Language of document : ECLI:EU:T:2009:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2009

Kawża T‑271/08 P

Stanislava Boudova et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Ex membri tal-persunal temporanju – Nomina – Klassifikazzjoni fi grad – Kompetizzjonijiet ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda – Klassifikazzjoni mill-ġdid minn istituzzjoni oħra tal-uffiċjali tagħha – Rifjut ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att konfermattiv – Nuqqas ta’ fatti ġodda u sostanzjali – Nuqqas ta’ żball skużabbli – Inammissibbiltà ”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ April 2008, Boudova et vs Il‑Kummissjoni (F‑78/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Stanislava Boudova, Iveta Adovica, Juraj Kuba, Heinrihs Puciriuss, Agnieszka Strzelecka, Izabela Szyprowska, Timea Tibai u Birute Vaituleviciene għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni fil-kuntest tal‑preżenti istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appelli − Rikorsi – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Dekadenza – Ftuħ mill-ġdid

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Trattament ugwali – Miżuri adottati minn istituzzjoni favur grupp speċifiku ta’ persuni fin-nuqqas ta’ obbligu ġuridiku

3.      Appell – Aggravji – Ammissibbiltà – Kwistjonijiet ta’ dritt

1.      Deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata mid-destinatarju fit-termini previsti ssir definittiva fil-konfront tiegħu. Madankollu, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika l-preżentata ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret finali.

Uffiċjal li naqas milli jikkontesta, fit-termini tar-regolamenti, il-klassifikazzjoni oriġinali tiegħu fil-grad ma jistax validament jippreżenta talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid għar-raġuni biss li kien jaf il-portata preċiża tad‑drittijiet tiegħu biss wara l-għoti ta’ sentenza tal-qorti Komunitarja, mogħtija f’kawża fejn dan l-uffiċjal ma kienx parti fil-kawża u li annullat att li ma kienx jikkonċernah direttament.

A fortiori, uffiċjal li ma kkontestax, fit-termini tar-regolamenti, id-deċiżjoni tal‑klassifikazzjoni inizjali tiegħu fil-grad ma jistax, sabiex jiġġustifika l‑preżentata ta’ talba ta’ eżami mill-ġdid tal-klassifikazzjoni tiegħu, jibbaża ruħu, bħala fatt ġdid u sostanzjali, fuq il-fatt li kien jaf bil-portata preċiża tad-drittijiet tiegħu biss wara l-adozzjoni, minn istituzzjoni oħra minbarra dik li timpjegah, ta’ deċiżjoni li ma tikkonċernahx direttament.

(ara l-punti 38, 47 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Frar 1974, Kortner et vs Il-Kunsill et, 15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u 135/73 sa 137/73, Ġabra p. 177, punti 36 sa 40 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Settembru 1985, Valentini vs Il‑Kummissjoni, 231/84, Ġabra p. 327, punt 14 ; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, Ġabra p. 1619, punt 13 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1998, Becret‑Danieau et vs Il-Parlament, T‑232/97, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑495, punti 43 u 44 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1998, Meyer et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑181/97, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑481, punti 36 u 37; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra p. II‑557, punti 40 u 47, u l-ġurisprudenza ċċitata ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2002, Van Dyck vs Il‑Kummissjoni, T‑112/02, ĠabraSP p. I‑A‑317 u II‑1527, punt 63

2.      Skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jekk istituzzjoni tiddeċiedi li teżamina mill-ġdid il-klassifikazzjoni fil-grad inizjali, li saret finali, ta’ kategorija tal‑uffiċjali tagħha, hija għandha, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ differenzjazzjoni eventwali fit-trattament, teżamina mill-ġdid, fuq talba tagħhom, il-klassifikazzjoni inizjali tal-uffiċjali l-oħra tagħha li jinsabu f’sitwazzjoni identika jew simili. L-għan ta’ dan l-obbligu huwa li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn uffiċjali tal-istess istituzzjoni li jinsabu f’sitwazzjoni identika jew simili fir-rigward ta’ miżuri dovuti minħabba l-inizjattiva stess ta’ din l-istituzzjoni u li ma humiex imposti fuqha minn obbligu legali.

Minn dan jirriżulta li miżuri adottati minn istituzzjoni fin-nuqqas ta’ obbligu ġuridiku li jirriżulta mir-regolamenti tal-persunal ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir‑rigward ta’ istituzzjoni oħra.

(ara l-punti 51 sa 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 1990, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal-Awdituri, C‑193/87 u C‑194/87, Ġabra p. I‑95, punti 26 u 27; Il‑Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il‑Kummissjoni, C‑389/98 P, Ġabra p. I‑65, punti 54 sa 58; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Ottubru 2004, Lutz Herrera vs Il-Kummissjoni, T‑219/92 u T‑337/02, Ġabra SP p. I‑A‑319 u II‑1407, punt 110

3.      Fil-qasam tat-termini ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli huwa intiż għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali, waħedha jew b’mod determinanti, li toħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ il-parti f’kawża li hija in bona fede u li teżerċita d-diliġenza kollha mitluba minn persuna normalment prudenti. Il-kwistjoni dwar jekk l-aġir adottat mill-istituzzjoni ikkonċernata kienx tali li joħloq konfużjoni ammissibbli, f’moħħ il-parti l-oħra fil-kawża, hija kwistjoni ta’ dritt, li tista’ għaldaqstant titqajjem fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punti 71 u 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u BĊE, C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, punti 24 sa 29 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Ġunju 2008, Bligny vs Il-Kummissjoni, T‑127/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 sa 48