Language of document : ECLI:EU:T:2019:427

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

19 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta tliet strixxi paralleli – Raġuni assoluta għal invalidità – Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(3) u Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Forma ta’ użu li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni – Forma li tvarja mill-forma li fiha t-trade mark ġiet irreġistrata b’varjazzjonijiet mhux negliġibbli – Inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri”

Fil-Kawża T‑307/17,

adidas AG, stabbilita f’Herzogenaurach (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn I. Fowler u I. Junkar, solicitors,

rikorrenti,

sostnuta minn

Marques, stabbilita f’Leicester (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Treis, avocat,

intervenjenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Rajh u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Shoe Branding Europe BVBA, stabbilita f’Oudenaarde (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Løje, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑7 ta’ Marzu 2017 (Każ R 1515/2016‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Shoe Branding Europe u adidas,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Hendrix, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Mejju 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Awwissu 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2017,

wara li rat id-digriet tal‑5 ta’ Diċembru 2017 li awtorizza lil Marques tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti,

wara li rat in-nota ta’ intervent ta’ Marques ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Jannar 2018,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2018,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Frar 2018,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Frar 2018,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑18 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti, adidas AG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija rriprodotta hawnhekk:

Image not found

3        Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark hija identifikata bħala trade mark figurattiva u hija deskritta bil-mod li ġej:

“It-trade mark tikkonsisti fi tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom u tal-istess daqs, applikati fuq il-prodott f’liema direzzjoni tkun.”

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-Klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ilbies; xedd is-saqajn; xedd ir-ras”.

5        It-trade mark ġiet irreġistrata fil‑21 ta’ Mejju 2014 bin-numru 12442166.

6        Fis‑16 ta’ Diċembru 2014, l-intervenjenti, Shoe Branding Europe BVBA, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

7        Fit‑30 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentata mill-intervenjenti, għar-raġuni li t-trade mark inkwistjoni kienet nieqsa minn kwalunkwe karattru distintiv, kemm dak intrinsiku kif ukoll dak akkwistat permezz tal-użu.

8        Fit‑18 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. F’dan ir-rikors, hija ma kkontestatx l-assenza ta’ karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark inkwistjoni, iżda, min-naħa l-oħra, argumentat li din it-trade mark kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 59(2) tar-Regolament 2017/1001).

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.

10      Qabelxejn, il-Bord tal-Appell indika li t-trade mark inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata b’mod validu bħala trade mark figurattiva (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, huwa kkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tipprovdi li din it-trade mark kienet nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, huwa eżamina l-provi prodotti mir-rikorrenti u qies li hija ma kinitx ippruvat li l-imsemmija trade mark kienet akkwistat, fl-Unjoni Ewropea kollha, karattru distintiv permezz tal-użu (punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, għaldaqstant, din kellha tiġi ddikjarata invalida (punt 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

II.    It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni Marques (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni intervenjenti”), titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

12      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-assoċjazzjoni intervenjenti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament kif ukoll mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

15      Dan il-motiv jista’ jiġi analizzat bħala li jinkludi żewġ partijiet, sa fejn ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell warrab, b’mod żbaljat, diversi provi għar-raġuni li dawn kienu relatati ma’ sinjali differenti mit-trade mark inkwistjoni u, fit-tieni lok, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx intwera li t-trade mark inkwistjoni kienet akkwistat karattru distintiv wara l-użu li kien sar tagħha fit-territorju tal-Unjoni.

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

16      Minn naħa, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma għandhomx karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), din ir-raġuni assoluta għal rifjut hija applikabbli anki jekk teżisti biss f’parti mill-Unjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmija raġuni ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din, għall-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tkun akkwistat karattru distintiv wara l-użu li jkun sar tagħha.

17      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata, fuq talba ppreżentata lill-EUIPO, meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. Madankollu, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, din tista’ madankollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, permezz tal-użu li jkun sar tagħha, hija tkun kisbet, wara r-reġistrazzjoni tagħha, karattru distintiv għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tkun irreġistrata.

18      B’dan il-mod mill-Artikolu 7(3) u mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-assenza ta’ karattru distintiv intrinsiku ta’ trade mark irreġistrata ma jwassalx għall-invalidità ta’ din it-trade mark jekk din tal-aħħar tkun kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar tagħha, jew qabel ir-reġistrazzjoni tagħha, jew bejn ir-reġistrazzjoni tagħha u d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, bet365 Group vs EUIPO – Hansen (BET 365), T‑304/16, EU:T:2017:912, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Hemm lok jitfakkar ukoll li l-karattru distintiv ta’ trade mark, kemm jekk ikun intrinsiku kif ukoll jekk akkwistat permezz tal-użu, ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li ġej minn impriża ddeterminata u għalhekk li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 46, u tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 35).

20      Dan il-karattru distintiv, intrinsiku jew akkwistat permezz tal-użu, għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punti 59 u 63, u tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punti 34 u 75).

21      F’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti għall-prodotti li għalihom it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata, jiġifieri l-ilbies, iż-żraben u xedd ir-ras, huwa kkostitwit mill-konsumaturi potenzjali kollha ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni, jiġifieri kemm il-pubbliku inġenerali kif ukoll il-pubbliku speċjalizzat.

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet tal-motiv wieħed imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

B.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq it-twarrib inġustifikat ta’ ċerti provi

23      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tikkritika lill-Bord tal-Appell li warrab diversi provi għar-raġuni li dawn kienu relatati ma’ sinjali differenti mit-trade mark inkwistjoni. Dan il-motiv huwa bbażat, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tat-trade mark inkwistjoni u, it-tieni nett, fuq applikazzjoni żbaljata tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”. Dawn iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

1.      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tat-trade mark inkwistjoni

24      Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, targumenta li, billi qies li t-trade mark inkwistjoni kienet intalbet biss f’ċerti dimensjonijiet, u b’mod partikolari, f’ċerta relazzjoni bejn it-tul u l-wisa’ tagħha, il-Bord tal-Appell interpreta din it-trade mark b’mod żbaljat. Fil-fatt, l-imsemmija trade mark tirrappreżenta “disinn ta’ superfiċji” li jista’ jiġi rriprodott f’dimensjonijiet u fi proporzjonijiet differenti skont il-prodotti li hija applikata fuqhom. B’mod partikolari, it-tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom li jikkostitwixxu t-trade mark inkwistjoni jistgħu jiġu mtawla jew maqtugħa b’diversi modi, inkluż b’mod djagonali. Hija żżid, billi tibbaża ruħha fuq il-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO u fuq l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minnhom, li hija tista’ tgawdi mill-fatt li t-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi trade mark ta’ disinn, minkejja li din it-trade mark ġiet irreġistrata bħala trade mark figurattiva.

25      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u tal-assoċjazzjoni intervenjenti.

26      Sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti u tal-assoċjazzjoni intervenjenti, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001), jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rrappreżentati b’mod grafiku, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.

27      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnutat li r-reġistrazzjoni tista’ ssir biss abbażi u fil-limiti tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata lill-EUIPO mill-applikant. Minn dan isegwi li l-EUIPO ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li ma humiex indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew fid-dokumenti ta’ magħha (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2015, Jaguar Land Rover vs UASI (Forma ta’ karozza), T‑629/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:878, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, il-karatteristiċi ta’ trade mark għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ diversi elementi.

29      Qabelxejn, skont ir-Regola 1(1)(d) u r-Regola 3(2) u (5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li saru l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 3(6) sa (8) u (3)(b) u (f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 (ĠU 2018, L 104, p. 37)), meta tintalab rappreżentazzjoni grafika jew ta’ kulur partikolari, l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi r-rappreżentazzjoni grafika, jekk ikun il-każ bil-kulur, tat-trade mark.

30      Ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandu, b’mod partikolari, il-funzjoni li jiddefinixxi t-trade mark innifisha sabiex tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 48, u tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 27). Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-proprjetarju tat-trade mark li jissottometti rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark li tikkorrispondi preċiżament mas-suġġett tal-protezzjoni li huwa jixtieq jikseb. Ladarba t-trade mark hija rreġistrata, il-proprjetarju tagħha ma jkunx iktar jista’ jitlob protezzjoni usa’ minn dik mogħtija mill-imsemmija rappreżentazzjoni grafika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, Red Bull vs EUIPO – Optimum Mark (Rappreżentazzjoni tal-kuluri blu u fidda), T‑101/15 u T‑102/15, taħt appell, EU:T:2017:852, punt 71).

