Language of document : ECLI:EU:C:2021:341

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

29 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija – Determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn il-muniti – Kuntratt ta’ novazzjoni – Effett dissważiv – Obbligi tal-qorti nazzjonali – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1)”

Fil-Kawża C‑19/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku XV Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsku, il-Ħmistax‑il Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

I.W.,

R.W.

vs

Bank BPH S.A.,

fil-preżenza ta’

Rzecznik Praw Obywatelskich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I.W. u R.W., minn B. Garlacz, radca prawny,

–        għal Bank BPH S.A., minn A. Sienkiewicz, B. Krużewski u A. Prokop, adwokaci, kif ukoll minn P. Bogdanowicz, radca prawny,

–        għal Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, T. Paixão, M. Queiroz Ribeiro, A. Rodrigues u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 7 tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I.W. u R.W., minn naħa, u Bank BPH S.A., min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 93/13, il-kunċett ta’ “klawżoli inġusti” għandu jinftiehem bħala “il-klawżoli kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 3”.

4        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistipula li:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 58 tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili) huwa fformulat kif ġej:

“1.      Att legali li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.

2.      Att legali li jmur kontra r-regoli ta’ kondotta soċjali huwa null.

3      Jekk parti biss mill-att legali hija nulla, il-partijiet l-oħra tal-att jibqgħu fis-seħħ, sakemm ma jirriżultax miċ-ċirkustanzi li l-att ma kienx jiġi eżegwit fl-assenza tad-dispożizzjonijiet nulli.”

9        Skont l-Artikolu 120(1) ta’ dan il-kodiċi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kreditu jkun sar dovut. Jekk l-eżiġibbiltà tal-kreditu tkun tiddependi mill-adozzjoni ta’ att speċifiku mill-proprjetarju tad-dritt, it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-kreditu kien ikun sar dovut li kieku d-detentur tad-dritt kien adotta l-att l-iktar kmieni possibbli.”

10      L-Artikolu 3531 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Il-partijiet għall-kuntratt huma liberi jistabbilixxu r-relazzjoni legali tagħhom sakemm il-kontenut u l-għan tal-kuntratt ma jmorrux kontra l-karatteristiċi essenzjali (in-natura) ta’ tali relazzjoni, il-liġi jew ir-regoli ta’ kondotta soċjali.”

11      L-Artikolu 358 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“1.      Jekk is-suġġett tal-obbligu jkun somma ddenominata f’munita barranija, id-debitur jista’ jwettaq il-ħlas fil-munita Pollakka, sakemm il-liġi, deċiżjoni ġudizzjarja li minnha jkun joriġina l-obbligu jew att legali ma jkunux jipprevedu li l-ħlas jista’ jitwettaq f’munita barranija.

2.      Il-valur tal-munita barranija għandu jkun ikkalkolat skont ir-rata medja ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja fid-data tal-eżiġibbiltà tal-kreditu, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja ta’ liġi, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ att legali.

3.      Fil-każ ta’ dewmien mid-debitur, il-kreditur jista’ jeżiġi l-eżekuzzjoni tal-ħlas fil-munita Pollakka bir-rata medja ffissata mill-Bank Nazzjonali Ċentrali tal-Polonja fil-jum li fih isir il-ħlas.”

12      L-Artikolu 3851 tal-kodiċi ċivili jipprovdi li:

“1.      Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

2.      Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx torbot lill-konsumatur b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta bid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-kuntratt.

3.      Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-parti kontraenti.

[…]”

13      L-Artikolu 3852 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-kompatibbiltà tal-klawżoli ta’ kuntratt mal-moralità għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-kontenut tiegħu, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tiegħu kif ukoll kuntratti oħra konnessi mal-kuntratt li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li jkunu s-suġġett tal-evalwazzjoni.”

14      L-ustawa o zmianie ustawy – Prawo bankowe oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Banek) tad-29 ta’ Lulju 2011 (Dz. U. Nru 165 tal-2011, intestatura 984, iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑29 ta’ Lulju 2011”), daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Awwissu 2011.

15      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2011:

“L-emendi li ġejjin għandhom isiru lill-[ustawa – Prawo bankowe (il-Liġi dwar id-Dritt Bankarju) tad-29 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. Nru 72 tal-2002, intestatura 665), kif emendata]:

1)      fl-Artikolu 69:

a)      fil-paragrafu 2, għandu jiddaħħal il-punt 4a wara l-punt 4:

‘4a)      fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita jew indiċjat fuq munita li ma hijiex il-munita Pollakka, regoli ddettaljati li jistabbilixxu l-modalitajiet u d-dati tal-iffissar tar-rata tal-muniti li abbażi tagħhom jiġu kkalkolati b’mod partikolari l-ammont tas-self, il-porzjonijiet u l-pagamenti mensili tiegħu (il-kapital u l-interessi) kif ukoll ir-regoli ta’ konverżjoni fil-munita tat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew tal-ħlas lura tas-self [huma ppreċiżati],’;

b)      għandu jiżdied paragrafu 3 ġdid wara l-paragrafu 2, ifformulat kif ġej:

‘3.      Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu ddenominat f’munita jew indiċjat fuq munita li ma hijiex il-munita Pollakka, il-persuna li tissellef tista’ tirrimborsa l-pagamenti mensili (il-kapital u l-interessi) u twettaq rimbors antiċipat tal-ammont totali jew parzjali tal-kreditu direttament f’din il-munita. F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jistabbilixxi wkoll ir-regoli tal-ftuħ u taż-żamma ta’ kont għall-ġbir ta’ fondi intiżi għar-rimbors tal-kreditu kif ukoll ir-regoli tar-rimbors permezz ta’ dan il-kont.’”

