Language of document : ECLI:EU:F:2012:172

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 — Stabbiliment ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi b’ċittadinanza Rumena — Konoxxenza approfondita tal-lingwa uffiċjali tar-Rumanija — Minoranza li titkellem bl-Ungeriż fir-Rumanija — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni — Portata”

Fil-Kawża F‑29/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

BA, residenti f’Wezembeek-Oppem (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u É. Marchal, avukati, sussegwentement minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Eggers u P. Pecho, bħala aġenti, sussegwentement minn B. Eggers, bħala aġent,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kreppel, President, E. Perillo (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Marzu 2011, BA ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-10 ta’ Diċembru 2010, li kienet tiċħad l-ilment tagħha u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 li ma tiġix ammessa għall-eżami orali tal-kompetizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita [minoranza] nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita.

[…]

5. Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. Din id-disposizzjoni ma tgħoddx fil-proċeduri dixxiplinarji.

6. Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.”

3        L-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-oġħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Unjoni.

L-ebda post ma jkun riservat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

4        L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

(a)      huwa ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, sakemm eċċezzjoni [deroga] ma tkunx awtorizzata mill-awtorità tal-ħatra, u jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

[…]

(f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”

5        L-Artikolu 1(1) tal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

[…]

(f)      fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, [tal-15 ta’ April 1958,] li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-każ:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi użati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonu [Estonjan], il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, [l-Irlandiż], l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

7        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 jipprevedi:

“Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità [Unjoni] jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

8        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1:

“Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità [Unjoni] tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.”

9        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunità [Unjoni] jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

10      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi:

“Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-lingwa li għandha tintuża għandha tkun, fuq talba minn dak l-Istat, irregolata mir-regoli ġenerali tal-liġi tiegħu.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 401/2004, tat-23 ta’ Frar 2004 li jdaħħal, fl-okkażjoni tal-adeżjoni ta’ Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, miżuri speċjali temporanji għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 33):

“Sal-31 ta’ Diċembru 2010, għandhom isiru wkoll il-kompetizzjonijiet ġenerali għall-uffiċjali li jkollhom wad [waħda] mill-11-il lingwa uffiċjali bħala l-lingwa ewlenija tagħhom; dawn il-kompetizzjonijiet għandhom ikopru b’mod simultanju dawn il-lingwi kollha.”

12      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1760/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, li jintroduċi, fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, miżuri temporanji speċjali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 200M, p. 241) jipprovdi:

“[…]

(1) Fl-okkażjoni ta’ l-adeżjoni li ġejja tal-Bulgarija u r-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu adottati miżuri temporanji speċjali li jmorru lil hinn mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej […].

(2) Minħabba d-daqsijiet relativi tal-pajjiżi li qed jaderixxu u n-numru ta’ nies potenzjalment involuti, dawn il-miżuri, għalkemm temporanji għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu sostanzjali. Il-31 ta’ Diċembru 2011 tidher li hija l-aktar data ta’ skadenza xierqa f’dan ir-rigward.

(3) Minħabba l-ħtieġa li jkuni jistgħu isiru r-reklutaġġi pjanati mill-aktar fis possibbli wara l-adeżjoni, dan ir-Regolament għandu jiġi adottat qabel id-data ta’ l-adeżjoni.

[…]

Artikolu 1

1. Minkejja t-tieni u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 4, l-Artikolu 7(1), it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 27 u l-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-postijiet vakanti jistgħu jimtlew wara d-data ta’ l-adeżjoni tal-pajjiżi konċernati, u sal- 31 ta’ Diċembru 2011, bil-ħatra ta’ ċittadini Bulgari u Rumeni, sal-limitu tan-numru ta’ postijiet allokati u b’ konsiderazzjoni tad-diskussjonijiet baġitarji.

2. Il-ħatriet tal-postijiet isiru:

(a)      Għall-gradi kollha, wara d-data ta’ l-adeżjoni;

(b)      Ħlief għall-uffiċjali għolja, (Diretturi Ġenerali jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 16 jew AD 15 u Diretturi jew l-ekwivalenti tagħhom fi grad AD 15 jew AD 14), wara l-kompetizzjonijiet ibbażati kemm fuq kwalifiki kif ukoll fuq testijiet organizzati kif speċifikat fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

[…]”

13      Fil-21 ta’ Jannar 2009 ġie ppubblikat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/147/09, organizzat mill-EPSO b’mod partikolari biex tiġi stabbilita riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 5) b’ċittadinanza Rumena fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea (ĠU C 14 A, p. 1), emendat b’rettifika ppubblikata fit-13 ta’ Marzu 2009 (ĠU C 59 A/2, p. 2) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”).

