Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Jannar 2024 – R. K. vs K. Ch., D. K., E. K.

(Kawża C-67/24, Amozov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofyiski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: R. K.

Konvenuti: K. Ch., D. K., E. K.

Domandi preliminari

Il-premessa 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti prassi ġudizzjarja nazzjonali li minnha jirriżulta li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati msejħa sabiex jeżaminaw talbiet għall-manteniment ta’ persuni li jirrisjedu abitwalment fi Stat terz (f’dan il-każ fil-Kanada), għandha tiġi ddeterminata skont id-dritt nazzjonali u mhux skont ir-Regolament?

L-Artikoli 3 u 8 tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu prassi ġudizzjarja nazzjonali li minnha jirriżulta li l-kunċett ta’ “talba għal manteniment” ma jinkludix talba għat-tnaqqis tal-allowance tal-manteniment sa fejn tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament japplikaw biss għat-talbiet għall-għoti ta’ allowance tal-manteniment?

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċittadinanza komuni” japplika wkoll fil-każ li parti waħda jew iktar ikollha jew ikollhom ċittadinanza doppja, jew japplika biss fil-każijiet fejn ikun hemm identiċità kompleta taċ-ċittadinanza?

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-każ fejn id-debitur iressaq talba għat-tnaqqis tal-allowance tal-manteniment jitqies bħala “każ eċċezzjonali” meta l-allowance tal-manteniment tkun dovuta lil persuna li tkun tirrisjedi abitwalment fi Stat terz u li ma jkollha ebda rabta mal-Unjoni għajr iċ-ċittadinanza tagħha?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29.