Language of document : ECLI:EU:C:2004:826

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta' Diċembru 2004 (*)

"Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom – Direttiva 80/987/KEE – Kamp ta' applikazzjoni – Kunċett ta' 'pretensjonijiet' – Kunċett ta' "paga" – Kumpens dovut fil-każ ta' sensja inġusta"

Fil-kawża C-520/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta' Novembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Diċembru 2003 fil-kawża

José Vicente Olaso Valero

vs

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, N. Colneric (Relatur), K. Schiemann u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Registratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Sur Olaso Valero, minn T. Alcalá Mellado, abogada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Fraguas Gadea, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej minn G. Rozet u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiżi mingħajr Konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta' l-20 ta' Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni [ta' l-]impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 23).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Olaso Valero u l-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta' Garanzija tal-Pagi, iktar 'il quddiem "Fogasa") dwar ir-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jħallaslu, minħabba r-responsabbiltà sekondarja tiegħu, kumpens għas-sensja inġusta li għaliha huwa kien suġġett, wara li l-ħlas ta' dan il-kumpens kien ġie miftiehem bejn il-ħaddiem u min iħaddmu fil-kuntest ta' ftehim ta' konċiljazzjoni.

 Il-kuntest leġiżlattiv

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987 jipprovdi li: "[d]in id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet tal-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta' insolvenza skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)."

4        L-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmija Direttiva jippreċiża li din hija bla ħsara għal-liġi nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem "impjegat", "min iħaddem", "paga", "dritt li jagħti titolu immedjat" u "dritt li jagħti titolu fil-ġejjieni".

5        L-Artikolu 3(1) ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta' l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta' xogħol jew relazzjonijiet ta' xogħol u konnessi mal-paga għall-perijodu li jiġi qabel id-data li tiġi ffissata".

6        Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, L-Istati Membri għandhom l-għażla li jirrestrinġu r-responsabbiltà ta' l-istituzzjonijiet ta' garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, billi jillimitawha għall-paga relatata ma' perijodu definit jew billi jistabbilixxu limitu massimu.

7        L-Artikolu 9 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li din "ma teffettwax l-għażla ta' l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu aktar lill-impjegati"

8        Skond l-Artikolu 10(a) ta' l-istess Direttiva din "ma taffettwax l-għażla ta' l-Istati Membri […] li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi".

9        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/74/KE, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE (ĠU L 270, p. 10), li daħlet fis-seħħ wara li ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, issostitwiet l-Artikolu 3 ta' din ta' l-aħħar bil-kliem li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perijodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995

10      L-Artikolu 26(1) u (2) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, dwar l-approvazzjoni tat-test rivedut tal- Estatuto de los Trabajadores (liġi li tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema) (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l-"Istatut tal-Ħaddiema"), jipprovdi:

"1.      Huma kkunsidrati bħala pagi l-vantaġġi ekonomiċi kollha li jirċievu l-impjegati, fi flus jew in natura, bħala korrispettiv għas-servizzi li huma jipprovdu għan-nom ta’ ħaddiehor fl-ambitu tax-xogħol tagħhom, meta dawn il-vantaġġi jikkumpensaw ix-xogħol effettiv, tkun xi tkun il-forma tal-paga, jew il-perijodi tal-mistrieħ ekwiparabbli għax-xogħol. […]

2.      Huma esklużi mill-kunċett ta’ paga s-somom li jirċievi l-impjegat bħala rimbors ta’ l-ispejjeż li huwa jinkorri fit-twettiq ta’ l-attività professjonali tiegħu, il-benefiċċji u l-kumpens tas-sigurtà soċjali u l-kumpens relattiv għal trasferimenti, sospensjonijiet jew sensji."

11      L-Artikolu 28 ta' l-Istatut tal-ħaddiema, kif emendat mil-liġi 33/2002 tal-5 ta' Lulju 2002 (BOE Nru 161, tas-6 ta' Lulju 2002, p. 24683), intitolat "Paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa", jipprovdi li:

"Min iħaddem huwa marbut li jħallas l-istess paga għal xogħol ta' l-istess valur, direttament jew indirettament, u tkun xi tkun in-natura tiegħu, fil-forma ta' pagi jew benefiċċji oħra, mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess tal-persuna fir-rigward ta' dawn l-elementi jew il-kundizzjonijiet."