16      L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“Fil-każ ta’ krediti jew self ta’ flus miftiehma minn persuna li tissellef qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-punt 4a tal-Artikolu 69(2) u l-Artikolu 75b tal-liġi msemmija fl-Artikolu 1 japplikaw għall-krediti jew self ta’ flus li ma jkunux ġew irrimborsati kompletament – sal-ammont tal-kreditu jew tas-self li jkun għadu jrid jiġi rrimborsat. F’dan ir-rigward, il-bank jemenda mingħajr ħlas il-kuntratt ta’ kreditu jew il-kuntratt ta’ self konsegwentement.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Matul is-sena 2008, I.W. u R.W ikkonkludew, bħala konsumaturi, kuntratt ta’ self ipotekarju mal-predeċessur legali ta’ Bank BPH, fejn it-tul ta’ dan is-self kien ta’ 360 xahar (30 sena). Dan il-kuntratt kien iddenominat fi zloty Pollakk (PNL), iżda indiċjat fuq munita barranija, jiġifieri l-frank Svizzeru (CHF).

18      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn il-persuni li ssellfu ġew informati bil-fatt li r-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru setgħet tiżdied, u dan ikollu effett fuq l-ammont tal-pagamenti mensili tar-rimbors tal-imsemmi self. Fuq talba tal-bank f’dan is-sens, l-imsemmija persuni li ssellfu ppreżentaw dikjarazzjoni li tgħid li huma xtaqu jagħżlu l-indiċjar tas-self tagħhom fuq ir-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru, u dan minkejja li huma kienu debitament informati bir-riskji mġarrba minn self f’munita barranija.

19      Skont l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, ir-rimbors tas-self kellu jsir fi zlote Pollakki, u l-bilanċ tal-kreditu kif ukoll il-pagamenti mensili jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tal-bejgħ tal-munita CHF, miżjuda bil-marġni tal-bejgħ tal-munita mill-bank. Il-metodu ta’ determinazzjoni tal-marġni tal-bank ma kienx speċifikat fl-imsemmi kuntratt.

20      L-Artikolu 1(1) tal-kuntratt ta’ self jistipula:

“Il-bank qiegħed jislef lill-parti li qiegħda tissellef l-ammont ta’ PLN […] indiċjat fuq ir-rata tal-[frank Svizzeru] […], u l-parti li qiegħda tissellef tintrabat li tuża s-self skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, tħallas lura l-ammont tas-self użat, flimkien mal-interessi, fid-dati speċifikati fil-kuntratt u li tħallas lill-bank il-kummissjonijiet, it-taxxi u d-drittijiet l-oħra speċifikati fil-kuntratt. […]

Fid-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-bilanċ tas-self huwa espress fil-munita li fuqha s-self huwa indiċjat skont ir-rata tax-xiri tal-munita li fuqha s-self huwa indiċjat, speċifikata fit-tabella tar-rati tax-xiri/tal-bejgħ għas-self ipotekarju mogħti mill-bank, deskritt fid-dettall fl-Artikolu 17; sussegwentement, il-bilanċ fil-munita barranija huwa kkonvertit kuljum fi zlote Pollakki skont ir-rata tal-bejgħ tal-munita li fuqha s-self huwa indiċjat, speċifikata fit-tabella tar-rati tax-xiri/ta’ bejgħ għas-self ipotekarju mogħti mill-bank, deskritta fid-dettall fl-Artikolu 17.”

21      L-Artikolu 7(2) ta’ dan il-kuntratt jipprevedi:

“It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammont tas-self indikat fit-talba għal-liberazzjoni tal-fondi għandu jsir permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju fi ħdan bank Pollakk u indikat fit-talba. Id-data tat-trasferiment għandha titqies bħala d-data tal-għoti tas-self użat. Kull ammont imħallas fi zlote Pollakki jiġi kkonvertit fil-munita li fuqha s-self huwa indiċjat, bir-rata tax-xiri/tal-bejgħ għas-self ipotekarju mogħti mill-bank, fis-seħħ fil-jum tat-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-bank.”

22      L-Artikolu 10(6) tal-imsemmi kuntratt huwa fformulat kif ġej:

“Kull ħlas magħmul mill-persuna li tissellef għandu jiġi kkalkolat bir-rata tal-bejgħ tal-munita li fuqha s-self huwa indiċjat, kif indikat fit-tabella tar-rati tax-xiri/tal-bejgħ tas-self ipotekarju mogħti mill-bank, fis-seħħ fil-jum li fih il-fondi jiġu rċevuti l-bank. […]”

23      L-Artikolu 17 tal-kuntratt ta’ self jistipula:

“1.      Huma applikati għall-kalkolu tat-tranżazzjonijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni u ta’ rimbors ta’ krediti, rispettivament, ir-rati tax-xiri/tal-bejgħ tas-self ipotekarju mogħti mill-bank fil-muniti proposti mill-bank, fis-seħħ fid-data tat-tranżazzjoni.