14      It-Titolu I, B, punt 2(c) tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Konoxxenza tal-lingwi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi:

“Lingwa prinċipali (lingwa 1)

Il-kandidati għandu jkollhom:

[…]

–        konoxxenza approfondita tal-lingwa Rumena [...]

It-tieni lingwa (lingwa 2)

Il-kandidati għandu jkollhom konoxxenza sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      It-Titolu III, punt 1, tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Eżamijiet bil-miktub – Immarkar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprevedi:

“L-eżamijiet bil-miktub (a) u (b) għandhom isiru bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (lingwa 2).

a)      Eżami magħmul minn sensiela ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla sabiex jiġu evalwati l-konoxxenzi speċifiċi tal-kandidati fil-qasam magħżul.

[…]

b)      Eżami dwar suġġett magħżul, fil-qasam magħżul […]

c)      Redazzjoni ta’ nota qasira, fil-lingwa prinċipali (lingwa 1) tal-kandidat, fejn jiġu esposti l-argumenti u l-konklużjonijiet tal-eżami bil-miktub (b). Dan l-eżami għandu l-għan li jittestja l-konoxxenza tal-kandidat tal-lingwa prinċipali tiegħu kemm permezz tal-kwalità tar-redazzjoni kif ukoll permezz tal-preżentazzjoni.

      Dan l-eżami għandu jingħata marki minn 0 sa 10 punti (minimu meħtieġ: 8 punti).

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Barra minn hekk, l-anness għall-avviż ta’ kompetizzjoni jippreċiża:

“[…]

Talba għal eżami mill-ġdid

F’terminu ta’ għaxart ijiem kalendarji li jibdew jiddekorru mid-data meta l-ittra li tinnotifika d-deċiżjoni tintbagħat online, ressaq talba għal eżami mill-ġdid fil-forma ta’ ittra motivata […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17      Ir-rikorrenti, b’nazzjonalità Rumena u b’nazzjonalità Ungeriża, tappartjeni lill-minoranza Ungeriża tar-Rumanija.

18      Hija ppreżentat ruħha bħala kandidata, fil-kwalità tagħha ta’ ċittadina Rumena, għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/147/09, organizzata mill-EPSO b’mod partikolari biex tiġi stabbilita riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi b’ċittadinanza Rumena fil-qasam tal-“Amministrazzjoni Pubblika Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wara li rnexxielha tgħaddi mill-eżamijiet ta’ aċċess, ir-rikorrenti tħalliet tagħmel l-eżamijiet bil-miktub.

19      B’ittra tal-21 ta’ April 2010, l-EPSO kkomunikat lir-rikorrenti r-riżultati li kienet ġabet fl-eżamijiet bil-miktub. Hija ġabet marki ogħla mill-minimu meħtieġ fl-eżamijiet (a) u (b), fejn intużat il-lingwa 2 (il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż) magħżula mill-kandidat, lingwa li l-avviż ta’ kompetizzjoni eżiġa li l-kandidat ikollu “konoxxenza sodisfaċenti” tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ġabet marka eliminatorja ta’ 6/10 fl-eżami (c), fejn sar użu mil-lingwa 1 (ir-Rumen), li l-avviż ta’ kompetizzjoni eżiġa li l-kandidat ikollu “konoxxenza approfondita” tagħha.

20      Bi tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid imressqa fil-21 ta’ April 2010, l-EPSO informa lir-rikorrenti, b’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2010 li, wara li rreveda l-eżami bil-miktub (c) tagħha, il-Bord tal-Għażla kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li ma jammettihiex għall-eżami orali.

21      B’messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti talbet li s-sitwazzjoni tagħha terġa’ tiġi eżaminata, għaliex fil-fehma tagħha hija sfat vittma ta’ diskriminazzjoni minħabba li hija kellha tagħmel l-eżami bil-miktub (c) bir-Rumen u mhux bl-Ungeriż, li wara kollox hija l-lingwa materna tagħha.

22      B’ittra tal-20 ta’ Settembru 2010, irreġistrata l-għada mill-EPSO, ir-rikorrenti ressqet ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn ikkontestatat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li taha marka ta’ 6/10 għall-eżami bil-miktub (c) kif ukoll il-legalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

23      B’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2010, id-direttur tal-EPSO, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), ċaħad l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

 It-talbiet tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        sa fejn dan ikun neċessarju, jannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ta lir-rikorrenti l-marka eliminatorja ta’ 6/10 fl-eżami bil-miktub (c);

–        jorganizza eżami bil-miktub (c) ieħor;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

26      Bl-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti qed titlob li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li ċaħdet ilment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8).