12      L-Artikolu 33(1) u (2) ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi 60/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997 (BOE Nru 304, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1997, p. 37453), jipprovdi li:

"1.      Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, korp awtonomu li jaqa’ taħt il-Ministeru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali u li għandu personalità ġuridika u l-kapaċità li jaġixxi bil-għan li jwettaq l-għanijiet tiegħu, għandu jħallas lill-impjegati l-ammont tal-pagi li huma dovuti lilhom f’każ ta’ insolvenza, ta’ sospensjoni tal-pagamenti, ta’ falliment jew ta’ amministrazzjoni ta’ min iħaddimhom taħt il-kontroll tal-qorti.

Għall-finijiet tas-subparagrafu preċedenti, huwa kkunsidrat bħala paga l-ammont rikonoxxut bħala tali fl-att ta’ konċiljazzjoni jew fid-deċiżjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-elementi kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 26(1), kif ukoll il-kumpens addizzjonali bħala ‘salarios de tramitación’, mogħti, jekk ikun il-każ, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, b’dan li l-Fond f’ebda każ m’għandu jħallas, konġuntament jew separatament, ammont ogħla mis-somma li tirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-doppju tal-paga minima interprofessjonali ta’ kuljum bin-numru ta’ jiem ta’ paga mhux imħallsa, sa massimu ta’ mija u għoxrin jum.

2.      Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, għandu jħallas il-kumpens stabbilit b’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva favur impjegati minħabba s-sensja tagħhom jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom skond l-Artikoli 50, 51 u 52(c) tal-preżenti liġi, sal-limitu massimu ta’ sena paga, b’dan li l-paga ta’ kuljum, li tintuża bħala bażi għall-kalkolu, ma tistax taqbeż id-doppju tal-paga minima interprofessjonali.

L-ammont tal-kumpens, għall-finijiet biss tal-ħlas tiegħu mill-Fond ta’ Garanzija tal-Paga f’każ ta’ sensja jew ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 50 tal-preżenti liġi, hija kkalkulata fuq il-bażi ta’ 25 jum għal kull sena ta’ servizz u ma tistax taqbeż il-limitu indikat fl-inċiż preċedenti."

13      Skond l-Artikolu 33(4) ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, il-Fond jassumi l-obbligi previsti fil-paragrafi ta' qabel dik id-dispożizzjoni wara li jkun eżaminat il-fajl sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tiegħu.

14      L-Artikolu 50 ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, li jsemmi r-raġunijiet għat-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol fuq talba tal-ħaddiem, jipprovdi li:

"1.      Ir-raġunijiet validi li għalihom ħaddiem jista' jitlob li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu jintemm huma:

[...]

c)      Kull nuqqas gravi ieħor ta' min iħaddem li josserva l-obbligi tiegħu, ħlief fil-każ ta' force majeur […]

2.      F'dawn il-każijiet, il-ħaddiem għandu dritt għall-kumpens previst għas-sensjar inġust."

15      L-Artikolu 56(1) ta' l-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi s-segwenti:

"1.      Meta s-sensja tiġi ddikjarata inġusta, min iħaddem, fit-terminu ta' ħamest ijiem li jibda' jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni, ikun jista' jagħżel bejn li jerġa' jdaħħal il-ħaddiem lura għax-xogħol, flimkien mal-ħlas tas-'salarios de tramitación’, hekk kif previsti fl-ittra b) ta' dan il-paragrafu u li jħallas is-somom segwenti, li għandhom jiġu stabbiliti mis-sentenza:

a)      kumpens ekwivalenti għal 45 ġurnata paga għal kull sena ta' servizz, bil-perjodi li jkunu iqsar minn sena li jiġu kkalkolati pro rata fuq il-bażi ta' kull xahar sa 42 paga ta' kull xahar;

b)      ammont ekwivalenti għas-somma tal-pagi dovuti sa mid-data tas-sensja sad-data tan-notifika tas-sentenza li tiddikjara s-sensja inġusta jew sakemm il-ħaddiem ikun sab xogħol ieħor, jekk dan l-impjieg ikun preċedenti għall-għoti tas-sentenza u jekk min iħaddem iġib il-prova tas-somom imħallsa sabiex dawn jitnaqqsu mis-‘salarios de tramitación’.

Min iħaddem għandu jkompli r-reġistrazzjoni tal-ħaddiem mas-Sigurtà Soċjali matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-pagi li għalihom isir riferiment fl-ittra b) iktar 'il fuq."