31      Sussegwentement, ir-regola 3(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “jista’ jkun fiha deskrizzjoni tal-marka”. Għaldaqstant, fl-ipoteżi li jkun hemm deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din id-deskrizzjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mar-rappreżentazzjoni grafika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, Rappreżentazzjoni tal-kuluri blu u fidda, T‑101/15 u T‑102/15, taħt appell, EU:T:2017:852, punt 79).

32      Fl-aħħar nett, l-EUIPO għandu jeżamina wkoll il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-kategorija ta’ trade mark magħżula mill-applikant fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Enercon vs UASI, C‑170/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:53, punti 29, 30 u 32).

33      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 tat‑18 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 (ĠU 2017, L 205, p. 39) (issostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/626), la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95, applikabbli għad-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jsemmu t-“trade marks ta’ disinn”, u lanqas barra minn hekk it-“trade marks figurattivi”, bħala kategoriji partikolari ta’ trade marks.

34      Madankollu, anki qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li sinjal indikat bħala trade mark figurattiva seta’ jkun kompost minn serje ta’ elementi ripetuti regolarment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Birkenstock Sales vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin), T‑579/14, EU:T:2016:650, punti 43, 49, 53 u 62). Għaldaqstant, sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431, trade mark ta’ disinn setgħet tiġi rreġistrata bħala trade mark figurattiva, sakemm din kienet tikkonsisti fi stampa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2012, Fraas vs UASI (Disinn iċċangjat bil-kuluri griż ċar, griż skur, beige, aħmar skur u kannella), T‑326/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:436, punt 56).

35      F’dan il-każ, konformement mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark figurattiva abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika u tad-deskrizzjoni rriprodotti fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq.

36      Fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell interpreta t-trade mark inkwistjoni bil-mod li ġej:

“Din tikkonsisti fi tliet strixxi rqaq suwed vertikali u paralleli fuq sfond abjad, bejn wieħed u ieħor ħames darbiet itwal milli wiesgħa. Hija għandha relattivament ftit karatteristiċi: ir-relazzjoni tul/wisa’ (kważi 5:1), l-ispazju abjad għandu distanza ndaqs bejn l-istrixxi suwed u l-fatt li l-istrixxi huma paralleli.”

37      Għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni tat-trade mark inkwistjoni tikkorrispondi preċiżament mar-rappreżentazzjoni grafika li abbażi tagħha din it-trade mark ġiet irreġistrata. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li kienet teżisti relazzjoni ta’ madwar 5 għal 1 bejn it-tul totali u l-wisa’ totali tat-trade mark inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ħa korrettement inkunsiderazzjoni l-ħxuna ugwali tat-tliet strixxi paralleli suwed u taż-żewġ spazji bojod li jisseparaw dawn l-istrixxi.

38      Madankollu r-rikorrenti tikkritika din l-interpretazzjoni tat-trade mark inkwistjoni billi targumenta, minn naħa, li trade mark figurattiva tista’ tiġi rreġistrata mingħajr indikazzjoni tad-dimensjonijiet tagħha jew tal-proporzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Apple, C‑421/13, EU:C:2014:2070, punti 19 u 27) u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi trade mark ta’ disinn. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni għandha s-sempliċi funzjoni li turi disinn ikkostitwit minn tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom, mingħajr ma tiddetermina minn qabel it-tul tal-istrixxi jew il-mod kif dawn l-istrixxi huma maqtugħa.

39      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

40      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Bord tal-Appell ikkaratterizza fid-deċiżjoni kkontestata t-trade mark inkwistjoni billi ħa inkunsiderazzjoni l-proporzjonijiet relattivi tad-diversi elementi li jiffurmaw din it-trade mark, kif din tal-aħħar kienet irrappreżentata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, madankollu huwa ma ddefinixxiex it-trade mark inkwistjoni billi jagħmel riferiment għad-dimensjonijiet li din it-trade mark, meħuda fit-totalità tagħha, tkun tista’ tiġi rriprodotta fihom fuq il-prodotti inkwistjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-interpretazzjoni tat-trade mark inkwistjoni mill-Bord tal-Appell ma timminax il-fatt li t-talba għal din it-trade mark ma saritx f’dimensjonijiet partikolari.

41      It-tieni nett, ir-rikorrenti tagħraf li t-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata b’mod validu bħala trade mark figurattiva. Issa, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq jirriżulta li trade mark figurattiva hija, bħala prinċipju, irreġistrata fil-proporzjonijiet li jidhru fir-rappreżentazzjoni grafika tagħha. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi mminata bis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070, punti 19 u 27), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, din is-sentenza sempliċement tindika li disinn jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark minkejja li huwa nieqes minn indikazzjonijiet dwar id-daqs u dwar il-proporzjonijiet tal-oġġett li huwa jirrappreżenta. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sentenza ma timplikax li trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata mingħajr ma jkunu ddefiniti l-proporzjonijiet tas-sinjal innifsu.

42      It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta inutilment li din it-trade mark ma tikkonsistix fi trade mark figurattiva ordinarja, iżda fi trade mark ta’ disinn li l-proporzjonijiet tagħha ma humiex stabbiliti.

43      F’dan ir-rigward, qabelxejn, la mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni u lanqas mid-deskrizzjoni ta’ din it-trade mark ma jirriżulta li din hija komposta minn serje ta’ elementi li huma rripetuti b’mod regolari.

44      Sussegwentement, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li l-oġġett tal-protezzjoni mogħti mit-trade mark inkwistjoni jikkonsisti fl-użu ta’ tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom, indipendentement mit-tul tagħhom jew mill-mod kif jinqatgħu, ma hija sostnuta b’ebda element konkret. Issa, minn naħa, din l-affermazzjoni tikkontradixxi r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni, li turi sinjal ikkaratterizzat b’relazzjoni ta’ madwar 5 għal 1 bejn it-tul totali tiegħu u l-wisa’ totali tiegħu kif ukoll mill-forma rettangolari tiegħu, u t-tliet strixxi li jiffurmawh huma maqtugħa f’angolu rett. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija affermazzjoni ma hijiex ikkorroborata mid-deskrizzjoni tat-trade mark inkwistjoni, li sempliċement tfakkar li din it-trade mark tikkonsisti fi “tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom ta’ wisa’ ndaqs” u li tippreċiża li dawn l-istrixxi jistgħu jiġu “applikati fuq il-prodott f’liema direzzjoni tkun”, mingħajr ma tindika li t-tul tal-istrixxi jista’ jiġi emendat jew li l-istrixxi jistgħu jiġu maqtugħa b’mod djagonali.

45      Fl-aħħar nett, filwaqt li huwa minnu li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431, il-linji gwida għall-eżami tal-EUIPO “it-trade marks li juru [disinn kienu] trade marks ‘figurattivi’ skont il-prattika tal-[EUIPO]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dawn il-linji gwida ma kinux jagħtu lil dawn it-trade marks ta’ disinn definizzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-imsemmija linji gwida kienu jippreċiżaw li “trade mark figurattiva [setgħet] titqies bħala trade mark ta’ ‘disinn’ meta din [kienet] magħmula esklużivament minn serje ta’ elementi li [kienu] rripetuti regolarment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li t-trade mark inkwistjoni hija trade mark figurattiva ordinarja, u mhux trade mark ta’ disinn. Konsegwentement, minn naħa, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball fl-interpretazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma hijiex fondata, fi kwalunkwe każ, li tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tikkontesta din l-interpretazzjoni.

47      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”

48      Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, targumenta li l-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni żbaljata tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”. Hija tiddefinixxi din il-liġi bħala r-regola li tipprovdi li l-użu ta’ trade mark f’forma li tvarja b’elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li ġiet irreġistrata fiha huwa wkoll meqjus bħala użu tal-imsemmija trade mark. Hija targumenta li, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, il-provi kollha li hija pproduċiet jirrigwardaw forom ta’ użu tat-trade mark inkwistjoni li għalihom il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark ma huwiex mibdul. Għaldaqstant, dawn il-forom ta’ użu huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark inkwistjoni akkwistatx karattru distintiv.

49      Qabel tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu, qabelxejn, jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “użu” tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

a)      Fuq il-kunċett ta’ użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009

50      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tqis li l-kunċett ta’ użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ użu ġenwin ta’ trade mark li jinsab fl-Artikolu 15(1) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), li jinkludi, f’ċerti każijiet, l-użu ta’ din it-trade mark f’forom li jvarjaw mill-forma li l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata fiha.