28      F’dan il-każ, l-ilment tal-20 ta’ Settembru 2010, li ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fl-10 ta’ Diċembru 2010, kien dirett kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jagħti lir-rikorrenti l-marka ta’ 6/10 fl-eżami bil-miktub (c). Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu, inkwantu din sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2010, wara eżami mill-ġdid mill-Bord tal-Għażla, b’motivazzjoni li essenzjalment tirripproduċi, iżda b’mod iktar komplet, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 43).

29      Barra minn hekk, meta parti li l-applikazzjoni tagħha biex tiġi ammessa għal kompetizzjoni organizzata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tkun ġiet miċħuda titlob l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni abbażi ta’ dispożizzjoni speċifika li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla, wara eżami mill-ġdid, li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, skont l-anness għall-avviż ta’ kompetizzjoni, ir-rikorrenti talbet, fil-21 ta’ April 2010, l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ma tiġix ammessa għall-eżami orali.

31      B’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2010, l-EPSO wieġbet lir-rikorrenti li l-Bord tal-Għażla kien iltaqa’ fil-11 ta’ Ġunju 2010 u kien iddeċieda li jikkonferma l-marka ta’ 6/10 li hija kienet ġabet fl-eżami bil-miktub (c), kif ukoll id-deċiżjoni li ma tiġix ammessa għall-eżami orali.

32      Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2010, ikkomunikata dakinhar stess lir-rikorrenti, tikkostitwixxi, f’dan il-każ, l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

33      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa intiż sabiex jannulla d-deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2010 li ttieħdet wara l-eżami mill-ġdid (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

34      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li r-rikors huwa manifestament inammissibbli. Ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjoni li hija ma tiġix ammessa għall-fażi sussegwenti tal-kompetizzjoni, mhux minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-korrezzjoni tal-eżami bil-miktub (c), imma biss minħabba li matul dak l-eżami hija ma setgħetx tuża l-Ungeriż, jiġifieri l-lingwa materna tagħha. Sa fejn jimponi l-iżvolġiment ta’ dak l-eżami biss bir-Rumen, l-avviż ta’ kompetizzjoni b’hekk kien id-deċiżjoni li tabilħaqq ikkawżat preġudizzju lir-rikorrenti. Billi ma ppreżentatx ir-rikors fit-terminu mogħti li beda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, ir-rikorrenti kienet prekluża milli tieħu azzjoni.

35      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma huwiex, bħala prinċipju, att li jikkawża preġudizzju u tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni ma eskludihiex direttament mill-eżamijiet. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li hija tista’ tinvoka irregolaritajiet li seħħew matul il-proċedura tal-kompetizzjoni, inklużi dawk li oriġinaw mill-eżami stess tal-avviż tal-kompetizzjoni, permezz ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni individwali li tikkawżalha preġudizzju u li, sussegwentement, huwa ammissibbli li hija tikkontesta inċidentalment l-avviż ta’ kompetizzjoni.

36      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra sostniet li l-ilment kien inammissibbli minħabba li ma ġewx osservati t-termini tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni kkontestata fit-18 ta’ Ġunju 2010 u missha ressqet ilment mhux iktar tard mit-18 ta’ Settembru 2010 u mhux fl-20 ta’ Settembru 2010.

37      Ir-rikorrenti tinvoka l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi “[j]ekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss”. Billi t-18 ta’ Settembru 2010 kien is-Sibt, ir-rikorrenti ssostni li r-rikors kien ammissibbli għaliex l-ilment tressaq it-Tnejn 20 ta’ Settembru 2010, l-ewwel jum ta’ xogħol li kien imiss wara tmiem l-imsemmi terminu.

38      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex tallega li l-ilment tressaq barra mit-terminu mogħti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

39      Fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li hija proċedura amministrattiva kumplessa komposta minn numru ta’ deċiżjonijiet marbutin mill-qrib bejniethom, rikorrent għandu d-dritt iqajjem irregolaritajiet illi jkunu seħħew matul il-proċedura tal-kompetizzjoni, inklużi dawk li joriġinaw mill-eżami stess tal-avviż tal-kompetizzjoni, permezz ta’ rikors indirizzat kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il‑Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punt 19; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ April 2011, Clarke et vs UASI, F‑82/08, punt 79).