2.      Ir-rati tax-xiri huma ddefiniti bħala r-rati tal-kambju medji taż-[zloty Pollakk] meta mqabbla mal-muniti inkwistjoni indikati fit-tabella tar-rati medji tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja, imnaqqsa bil-marġni tax-xiri.

3.      Ir-rati tal-bejgħ huma ddefiniti bħala r-rati tal-kambju medji taż-[zloty Pollakk] meta mqabbla mal-muniti inkwistjoni indikati fit-tabella tar-rati medji tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja, miżjuda bil-marġni tal-bejgħ.

4.      Sabiex jiġu kkalkolati r-rati tax-xiri/tal-bejgħ tas-self ipotekarju mogħti mill-bank, għandha tiġi applikata r-rata taż-[zloty Pollakk] meta mqabbla mal-muniti inkwistjoni, indikata fit-tabella tar-rati medji tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja għall-jum ta’ xogħol inkwistjoni, aġġustat bil-marġni tax-xiri/tal-bejgħ tal-bank.

5.      Ir-rati tax-xiri/tal-bejgħ applikabbli f’jum ta’ xogħol partikolari għas-self ipotekarju mogħti mill-bank f’muniti barranin inklużi fl-offerta tiegħu huma ddeterminati mill-bank wara t-15.00 fil-jum tax-xogħol preċedenti u jintwerew fis-sede tal-bank u jiġu ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu […]”.

24      Dan il-kuntratt ta’ self kien is-suġġett ta’ ftehim addizzjonali ffirmat mill-partijiet fis-7 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem l-“addendum”), li kien jinkludi, minn naħa, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-marġni ta’ Bank BPH. Min-naħa l-oħra, dan l-addendum kien jipprevedi li l-persuni li ssellfu issa kienu awtorizzati jirrimborsaw is-self tagħhom fil-munita ta’ indiċjar magħżula, jiġifieri l-frank Svizzeru, li huma setgħu jiksbu wkoll fis-suq ħieles.

25      Ikkonfrontati biż-żieda fir-rata tal-frank Svizzeru, I.W. u R.W. oġġezzjonaw għan-natura inġusta tal-indiċjar tas-self fuq il-frank Svizzeru quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li talbu l-annullament tal-kuntratt u l-ħlas lura tal-ammonti kollha mħallsa bħala ħlas tal-interessi u tal-ispejjeż marbuta mal-imsemmi kuntratt.

26      Għall-qorti tar-rinviju, il-klawżoli dwar l-indiċjar tas-self mogħti kif ukoll il-metodu tad-determinazzjoni tar-rata tal-munita li biha s-self huwa rimborsabbli jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Peress li hija tqis li dawn il-klawżoli ġew redatti f’termini li jinftiehmu u ċari, u li d-debituri ħadu konjizzjoni tal-portata u tal-konsegwenzi tagħhom, fatt li kkonfermaw lil Bank BPH bil-miktub, in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli ma tistax tiġi invokata.

27      Min-naħa l-oħra, dik l-istess qorti tqis li dawn il-klawżoli huma inġusti, inkwantu jippermettu lil Bank BPH jirċievi marġni marbut mat-tranżazzjoni ta’ xiri u ta’ bejgħ tal-munita. Peress li l-metodu tal-iffissar ta’ dan il-marġni ma huwiex speċifikat fil-kuntratt ta’ self inizjali, il-qorti tar-rinviju ddeduċiet, minn dan, li l-imsemmi marġni kien joħloq żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur.

28      Għalkemm, fil-fehma tagħha, in-natura inġusta tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-marġni ta’ Bank BPH għax-xiri/għall-bejgħ tal-munita barranija għebet mal-konklużjoni bejn il-partijiet tal-addendum li jiddefinixxi l-modalitajiet għall-iffissar ta’ tali marġni tal-bank, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, sa fejn in-natura inġusta inizjali ta’ dawn l-istipulazzjonijiet jista’ jkollha effett fuq il-validità tal-klawżola ta’ indiċjar, jew saħansitra tal-kuntratt ta’ self kollu kemm hu.

29      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex possibbli għaliha li teskludi biss l-istipulazzjonijiet kuntrattwali dwar il-marġni tal-bank filwaqt li żżomm il-validità tal-klawżola ta’ indiċjar u tal-kuntratt, minkejja li intervent ġudizzjarju f’dan ir-rigward ikollu bħala effett bidla tas-sens ta’ din il-klawżola.

