Language of document : ECLI:EU:C:2016:286

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ April 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘delitt jew kważi delitt’ – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Riproduzzjoni għal użu privat – Kumpens ġust – Nuqqas ta’ ħlas – Inklużjoni eventwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001”

Fil-Kawża C‑572/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte GmbH

vs

Amazon EU Sàrl,

Amazon Services Europe Sàrl,

Amazon.de GmbH,

Amazon Logistik GmbH,

Amazon Media Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte GmbH, minn A. Feitsch u M. Walter, avukati,

–        għal Amazon EU Sàrl, Amazon Services Europe Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon Logistik GmbH u Amazon Media Sàrl, minn U. Börger u M. Kianfar, avukati,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch‑musikalischer Urheberrechte GmbH (iktar 'il quddiem “Austro-Mechana”) u Amazon EU Sàrl, Amazon Services Europe Sàrl, Amazon.de GmbH, Amazon Logistik GmbH u Amazon Media Sàrl (iktar 'il quddiem, flimkien, “Amazon”) dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża dwar il-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta minħabba t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4        L-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[...]

[...]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

 Id-Direttiva 2001/29

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

c)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

6        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

7        L-Artikolu 42 tal-Urheberrechtsgesetz (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur), tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jiddisponi:

“1.      Kull persuna tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol għall-użu personali tagħha, fuq karta jew fuq mezz simili.

2.      Kull persuna tista’ tagħmel kopji iżolati ta’ xogħol, għall-użu personali tagħha u għal skopijiet ta’ riċerka, fuq mezzi oħra li ma humiex previsti fil-paragrafu 1, sa fejn dan huwa ġġustifikat għal skopijiet mhux kummerċjali. [...]

[...]”

8        L-Artikolu 42 b tal-UrhG jipprovdi:

“1.      Jekk, minħabba n-natura ta’ xogħol imxandar, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew irreġistrat fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġni jew ħsejjes prodott għal skopijiet kummerċjali, wieħed għandu jistenna li dan jiġi riprodott konformement mal-Artikolu 42(2) sa (7), permezz ta’ reġistrazzjoni fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġni jew ħsejjes, għall-użu personali jew privat, f’dak il-każ, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (remunerazzjoni għal cassettes ġodda) meta l-mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; huma meqjusa li huma mezzi ta’ reġistrazzjoni, il-mezzi ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġni jew ħsejjes ġodda u tajbin għal dawn ir-riproduzzjonijiet jew mezzi oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ immaġni jew ħsejjes maħsuba għal dan l-iskop.

[...]

3.      Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni:

1)      fir-rigward tar-remunerazzjoni għal cassettes ġodda u dik għall-apparat, il-persuna li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, tqiegħed għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni, għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni jew apparat ta’ riproduzzjoni; [...]

[...]

5.      Huma biss is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jasserixxu d-dritt għal remunerazzjoni previst fil-paragrafi 1 u 2.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Austro Mechana hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li b’mod partikolari għandha l-għan li tiġbor ir-“remunerazzjoni ġusta”, prevista fl-Artikolu 42b(1) tal-UrhG.

10      Amazon, li s-sede tagħha jinsab fil-Lussemburgu u fil-Ġermanja, hija grupp internazzjonali li jikkummerċjalizza prodotti fuq l-internet, fosthom mezzi ta’ reġistrazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Skont Austro Mechana, Amazon wettqet l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fl-Awstrija, b’tali mod li hija responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni.

11      Il-kawża bejn il-partijiet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-qrati Awstrijaċi għandhomx, bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Austro Mechana bl-għan li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni msemmija mingħand Amazon.

12      Ir-rikors ippreżentat minn Austro-Mechana ġie miċħud mill-qorti fl-ewwel istanza għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

13      Iċ-ċaħda tar-rikors ta’ Austro-Mechana ġiet ikkonfermata fl-appell minħabba li l-kawża bejnha u Amazon ma taqax taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

14      Austro-Mechana ppreżentat rikors għal Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), li permezz tiegħu talbet lil din tal-aħħar tapplika din id-dispożizzjoni.

