Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2008 minn Stanislava Boudova et kontra d-digriet mogħti fil-21 ta'Apríl 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-78/07, Boudova et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-271/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Stanislava Boudova (Howald, il-Lussemburgu), Adovica (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Kuba (Konz, il-Ġermanja), Puciriuss (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Strzelecka (Arlon, il-Belġju), Szyprowska (Berbourg, il-Lussemburgu), Tibai (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Vaituleviciene (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: Marc-Albert Lucas, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla d-digriet tal-21 ta' April 2008 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea fil-kawża F-78/07;

tilqa' t-talbiet ippreżentati minnhom fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti qed jitolbu l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-21 ta' April 2008, mogħti fil-kawża Boudova et vs Il-Kummissjoni, F-78/07, li biha t-TSP ċaħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors li bih l-appellanti kienu talbu l-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet it-talba tagħhom għal reviżjoni tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-grad magħmula mid-deċiżjonijiet li jirreklutahom.

In sostenn ta' l-appell tagħhom, l-appellanti, l-ewwel nett, isostnu li t-TSP kiser l-obbligu tiegħu ta' motivazzjoni fil-punt 38 tad-digriet ikkontestat, safejn huma ġew impjegati sabiex jokkupaw temporanjament postijiet permanenti fil-klassifika ta' l-impjegati u jissostitwixxu uffiċjali jew aġenti temporanji li temporanjament ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, b'tali mod li fir-realtà huma kienu - jew kellhom jiġu - reklutati bħala aġenti temporanji - jew għall-inqas ikunu f'sitwazzjoni simili għall-aġenti temporanji.

It-tieni nett, l-appellanti jsostnu, f'dak li jikonċerna l-punti 39 à 41 tad-digriet appellat, li, peress li ġiex eskluż li l-impenn tal-Parlament Ewropew, li jinsab f'deċiżjoni tat-13 ta' Frar 2006, li jikklassifika mill-ġdid l-impjegati tiegħu - reklutati bħala aġenti temporanji qabel l-1 ta' Mejju 2004 wara li għaddew kompetizzjoni interna jew ġenerali ppubblikata qabel l-1 ta' Mejju 2004 u peress li wara ġew maħtura uffiċċjali fl-istess kategorija iżda fi grad anqas minn dak li huma kellhom qabel l-1 ta' Mejju 2004 - kien jirriżulta minn obbligu legali, it-TSP kiser il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 tad-digriet ikkontestat.

L-appellanti jallegaw wara dan li l-eżistenza jew le ta' obbligu li jirriżulta mill-liġi mhijiex punt ta' fatt li l-prova tagħha kellha tinġieb mir-rikorrenti, iżda punt ta' liġi li t-TSP kellu jiddeċiedi, u li d-differenza ta' klassifikazzjoni ta' l-uffiċjali, li s-sitwazzjoni ta' fatt u ta' liġi tagħhom huma identiċi jew simili, jirriżultaw mit-teħid ta' pożizzjoni ulterjuri ta' istituzzjoni barra min dik li għaliha jappartjenu l-appellanti tikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzajli li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal-klassifikazzjoni tal-gradi ta' l-appellanti.

It-tielet nett, l-appellanti jsostnu li t-TSP kiser il-kunċett ta' żball skużabbli, safejn in-nota għall-Informazzjoni amministrattiva Nru 59-2005, ippubblikata mill-Kummissjoni fl-20 ta' Lulju 2005, hija tali li tiżgwida lill-appellanti dwar l-opportunità li jressqu ilment kontra d-deċiżjoni ta' klassifikazzjoni fit-terminu legali.

Finalment, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tat-TSP jikser id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar l-inamissibbiltà tar-rikors.

____________