħt grupp omoġenju ta’ servizzi u li eżami globali, ta’ kull kategorija, bħal dak li jidher fil-punti 25 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li s-servizzi inkwistjoni joffru l-possibbiltà li jitwettaq jew li jinkiseb ħlas awtomatiku f’Euro, huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-eżami fil-fond tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba li tikkonċernahom (ara, b’analoġija, is-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, punt 54 iktar ’il fuq, punt  80).

88      Issa, it-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn, minn naħa, is-sinjal verbali “euro automatic payment” u, min-naħa l-oħra, li l-kwalità partikolari tat-totalità ta’ servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 tikkonsisti fil-fatt li dawn jistgħu jippermettu t-twettiq jew ir-riċeviment ta’ ħlas awtomatiku, eventwalment b’mod elettroniku, li huwa marbut b’mod strett mal-kunċett ta’ awtomatiċità, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji li jaqgħu taħt il-qasam bankarju, finanzjarju u tal-informatika.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu, l-UASI kien irrikonoxxa li trade mark li hija sempliċement evokatriċi tal-qasam bankarju u finanzjarju li huma relatati magħhom is-servizzi kkonċernati, ma hijiex deskrittiva tal-imsemmija servizzi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet tal-Appell huma marbuta li jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-UASI (sentenza STREAMSERVE, punt 44 iktar ’il fuq, punt 66).

90      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif qies il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li l-espressjoni “euro automatic payment”, tipprovdi informazzjoni diretta fuq is-suġġett tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jikkostitwixxi sempliċi deskrizzjoni tan-natura stess jew tas-suġġett tal-imsemmija servizzi.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, kif previst fil-punt 4 iktar ’il fuq.

92      Il-konklużjonijiet li jirriżultaw fil-punti 84 u 91 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu kkontestati inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti, espost fil-punti 32 sa 35 iktar ’il fuq, li jipprovdi li, l-espressjoni “euro automatic payment” ma hijiex deskrittiva, iżda evokatriċi, anki arbitrarja, u abbażi ta’ dan il-prodotti u servizzi previsti mill-applikazzjoni għal trade mark, jappartjenu jew le, għall-qasam bankarju u finanzjarju.

93      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm id-deskrizzjoni tikkorrispondi għad-deskrizzjoni diretta tas-suġġett, tal-kwalità jew tal-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal trade mark, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, l-evokazzjoni hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u servizzi kkonċernati, fis-sens li ma taqbiżx il-limitu legali tas-suġġestjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Sunrider vs UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. II‑449, punti 22 u 24].

94      Għaldaqstant, peress li ntwera li l-espressjoni “euro automatic payment” hija deskrittiva tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, l-imsemmija espressjoni taqa’ taħt il-qasam tad-deskrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u ma tistax taqa’ taħt il-qasam tal-evokazzjoni.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ġew qabel, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonstata n-natura deskrittiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 36, kif previsti fil-punt 4 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96      Peress li, skont ġurisprudenza kostanti, jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li huwa biżżejjed li tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati sabiex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lancôme vs UASI – CMS Hasche Sigle (COLOR EDITION), T-160/07, Ġabra p. II‑1733, punt 51], ma baqax lok li jiġi eżaminat it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

97      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi kompletament miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Euro-Information – Européenne de traitement de l’information hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ April 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.