30      Fit-tielet lok, dik il-qorti tirrileva li l-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2011 issa tistabbilixxi r-regoli għad-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ konverżjoni tal-munita għas-self iddenominat f’munita barranija. Minn dan hija tikkonkludi li l-għan ta’ dissważjoni tal-użu tal-klawżoli inġusti ma jiġġustifikax iktar il-projbizzjoni tal-moderazzjoni jew tas-sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta mill-qorti nazzjonali li tikkonstata l-preżenza ta’ tali klawżoli f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, b’mod partikolari meta tali konstatazzjoni tkun tista’ twassal għall-invalidità tal-kuntratt kollu kemm hu.

31      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għal ħlas lura tal-konsumatur wara li tiġi invalidata klawżola inġusta huwiex inerenti għad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tikkonstata din in-natura inġusta jew jekk ir-rikonoxximent tagħha jeħtieġx talba espressa tal-konsumatur fil-kuntest ta’ proċedura distinta li tista’ tiġi suġġetta għal termini ta’ preskrizzjoni.

32      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni li jista’ jkun li għandha fir-rigward tal-konsumatur, peress li dan tal-aħħar għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jiddeċiedi jekk jixtieqx jirrinunzja li jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li huwa jkun parti minnu.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gdańsku XV Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsku, il-Ħmistax‑il Sezzjoni Ċivili, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikoli 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva [93/13] għandu jinftiehem fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha obbligu li tikkonstata n-natura inġusta (skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) ta[’ din i]d-Direttiva) ta’ klawżola kuntrattwali konkluża mal-konsumatur anki fil-mument meta fid-data tad-deċiżjoni, b’riżultat ta’ emendi magħmula mill-partijiet lill-kontenut tal-kuntratt fil-forma ta’ anness, il-klawżola nbidlet b’tali mod li ma tkunx ta’ natura inġusta, u konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola skont il-formulazzjoni oriġinali tagħha tista’ twassal għall-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu?

2)      L-Artikolu 6(1), moqri flimkien […] mat-tieni sentenza tal-Artikolu 3[(1) u](2), kif ukoll mal-Artikolu 2 tad-Direttiva [93/13], għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali tikkonstata n-natura inġusta biss ta’ wħud mill-elementi tal-klawżola kuntrattwali relatata mar-rata ta’ kambju, iffissata mill-Bank, tal-valuta li magħha huwa indiċjat il-kreditu mogħti lill-konsumatur (bħal fil-kawża prinċipali), jiġifieri permezz tat-tneħħija tad-dispożizzjoni dwar il-marġni tal-Bank, iddeterminata b’mod unilaterali u mhux ċar, bħala komponent tar-rata tal-kambju, u ż-żamma ta’ dispożizzjoni ċara li tirreferi għar-rata tal-kambju medja tal-Bank Ċentrali (il-Bank Nazzjonali tal-Polonja), li ma tirrikjedix is-sostituzzjoni tal-kontenut imħassar minn kwalunkwe dispożizzjoni legali, u tispiċċa tirriżulta fl-istabbiliment mill-ġdid ta’ ekwilibriju effettiv bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, minkejja li tbiddel l-essenza tad-dispożizzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-provvista mill-konsumatur għall-benefiċċju tiegħu?

3)      L-Artikolu 6(1) moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], għandu jinftiehem fis-sens li anki f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur nazzjonali jintroduċi miżuri intiżi li jiżguraw il-waqfien mill-użu kontinwu ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, bħal dawk eżaminati fil-kawża prinċipali, permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jimponu l-obbligu fuq il-banek li jispeċifikaw fid-dettall il-modalitajiet u t-termini għad-determinazzjoni tar-rata tal-kambju tal-valuta li fuq il-bażi tagħha huma kkalkolati l-ammont tal-kreditu, il-pagamenti ta’ kull xahar li jinkludu l-kapital flimkien mal-interessi kif ukoll ir-regoli ta’ konverżjoni, fil-valuta tal-kreditu mogħti jew imħallas lura, l-interess pubbliku jmur kontra l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ wħud biss mill-elementi tal-klawżola kuntrattwali bil-mod deskritt fit-tieni domanda?

4)      In-natura mhux vinkolanti tal-kuntratt li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13], li hija r-riżultat tal-esklużjoni tal-klawżoli kuntrattwali inġusti ddefiniti fl-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta[l-imsemmija d]irettiva, għandu jinftiehem fis-sens li din hija sanzjoni li tista’ sseħħ b’riżultat ta’ deċiżjoni kostituttiva ta’ qorti mogħtija fuq talba espliċita tal-konsumatur li tipproduċi konsegwenzi mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jiġifieri ex tunc, u l-pretensjonijiet għal ħlas lura tal-konsumatur u tal-bejjiegħ jew fornitur isiru eżiġibbli ladarba d-deċiżjoni ssir res judicata?