40      Fil-fatt, f’tali proċedura, rikorrent ma jistax jiġi mistenni li jressaq daqstant rikorsi daqskemm din il-proċedura tinvolvi atti li jistgħu jikkawżawlu preġudizzju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Noonan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

41      Ġie deċiż ukoll li ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Noonan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

42      Fl-aħħar nett, ġie wkoll ippreċiżat li avviż ta’ kompetizzjoni jista’ wkoll, b’mod eċċezzjonali, ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament meta, billi jimponi kundizzjonijiet illi jeskludu l-kandidatura tar-rikorrent, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza Clarke et vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

43      Fi kliem ieħor, anki jekk jiġi ammess, għall-finijiet tal-argument biss, li l-avviż ta’ kompetizzjoni seta’ ġie kkontestat mir-rikorrenti permezz ta’ rikors għall-annullament, dik iċ-ċirkustanza, biss, la twassal biex ir-rikorrenti tkun prekluża milli tieħu azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata u lanqas, sussidjarjament, għall-inammissibbiltà tal-motivi li huma intiżi, jekk ikun il-każ, biex jikkontestaw il-legalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

44      Barra minn hekk, l-ilment ma kienx tardiv.

45      Fil-fatt, billi d-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Għażla wara eżami mill-ġdid tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju, hija wkoll din id-deċiżjoni, meħuda wara eżami mill-ġdid, li twassal għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu sabiex jitressaq ilment u jiġi ppreżentat rikors (sentenza Časta vs Il‑Kummssjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

46      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni kkontestata fit-18 ta’ Ġunju 2010 u li l-ilment kontra din id-deċiżjoni tressaq fl-20 ta’ Settembru 2010.

47      Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi għalih ir-rikorrenti, ma huwiex applikabbli għall-proċedura prekontenzjuża.

48      Fl-assenza, fl-istess Regolamenti tal-Persunal, ta’ regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-termini previsti fl-Artikolu 90 tagħhom, għandu jsir riferiment għar-Regolament (KEE, EURATOM) Nru 1182/71 tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51) (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Lulju 2009, Sevenier vs Il‑Kummissjoni, F‑62/08, punt 27). L-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li meta l-aħħar ġurnata tal-perijodu, tkun festa pubblika, Ħadd jew Sibt, il-perijodu għandu jispiċċa fit-tmiem tal-aħħar siegħa tal-ġurnata tax-xogħol ta’ wara.

49      F’dan il-każ, billi l-aħħar jum tat-terminu, it-18 ta’ Settembru 2010, kien is-Sibt, it-terminu ġie fi tmiemu fl-20 ta’ Settembru 2010. Għaldaqstant, l-ilment ma kienx tardiv.

50      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

51      Ir-rikorrenti tippreċiża li hija tinvoka, insostenn tar-rikors tagħha, il-ksur:

–        tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni;

–        tal-Artikolu 1d(1), (5) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tal-Artikolu 2 TUE;

–        tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

–        tal-Artikoli 3, 4, 5, 10 u 19 tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali li ġiet konkluża fi Strasbourg fl-1 ta’ Frar 1995 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Qafas”).

 Fuq il-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 1d(1), (5) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal

52      Hemm lok li dawn iż-żewġ motivi jiġu eżaminati flimkien.

–       L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li hija ma setgħetx tagħmel l-eżami bil-miktub (c) bil-lingwa prinċipali tagħha, jiġifieri l-Ungeriż, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

54      Hija tfakkar li l-lingwa materna u prinċipali tagħha hija l-Ungeriża, li hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minkejja li l-Ungeriż ma huwiex lingwa uffiċjali tar-Rumanija, madankollu huwa l-lingwa ta’ komunikazzjoni li dan il-pajjiż jirrikonoxxi l-użu tagħha lill-minoranza Ungeriża. Ir-Rumanija b’hekk hija konformi mal-għan tal-istituzzjonijiet Ewropej li jipproteġu l-minoranzi nazzjonali. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-minoranza Ungeriża tar-Rumanija bagħqet, matul iż-żminijiet, tikseb drittijiet ġodda, fosthom dak, għall-membri tagħha, li jsegwu l-istudji tagħhom bl-Ungeriż. Ir-rikorrenti tenfasizza li hija kisbet iċ-ċertifikati tal-iskejjel primarji u sekondarji u l-lawrja Universitarja bl-Ungeriż u li d-diploma li kisbet fi tmiem l-istudji tagħha fir-Rumanija tagħtiha l-istess drittijiet mogħtija lill-persuni li jkunu kisbu l-istess diploma bir-Rumen.