51      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw din l-interpretazzjoni. Huma jargumentaw li l-kunċett ta’ “użu” li jinsab fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa iktar dejjaq minn dak ta’ “użu ġenwin” li jinsab fl-Artikolu 15(1) tal-istess regolament. Skont huma, sabiex jiġi stabbilit li trade mark akkwistat karattru distintiv, il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jibbenefika biss mill-użu tat-trade mark kif ġiet irreġistrata. Huma biss varjanti insinjifikanti li jistgħu jiġu aċċettati.

52      Għandu jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward tal-forom ta’ użu ta’ trade mark li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-kunċett ta’ “użu” tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jew le jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “użu ġenwin” li jinsab fl-Artikolu 15(1) tal-istess regolament.

53      F’dan ir-rigward, huwa utli jitfakkar li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 2017/1001) jipprevedi li jikkostitwixxi wkoll użu ġenwin ta’ trade mark irreġistrata l-“użu ta’ [din it-]trade mark […] f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-[imsemmija trade mark] fil-forma kif hija ġiet reġistrata”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li trade mark irreġistrata għandha titqies bħala li hija s-suġġett ta’ użu ġenwin sa fejn tinġieb il-prova tal-użu ta’ din it-trade mark f’forma kemxejn differenti minn dik li ġiet irreġistrata fiha (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punt 86).

54      Għandu jiġi osservat li, billi ma jeżiġix konformità stretta bejn il-forma użata fil-kummerċ u dik li biha ġiet irreġistrata t-trade mark, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż li jippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jagħmlilha l-bidliet, fil-każ tal-użu kummerċjali tagħha, li, mingħajr ma jbiddlu l-karattru distintiv tagħha, jippermettu li tiġi adatta aħjar għall-eżiġenzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C‑553/11, EU:C:2012:671, punt 21, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 29).

55      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tal-istess regolament ma jqisux espliċitament l-użu tat-trade mark f’forom li jvarjaw minn dik li fiha din it-trade mark kienet suġġetta għar-reġistrazzjoni u, skont il-każ, irreġistrata.

56      Din id-differenza ta’ formulazzjoni hija spjegata mill-fatt li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq għandhom loġika differenti. Fil-fatt, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika biss għal trade mark diġà rreġistrata u li l-karattru distintiv tagħha ma huwiex ikkontestat. Dan l-artikolu jippermetti b’dan il-mod li tinżamm il-protezzjoni tat-trade mark bil-prova tal-użu tagħha, jekk ikun il-każ taħt ċerti forom li jvarjaw mill-forma li ġiet irreġistrata fiha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tal-istess regolament huma bbażati fuq l-idea li l-użu ta’ sinjal intrinsikament mhux distintiv u ta’ trade mark irreġistrata b’mod żbaljat minkejja l-assenza ta’ karattru distintiv tagħha, rispettivament, jista’, f’ċerti każijiet, jippermetti li dan is-sinjal jew din it-trade mark jiġu jew jibqgħu rreġistrati. Fi kliem ieħor, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu bħala punt ta’ tluq ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark u jinvolvi l-eżami ulterjuri tal-użu tagħha, filwaqt li l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tal-istess regolament għandhom bħala punt ta’ tluq l-użu ta’ sinjal sabiex wieħed jasal, jekk ikun il-każ, għar-reġistrazzjoni tiegħu jew għaż-żamma tiegħu.

57      Xorta jibqa’ l-fatt li l-bżonn, imsemmi fil-punt 54 iktar ’il fuq, li jsiru ċerti varjazzjonijiet lil trade mark għall-finijiet tal-użu kummerċjali tagħha japplika wkoll fil-perijodu li matulu din it-trade mark takkwista, skont il-każ, karattru distintiv wara l-użu tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

58      Huwa għalhekk li l-kriterju tal-użu ma jistax jiġi ġġudikat fid-dawl ta’ elementi differenti skont id-determinazzjoni ta’ jekk dan il-kriterju jistax joħloq drittijiet li jikkonċernaw trade mark jew jistax jiżgura ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet. Filwaqt li huwa possibbli li tinkiseb il-protezzjoni bħala trade mark għal sinjal permezz ta’ ċertu użu li jsir tiegħu, din l-istess forma ta’ użu għandha tkun tista’ tiżgura ż-żamma ta’ din il-protezzjoni. Għaldaqstant, fir-rigward tal-forom ta’ użu, ir-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-verifika tal-użu ġenwin ta’ trade mark huma analogi għal dawk li jikkonċernaw il-kisba tal-karattru distintiv ta’ sinjal permezz tal-użu bil-għan tar-reġistrazzjoni tiegħu (sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C-12/12, EU:C:2013:253, punti 33 u 34; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:61, punt 24).

59      Minn dan isegwi li l-forom ta’ użu ta’ trade mark koperti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, inklużi dawk li huma differenti biss fir-rigward ta’ “ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv [ta’ din it-trade mark]”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija trade mark kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk din it-trade mark akkwistatx karattru distintiv permezz tal-użu li jkun sar tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

60      Huwa minnu li, fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jkunx xieraq li wieħed jitkellem dwar it-tibdil tal-karattru distintiv qabel anki ma jkun ġie ddeterminat jekk it-trade mark tkunx akkwistat tali karattru jew le.

61      Issa, ġie deċiż li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-forma tas-sinjal użat fil-kummerċ hija differenti mill-forma li taħtha dan ikun ġie rreġistrat biss b’elementi negliġibbli, b’mod li ż-żewġ forom jistgħu jitqiesu li huma globalment ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2015, LTJ Diffusion vs UASI – Arthur u Aston (ARTHUR & ASTON), T‑83/14, EU:T:2015:974, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, hyphen vs EUIPO – Skylotec (Rappreżentazzjoni ta’ poligonu), T‑146/15, EU:T:2016:469, punt 27).

62      F’dawn il-kundizzjonijiet u bħalma targumenta ġustament ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ użu ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment mhux biss għall-użu tat-trade mark fil-forma li fiha ntbagħtet għar-reġistrazzjoni u, skont il-każ, irreġistrata, iżda wkoll għall-użu tat-trade mark f’forom li huma differenti minn din il-forma b’varjazzjonijiet negliġibbli biss u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jitqiesu bħala globalment ekwivalenti għall-imsemmija forma.

63      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, implimenta l-kriterju stipulat fil-punt 61 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell semma l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata) u ppreċiża li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu ta’ sinjal li kien differenti fil-forma li kien ġie rreġistrat fiha b’elementi negliġibbli biss, b’mod illi ż-żewġ sinjali setgħu jitqiesu bħala globalment ekwivalenti (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa indika wkoll li, bħala prinċipju, ma kienx neċessarju, fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, li din it-trade mark tkun irriprodotta fil-provi kif kienet ġiet irreġistrata eżattament (punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Fuq l-applikazzjoni tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”

64      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li kiser il-“liġi tal-varjanti awtorizzati” meta qies, b’mod żbaljat, li, quddiem trade mark sempliċi ħafna, anki varjazzjoni żgħira setgħet twassal għal bidla sinjifikattiva tal-karatteristiċi tat-trade mark kif kienet irreġistrata, it-tieni nett, li l-użu tat-trade mark inkwistjoni fil-forma ta’ skema ta’ kuluri bil-maqlub kien ibiddel neċessarjament il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, it-tielet nett, li wħud mill-provi kienu juru sinjal li jinkludi żewġ strixxi minflok tlieta u, ir-raba’ nett, li l-użu ta’ strixxi inklinati kien ibiddel il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark.

65      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

66      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa intiż essenzjalment sabiex jikkontesta l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Bord tal-Appell eżamina jekk it-trade mark inkwistjoni kinitx preżenti jew le fil-provi prodotti mir-rikorrenti (punti 29 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-provi jikkonsistu fil-maġġoranza tagħhom fi stampi, minn katalgi jew riklami oħrajn, li juru prodotti b’diversi sinjali.