5)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Marzu 2010 [ĠU 2010, C 83, p. 389] għandu jinftiehem fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tinforma lill-konsumatur, li jkun ippreżenta azzjoni għall-annullament tal-kuntratt b’rabta mat-tneħħija tal-klawżoli inġusti, bl-effetti legali ta’ tali deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet possibbli għal ħlas lura mill-bejjiegħ jew fornitur (il-Bank), inklużi dawk l-effetti li ma jkunux ġew ikkonstatati fil-proċedura inkwistjoni, kif ukoll dawk l-effetti li l-fondatezza tagħhom ma hijiex ċara, anki f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur huwa rrappreżentat minn mandatarju professjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki jekk id-difett li jivvizzja din il-klawżola jkun ġie eskluż wara l-konklużjoni bejn dawn il-partijiet ta’ addendum għal dan il-kuntratt u li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola fil-verżjoni inizjali tagħha tkun tista’ twassal għan-nullità tal-kuntratt.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      I.W u R.W. jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li l-preżentazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tikkorrispondix mar-realtà tal-fatti tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, huma jikkontestaw il-fatt li l-addendum kien ippermetta li tiġi rrimedjata n-natura inġusta tal-klawżola ta’ indiċjar inizjali, peress li l-mekkaniżmu tal-indiċjar kollu kemm hu huwa inġust. Issa, il-qorti tar-rinviju tqis b’mod żbaljat li huwa biss l-element dwar il-marġni ta’ Bank BPH marbut mat-tranżazzjonijiet tal-kambju li huwa inġust.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tqis li, skont l-Artikolu 3851(1) u (3) tal-Kodiċi Ċivili, il-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jikkonċernaw l-indiċjar tal-ammont tas-self, kif ukoll il-klawżoli dwar ir-regoli għad-determinazzjoni tar-rata, jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, skont dik il-qorti, huma biss l-elementi distinti ta’ klawżoli dwar il-mekkaniżmu ta’ indiċjar relatat mal-marġni tal-bank li ma kinux ifformulati b’mod ċar u li jinftiehem. Għaldaqstant, minn dan hija kkonkludiet li l-elementi l-oħra tal-klawżoli dwar il-mekkaniżmu ta’ indiċjar ma kinux inġusti.

37      Issa, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46).

38      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bil-konstatazzjoni u bl-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li I.W. u R.W. ma jistgħux jikkontestawhom fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

39      Barra minn hekk, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Peress li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest leġiżlattiv u fattwali li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda hija ammissibbli.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

 Fuq il-mertu

42      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għaldaqstant, klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’tali mod li hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex huma ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix għal dan (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 29).

45      Skont il-qorti tar-rinviju, l-emenda kuntrattwali permezz tal-addendum li tiegħu kienu s-suġġett il-klawżoli ta’ indiċjar inizjali ppermettiet li jiġi eskluż id-difett li kien jivvizzjahom u stabbilixxiet mill-ġdid il-bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet tal-bejjiegħ jew fornitur u tal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-klawżoli ta’ indiċjar fil-verżjoni inizjali tagħhom ma kinux għandhom jorbtu lill-partijiet fil-kuntratt tas-self sa mill-iffirmar tal-addendum.

46      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal protezzjoni effettiva tal-konsumatur jinkludi l-possibbiltà tiegħu li jirrinunzja li jinvoka d-drittijiet tiegħu, b’tali mod li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tar-rieda espressa mill-konsumatur meta, filwaqt li jkun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, dan tal-aħħar jindika xorta waħda li huwa ma jaqbilx li din tiġi eskluża, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 25).

47      Fil-fatt, id-Direttiva 93/13 ma twassalx sabiex tirrendi vinkolanti s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħa jew fornituri li hija stabbilixxiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Konsegwentement, meta konsumatur ikun jippreferi ma jinvokax din is-sistema ta’ protezzjoni, din ma tiġix applikata (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 26).

48      Bl-istess mod, konsumatur jista’ jirrinunzja li jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola permezz ta’ kuntratt ta’ novazzjoni li għandu l-konsegwenza li dan jirrinunzja għall-effetti li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, bil-kundizzjoni li din ir-rinunzja ssir b’kunsens liberu u informat (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 28).

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sistema prevista mid-Direttiva 93/13 ma tistax tipprekludi li l-partijiet għal kuntratt jirrimedjaw in-natura inġusta ta’ klawżola li jkun fih billi jemendawha permezz ta’ kuntratt, sakemm, minn naħa, ir-rinunzja mill-konsumatur li jinvoka n-natura inġusta ssir bil-kunsens liberu u informat tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-klawżola l-ġdida li temenda ma tkunx fiha nnifisha inġusta, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

50      Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tqis li, f’dan il-każ, il-konsumaturi ma kinux konxji mill-konsegwenzi legali li jirriżultaw għalihom minn tali rinunzja, għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’tali mod li ma jistax ikollha effett fir-rigward tal-konsumatur, bil-konsegwenza, li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali u fattwali li fiha dan kien ikun jinsab fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-fatt, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li teskludi klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżultaw mhux dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju korrispondenti fir-rigward ta’ dawn l-istess ammonti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 62).

52      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet tkun dik ta’ I.W. u ta’ R.W. fl-assenza tal-klawżola inizjali li tagħha hija tikkonstata n-natura inġusta.