15      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-obbligu ta’ ħlas ta’ ‘kumpens ġust’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29], li, skont id-dritt Awstrijak, jaqa’ fuq l-impriżi li jwettqu l-ewwel distribuzzjoni [tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni] ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, huwa obbligu li jirriżulta minn ‘delitt jew kważi delitt’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001]?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li talba bl-għan li jinkiseb il-ħlas tar-remunerazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovut skont id-dritt nazzjonali li jimplementa l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, mid-dritt ta’ riproduzzjoni għall-użu minn kopji għal użu privat (l-eċċezzjoni msejħa ta’ “ikkopjar għal użu privat”), fid-dritt nazzjonali tagħhom, huma għandhom, b’mod partikolari, jipprevedu, skont din id-dispożizzjoni, il-ħlas ta’ kumpens ġust lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma jispeċifikawx iktar id-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxuhom. Huma l-Istati Membri li għandhom, fost l-oħrajn, jistabbilixxu l-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens, kif ukoll jiffissaw il-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Is-sistema li fuqha jistrieħ il-kumpens ġust, il-kunċett u l-livell ta’ dan tal-aħħar huma marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi ta’ dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni permezz tat-twettiq ta’ kopji għall-użu privat, li saru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tax-xogħlijiet protetti tagħhom. F’dan il-kuntest, l-imsemmi kumpens għandu l-għan li jikkumpensa lil dawn id-detenturi u għandu jitqies li huwa l-korrispettiv tad-dannu mġarrab minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 40; tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 24; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 47; tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 50, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 21).

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jimponi fuq l-Istat Membru li introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa marbut li jiżgura, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu, irkupru effettiv tal-kumpens ġust intiż li jikkumpensa d-dannu mġarrab mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni minħabba fir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mwettqa mill-utenti finali li joqogħdu fit-territorju ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 34 sa 36, 39 u 41, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 32 u 57 sa 59).

21      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li hija, bħala prinċipju, il-persuna li kkawżat id-dannu lid-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, jiġifieri dik li wettqet, għall-użu privat tagħha, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dan id-detentur, li għandha tagħmel tajjeb għad-dannu, billi tħallas il-kumpens li jingħata lill-imsemmi detentur (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 23, kif ukoll tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 51), hija madankollu ammettiet li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l-utenti privati kif ukoll sabiex dawn jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għad-dannu li huma kkawżawlhom, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, “tariffa għall-ikkopjar għal użu privat” li għandha titħallas mhux mill-persuni privati kkonċernati, iżda minn dawk li għandhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, fuq din il-bażi, fid-dritt jew fil-fatt, iqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jagħtu lil dawn tal-aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom dan it-tagħmir, dan l-apparat u dawn il-mezzi li għandhom jagħmlu l-ħlas għal ikkoppjar privat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 24, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 23).

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li peress li l-imsemmija sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont tal-ħlas għal kopja privata fil-prezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, ir-responsabbiltà għall-ħlas tar-remunerazzjoni hija b’mod definittiv tal-utent privat li ħallas dan il-prezz, u dan konformement mal-“bilanċ ġust” li għandu jinstab bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 28, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 25).

23      Dan huwa l-każ tas-sistema implementata mir-Repubblika tal-Awstrija, li għażlet li timplementa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515).

24      Fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 42b tal-UrhG għall-finanzjament tal-kumpens ġust imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, il-ħlas għal kopja privata huwa dovut mingħand il-persuni li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 26).

25      Bħala prinċipju, kif ġie osservat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, tali sistema tippermetti li l-persuni responsabbli għall-ħlas jgħaddu l-ammont ta’ dan il-ħlas fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ dawn il-mezzi, b’tali mod li r-responsabbiltà għall-ħlas tkun, konformement mar-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust”, sostnuta fl-aħħar mill-aħħar mill-utent privat li jħallas dan il-prezz, jekk jitqies li tali utent ikun id-destinatarju finali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 27).

26      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 42b(5) tal-UrhG, il-kreditur tal-imsemmi ħlas ma huwiex id-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, iżda soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, fil-każ ineżami Austro-Mechana.

27      Fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-qrati Awstrijaċi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ Austro-Mechana intiża li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG, huwa xieraq li jitfakkar li, b’deroga mill-prinċipju fundamentali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fit-territorju tar-residenza tal-konvenut, is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jipprevedi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjonijiet speċjali, li fosthom hemm dik prevista mill-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 23; tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 24; tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 44, u tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 17).

28      Għalhekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, persuna li tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tkun imfittxija fi Stat Membru ieħor f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [fatt dannuż] ikun twettaq jew jista’ jitwettaq.

29      Ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u restrittiv (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 43, u tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 37).

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 26; tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 27; tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 47; tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 19, u tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 46).

31      Fil-fatt, f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż hija normalment fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ viċinanza tat-tilwima u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 38; tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 27; tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 50, u tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 40).

32      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “delitt jew kważi delitt” ikopri kull talba li teżiġi li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma jikkonċernax “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punti 17 u 18; tat-13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44).

33      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk it-talba ta’ Austro-Mechana, intiża li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal‑UrhG, hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 38).