67      Wara l-eżami tiegħu, il-Bord tal-Appell qies, bħalma għamlet qablu d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li l-maġġoranza kbira tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma kinux jirrigwardaw it-trade mark inkwistjoni nnifisha, iżda sinjali oħrajn li kienu differenti b’mod sinjifikanti minn din it-trade mark (ara, b’mod partikolari, il-punti 33, 42 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      B’mod partikolari, fil-punti 39, 40 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irriproduċa l-eżempji tal-provi li ġejjin li, skont hu, ma humiex ta’ natura li jippruvaw l-użu tat-trade mark inkwistjoni:

Image not found

Image not found

Image not found

Image not found

/

Image not found

Image not found

/


Image not found

Image not found

Image not found


Image not found

Image not found

Image not found

Image not found


69      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandhom jiġu eżaminati l-erba’ kritiki magħmula mir-rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata (punt 64 iktar ’il fuq) u, wara, li jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell setax, ġustament, iwarrab id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti.

1)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru sempliċi ħafna tat-trade mark inkwistjoni

70      Il-Bord tal-Appell ikklassifika t-trade mark inkwistjoni bħala “sempliċi ħafna”, sa fejn din it-trade mark kellha relattivament ftit karatteristiċi u kienet tikkonsisti fi tliet linji suwed paralleli f’konfigurazzjoni rettangolari fuq sfond abjad (punti 37, 38 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li, fid-dawl tas-sempliċità kbira tat-trade mark inkwistjoni, anki varjazzjoni żgħira setgħet twassal għal bidla sinjifikanti tal-karatteristiċi tat-trade mark kif kienet irreġistrata (punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-karattru sempliċi ħafna tat-trade mark inkwistjoni.

72      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jitqies li, fil-każ ta’ trade mark sempliċi ħafna, anki bidliet żgħar magħmula lil din it-trade mark jistgħu jikkostitwixxu varjazzjonijiet mhux negliġibbli, b’mod illi l-forma emendata ma tkunx tista’ titqies iktar bħala globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, iktar ma trade mark tkun sempliċi, inqas huwa probabbli li jkollha karattru distintiv u iktar bidla magħmula lil din it-trade mark tista’ taffettwa waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha u b’dan il-mod li tbiddel il-perċezzjoni tal-imsemmija trade mark mill-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rappreżentazzjoni ta’ poligonu, T‑146/15, EU:T:2016:469, punti 33 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ħa inkunsiderazzjoni l-karattru sempliċi ħafna tat-trade mark inkwistjoni.

2)      Fuq il-konsegwenzi tal-inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri

74      Il-Bord tal-Appell ippreċiża li, minkejja li t-trade mark inkwistjoni kienet tikkonsisti fi tliet strixxi suwed fuq sfond abjad, madankollu seta’ jiġi aċċettat li din kienet ekwivalenti, essenzjalment, għal “tliet strixxi kkuluriti fuq sfond iktar ċar” (punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies li kellhom jiġu mwarrba, b’mod partikolari, il-provi li fihom l-iskema ta’ kuluri ġiet maqluba, jiġifieri dawk li juru strixxi bojod (jew ċari) fuq sfond iswed (jew skur) (punti 38 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tqis li, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, l-użu tat-trade mark inkwistjoni fil-forma ta’ skema ta’ kuluri maqluba ma jbiddilx il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark. Fil-fatt, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata fl-iswed u fl-abjad u mingħajr indikazzjoni ta’ kulur partikolari. Minn dan ikun isegwi li l-użu ta’ din it-trade mark f’diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri li josservaw il-kuntrast inizjali bejn it-tliet strixxi u l-isfond jikkostitwixxi użu ta’ din it-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark inkwistjoni hija trade mark figurattiva li ma tinkludi ebda element verbali u li għandha ftit karatteristiċi (punt 36 iktar ’il fuq). Waħda minn dawn il-karatteristiċi hija l-użu ta’ tliet strixxi suwed fuq sfond abjad. Din il-karatteristika hija l-bażi ta’ kuntrast speċifiku bejn, minn naħa, it-tliet strixxi suwed u, min-naħa l-oħra, l-isfond abjad kif ukoll l-ispazji bojod li jisseparaw dawn l-istrixxi.

77      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl b’mod partikolari tas-sempliċità kbira tat-trade mark inkwistjoni u tal-importanza tal-karatteristika deskritta fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-fatt li l-iskema ta’ kuluri tinqaleb, anki jekk jinżamm kuntrast qawwi bejn it-tliet strixxi u l-isfond, ma jistax jiġi kklassifikat bħala varjazzjoni negliġibbli meta mqabbel mal-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni.

78      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell kien fondat li jwarrab il-provi li ma jurux it-trade mark inkwistjoni, iżda sinjali oħrajn li jikkonsistu fi tliet strixxi bojod (jew ċari) fuq sfond iswed (jew skur).

79      Din il-konklużjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari l-istampi kollha rriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq, minbarra ż-żewġ stampi li juru tliet strixxi paralleli ta’ kulur iswed assoċjati strettament ma’ logo kkostitwit mill-kelma “adidas”, ma tistax tiġi mminata bl-argumenti l-oħrajn tar-rikorrenti u tal-assoċjazzjoni intervenjenti.

80      L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-approċċ tal-Bord tal-Appell jikkontradixxi dak adottat minn ċerti qrati nazzjonali, b’mod partikolari minn żewġ qrati Ġermaniżi u minn qorti Franċiża. Dawn il-qrati ma siltu ebda konsegwenza mill-inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, ikkostitwita minn numru ta’ regoli u li tipprova tikseb għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress illi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, EU:C:2007:635, punt 65). Konsegwentement, it-trade mark inkwistjoni għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti u d-deċiżjonijiet mogħtija minn qrati nazzjonali ma jistgħux fi kwalunkwe ipoteżi jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Repsol YPF vs UASI, C‑466/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2331, punt 90; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego ħamra), T‑270/06, EU:T:2008:483, punt 91).

82      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-approċċ tal-Bord tal-Appell ipoġġiha f’“sitwazzjoni impossibbli” minħabba s-soluzzjoni mogħtija mit-Tieni Bord tal-Appell f’deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013 (adidas vs Shoe Branding Europe BBVA, Każ R 1208/2012-2, punt 78). F’din id-deċiżjoni, it-Tieni Bord tal-Appell qies li trade mark oħra tar-rikorrenti, li tirrappreżenta strixxi bojod fuq sfond iswed, kellha tiġi applikata kif inhi fuq il-prodott, jiġifieri fil-forma ta’ rettangolu iswed li jinkludi strixxi bojod. Skont ir-rikorrenti, meta l-imsemmija deċiżjoni u d-deċiżjoni kkontestata jittieħdu flimkien, jirriżulta li fil-prattika din la tista’ tibbenefika mill-forom ta’ użu li jikkonsistu fi tliet strixxi suwed fuq sfond abjad u lanqas minn dawk li jikkonsistu fi tliet strixxi bojod fuq sfond iswed.

83      F’dan ir-rigward, għandha tingħata t-tweġiba li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jkun strett u komplet sabiex jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod indebitu. Dan l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77). Minn dan isegwi li, fil-kawża odjerna, ir-rikorrenti ma tistax utilment tibbenefika minn konsegwenzi li jista’ jkollha għaliha deċiżjoni distinta tal-EUIPO dwar sinjal differenti mit-trade mark inkwistjoni. Barra minn hekk, hemm lok jitfakkar li d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2013, anki jekk wieħed jassumi li kellha l-portata u l-konsegwenzi li tatha r-rikorrenti, ġiet annullata permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, adidas vs UASI – Shoe Branding Europe (Żewġ strixxi paralleli fuq żarbun) (T‑145/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:303).

