Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Lulju 2008 - Région Nord-Pas-de-Calais vs Il-Kummssjoni

(Kawża T-267/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Région Nord-Pas-de-Calais (rappreżentanti: M. Cliquennois u F. Cavedon, avukati)

Konvenuta: Il-Kummssjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni C(2008) 1089 finali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta' April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C38/2007 (ex NN 45/2007) implementata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA;

tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2008) finali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-2 ta' April 2008, li biha l-Kummissjoni kienet iddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-rikorrenti u mill-Communauté d'agglomération du Douaisis favur Arbel Fauvet Rail SA fil-forma ta' ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli b'rata ta' interessi annwali ta' 4,08 % korrispondenti għar-rata ta' referenza Komunitarja applikabbli fil-mument ta' l-għoti. Il-Kummissjoni qieset li, meħuda in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, Arbel Fauvet Rail SA ma setgħetx tikseb fondi b'kundizzjonijet daqshekk favorevoli fis-suq finanzjarju.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret l-obbigu tagħha ta' motivazzjoni, inkwantu hija qieset li l-fondi ġejjin, in parti, mill-komuni tal-Communauté d'agglomération du Douaisis mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni il-karatteristiċi legali partikolari tal-Communauté d'agglomération du Douaisis li hija istituzzjoni pubblika ta' kooperazzjoni interkomunali li tgawdi awtonomija amministrattiva u baġitarja mill-komuni li huma membri tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-għajnuna mogħtija ma tistax tiġi attribwita lill-Istat.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' evalwazzjoni i) meta kkwalifikat lil Arbel Fauvet Rail SA bħala impriża f'diffikultà u ii) meta qieset li Arbel Fauvet Rail SA ma setgħetx tikseb ir-rata ta' interessi applikata f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx l-eżami tagħha tal-każ bid-diliġenza meħtieġa, inkwantu hija la ffissat l-ammont ta' l-għajnuna li għandu jiġi rkuprat u lanqas il-valur ta' l-għajnuna u ma ressqet l-ebda prova ta' natura tali li tiġġustifika żieda fir-rata li għandha tiġi applikata għall-ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli minħabba sitwazzjoni ta' riskju partikolari fir-rigward ta' Arbel Fauvet Rail SA.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, peress li r-rikorrenti ma nstemgħatx matul il-proċedura amministrattiva.

____________