35      Għalkemm l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tiegħu, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba twettaq jew għandu jitwettaq. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma tistax tinftiehem bħala tirrigwarda sitwazzjoni li fiha ma jeżisti ebda obbligu aċċettat liberament minn parti favur oħra (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 46).

36      Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt fl-imsemmi Artikolu 5(1)(a), tippreżumi d-determinazzjoni ta’ obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tal-applikant (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 47, u tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39).

37      Fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni lil Austro-Mechana previst fl-Artikolu 42b tal-UrhG, li huwa intiż li jimplementa l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ma kienx ġie assunt liberament minn Amazon. Huwa ġie impost fuqu permezz tad-dritt Awstrijak, minħabba fit-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, għall-finijiet kummerċjali u bi ħlas, tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti.

38      Minn dan jirriżulta li t-talba tal-Austro-Mechana, intiża li tikseb il-ħlas tal-imsemmija remunerazzjoni, ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

39      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk talba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teżiġix li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

40      Tali huwa l-każ meta “effett tal-ħsara” [fatt dannuż], fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jista’ jiġi imputat lill-konvenut.

41      Fil-fatt, responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-fatt li wassal għal dan id-dannu (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, 21/76, EU:C:1976:166, punt 16, u tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 32).

42      Fil-każ ineżami, l-azzjoni ta’ Austro-Mechana hija intiża li tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas, minn Amazon, tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-“kumpens ġust”, imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għandu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, l-għan li jikkumpensa lill-awturi għall-kopja privata li saret, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tax-xogħlijiet protetti tagħhom, b’tali mod li għandu jitqies li huwa l-korrispettiv tad-dannu mġarrab mill-awturi, li jirriżulta minn tali kopja mhux awtorizzata minn dawn tal-aħħar.

44      Għalhekk, l-assenza ta’ ġbir, minn Austro-Mechana, tar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG tikkostitwixxi “effett tal-ħsara” [fatt dannuż], fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

45      Il-fatt li, fil-kuntest tas-sistema Awstrijaka dwar il-finanzjament ta’ dan il-“kumpens ġust”, dan tal-aħħar għandu jitħallas mhux lid-detenturi ta’ dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li huwa għandu l-għan li jikkumpensa, iżda lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, ma għandux impatt f’dan ir-rigward.

46      Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 42b(5) tal-UrhG, huma biss is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jistgħu jsostnu d-dritt għal remunerazzjoni msemmi fl-imsemmi Artikolu 42b. Għalhekk, bħala soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Awstrija, hija biss Austro-Mechana li tista’ ssostni dan id-dritt fil-kuntest tal-imsemmija sistema.

47      Bl-istess mod, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li Amazon ma hijiex utenti finali li wettqet, għall-użu privat tagħha, riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti ma tostakolax il-fatt li, fil-kuntest tas-sistema prevista mid-dritt Awstrijak, ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b(1) tal-UrhG tkun madankollu r-responsabbiltà ta’ Amazon.

48      Barra minn hekk, għalkemm, kif sostniet Amazon, huwa minnu li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, att illegali, u li, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija ddeċidiet li timplementa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, it-twettiq tar-riproduzzjonijiet għal użu privat permezz ta’ tali mezzi huwa att awtorizzat mid-dritt Awstrijak, jibqa’ xorta l-fatt li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, id-dritt Awstrijak jissuġġetta t-twettiq ta’ dawn il-kopji privati għall-kundizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu “kumpens ġust”, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 42b(1) tal-UrhG.

49      Issa, permezz tat-talba tagħha, Austro-Mechana tikkritika lil Amazon mhux li poġġiet fiċ-ċirkulazzjoni mezzi ta’ reġistrazzjoni fl-Awstrija, iżda li ma osservatx l-obbligu li tħallas l-imsemmija remunerazzjoni li hija r-responsabbiltà tagħha skont l-UrhG.

50      Għalhekk, it-talba ta’ Austro-Mechana hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut, peress li din it-talba hija bbażata fuq ksur, minn Amazon, tad-dispożizzjonijiet tal-UrhG li jimponu fuqha dan l-obbligu u li dan il-ksur jikkostitwixxi att illegali li jikkawża dannu lil Austro-Mechana.

51      Konsegwentement, tali talba taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

52      Minn dan jirriżulta li, jekk il-fatt dannuż inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq jew jista’ jitwettaq fl-Awstrija, fatt li jrid jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ Austro-Mechana.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba intiża li tikseb il-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplementa s-sistema ta’ “kumpens ġust” prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, taqa’ taħt “delitt jew kważi delitt’, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li talba intiża li jinkiseb il-ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta skont leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplementa s-sistema ta’ “kumpens ġust” prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, taqa’ taħt “delitt jew kważi delitt’, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.