84      It-tielet nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq diversi sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-użu ta’ ċerti trade marks f’diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri, inkluż skema ta’ kuluri maqluba, ma kienx ibiddel il-karattru distintiv ta’ dawn it-trade marks. Issa, fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tal-kawża odjerna u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jirnexxi fil-kuntest ta’ din il-kawża. A fortiori, fir-rigward ta’ kwistjoni distinta, ir-rikorrenti ma tistax madankollu tinvoka sentenzi oħrajn li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri ma kinitx tipprekludi, f’ċerti sitwazzjonijiet, li żewġ trade marks f’kunflitt jitqiesu li huma simili għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

85      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti u l-assoċjazzjoni intervenjenti jargumentaw li l-approċċ tal-Bord tal-Appell li jikkonsisti f’li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ sempliċità jew ta’ kumplessità tat-trade mark u f’li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ ekwivalenza tas-sinjal użat meta l-iskema ta’ kuluri tiġi maqluba jikser il-prinċipju, stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li s-sinjali kollha li jista’ jkollhom rappreżentazzjoni grafika jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea. Skont huma, dan l-approċċ ikollu bħala konsegwenza li ċerti sinjali, bħal dawk li jikkonsistu f’disinn jew dawk irreġistrati fl-iswed u fl-abjad u sussegwentement użati f’diversi forom u f’diversi kuluri, ikunu awtomatikament esklużi mill-protezzjoni li jgawdu minnha t-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjali msemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea biss jekk ikunu xierqa sabiex jiddistingwu l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Barra minn hekk, l-approċċ tal-Bord tal-Appell li jikkonsisti f’li jiġi vverifikat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi partikolari tat-trade mark inkwistjoni, jekk din tal-aħħar akkwistatx karattru distintiv permezz tal-użu ma huwiex, bħala prinċipju, ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ sinjali bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea. Minn dan isegwi li dan l-approċċ ma jiksirx l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

87      Il-ħames nett, ir-rikorrenti u l-assoċjazzjoni intervenjenti jinvokaw il-konsegwenzi eċċessivi li l-approċċ tall-Bord tal-Appell jista’ jkollu għall-proprjetarji ta’ trade marks. Huma jispjegaw li, jekk dan l-approċċ kellu jiġi kkonfermat, il-proprjetarji ta’ trade marks kienu jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex juru li t-trade marks tagħhom, b’mod partikolari dawk imwaħħla fuq ħwejjeġ, kienu akkwistaw karattru distintiv permezz tal-użu, b’tali mod li fil-prattika huma jkunu kostretti jirreġistraw, b’mod sistematiku, it-trade marks tagħhom kollha fi skemi ta’ kuluri maqlubin kif ukoll f’diversi kombinazzjonijiet ta’ kuluri.

88      Madankollu, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Bordijiet tal-Appell huma obbligati japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’mod partikolari, li jirrifjutaw jew li jannullaw ir-reġistrazzjoni tat-trade marks nieqsa minn kwalunkwe karattru distintiv, u dan indipendentement mill-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dan għall-proprjetarji tat-trade marks. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrifletti għan ta’ interess ġenerali, li jingħaqad b’mod ċar mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat bit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, EU:C:2004:532, punt 27, u tat‑8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punt 56). Fid-dawl ta’ dan l-għan ta’ interess ġenerali, il-konsegwenzi għall-proprjetarji ta’ trade marks mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala eċċessivi. Għaldaqstant, l-approċċ tal-Bord tal-Appell ma kienx inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3)      Fuq l-istampi li juru żewġ strixxi suwed fuq sfond abjad

89      Il-Bord tal-Appell irrileva li wħud mill-istampi prodotti mir-rikorrenti kienu juru sinjali li fil-verità juru biss żewġ, u mhux tliet, strixxi paralleli suwed (jew skuri) ikkuntrastati ma’ sfond abjad (jew ċar) (punti 39, 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konstatazzjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-ewwel disa’ stampi rriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq.

90      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, minn naħa, il-Bord tal-Appell ikkontradixxa lilu nnifsu meta wasal għal din il-konklużjoni sempliċement għal parti biss tal-istampi prodotti. Min-naħa l-oħra, l-istampi inkwistjoni juru sinjali li ma jinkludux żewġ strixxi suwed (jew skuri) fuq sfond abjad (jew ċar), iżda tliet strixxi bojod (jew ċari) fuq sfond iswed (jew skur).

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk jiġi aċċettat, bħalma targumenta r-rikorrenti, li l-istampi inkwistjoni juru fir-realtà sinjali li jikkonsistu fi tliet strixxi bojod (jew ċari) fuq sfond iswed (jew skur), għaldaqstant għandu jitqies li dawn l-istampi juru użu tat-trade mark inkwistjoni f’forom li għalihom l-iskema tal-kuluri hija maqluba. F’dawn il-kundizzjonijiet, dawn id-dokumenti għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu mwarrba għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq.

92      Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell indika, b’mod żbaljat, li ċerti stampi kienu juru sinjali li jikkonsistu f’żewġ strixxi suwed (jew skuri) fuq sfond abjad (jew ċar) ma għandhiex rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

4)      Fuq l-istampi li juru strixxi inklinati

93      Fir-rigward tal-għaxar stampa rriprodotta fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell irrileva li, minkejja li din l-istampa turi atleta liebes ħwejjeġ bi trade mark bi tliet strixxi, l-istrixxi kienu madankollu inklinati f’angolu li kien differenti minn dak li jikkaratterizza t-trade mark inkwistjoni fil-forma rreġistrata (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li, f’din is-sitwazzjoni, id-“dimensjonijiet” tat-trade mark inkwistjoni ma kinux għadhom osservati (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

94      Ir-rikorrenti tikkontesta l-possibbiltà li jitwarrbu stampi għas-sempliċi raġuni li l-istrixxi rrappreżentati jkunu inklinati. Hija targumenta li l-istrixxi huma mwaħħla fuq prodotti milbusa minn atleti u li, għaldaqstant, l-inklinazzjoni tagħhom u d-direzzjoni tagħhom jiddependu mill-moviment ta’ dawn l-atleti kif ukoll minn kif jintwew u kif jiġu ppreżentati l-prodotti. Sabiex issaħħaħ l-argument tagħha, hija tirriproduċi fir-rikors tagħha erba’ stampi li juru atleti jiċċaqalqu liebsa ħwejjeġ bit-trade mark ikkostitwita minn tliet strixxi paralleli, li ma jidhrux vertikali iżda inklinati.

95      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-istampa msemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq u mwarrba mill-Bord tal-Appell turi sinjal li l-iskema ta’ kuluri tiegħu hija maqluba. L-istess japplika għall-erba’ stampi msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq u invokati mir-rikorrenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, dawn il-ħames stampi għandhom, fi kwalunkwe każ, jitwarrbu għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq.

96      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tidentifika ebda stampa li turi trade mark bi tliet strixxi li tosserva l-iskema ta’ kuluri u li madankollu ġiet imwarrba jew injorata mill-Bord tal-Appell għas-sempliċi raġuni li l-istrixxi rrappreżentati kienu inklinati.

97      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Appell b’mod utli li kkonstata li, fuq ċerti stampi, l-istrixxi rrappreżentati kienu inklinati.

5)      Konklużjoni fuq l-applikazzjoni tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”

98      Ir-rikorrenti ma tagħmel ebda kritika oħra fil-konfront tal-analiżi mill-Bord tal-Appell tad-diversi stampi prodotti mir-rikorrenti, b’mod partikolari dawk irriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq.

99      B’mod partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċaħda mill-Bord tal-Appell tal-aħħar erba’ stampi rriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq. Dawn l-istampi juru sinjali kumplessi kkostitwiti kemm minn logo kompost mill-kelma “adidas” kif ukoll minn element figurattiv li jinkludi tliet strixxi fi ħdan triangolu, f’silla ta’ tliet werqiet, jew f’forma tonda. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti espliċitament aċċettat il-karattru mhux rilevanti ta’ dawn l-istampi.

100    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li ċerti stampi jikkonsistu f’ritratti ta’ żraben li fuqhom hemm imwaħħal sinjal ikkostitwit minn tliet strixxi paralleli ta’ kulur ċar, eħxen u iqsar b’mod sinjifikanti minn dawk li jikkostitwixxu t-trade mark inkwistjoni fil-forma rreġistrata tagħha u maqtugħa b’mod djagonali. L-istess japplika b’mod partikolari għat-tliet stampi ta’ żraben irriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq u mwarrba fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, minbarra l-fatt li, f’din is-sitwazzjoni, l-iskema ta’ kuluri ma hijiex osservata, il-bidla simultanja tal-ħxuna u tat-tul tal-istrixxi kif ukoll il-mod kif dawn huma maqtugħa jaffettwa b’mod sinjifikanti diversi mill-karatteristiċi tat-trade mark inkwistjoni deskritti fil-punt 36 iktar ’il fuq.

101    B’dan il-mod, l-istampi msemmija fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq jirrigwardaw forom ta’ użu li jvarjaw mill-forma li fiha t-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata. Id-differenzi kkonstatati jikkostitwixxu varjazzjonijiet mhux negliġibbli, b’tali mod li l-forom ta’ użu inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni.

102    Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti użat, b’mod partikolari matul is-seduta, il-possibbiltà li tuża t-trade mark inkwistjoni f’forom li ma josservawx ir-relazzjoni ta’ madwar 5 għal 1 imsemmija fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell warrab forom ta’ użu tat-trade mark inkwistjoni għas-sempliċi raġuni li dawn ma kinux osservaw din ir-relazzjoni.