53      Għal dak li jirrigwarda l-effett ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fuq il-validità tal-kuntratt ikkonċernat, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 6(1) in fine tad-Direttiva 93/13, l-imsemmi “kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

54      Imbagħad, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 93/13 ma teħtieġx li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-klawżola ddikjarata inġusta, lil dawk li ma jkunux ġewx ikklassifikati bħala tali. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tipproteġi lill-konsumatur u terġa’ tistabbilixxi mill-ġdid bilanċ bejn il-partijiet billi jiġu esklużi l-klawżoli meqjusa li huma inġusti, filwaqt li tinżamm, fil-prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 75).

55      F’dan ir-rigward, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-imsemmija direttiva ma huwiex li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31).

56      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk kuntratt jistax effettivament jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, għandu jiġi rrilevat li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jargumentaw favur approċċ oġġettiv waqt l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet tal-kuntratt, ma tkunx tista’ titqies bħala l-kriterju determinanti li jirregola l-andament futur tal-kuntratt (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 32).

57      Għalhekk, fl-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk kuntratt li jkun fih klawżola inġusta waħda jew iktar jistax jibqa’ jeżisti mingħajr l-imsemmija klawżoli, il-qorti adita ma tistax tibbaża ruħha biss fuq in-natura possibbilment vantaġġuża, għall-konsumatur, tal-annullament tal-imsemmi kuntratt kollu kemm hu (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 33).

58      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, bil-konklużjoni tal-addendum, il-partijiet għall-kuntratt eskludew id-difett li kien jivvizzja l-klawżoli inizjali inġusti u stabbilixxa mill-ġdid il-bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet ta’ dawn il-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

59      Issa, l-għanijiet tad-Direttiva 93/13, kif imfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ikunu kompletament issodisfatti meta s-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li fiha l-konsumatur kien kieku jinsab fl-assenza tal-klawżola inġusta terġa’ tiġi stabbilita u d-difett li kien jivvizzja l-kuntratt jiġi eskluż mill-partijiet permezz tal-konklużjoni ta’ addendum, sakemm, waqt din il-konklużjoni, dan il-konsumatur ikun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ din il-klawżola u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.

60      Għaldaqstant, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jirriżultax li, f’sitwazzjoni fejn ir-rinunzja mill-konsumatur li jinvoka n-natura inġusta ssir bil-kunsens liberu u informat tiegħu, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inizjali tal-kuntratt ikkonċernat ikollha bħala effett l-annullament tal-kuntratt kif emendat bl-addendum, anki jekk, minn naħa, it-tħassir ta’ dawn il-klawżoli jkun wassal għall-annullament tal-kuntratt kollu kemm hu kif konkluż inizjalment u, min-naħa l-oħra, tali invalidità ikun favur il-konsumatur.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki jekk din tkun ġiet emendata permezz ta’ kuntratt minn dawn il-partijiet. Tali konstatazzjoni twassal għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun irrinunzja permezz tal-emenda tal-imsemmija klawżola inġusta għal tali stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni permezz ta’ kunsens liberu u informat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inizjali għandha, bħala prinċipju, l-effett li tannulla l-kuntratt, peress li l-emenda ta’ din il-klawżola ppermettiet li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet ta’ dawn il-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt u li jiġi eskluż id-difett li kien jivvizzjah.

 It-tieni u t-tielet domanda preliminari

62      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti nazzjonali tħassar biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, b’mod partikolari meta l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva jkun żgurat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw l-użu tagħha.

63      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li I.W. u R.W. jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tielet domanda, peress li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju teħtieġ min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Konsegwentement, ladarba d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni.

65      Peress li t-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

66      Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali li quddiemha jkollha klawżola kuntrattwali inġusta hija obbligata biss teskludi l-applikazzjoni tagħha sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma hija awtorizzata tirrevedi, bħala prinċipju, il-kontenut ta’ din il-klawżola. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ jeżisti, bħala prinċipju, mingħajr ebda emenda oħra għajr dik li tirriżulta mit-tħassir tal-imsemmija klawżola, sa fejn, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali sopravvivenza tal-kuntratt tkun ġuridikament possibbli (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 73).

67      Għaldaqstant, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tikkompleta dan il-kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fil-fatt, kieku l-qorti nazzjonali tkun awtorizzata tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-possibbiltà kieku tikkontribwixxi sabiex l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri jiġi eskluż bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, peress li dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, bl-għarfien li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jiġi kkompletat, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri jiġu ggarantiti (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-eliminazzjoni tal-element tal-klawżola ta’ indiċjar tas-self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-marġni tal-bank ma tinvolvi ebda lakuna li teħtieġ intervent pożittiv min-naħa tagħha. Madankollu, hija tenfasizza li din l-eliminazzjoni tbiddel is-sustanza tal-klawżola fil-formulazzjoni oriġinali tagħha.

70      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 jipprekludu li klawżola meqjusa inġusta tinżamm parzjalment, permezz tal-eliminazzjoni tal-elementi li jirrenduha inġusta, meta tali eliminazzjoni tkun tfisser reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 64).

71      Huwa biss jekk l-element tal-klawżola ta’ indiċjar tas-self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-marġni ta’ Bank BPH jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali l-oħra, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu, li l-qorti nazzjonali tkun tista’ teliminah.