55      Konsegwentement, il-fatt li ma setgħetx tagħmel l-eżami bil-miktub (c) bl-Ungeriż oġġettivament żvantaġġaha meta pparagunata mal-konċittadini tagħha li segwew l-istudji tagħhom fl-iskejjel u fl-Università bir-Rumen.

56      Hija tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-kandidati kellhom jiġu offruti l-possibbiltà li jagħżlu bejn il-lingwi mitkellma fir-Rumanija peress li dawn huma lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

57      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/53/06 (ĠU C 172 A, p. 3), irriżervat għaċ-ċittadini Ċiprijotti abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 401/2004, kien jimponi l-konoxxenza approfondita tal-lingwa Griega bħala lingwa prinċipali, filwaqt li kien jipprevedi l-possibbiltà, b’mod eċċezzjonali, li ċ-ċittadini Ċiprijotti li l-lingwa prinċipali tagħhom ma hijiex il-Grieg, jagħżlu waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bit-tieni lingwa tkun, f’dan il-każ, differenti mil-lingwa prinċipali magħżula.

58      Skont ir-rikorrenti, id-diskriminazzjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li, għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni inkwistjoni f’dan li-każ, il-Kummissjoni imponiet kemm il-kundizzjoni tan-nazzjonalità kif ukoll dik tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, jekk irriżulta li kien hemm bżonn li jiġu rreklutati ċittadini li jitkellmu bir-Rumen, ma kienx hemm lok li r-reklutaġġ jiġi limitat għall-persuni b’nazzjonalità Rumena biss. Jekk l-għan, min-naħa l-oħra, kien ir-reklutaġġ ta’ ċittadini Rumeni, l-uniku kriterju kellu jkun dak tan-nazzjonalità.

59      Ir-rikorrenti tenfasizza li, skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, ikun xi jkun il-każ hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, min-naħa l-waħda, li d-deċiżjoni li l-eżami bil-miktub (c) isir bir-Rumen ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà ta’ limitazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata.

60      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata, b’mod partikolari mill-għan invokat mill-Kummissjoni, jiġifieri li jintlaħaq bilanċ ġeografiku raġonevoli, ir-rikorrenti tikkunsidra li ma huwiex leġittimu li jiġu esklużi l-kandidati Rumeni li jappartjenu lill-minoranza Ungeriża minħabba li r-Rumanija ma ddikjaratx l-Ungeriż bħala lingwa uffiċjali abbażi tar-Regolament Nru 1.

61      Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex in-neċessitajiet tas-servizz jeżiġu l-użu esklużiv tal-lingwa Rumena mill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 u li nħatru uffiċjali.

62      Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn “l-interess tas-servizz” u “l-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”. Jekk ir-reklutaġġ tal-uffiċjali Rumeni kien immotivat min-neċessità li tiġi stabbilita komunikazzjoni mal-ambjenti ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri, kien ikun utli li jiġu rreklutati persuni li jappartjenu lill-minoranza Ungeriża sabiex tiġi stabbilita komunikazzjoni mal-atturi ekonomiċi u soċjali marbuta ma’ din il-minoranza.

63      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tippreċiża li hija tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fil-fehma tagħha, ma jżid l-ebda kundizzjoni ta’ konoxxenza ta’ lingwa li tagħha l-uffiċjal ikollu n-nazzjonalità.

64      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma kienet vittma tal-ebda inugwaljanza fit-trattament u li, kien x’kien il-każ, il-kundizzjonijiet lingwistiċi tal-kompetizzjoni huma ġġustifikati mill-interess tas-servizz, jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal u huma proporzjonati.

65      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li għandha ssir distinzjoni bejn “lingwi tal-Unjoni”, jiġifieri l-lingwi li għandhom jintużaw skont ir-Regolament Nru 1 u “lingwi mitkellma fi Stat Membru”. Fil-fatt, skont l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolament Nru 1, l-ebda kandidat f’kompetizzjoni ma jista’ jeżiġi l-użu, fl-eżamijiet bil-miktub tal-imsemmija kompetizzjoni, ta’ lingwa oħra għajr il-lingwi tal-Unjoni rilevanti abbażi tar-Regolament Nru 1.