103    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li s-sinjali li jidhru fil-maġġoranza kbira tal-istampi prodotti kienu differenti b’mod sinjifikanti mill-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni ma tidhirx żbaljata. Huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell warrab dawn l-istampi għar-raġuni li dawn kienu jirrigwardaw sinjali differenti mit-trade mark inkwistjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li tinvoka ksur tal-“liġi tal-varjanti awtorizzati”.

104    Għaldaqstant, it-tieni motiv u, konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv wieħed fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu

105    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li hija ma kinitx uriet li t-trade mark inkwistjoni kienet kisbet karattru distintiv wara l-użu li kien sar tagħha fl-Unjoni.

106    Ir-rikorrenti targumenta li hija pproduċiet għexieren ta’ provi li għandhom jiġu evalwati globalment u indipendentement mill-kulur, mit-tul jew mill-inklinazzjoni tal-istrixxi rrappreżentati. Dawn il-provi jistabbilixxu l-użu intensiv tat-“trade mark bi tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom” kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti u l-fatt li dan ser jipperċepixxiha bħala li tindika l-prodotti tar-rikorrenti. Din il-prova tinġieb fir-rigward tat-territorju kollu tal-Unjoni, u dan anki fid-dawl tad-dokumenti biss li juru t-trade mark inkwistjoni fil-forma rreġistrata tagħha.

107    Għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, sabiex jintwera li t-trade mark inkwistjoni akkwistat karattru distintiv, ir-rikorrenti ma tistax tuża l-provi kollha li juru trade mark komposta minn tliet strixxi paralleli b’distanza ndaqs bejniethom. Fil-fatt, mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel parti tal-motiv wieħed jirriżulta li l-provi rilevanti huma biss dawk li juru t-trade mark inkwistjoni fil-forma rreġistrata tagħha jew, fin-nuqqas ta’ dan, f’forom globalment ekwivalenti tagħha, fatt li jeskludi l-forom ta’ użu kkaratterizzati minn inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri jew min-nuqqas ta’ osservanza ta’ karatteristiċi essenzjali oħrajn tat-trade mark inkwistjoni.

108    F’dawn il-kundizzjonijiet, qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell evalwax korrettement ir-rilevanza tad-diversi provi prodotti quddiemu mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi li t-trade mark inkwistjoni kienet intużat u li din kienet akkwistat karattru distintiv. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-provi prodotti kollha, jekk il-Bord tal-Appell qiesx ġustament li din il-prova ma kinitx ġiet prodotta fir-rigward tat-territorju ġeografikament rilevanti, jiġifieri dak tal-Unjoni.

1.      Fuq il-karattru rilevanti tal-provi prodotti

109    Hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-akkwist minn trade mark ta’ karattru distintiv wara l-użu li jkun sar tagħha, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem li t-trade mark għandha fis-suq, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul tal-użu ta’ din it-trade mark, il-kobor tal-investimenti magħmula mill-intrapriża sabiex tiġi promossa, il-perċentwal tal-oqsma kkonċernati li jidentifika l-prodott jew is-servizz bħala li joriġina minn impriża ddeterminata grazzi għat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 51, u tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 60).

110    Is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, bl-istess mod bħas-sehem tal-volum ta’ riklami għas-suq tal-prodotti inkwistjoni li jirrappreżenta l-investiment fir-riklami magħmul sabiex tiġi promossa trade mark, jistgħu għalhekk ikunu indikazzjonijiet rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk din it-trade mark kisbitx karattru distintiv permezz tal-użu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punti 76 u 77).

111    L-elementi msemmija fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq għandhom jiġu evalwati globalment (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 49, u tas‑7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, EU:C:2005:432, punt 31).

112    Jekk, abbażi ta’ dawn il-fatturi, l-oqsma kkonċernati jew, mill-inqas, parti sinjifikattiva minnhom jidentifikaw bis-saħħa tat-trade mark il-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari, ikollu jiġi konkluż minn dan li l-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 tkun issodisfatta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 52).

113    F’dan il-każ, il-provi prodotti mir-rikorrenti jistgħu jiġu rraggruppati mill-ġdid f’diversi kategoriji, jiġifieri, l-ewwel nett, l-istampi diġà invokati matul l-eżami tal-ewwel parti tal-motiv, it-tieni nett, data dwar id-dħul mill-bejgħ u l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar, it-tielet nett, studji tas-suq u, ir-raba’ nett, il-provi l-oħrajn.

a)      Fuq l-istampi

114    L-analiżi tal-istampi prodotti mir-rikorrenti tqajjem dubji serji dwar ir-rilevanza ta’ dawn id-dokumenti.

115    Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-eżami tal-ewwel parti tal-motiv jirriżulta li l-Bord tal-Appell, ġustament, warrab il-maġġoranza kbira tal-istampi prodotti quddiem l-EUIPO mir-rikorrenti għar-raġuni li dawn l-istampi, u b’mod partikolari dawk irriprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, kienu dwar sinjali li ma kinux globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni.

116    Huwa minnu li, bħalma ġie stipulat fil-punt 106 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti targumenta li hija pproduċiet, b’mod partikolari quddiem il-Qorti Ġenerali, “għexieren” ta’ provi li juru t-trade mark inkwistjoni “eżattament” jew “bejn wieħed u ieħor” fl-istess “dimensjonijiet” bħal dawk tal-forma rreġistrata ta’ din it-trade mark.

117    Madankollu, mid-dokumenti prodotti fl-anness għar-rikors ma jirriżultax li dawn jinkludu numru sinjifikanti ta’ provi li jirrappreżentaw sinjali globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni. Issa, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rikorrenti pproduċiet quddiem l-EUIPO kważi 12 000 paġna ta’ provi u, min-naħa l-oħra, li kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell ikkritikawha li ma pproduċietx provi ta’ użu tat-trade mark inkwistjoni nnifisha. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma identifikatx, fost l-istampi prodotti matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, dawk li jippruvaw l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-forma rreġistrata tagħha jew f’forom globalment ekwivalenti.

118    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li ċerti stampi mwarrba mill-Bord tal-Appell – fosthom l-ewwel tliet stampi rriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq – juru trade mark bi tliet strixxi mwaħħla fuq basktijiet tal-isport, li ma jagħmlux parti mill-prodotti inkwistjoni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, tali provi ma humiex, fi kwalunkwe każ, rilevanti.

119    It-tielet nett, filwaqt li huwa minnu li ċerti stampi prodotti mir-rikorrenti jikkorrispondu mat-trade mark inkwistjoni u, għaldaqstant, jistgħu jistabbilixxu ċertu użu ta’ din it-trade mark, madankollu dawn l-istampi ma jagħtu, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor, ebda indikazzjoni dwar l-kobor u t-tul ta’ dan l-użu, lanqas dwar l-impatt tal-imsemmi użu fuq il-perċezzjoni ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti. Konsegwentement, l-imsemmija stampi ma jippruvawx li dan l-użu kien suffiċjenti sabiex perċentwal sinjifikanti tal-pubbliku rilevanti jidentifika grazzi għat-trade mark inkwistjoni l-prodott bħala li joriġina minn impriża ddeterminata.

b)      Fuq id-data dwar id-dħul mill-bejgħ u l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar

120    Ir-rikorrenti b’mod partikolari pproduċiet quddiem l-EUIPO dikjarazzjoni maħlufa li tippreżenta t-“trade mark adidas” jew “trade mark bi tliet strixxi” u li tinkludi, għat‑28 Stat Membru kollha tal-Unjoni, data f’dak li jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ tal-impriża mmexxija mir-rikorrenti kif ukoll l-ammont tal-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar magħmula minn din l-impriża. F’din id-dikjarazzjoni maħlufa huwa ppreċiżat li l-prodotti mibjugħa mill-impriża kważi kollha għandhom it-“trade mark bi tliet strixxi” u li l-maġġoranza kbira tal-mezzi ta’ reklamar tagħhom juru din it-trade mark. Din id-dikjarazzjoni tipprovdi wkoll indikazzjonijiet fir-rigward tal-partijiet tas-suq tat-“trade mark adidas” f’ċerti Stati Membri, jiġifieri l-Ġermanja, Franza, il-Polonja u r-Renju Unit. Barra minn hekk, din tiġbor fil-qosor l-attività ta’ sponsorjar tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ manifestazzjonijiet u ta’ kompetizzjonijiet sportivi.