72      Fil-fatt, id-Direttiva 93/13 ma teżiġix li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-klawżola ddikjarata inġusta, dawk li ma jkunux ġewx ikklassifikati bħala tali, peress li l-għan imfittex mil-leġiżlatur fil-kuntest ta’ din id-direttiva jikkonsisti fil-protezzjoni tal-konsumatur u fl-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-partijiet billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 75).

73      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self relatati ma’ interessi ordinarji u ma’ interessi moratorji, rispettivament, li l-annullament tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, minħabba n-natura inġusta tagħha, ma jistax iwassal ukoll għal dak tal-klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji, u dan speċjalment li dawn il-klawżoli differenti għandhom ikunu kjarament distinti (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 76.

74      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw irrispettivament minn kif ikunu fformulati l-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji u dik li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji. B’mod partikolari, dawn japplikaw mhux biss meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddefinita indipendentement mir-rata tal-interessi ordinarji, fi klawżola distinta, iżda wkoll meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddeterminata taħt il-forma ta’ żieda fir-rata tal-interessi ordinarji minn ċertu numru ta’ punti ta’ perċentwali. F’dan l-aħħar każ, peress li l-klawżola inġusta tkun tikkonsisti f’din iż-żieda, id-Direttiva 93/13 teżiġi biss li l-imsemmija żieda tiġi annullata (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 77).

75      Barra minn hekk, il-possibbiltà mogħtija lill-qorti nazzjonali b’mod eċċezzjonali li telimina l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbot bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma tistax tiġi kkontestata bl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li, billi jirregolaw l-użu ta’ tali klawżola, jiggarantixxu l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva, kif imfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

76      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara l-adozzjoni tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2011, li seħħet wara l-konklużjoni tal-kuntratt, u tal-addendum inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-banek ma jistgħux jużaw iktar klawżoli ta’ indiċjar fil-forma bħal dik prevista fil-kuntest ta’ dan il-każ. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, kuntratt ta’ self iddenominat f’muniti barranin għandu issa jinkludi l-informazzjoni relatata mal-metodi u mad-dati tal-iffissar tar-rata tal-kambju li abbażi tagħha jiġu kkalkolati l-ammont tal-kreditu u l-pagamenti mensili tar-rimbors, kif ukoll ir-regoli ta’ konverżjoni tal-muniti barranin.

77      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li l-Istati Membri jwaqqfu, permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur għandu, f’dan il-kuntest, josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 42).

78      Fil-fatt, il-fatt li klawżola kuntrattwali tkun ġiet iddikjarata, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, inġusta u nulla, kif ukoll issostitwita bi klawżola ġdida ma jistax ikollu l-effett li jdgħajjef il-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi, kif imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 43).

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni mil-leġiżlatur ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ klawżola kuntrattwali u jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv imfittex mid-Direttiva 93/13 għal dak li jikkonċerna l-aġir tal-bejjiegħa jew fornituri hija bla ħsara għad-drittijiet irrikonoxxuti lill-konsumatur minn din id-direttiva.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, huma ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva jkun żgurat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw l-użu tagħha, sakemm dan l-element ikun jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti tar-rinviju telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta tali eliminazzjoni tkun tfisser reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti.

 Fuq ir-raba’ domanda

81      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-invalidità ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur minħabba l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt tikkostitwixxi sanzjoni prevista minn din id-direttiva li tirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fuq talba espressa tal-konsumatur u toħloq fil-konfront ta’ dan tal-aħħar dritt għar-rimbors tal-ammonti miġbura indebitament mill-bejjiegħ jew fornitur jew jekk din isseħħx ipso jure, indipendentement mir-rieda tal-imsemmi konsumatur.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk dan ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

83      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari t-tieni parti tas-sentenza, ma hijiex intiża sabiex tannulla l-kuntratti kollha li jinkludu klawżoli inġusti, iżda sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar, filwaqt li huwa speċifikat li l-kuntratt inkwistjoni għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda bidla għajr dik li tirriżulta mill-eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti. Sakemm din l-aħħar kundizzjoni tkun issodisfatta, il-kuntratt inkwistjoni jista’, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jibqa’ fis-seħħ sakemm, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali sopravvivenza tal-kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli, punt li għandu jiġi vverifikat b’approċċ oġġettiv (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Minn dan isegwi li t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma tistabbilixxix hija stess il-kriterji li jirregolaw il-possibbiltà għal kuntratt li jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, iżda tħalli dan f’idejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jistabbilixxihom filwaqt li josserva d-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt hija stabbilita u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jimmaterjalizzaw. Fi kwalunkwe każ, tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66).

85      Minn dak li ntqal jirriżulta li, l-ewwel nett, jekk qorti nazzjonali tqis li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern tagħha, iż-żamma ta’ kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti li jkun fih ma tkunx possibbli, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix, bħala prinċipju, li dan jiġi invalidat (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 43).

86      Għaldaqstant, l-invalidità tal-kuntratt li n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli tiegħu tkun ġiet ikkonstatata ma tistax tikkostitwixxi sanzjoni prevista mid-Direttiva 93/13.

87      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-termini ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iffissar ta’ terminu perentorju raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 69).