 Id-Digriet Irjali Nru 505/1985 dwar il-Fegosa

16      L-Artikolu 14 tad-Digriet Irjali Nru 505/1986, tas-6 ta’ Marzu 1985, dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Fond ta' Garanzija tal-Pagi (BOE Nru 92, tas-17 ta’ April 1985, iktar 'il quddiem "id-Digriet Irjali Nru 505/85"), jipprovdi li:

"1.      Għall-finijiet ta' dan id-Digriet Irjali, il-vantaġġi ekonomiċi kollha li għalihom ikollu dritt il-ħaddiem għandhom jiġi meqjusa bħala pretensjonijiet ta' paga protetti, sakemm ikunu remunerazzjoni għal:

a)      xogħol effettivament maħdum;

b)      perjodi ta' mistrieħ ekwiparabbli ma xogħol;

c)      vantaġġi ekonomiċi mogħtija skond l-Artikolu 56(1)(b) ta' l-Istatut tal-Ħaddiema u ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 211 tal-liġi dwar il-proċedura tax-xogħol.

[...]

2.      Is-somma mogħtija lill-ħaddiema permezz tas-sentenza ta' qorti, tad-deċiżjoni ta' awtorità tax-xogħol jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkomplementa dawn it-tnejn minħabba s-sensja jew it-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol, skond l-Artikoli 50 u 51 ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, hija meqjusa bħala pretensjoni ta' kumpens."

17      Skond l-Artikolu 28(3) ta' l-imsemmi Digriet Irjali, "il-konstatazzjoni ta' abbuż ta' dritt jew frodi lil-liġi u meta l-ħlas tagħhom ma jkunx iġġustifikat minħabba l-eżistenza stabbilita ta' interess komuni tal-ħaddiema u ta' min iħaddem li joħolqu apparenza ta' stat legali ta' insolvenza sabiex jiksbu l-benefiċċji tal-Fond ta' Garanzija tal-Paga" tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta' l-applikazzjonijiet għall- benefiċċji ta' garanzija tal-paga.

 Il-liġi dwar il-proċedura tax-xogħol

18      L-Artikolu 63 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/1995, tas-7 ta’ April 1995, li japprova t-test emendat tal-Ley de Procedimiento laboral (liġi dwar il-proċedura tax-xogħol) (BOE Nru 86, tal-11 ta’ April 1995, p. 10695, iktar ’il quddiem il-"LPL"), jeżiġi li għandu jkun hemm proċedura ta' konċiljazzjoni quddiem servizz amministrattiv qabel ma jkun hemm proċeduri ġudizzjarji,.

19      L-Artikolu 84 tal-LPL jipprovdi li, jekk tfalli l-konċiljazzjoni quddiem dan is-servizz, għandha obbligatorjament issir proċedura ġdida ta’ konċiljazzjoni quddiem l-organu ġudizzjarju kompetenti.

 Il-kawża prinċipali

20      Permezz ta' ftehim ta' konċiljazzjoni milħuq fil-15 ta' Diċembru 1999 quddiem il-Juzgado de lo Social ta' Valenzja (Spanja), fil-kuntest ta' proċedura mibdija mis-Sur Olaso Valero sabiex jikkontesta s-sensja tiegħu, ġiet rrikonoxxuta n-natura inġusta tas-sensja ta' dan ta' l-aħħar mill-impriża Vallas y Lorente SL (iktar 'il quddiem "Vallas"). F'dawn iċ-ċirkustanzi, din ta' l-aħħar impenjat ruħha li tħallas lis-Sur Olaso Valero s-"salarios de tramitación" kif ukoll kumpens għas-sensja inġusta. Dan l-impenn ġie aċċettat mill-impjegat.

21      Peress li fil-ġurnata miftiehma Vallas ma ħallsitx is-somom dovuti skond dan il-ftehim, fl-10 ta' Frar 2000, il-Juzgado de lo Social Nru 3 ta' Valenzja (Spanja) ta digriet li japprova l-eżekuzzjoni ta' dan l-impenn. B'digriet ta' l-istess qorti tal-21 ta' Settembru 2001, ġiet iddikjarata l-insolvenza ta' Vallas. Dan id-digriet ġie nnotifikat lill-partijiet u lill-Fogasa.

22      Is-Sur Olaso Valero għalhekk talab lill-Fogasa sabiex jingħata l-ħlas tal-benefiċċji ta' garanzija tal-paga, liema talba ġiet miċħuda mill-Fogasa permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Ottubru 2001. F'dak li jirrigwarda l-kumpens għal sensja inġusta, il-Fogasa sostniet li l-ammonti mitluba f'dan ir-rigward kienu ġew miftiehma fi ftehim ta' konċiljazzjoni u li, għalhekk, ma kinux rikonoxxuti minn sentenza ta' qorti, minn deċiżjoni ta' awtorità tax-xogħol, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tikkomplementa dawn it-tnejn, skond l-Artikolu 14(2) tad-Digriet Irjali Nru 505/85.

