Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-341/23)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Ioan u R. Lindernthal, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tas-Slovakkja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika Slovakka kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill 1 billi naqset milli tiżgura l-osservanza tal-obbligu li tippreżenta l-pjanijiet ta’ kondizzjonament u l-miżuri korrettivi relatati mal-ħdax-il miżbla li għalih jirreferi r-rikors (Vlčie Hory, Bojná parti B u parti Ċ – Fażi I., Čadca – Podzávoz, Rajec – Šuja, Ružombero – Biela Púť, Miżbla TKO Zubrohlava , Hnúšťa – Kotlište, Detva – Studienec Fażi II, Hontianske Tesáre, Hôrky – Pláne a Stropkov – Chotča) sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni finali dwar il-possibbiltà li titkompla l-operazzjoni ta’ miżbla fuq il-bażi ta’ pjan ta’ kondizzjonament jew jekk għandhomx jittieħdu miżuri sabiex tingħalaq il-miżbla kemm jista’ jkun malajr.

tiddikjara li r-Repubblika Slovakka kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill billi naqset milli tiżgura li jittieħdu miżuri sabiex jagħlqu kemm jista’ jkun malajr l-għaxar miżbliet li għalihom jirreferi r-rikors (Stupava – Žabáreň, Bobogdány, Prietrž, Veronika Dežerice, Landfill KO Duslo, Šahy – Holá Stráž, Židová – Vráble, Smutná, Hnúšťa – Branzová, Veľká Ves).

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, ir-Repubblika Slovakka kienet obbligata tieħu miżuri sabiex tiżgura li l-miżbliet eżistenti, jiġifieri “landfills li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva” ikunu evalwati fuq il-bażi tar-rekwiżiti tad-Direttiva u jew jingħalqu kemm jista’ jkun malajr jew jikkonformaw mad-Direttiva f’perijodu tranżitorju ta’ tmien snin li skada fis-16 ta’ Lulju 2009.

Skont l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva, ir-Repubblika Slovakka kienet obbligata, fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mad-Direttiva, li tiżgura li l-operatur tal-miżbla jipprepara u jissottometti għall-approvazzjoni ta-awtorità kompetenti pjan ta’ kondizzjonament għall-istess sit, li jinkludi d-dettalji elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva meħtieġa sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva, ladarba ġie sottomess il-pjan ta’ kondizzjonament għas-sit, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jieħdu deċiżjoni finali dwar il-possibbiltà li titkompla l-operazzjoni tas-sit fuq il-bażi ta’ dak il-pjan u tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva, ir-Repubblika Slovakka kienet obbligata wkoll tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħlaq kemm jista’ jkun malajr, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 13, is-siti li ma kisbux, skont l-Artikolu 8, permess sabiex ikomplu joperaw.

Ir-Repubblika Slovakka naqset li tissodisfa dawn l-obbligi.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30.