66      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jiddeterminaw il-lingwi uffiċjali li għandhom jintużaw fi ħdan il-korpi tagħhom u konsegwentement fl-għażla tal-lingwi li l-konoxxenza tagħhom tista’ tkun mitluba lill-kandidati f’kompetizzjoni. F’dan ir-rigward ukoll, l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti ġustament li l-Awtorità tal-Ħatra tispeċifika l-konoxxenza tal-lingwi meħtieġa min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet vakanti.

67      Il-Kummissjoni qed tinvoka wkoll il-fatt li, sa issa, ir-Rumanija għadha ma ddikjaratx l-Ungeriż bħala lingwa oħra tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1.

68      Il-Kummissjoni tfakkar li l-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 hija “kompetizzjoni ta’ ‘tkabbir’”, organizzata preċiżament abbażi tar-Regolament Nru 1760/2006, li jidderoga, għal perijodu tranżitorju, għall-finijiet tar-reklutaġġ taċ-ċittadini Rumeni, mir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari mill-Artikolu 27 li jipprojbixxi li jiġu rriżervati impjiegi vakanti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru partikolari. Kien hemm bżonn li jiġi rreklutat, mill-iktar fis possibbli, persunal b’nazzjonalità Rumena u li kien jaf sew il-lingwa Rumena, sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-servizz maħluqa bl-adeżjoni tar-Rumanija u, b’mod partikolari, sabiex tiġi stabbilita komunikazzjoni bil-lingwa tal-Unjoni li għandha tintuża fir-relazzjonijiet mar-Rumanija.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit tal-konoxxenza tar-Rumen fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jilħaq l-għanijiet ġenerali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament derogatorju Nru 1760/2006 u huma ġġustifikati oġġettivament bl-interess tas-servizz, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III għar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li l-kandidati fl-imsemmija kompetizzjoni kellhom ikunu jafu sew ir-Rumen u mhux li kellhom ikunu jafu r-Rumen b’mod perfett, li jagħti de facto lill-kandidati Rumeni li jkollhom lingwa materna oħra għajr ir-Rumen il-possibbiltà li jirnexxielhom jgħaddu mill-eżami bil-miktub (c).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

71      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 1, li l-Kummissjoni qed tibbaża ruħha fuqu għall-parti l-kbira tal-argumenti tagħha, ma għandux imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-trattati, kwalunkwe dispożizzjoni legali ta’ grad ogħla jew kwalunkwe prinċipju ġenerali tad-dritt.

72      Issa, anki jekk jiġi preżunt, għall-finijiet tar-raġunament biss, li tali eċċezzjoni ta’ illegalità hija marbuta mill-qrib mal-ilment u li ma hijiex tardiva, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tinkludi l-ebda preċiżazzjoni li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jeżamina kemm hija fondata.

73      Abbażi tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-punti għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Frar 2011, AH vs Il‑Kummissjoni, F‑76/09, punt 29).

74      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex ir-Regolament Nru 1 jikser id-dispożizzjonijiet tat-trattati, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 1 invokata mir-rikorrenti hija inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

75      Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, punt 23). Barra minn hekk, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, meta żewġ kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għall-Unjoni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tagħhom ma jkollhom l-ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti u meta dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-Tribunbal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta’ Frar 2010, Pleijte vs Il‑Kummissjoni, F‑91/08, punt 36).

76      Billi r-rikorrenti tikkunsidra li, f’dan il-każ, kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet differenti, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjonijiet ta’ dan il-każ humiex differenti mil-lat fattwali u mil-lat legali.

77      Ċertament, huwa paċifiku bejn il-partijiet inkwistjoni li l-lingwa materna u prinċipali tar-rikorrenti, b’nazzjonalità Rumena u b’nazzjonalità Ungeriża, hija fil-fatt l-Ungeriż. Madankollu, il-lingwa materna u prinċipali tar-rikorrenti ma hijiex il-lingwa nazzjonali tar-Rumanija. Kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, l-Ungeriż lanqas ma għandu, fl-ordinament ġuridiku Rumen, rikonoxximent legali bħala lingwa uffiċjali. F’dan ir-rigward, matul is-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet għall-attenzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dokumenti li jirrigwardaw ċerti atti leġiżlattivi Rumeni marbuta b’mod partikolari mad-drittijiet u mal-obbligi tal-persuni li jappartjenuu lill-minoranzi nazzjonali differenti u numerużi li hemm fir-Rumanija. Fost dawn l-atti, hemm b’mod partikolari l-Liġi Rumena Nru 188/1999, li l-Artikolu 54 dwar ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali tagħha jipprovdi li sabiex wieħed ikun membru tas-servizz pubbliku fir-Rumanija, għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: “(a) ikun ċittadin Rumen u jkollu d-domiċilju tiegħu fir-Rumanija; (b) ikun jaf ir-Rumen, bil-miktub u bil-fomm”. Barra minn hekk, il-fatt li l-Ungeriż huwa lingwa uffiċjali tal-Unjoni f’dan il-każ huwa irrilevanti peress li l-każ jirrigwarda “kompetizzjoni ta’ ‘tkabbir’”, irriżervata b’mod eċċezzjonali, abbażi tar-Regolament Nru 1760/2006, biss għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat. Inċidentalment huwa minħabba l-kwalità tagħha ta’ ċittadina Rumena li r-rikorrenti ppreżentat ruħha bħala kandidata u ġiet ammessa biex tipparteċipa fl-imsemmija kompetizzjoni. Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex differenti minn dik ta’ kandidati oħrajn fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