23      Ir-rikors li s-Sur Olaso Valero ppreżenta quddiem il-Le Juzgado de lo Social Nru 16 ta' Valenzja sabiex jikkontesta d-deċiżjoni, imsemmija iktar 'il fuq, tal-Fegosa, ġie miċħud permezz tas-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 2003.

 Id-domandi preliminari

24      Fid-deċiżjoni ta' rinviju tiegħu, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana, li quddiemu ġie ppreżentat l-appell kontra l-imsemmija sentenza ta' ċaħda, jikkonstata li l-kwistjoni tas-"salarios de tramitación" kienet diġà nqatgħet mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C-442/00, Ġabra p.I-11915).

25      F'dak li jirrigwarda l-kumpens għal sensja inġusta, l-imsemmi Tribunal josserva li, fid-dawl ta' l-Artikolu 28 ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, jidher li l-kunċett ta' "paga" fid-dritt Spanjol mhuwiex neċessarjament limitat għas-salarju biss, safejn din tista' tkun fil-forma ta' "pagi" jew "benefiċċji oħra".

26      Il-qorti ta' rinviju għandha dubju inizjali dwar l-applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva 80/987 fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-impjegat li kien is-suġġett ta' sensja inġusta, b'mod partikolari fid-dawl tal-punti 26 u 27 tas-sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq. Hija tosserva, b'mod partikolari, li r-referenza għall-"paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg [fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali]", li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, ġiet introdotta mid-Direttiva 2002/74. Barra minn dan, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 80/987 jorbot il-ħlas tal-paga ma' perjodi li ma jaqblux wisq mal-kunċett ta' kumpens. Sakemm ma tingħatax, bis-saħħa ta' l-Artikolu 28 ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, interpretazzjoni totalment ġdida tal-kunċett legali ta' paga, fis-sens li dan ikun jinkludi l-kumpens għal sensja inġusta, ir-riżultat ikun li, fid-dritt Spanjol, d-Direttiva 80/987 ma tkunx applikabbli għal dan il-kumpens peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali f'dan ir-rigward huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

27      Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubju rigward ir-rispett tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni li jirreferu għalih il-punti 30, 31, 31 u 33 tas-sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq. Skond din il-qorti, jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 33 ta' l-Istatut tal-Ħaddiema u dawk tad-Digriet Irjali Nru 505/85 ikunu meqjusa bħala li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitaju, wieħed ikun jista' jikkonkludi, bħal fil-każ tas-"salarios de tramitación", li, jekk il-ħaddiema kollha ssensjati inġustament – kemm dawk li n-natura inġusta tas-sensja tagħhom ġiet rikonoxxut permezz ta' sentenza kif ukoll dawk li laħqu ftehim ta' konċiljazzjoni bbażat fuq ir-rikonoxximent preliminari tan-natura inġusta tas-sensja – għandhom id-dritt għall-kumpens fil-każ li ma jerġgħux jiġu impjegati, ir-restrizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 33(2) ta' l-Istatut tal-Ħaddiema, fir-rigward ta' kumpens stabbilit b’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva ma tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.

28      It-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana jsostni li, skond l-Artikolu 28(3) tad-Digriet Irjali Nru 505/85, il-Fogasa kellha biżżejjed garanziji sabiex tevita kull tip ta' frodi. Il-konċiljazzjoni li seħħet skond l-Artikolu 84 tal-LPL hija kkontrollata b'mod strett mill-awtorità ġudizzjarja li għandha tapprovaha. Dan huwa iktar minnu meta, f'ċirkustanzi bħal dawk f'din il-kwistjoni, li fihom l-istess istituzzjoni ta' garanzija għarfet, matul is-seduta miżmuma quddiem il-qorti, li s-somma mitluba hija eżatta u konformi ma' l-ammonti u l-limiti massimi previsti mid-dritt Spanjol.

29      Huwa fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li t-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi segwenti:

"1)      Il-kumpens għal sensja inġusta li ntalab applikazzjoni jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 […] fil-verżjoni tagħha ta' qabel ma ġiet emendata mid-Direttiva 2002/74?