121    Bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa l-karattru “impressjonanti” tad-dħul mill-bejgħ li jinsab fid-dikjarazzjoni maħlufa (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, ma hemm ebda dubju li r-rikorrenti esplojtjat b’mod intensiv u fit-tul uħud mit-trade marks tagħha fi ħdan l-Unjoni u għamlet investimenti kbar għall-promozzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

122    Madankollu, il-Bord tal-Appell irrileva, ġustament, li ma kienx possibbli li tiġi stabbilita rabta bejn iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti u t-trade mark inkwistjoni kif ukoll bejn din id-data u l-prodotti inkwistjoni (punti 46 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    Fil-fatt, iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti jirrigwardaw l-attività kollha tal-impriża, il-prodotti kollha u t-trade marks kollha meħuda flimkien. Għaldaqstant dawn jinkludu, minn naħa, il-bejgħ u l-promozzjoni ta’ prodotti mhux rilevanti, bħall-basktijiet tal-isport (ara l-punt 118 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ u l-promozzjoni ta’ prodotti li għandhom biss sinjali differenti mit-trade mark inkwistjoni.

124    Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-eżempji ta’ marketing tal-isport u ta’ mezzi ta’ reklamar invokati mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO u rriprodotti fir-rikors jew prodotti fl-anness għal dan ir-rikors juru sinjali bi tliet strixxi li, minħabba b’mod partikolari l-inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri, ma humiex globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni.

125    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-data dwar id-dħul mill-bejgħ u l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar ma jippruvawx li t-trade mark inkwistjoni ntużat u li din akkwistat karattru distintiv minħabba l-użu tagħha.

c)      Fuq l-istudji tas-suq

126    Ir-rikorrenti pproduċiet quddiem l-EUIPO 23 studju tas-suq imwettqa bejn l‑1983 u l‑2011 fil-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

127    Il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li, sa fejn numru ta’ studji tas-suq prodotti mir-rikorrenti ma kinux jirrigwardaw it-trade mark inkwistjoni kif irreġistrata, dawn l-istudji ma kinux rilevanti sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark inkwistjoni kienet kisbet karattru distintiv wara l-użu tagħha fit-territorji tal-Istati Membri kkonċernati (punti 48 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ studji tas-suq minn fost dawk prodotti mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO.

129    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssemmi espliċitament u pproduċiet mill-ġdid ħames studji tas-suq imwettqa bejn l‑2009 u l‑2011 fil-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, Franza u r-Rumanija. Dawn l-istudji tas-suq twettqu billi ġiet segwita l-istess metodoloġija u abbażi ta’ rappreżentazzjoni grafika identika għal dik irriprodotta fil-punt 2 iktar ’il fuq. Dawn b’mod partikolari ppermettew li jiġi ddeterminat, abbażi ta’ kwestjonarju, “grad ta’ distintività” tat-trade mark inkwistjoni, iddefinita bħala l-perċentwal tal-persuni li sarulhom mistoqsijiet li jipperċepixxu din it-trade mark bħala li toriġina minn impriża waħda meta tintuża ma’ ħwejjeġ tal-isport jew ma’ tagħmir tal-isport. Skont il-konklużjoni tal-imsemmija studji tas-suq, dan il-grad ta’ distintività jammonta, għall-pubbliku inġenerali, għal 57 % fil-Ġermanja, għal 48.3 % fl-Estonja, għal 47.1 % fi Spanja, għal 52.0 % fi Franza u għal 30.6 % fir-Rumanija. Għall-pubbliku speċjalizzat li jixtri jew juża, jew li jista’ jixtri jew juża, ħwejjeġ tal-isport jew tagħmir tal-isport, il-grad ta’ distintività huwa ogħla u jilħaq il-63.5 % fil-Ġermanja, 52.4 % fl-Estonja, 62.7 % fi Spanja, 62.7 % fi Franza u 43.2 % fir-Rumanija.

130    B’dan il-mod, mill-ħames studji tas-suq imsemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li dawn jirrigwardaw l-użu tat-trade mark inkwistjoni fil-forma rreġistrata tagħha u, min-naħa l-oħra, li dawn ikejlu konkretament il-perċezzjoni ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, la l-Bord tal-Appell, la l-EUIPO, u lanqas l-intervenjenti ma kkontestaw il-metodoloġija adottata sabiex jitwettqu dawn l-istudji tas-suq. Minn dan isegwi li l-imsemmija studji tas-suq huma, bħala prinċipju, elementi rilevanti sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark inkwistjoni akkwistat karattru distintiv wara l-użu li sar tagħha.

131    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, matul it-twettiq tal-ħames studji tas-suq imsemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq, il-parteċipanti kienu preliminarjament ġew mistoqsija fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn kinux diġà fil-preżenza ta’ din it-trade mark fuq ħwejjeġ tal-isport jew tagħmir tal-isport. Fid-dawl tal-insistenza tar-rikorrenti fuq l-użu tat-trade mark inkwistjoni f’attivitajiet u f’kompetizzjonijiet sportivi, ma jistax jiġi eskluż li l-formulazzjoni ta’ din il-mistoqsija preliminari ffaċilitat, fi ħsieb il-persuni mistoqsija, l-assoċjazzjoni ta’ din it-trade mark ma’ impriża ddeterminata. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rilevanza, fid-dawl tal-prodotti inkwistjoni, tal-istudji tas-suq imsemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq, għandha tiġi kkwalifikata.

132    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti sempliċement tagħmel riferiment għat‑18-il studju ieħor tas-suq li hija pproduċiet quddiem l-EUIPO u tindika li l-Bord tal-Appell ċaħad dawn l-istudji tas-suq b’mod sommarju.

133    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it‑18-il studju tas-suq twettqu fir-rigward ta’ sinjali li ma humiex globalment ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-inverżjoni tal-iskema ta’ kuluri jew tal-bidla ta’ karatteristiċi essenzjali oħrajn tat-trade mark inkwistjoni, bħan-numru ta’ strixxi.

134    Għaldaqstant, ċerti studji, imwettqa fil-Ġermanja fl‑1983, fi Spanja fl‑1986, fl‑1991, fl‑2008 u fl‑2009, fi Franza fl‑2011, fl-Italja fl‑2009, fil-Finlandja fl‑2005, fl-Isvezja fl‑2003 u fir-Renju Unit fl‑1995, huma dwar sinjali li jikkonsistu f’żewġ, tliet jew erba’ strixxi paralleli mwaħħla fuq żarbuna. Dawn l-istrixxi, ta’ tul, ta’ ħxuna u ta’ kuluri differenti, dejjem jitpoġġew b’mod speċifiku fuq iż-żarbuna u maqtugħa b’mod djagonali (ara, pereżempju, it-tliet stampi rriprodotti fil-punt 68 iktar ’il fuq u msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq).

135    Xi studji tas-suq oħrajn, imwettqa fil-Ġermanja fl‑2001 u fl‑2004, fi Spanja fl‑1995, fl-Italja fl‑2004 u fl‑2009 u fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑2004, jirrigwardaw sinjali li jikkonsistu f’żewġ jew fi tliet strixxi bojod imwaħħla fuq ħwejjeġ ta’ kulur iswed. L-istudju mwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi fl‑2004 jirrigwarda wkoll it-trade marks li jikkonsistu f’żewġ strixxi suwed imwaħħla fuq ħwejjeġ ta’ kulur abjad. Barra minn hekk, diversi minn dawn l-istudji jirrigwardaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni maħluqa permezz tal-użu tas-sinjali rrappreżentati, u mhux permezz tal-akkwist minnhom ta’ karattru distintiv permezz tal-użu.

136    Fl-aħħar nett, ċerti studji tas-suq, imwettqa fl‑1984 fil-Ġermanja u fl‑1991 fi Spanja, ma kellhomx bħala suġġett ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark figurattiva, iżda sempliċement il-kliem “tliet strixxi” fil-lingwi Ġermaniża u Spanjola.

137    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li tilmenta dwar il-fatt li l-Bord tal-Appell warrab it‑18-il studju msemmi fil-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq.

d)      Fuq il-provi l-oħrajn

138    Ir-rikorrenti pproduċiet ukoll diversi provi oħrajn quddiem l-EUIPO u sussegwentement quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali jew anki siltiet mill-istampa li jsemmu l-fama tat-“trade mark bi tliet strixxi” tagħha.