78      Barra minn hekk, il-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 hija ferm differenti mill-kompetizzjoni EPSO/AD/53/06 li kienet organizzata esklużivamenti għaċ-ċittadini Ċiprijotti, kompetizzjoni li r-rikorrenti tinvoka insostenn tal-argumenti tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 401/2004, għandhom isiru kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali li jkollhom bħala lingwa prinċipali waħda mill-11-il lingwa uffiċjali tal-Unjoni fid-data ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 401/2004 u dawn il-kompetizzjonijiet għandhom ikopru b’mod simultanju dawn il-lingwi kollha. Billi waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru hija t-Tork, li madankollu ma huwiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kellha, kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, tiġi prevista lingwa alternattiva għall-Grieg, li hija l-lingwa uffiċjali l-oħra ta’ dan l-Istat Membru. Il-lingwa magħżula kienet l-Ingliż, li kienet ukoll waħda mit-tliet lingwi li setgħet tingħażel għat-tieni eżami bil-miktub. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha mill-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 401/2004. Issa, l-ebda dispożizzjoni paragunabbli mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 401/2004 ma ġiet inkluża, min-naħa l-oħra, fir-Regolament Nru 1760/2006, li abbażi tiegħu ġiet organizzata l-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 inkwistjoni f’dan il-każ.

79      Kien x’kien li-każ, minkejja li seta’ kien żvantaġġuż għar-rikorrenti li tagħmel l-eżami bil-miktub (c) bir-Rumen meta pparagunata mal-kandidati li l-lingwa materna tagħhom hija r-Rumen, għandu jitfakkar li d-differenzi fit-trattament, iġġustifikati abbażi ta’ kriterji oġġettivi, raġonevoli u proporzjonati għall-għan mixtieq, ma jikkostitwixxux ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar ukoll li, fost il-kritejri li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali, hemm l-interess tas-servizz (sentenza Pleijte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

80      Issa, ir-Regolament Nru 1760/2006, li l-legalità tiegħu ma ġietx ikkontestata matul din il-proċedura, jipprovdi l-bażi legali li tawtorizza b’mod eċċezzjonali u b’deroga mir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli, ir-reklutaġġ taċ-ċittadini Rumeni permezz ta’ kompetizzjonijiet irriżervati għal dawn tal-aħħar. Għalkemm huwa minnu li dan ir-regolament, b’differenza għar-Regolament Nru 401/2004, ma fih l-ebda indikazzjoni dwar l-għażla tal-lingwa, madankollu huwa paċifiku li r-Rumanija għażlet bħala lingwa uffiċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1 ir-Rumen biss. Barra minn hekk, ir-Rumen huwa, skont il-Kostituzzjoni Rumena, l-unika lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat.

81      Il-fatt li jiġi impost eżami bir-Rumen fil-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09 għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat leġittimu għaliex huwa ġġustifikat minn rekwiżiti ta’ grad ogħla li jirriżultaw preċiżament mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti inkwistjoni b’hekk huma bbażati fuq kritejri oġġettivi u raġonevoli u d-differenza fit-trattament, fl-organizzazzjoni ta’ “kompetizzjoni ta’ ‘tkabbir’”, limitata għal perijodu ta’ żmien tranżitorju, sussegwenti għall-adeżjoni tal-imsemmi Stat, tidher waħda proporzjonata għall-għan mixtieq.