2)      Mil-lat tar-rispett tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni, jista' jiġi kkunsidrat li r-regoli li jinsabu fl-Artikolu 33(2) [ta' l-Istatut tal-Ħaddiema], safejn dawn jirrikjedu sentenza jew deċiżjoni amministrattiva sabiex il-kumpens korrispondenti jitħallas mill-Fogasa, mhumiex oġġettivament iġġustifikati u għandhom, għaldaqstant, jiġu mwarrba?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tagħha. Minn qari flimkien ta' l-Artikolu 1(1) u ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva jidher li din tkopri biss il-pretensjonijiet ta' l-impjegati li jirriżultaw minn kuntratti tax-xogħol jew minn relazzjonijiet ta' l-impjieg meta dawn il-pretensjonijiet ikunu jirrigwardaw il-paga fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 3(1) (ara s-sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

31      Skond l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jippreċiża l-kelma "paga" u jiddefinixxi x'tinvolvi (sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27). Għalhekk, f'dan il-każ, l-imsemmija Direttiva tirreferi għad-dritt Spanjol.

32      Il-fatt li d-Direttiva 80/987 torbot il-ħlas tal-paga ma' perjodi ta' referenza ma jeskludix li din tkun applikabbli għal kumpensi għal sensja inġusta. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Direttiva 2002/74, li, filwaqt li jżomm ir-rabta ma' tali perjodi, jirreferi espliċitament għall-paga terminali fi tmiem ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.

33      Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-kelma "paga", hekk kif definita mid-dritt nazzjonali, tinkludix kumpensi għal sensja inġusta. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi kumpensi jaqgħu taħt id-Direttiva 80/987, fil-verżjoni tagħha ta' qabel ma ġiet emendata mid-Direttiva 2002/74.

 Fuq it-tieni domanda

34      Id-dritt li d-dritt nazzjonali għandu li jippreċiża l-benefiċċji li għandhom jitħallsu mill-istituzjoni ta' garanzija huwa suġġett għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, li fosthom hemm, b'mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b'mod differenti sakemm trattament differenzjat ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 sa 32).

35      Il-ħaddiema li jkunu ġew issensjati inġustament isibu rwieħhom f'sitwazzjoni komparabbli safejn għandhom dritt għal kumpens fil-każ li ma jerġgħux jiġu impjegati.

36      It-trattament differenti li l-leġiżlazzjoni Spanjola tirriżerva għal dawn il-ħaddiema, safejn pretensjonijet li jirrigwardaw il-kumpensi għal sensja inġusta jiġu biss mħallsa mill-Fogasa jekk dawn huma rikonoxxuti minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva, għalhekk jista' jiġi biss aċċettat jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

37      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fajl ma jipprovdix elementi supplementari fir-rispett ta' dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza Rodriguez Caballero, iċċitata iktar 'il fuq. Minn dan jirriżulta li ma ġie ppreżentat l-ebda argument konvinċenti sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament tal-pretensjonijiet li jikkorrispondu ma' kumpensi għal sensja inġusta rikonoxxuti minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva u pretensjonijiet li jirrigwardaw kumpensi għal sensja inġusta rikonoxxuti matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar il-fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, pretensjonijiet li jikkorrispondu ma' kumpensi għal sensja inġusta, rikonoxxuti minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva, ikunu jagħmlu parti mill-kunċett ta' "paga", pretensjonijiet identiċi, rikonoxxuti matul proċedura ta' konċiljazzjoni bħalma huma dawk li huma s-suġġett ta' din il-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala pretensjonijiet ta' impjegati li jirriżultaw minn kuntratti tax-xogħol jew minn relazzjonijiet tax-xogħol u li jirrigwardaw il-paga fis-sens tad-Direttiva 80/987. Il-qorti nazzjonali m'għandhiex tapplika leġiżlazzjoni interna li teskludi, bi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza, dawn l-aħħar pretensjonijiet mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-kelma "paga", hekk kif definita mid-dritt nazzjonali, tinkludix kumpensi għal sensja inġusta. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmi kumpensi jaqgħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta' l-20 ta' Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom, fil-verżjoni tagħha ta' qabel ma ġiet emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/74/KE, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE.

2)      Meta, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, pretensjonijiet li jikkorrispondu ma' kumpensi għal sensja inġusta, rikonoxxuti minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva, ikunu jagħmlu parti mill-kunċett ta' "paga", pretensjonijiet identiċi, rikonoxxuti matul proċedura ta' konċiljazzjoni bħalma huma dawk li huma s-suġġett ta' din il-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala pretensjonijiet ta' impjegati li jirriżultaw minn kuntratti tax-xogħol jew minn relazzjonijiet tax-xogħol u li jirrigwardaw il-paga fis-sens tad-Direttiva 80/987. Il-qorti nazzjonali m'għandhiex tapplika leġiżlazzjoni interna li teskludi, bi ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza, dawn l-aħħar pretensjonijiet mill-kunċett ta' "paga" fis-sens ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.