139    Madankollu, fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrenti ma tagħmilx riferiment espress u preċiż għal dawn il-provi. B’mod partikolari, hija ma tindikax liema deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali u liema siltiet mill-istampa huma rilevanti sabiex tiġi mminata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-akkwist, mit-trade mark inkwistjoni, ta’ karattru distintiv.

140    Huwa minnu li, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti tuża, minn naħa, żewġ deċiżjonijiet mogħtija minn qrati Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni mogħtija minn qorti Franċiża u sussegwentement ikkonfermata fl-appell. Dawn id-deċiżjonijiet, diġà invokati fil-punt 80 iktar ’il fuq u prodotti fl-Anness A.8 tar-rikors, irrikonoxxew il-fama u, għaldaqstant, il-karattru distintiv tat-trade marks tar-rikorrenti kif ukoll l-użu ġenwin li huma kienu s-suġġett tiegħu.

141    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-deċiżjonijiet taż-żewġ qrati Ġermaniżi jirreferu, b’mod ġenerali, għat-“trade marks bi tliet strixxi” tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għad-deċiżjoni tal-qorti Franċiża ngħatat fir-rigward ta’ trade mark li tikkonsisti fi tliet strixxi bojod imwaħħla fuq żarbuna u kkontrastati ma’ sfond iswed. Konsegwentement, fin-nuqqas li jirrigwardaw forom ta’ użu li jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għall-forma rreġistrata tat-trade mark inkwistjoni, dawn id-deċiżjonijiet huma nieqsa minn rilevanza sabiex jiġi stabbilit li din it-trade mark akkwistat karattru distintiv permezz tal-użu.

2.      Fuq il-prova tal-użu tat-trade mark inkwistjoni u fuq l-akkwist minnha ta’ karattru distintiv fl-Unjoni kollha

142    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001), it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju u għandu jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha.

143    Mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sabiex jiġi aċċettat għar-reġistrazzjoni, sinjal għandu jkollu karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal-użu, fl-Unjoni kollha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 68).

144    Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ trade mark nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku fl-Istati Membri kollha, tali trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont din id-dispożizzjoni biss jekk jintwera li hija kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C-85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Ċertament, anki jekk huwa minnu li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tintwera għall-parti tal-Unjoni li fiha din it-trade mark ma għandhiex karattru distintiv intrinsiku, ikun eċċessiv li wieħed jeżiġi li l-prova ta’ tali kisba tinġieb għal kull Stat Membru meħud individwalment (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma timponi li jiġi stabbilit bi provi distinti l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’kull Stat Membru meħud individwalment. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li provi tal-akkwist, minn sinjal iddeterminat, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu jkunu rilevanti fir-rigward ta’ diversi Stati Membri, jew anki tal-Unjoni kollha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 80).

147    B’mod partikolari, huwa possibbli li, għal ċerti prodotti jew servizzi, l-operaturi ekonomiċi jkunu ġabru flimkien diversi Stati Membri fi ħdan l-istess sistema ta’ distribuzzjoni u jkunu ttrattaw dawn l-Istati Membri, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-istrateġiji ta’ marketing tagħhom, daqslikieku kienu jikkostitwixxu suq nazzjonali wieħed biss. F’dan il-każ, il-provi tal-użu ta’ sinjal f’tali suq transkonfinali jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-Istati Membri kkonċernati kollha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 81).

148    L-istess japplika meta, minħabba l-prossimità ġeografika, kulturali jew lingwistika bejn żewġ Stati Membri, il-pubbliku rilevanti ta’ wieħed minnhom ikollu għarfien suffiċjenti tal-prodotti jew tas-servizzi preżenti fis-suq nazzjonali tat-tieni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 82).

149    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ta’ trade mark nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li tiġi prodotta l-prova, għal kull Stat Membru meħud individwalment, tal-akkwist minn din it-trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, il-provi prodotti għandhom madankollu jippermettu li tintwera tali kisba fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 83). L-istess japplika fir-rigward taż-żamma tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark abbażi tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament.

150    F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trade mark inkwistjoni hija nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku fl-Unjoni kollha. Huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell fittex jekk din it-trade mark kinitx kisbet karattru distintiv għall-pubbliku rilevanti fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara l-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Għandu jitqies li, fost il-provi prodotti mir-rikorrenti u eżaminati fil-punti 114 sa 141 iktar ’il fuq, l-uniċi li huma, sa ċertu punt, rilevanti huma l-ħames studji tas-suq analizzati fil-punti 129 sa 131 iktar ’il fuq.

152    Issa, dawn l-istudji twettqu f’ħames Stati Membri biss u għaldaqstant ikopru biss parti mit-territorju tal-Unjoni.

153    Madankollu, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tinvoka l-ġurisprudenza li tipprovdi li bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li l-istess tipi ta’ provi jiġu prodotti għal kull Stat Membru (sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2009, BCS vs UASI – Deere (Tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar), T‑137/08, EU:T:2009:417, punt 39, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services vs EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ biċċa ċikkulata), T‑112/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:735, punt 126). Hija targumenta li hija pproduċiet, għal kull Stat Membru, dokumenti oħrajn dwar, b’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ tagħha kif ukoll l-ammont tal-investimenti magħmula sabiex tiġi promossa t-trade mark inkwistjoni. Dawn id-dokumenti juru li t-trade mark inkwistjoni tintuża b’mod simili fid-diversi Stati Membri u, għaldaqstant, li s-swieq nazzjonali tal-Istati Membri kollha huma paragunabbli. Għaldaqstant, evalwati globalment, id-diversi provi li hija pproduċiet jippermettu li jiġi stabbilit li t-trade mark inkwistjoni akkwistat karattru distintiv permezz tal-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni.

154    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

155    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tidentifika ebda prova rilevanti minbarra l-ħames studji tas-suq imsemmija fil-punti 129 u 151 iktar ’il fuq. Konsegwentement, hija ma tippruvax li pproduċiet provi rilevanti f’dak li jirrigwarda t‑23 Stat Membru mhux kopert b’dawn l-istudji tas-suq.

156    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi produzzjoni tad-data dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha u l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar tagħha, li nġabret Stat Membru Stat Membru, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ suq tranżnazzjonali wieħed jew diversi komposti minn diversi Stati Membri. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma turix li, jew minħabba l-fatt tal-organizzazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u tal-istrateġiji tal-marketing tal-operaturi ekonomiċi, jew minħabba l-għarfien tal-pubbliku rilevanti, is-swieq nazzjonali tat‑23 Stat Membru mhux ikkonċernati mill-istudji tas-suq imsemmija fil-punti 129 u 151 iktar ’il fuq huma paragunabbli għas-swieq nazzjonali tal-ħames Stati Membri li dawn l-istudji twettqu fihom. Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tinvoka, sabiex tipprova l-użu tat-trade mark inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li hija tisponsorja kompetizzjonijiet sportivi ewlenin Ewropej u internazzjonali, hija la tallega u lanqas turi, bl-għajnuna ta’ dan l-argument ibbażat fuq l-attività ta’ sponsorjar tagħha, li s-swieq tad-diversi Stati Membri huma paragunabbli.

157    Konsegwentement, anki jekk wieħed jaċċetta li huma totalment rilevanti, ir-riżultati tal-ħames studji tas-suq imsemmija fil-punti 129 u 151 iktar ’il fuq la jistgħu jiġu estrapolati għall-Istati Membri kollha u lanqas jiġu kkompletati u kkorroborati, fl-Istati Membri mhux koperti mill-imsemmija studji, mill-provi l-oħrajn prodotti mir-rikorrenti.

158    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-diversi provi prodotti mir-rikorrenti, anki evalwati globalment, minn naħa, ma jippruvawx użu tat-trade mark inkwistjoni għat-territorju kollu tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ma humiex biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex juru li, wara dan l-użu, it-trade mark inkwistjoni saret adatta, f’dan it-territorju kollu, sabiex tidentifika l-prodotti li ġiet irreġistrata għalihom u għaldaqstant li tiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk ta’ impriżi oħrajn.

159    Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti ma kinitx ippruvat li t-trade mark inkwistjoni kienet akkwistat, fit-territorju kollu tal-Unjoni, karattru distintiv wara l-użu li kien sar tagħha.

160    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv u, konsegwentement, il-motiv wieħed fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

161    Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

162    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

163    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

164    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      adidas AG hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Shoe Branding Europe BVBA.

3)      Marques għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

       Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.