88      It-tieni nett, il-kwistjoni dwar minn meta l-invalidità tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi l-effetti tagħha tiddependi esklużivament mid-dritt nazzjonali, sakemm tiġi żgurata l-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

89      It-tielet nett, l-invalidità tal-kuntratt fil-kawża prinċipali ma tistax tiddependi fuq talba espressa f’dan is-sens mill-konsumaturi, iżda tagħmel parti mill-applikazzjoni oġġettiva mill-qorti nazzjonali tal-kriterji stabbiliti skont id-dritt nazzjonali.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-preżenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u l-kwistjoni tas-sopravvivenza ta’ tali kuntratt għandha tiġi evalwata ex officio mill-qorti nazzjonali skont approċċ oġġettiv abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq il-ħames domanda

91      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandux jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, li għandha tinforma lil dan tal-aħħar bil-konsegwenzi legali li għalihom jista’ jwassal l-annullament ta’ tali kuntratt, indipendentement mill-fatt li l-konsumatur ikun irrappreżentat minn mandatarju professjonali.

92      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola u li jkollha tislet il-konsegwenzi legali, li għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, kif iggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fost dawn ir-rekwiżiti jinsab il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u li jorbot lill-qorti b’mod partikolari meta tiddeċiedi t-tilwima fuq il-bażi ta’ motiv imqajjem ex officio (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali, li tkun stabbilixxiet abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, li klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, tikkonstata li din il-klawżola tkun inġusta, hija marbuta, bħala regola ġenerali, li tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u li tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 31).

94      Għaldaqstant, sa fejn l-imsemmija sistema ta’ protezzjoni kontra l-klawżoli inġusti ma tapplikax jekk il-konsumatur jopponi ruħu għaliha, dan il-konsumatur għandu a fortiori jkollu d-dritt li jopponi ruħu, b’applikazzjoni ta’ din l-istess sistema, għall-protezzjoni kontra l-konsegwenzi dannużi kkawżati mill-invalidità tal-kuntratt kollu kemm hu meta huwa ma jkunx jixtieq jinvoka din il-protezzjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 55).

95      F’dan il-kuntest, il-konsumatur jista’, wara li jkun ġie informat mill-qorti nazzjonali, ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ klawżola, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 66).

96      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-informazzjoni li jista’ jkollha l-qorti nazzjonali abbażi tar-regoli proċedurali nazzjonali tidher iktar u iktar importanti peress li tippermetti lill-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jirrinunzja għall-protezzjoni li hija ggarantita lilu skont id-Direttiva 93/13.

97      Issa, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tindika lill-partijiet, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwità fil-proċeduri ċivili, b’mod oġġettiv u eżawrjenti l-konsegwenzi legali li għalihom tista’ twassal l-eliminazzjoni tal-klawżola inġusta, u dan indipendentement mill-fatt jekk dawn ikunux irrappreżentati minn mandatarju professjonali jew le.

98      Tali informazzjoni hija, b’mod partikolari, iktar u iktar importanti, meta n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola inġusta jista’ jwassal għall-invalidità tal-kuntratt kollu kemm hu, li eventwalment tesponi lill-konsumatur għal talbiet għal ħlas lura, kif tipprevedi l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, li għandha tinforma lil dan tal-aħħar, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u wara dibattitu kontradittorju, bil-konsegwenzi legali li għalihom jista’ jwassal l-annullament ta’ tali kuntratt, indipendentement mill-fatt li l-konsumatur ikun irrappreżentat minn mandatarju professjonali.

 Fuq l-ispejjeż

100    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki jekk din tkun ġiet emendata permezz ta’ kuntratt minn dawn il-partijiet. Tali konstatazzjoni twassal għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun irrinunzja permezz tal-emenda tal-imsemmija klawżola inġusta għal tali stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni permezz ta’ kunsens liberu u informat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inizjali għandha, bħala prinċipju, l-effett li tannulla l-kuntratt, peress li l-emenda ta’ din il-klawżola ppermettiet li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet ta’ dawn il-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt u li jiġi eskluż id-difett li kien jivvizzjah.

2)      L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, huma ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta l-għan dissważiv imfittex minn din id-direttiva jkun żgurat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw l-użu tagħha, sakemm dan l-element ikun jikkonsisti f’obbligu kuntrattwali distint, li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami individwalizzat tan-natura inġusta tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li l-qorti tar-rinviju telimina biss l-element inġust ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur meta tali eliminazzjoni tkun tfisser reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi taffettwa s-sustanza tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti.

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-preżenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u l-kwistjoni tas-sopravvivenza ta’ tali kuntratt għandha tiġi evalwata ex officio mill-qorti nazzjonali skont approċċ oġġettiv abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

4)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali, li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, li għandha tinforma lil dan tal-aħħar, fil-kuntest tar-regoli proċedurali nazzjonali u wara dibattitu kontradittorju, bil-konsegwenzi legali li għalihom jista’ jwassal l-annullament ta’ tali kuntratt, indipendentement mill-fatt li l-konsumatur ikun irrappreżentat minn mandatarju professjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.