82      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi amministrattivi tal-Unjoni, bħall-EPSO, mitluba jorganizzaw, abbażi ta’ regolament derogatorju, bħar-Regolament Nru 1760/2006, kompetizzjonijiet irriżervati għaċ-ċittadini tar-Rumanija bħala Stat li kien għadu kemm issieħeb fl-Unjoni ma setgħux, mingħajr ma jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jużaw lingwa oħra għajr l-unika lingwa uffiċjali ta’ dan il-pajjiż, meta kellhom isiru ċerti eżamijiet bil-miktub ta’ selezzjoni li kellhom preċiżament l-għan li jivverifikaw il-konoxxenza approfondita tal-imsemmija lingwa. Kien ikun differenti li kieku dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrikonoxxa formalment, abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, lingwa minoritarja li teżisti fit-territorju tiegħu li, mingħajr ma hija lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, madankollu hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

83      Barra minn hekk, il-fatt li tiġi imposta “konoxxenza approfondita tar-Rumen” bħala lingwa prinċipali tal-kompetizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, li kienet irriżervata għal ċittadini Rumeni, la huwa arbitrarju u lanqas manifestament kontra l-interess tas-servizz.

84      Fil-fatt, diġà ġie deċiż li l-amministrazzjoni tista’, meta l-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-pożizzjoni hekk jirrikjedu, tispeċifika l-lingwa jew il-lingwi li tagħha jew tagħhom tkun meħtieġa konoxxenza approfondita jew sodisfaċenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il‑Kunsill, T‑376/03, punt 26; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il‑Kummissjoni, F‑7/07, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Issa, kif qalet il-Kummissjoni matul din il-proċedura, il-konoxxenza tar-Rumen hija utli, jew aħjar neċessarja, minħabba li l-amministraturi li jiġu rreklutati b’dan il-mod ikollhom diversi kompiti “fl-istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, b’rabta mal-ambjenti ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet l-oħra [tal-Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn il-preċiżazzjonijiet jiġġustifikaw f’termini oġġettivi u raġonevoli l-fatt li ġie impost eżami bir-Rumen fil-kuntest ta’ waħda mill-ewwel “kompetizzjonijiet ta’ ‘tkabbir’” organizzati wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

86      Konsegwentement, minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li, skont ir-Regolament Nru 1760/2006, l-amministrazzjoni kellha kull dritt li torganizza kompetizzjoni miftuħa, parzjalment, biss għaċ-ċittadini Rumeni u li timponi fuq dawn il-kandidati, fl-interess tas-servizz, il-konoxxenza approfondita tal-lingwa nazzjonali tagħhom, jiġifieri r-Rumen, l-unika lingwa uffiċjali tar-Rumanija fis-sens tar-Regolament Nru 1.

87      Madankollu, xejn ma jagħti lil wieħed x’jifhem li l-fatt li tintalab konoxxenza approfondita tar-Rumen fil-kuntest tal-kompetizzjoni inkwistjoni jmur manifestament kontra l-interess tas-servizz jew jagħti lok għal differenzazzjoni arbitrarja.

88      Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 1d(1), (5) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-Artikoli 3, 4, 5, 10 u 19 tal-Konvenzjoni Qafas

89      Sa fejn ir-rikors jista’ jinftiehem bħala li jakkuża lill-Kummissjoni talli allegatament kisret l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 21 tal-Karta billi imponiet eżami bir-Rumen fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/147/09, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni (ara l-punti 75 sa 88 iktar ’il fuq), dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat mingħajr ma hemm għalfejn tiġi indirizzata l-kwistjoni, imqajma waqt is-seduta, jekk l-Artikolu 2 TUE jistax ikollu effett dirett u jistax jagħti lok għal dritt suġġettiv fir-rigward tar-rikorrenti.

90      Fir-rigward tar-referenza għall-Artikoli 3, 4, 5, 10 u 19 tal-Konvenzjoni Qafas inkluża fir-rikors, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Għal finijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, diġà msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu.

91      B’hekk, is-sempliċi referenza, fir-rikors, għall-Artikoli 3, 4, 5, 10 u 19 tal-Konvenzjoni Qafas ma tistax tiġi kkunsidrata, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe allegazzjoni f’dan ir-rigward, bħala suffiċjenti fid-dawl tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet kap tat-talbiet

92      Essenzjalment, ir-rikorrenti qed titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jordna lill-Kummissjoni torganizza eżami bil-miktub (c) ieħor tal-kompetizzjoni.

93      Billi l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata), it-talba bbażata fuq dan il-kap għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

94      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ir-rikors fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 88(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

96      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.


Kreppel

Perillo

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Diċembru 2012.

W. Hackenberg

 

       H. Kreppel

Ir-Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.