Language of document : ECLI:EU:T:2013:410





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Settembru 2013 –
Good Luck Shipping vs Il-Kunsill

(Kawża T‑57/12)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxu l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali (ara l-punti 19-22)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħall-att li jippreġudikaha — Limiti — Sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà (Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 36(3) u Nru 267/12, Artikolu 46(3); Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/413/PESK, Artikolu 24(3)) (ara l-punti 27-31, 48)

3.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja (Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 36(3) u Nru 267/2012, Artikolu 46(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 24(3)) (ara l-punti 32, 47)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li jiġu speċifikati l-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ appoġġ imwettqa mid-destinatarju f’isem l-entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni — Assenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 16(2)(a) u Nru 267/12, Artikolu 23(2)(a) u (e); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikoli 20(1)(b) u 24(2) u (3)) (ara l-punti 39, 40, 42-44, 48)

5.                     Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment ġenerali għall-motivi u għall-argumenti invokati minn rikorrent ieħor fil-kuntest ta’ kawża konnessa — Inammissibbiltà (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 55-58)

6.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv ibbażat fuq elementi rrilevati fil-mori tal-kawża — Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika — Inammissibbiltà — Limiti — Motivi bbażati fuq elementi żvelati matul il-proċedura (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punti 59, 60, 71)

7.                     Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità — Portata — Obbligu li jiġu ppreżentati provi u informazzjoni konkreti għall-verifika tagħhom (ara l-punt 64)

8.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Annullament f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi — Riskju ta’ preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel att sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni att (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK) (ara l-punti 74-76)

Suġġett

Talba intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal‑1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71), it-tieni nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal‑1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), u, it-tielet nett, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u [...] li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn il-miżuri jew dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Għandhom jiġu annullati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Good Luck Shipping LLC:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal‑1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat‑23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u [...] li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/783 għandhom jinżammu f’dak li jirrigwarda lil Good Luck Shipping sakemm isir effettiv l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Good Luck Shipping.