Language of document : ECLI:EU:T:2005:201

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Ġunju 2005(*)

"Trade mark Komunitarja – Sinjal verbali MunichFinancialServices – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-316/03,

Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft AG, stabbilita fi Munich (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, Avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), irrappreżentat minn D. Schennen u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-26 ta' Ġunju 2003 (Każ R 337/2002-4), li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali MunichFinancialServices bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors tat-12 ta’ Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta tad-difiża ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta’ Jannar 2004,

wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta' Ġunju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali MunichFinancialServices.

3        Is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 36 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Is-servizzi in kwistjoni jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "servizzi finanzjarji".

4        Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Frar 2002, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni, minħabba li t-trade mark mitluba kienet tiddeskrivi s-servizzi kkonċernati u ma kinitx ta' karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

5        Fit-18 ta' April 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem l-UASI, abbażi ta' l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6        Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Ġunju 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fl-14 ta' Lulju 2003, ir-Raba' Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors minħabba li t-trade mark mitluba kienet deskrittiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

 Talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

10      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li konsumatur medju normalment informat, attent u avżat ma jistax, mingħajr ebda analiżi oħra, jifhem il-kontenut semantiku tas-sinjal verbali li jifforma t-trade mark mitluba, b'mod illi ma jistax jiġi konkluż li t-trade mark ma tistax tiġi protetta.

11      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal verbali MunichFinancialServices ma jiddeskrivix is-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark, peress li t-tqegħid flimkien tad-diversi kliem li jikkomponu dan is-sinjal għandu oriġinalità proprja u mhuwiex normali. Il-karattru mhux normali joħroġ mill-fatt li s-sinjal verbali in kwistjoni mhuwiex ifformulat skond ir-regoli tal-grammatika Ingliża. Is-sinjal verbali in kwistjoni jħalli lill-konsumatur f'inċertezza totali fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni bejn l-isem tal-post "Munich" u l-espressjoni "Financial Services".

12      Sabiex jintwera li s-sinjal verbali in kwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti, it-tieni nett, tirreferi wkoll għall-iskema ta' analiżi proposta mill-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-punti 61 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta' Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (C-191/01 P, Ġabra p. I-12447, I-12449).

13      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li, skond l-Avukat Ġeneral Jacobs, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' trade mark, għandhom jiġu evalwati, l-ewwel nett, il-mod ta' kif il-kelma hija relatata mal-prodott jew mas-servizz jew ma' waħda mill-karatteristiċi tagħhom, it-tieni nett, il-mod kif hija pperċepita t-trade mark u t-tielet nett, l-importanza tal-karatteristika indikata mit-trade mark fir-rigward tal-prodott jew tas-servizz, b'mod partikolari f'moħħ il-konsumatur.

14      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-mod ta' kif il-kelma hija relatata mal-prodott jew mas-servizz jew ma' waħda mill-karatteristiċi tagħhom, ir-rikorrenti ssostni li t-tqegħid flimkien tal-kliem li jikkostitwixxu s-sinjal verbali MunichFinancialServices ma jippermettix li tiġi stabbilita rabta inekwivoka mas-servizzi kkonċernati minħabba l-karattru grammitikament mhux tas-soltu tiegħu, peress li huwa lingwistikament żbaljat, u minħabba l-ambigwità li tirriżulta minnu. B'hekk, il-pubbliku kkonċernat ma jistax, mingħajr ma jipprovdi interpretazzjoni addizzjonali, minħabba d-diversi tifsiriet tal-kontenut tiegħu, jipperċepixxi l-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark mitluba, u dan kif ikkonstatat mill-Bord ta' l-Appell.

15      Sussegwentement, fir-rigward tal-mod kif il-kelma hija pperċepita, ir-rikorrenti tqis li, minħabba t-tqegħid flimkien tal-kliem, li huwa grammatikament mhux tas-soltu, il-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark mitluba ma jirriżultax li huwa ipso facto u de plano.

16      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-importanza tal-karatteristika indikata mit-trade mark fir-rigward tal-prodott jew tas-servizz, b'mod partikolari f'moħħ il-konsumatur, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-klijenti potenzjali kkonċernati ma jagħtux importanza assoluta lill-punt dwar jekk is-servizzi finanzjarji proposti jingħatawx eżattament minn fornitur ta' servizz stabbilit f'Munich, peress li fil-qasam ta' servizzi finanzjarji s-sede tal-fornitur huwa totalment irrilevanti.

17      Filwaqt li tagħmel riferiment għall-punt 30 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata aktar 'il fuq, it-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li l-bżonn li l-kliem deskrittiv jibqa' liberament disponibbli, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jeżisti biss fil-każ li l-kompetituri jkollhom bżonn raġonevoli manifest u prevedibbli li jużaw din il-kelma preċiża sabiex jiddeskrivu ċerti karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom. Madankollu, skond ir-rikorrenti, tali bżonn ma jeżistix f'dan il-każ, peress li l-kompetizzjoni għandha espressjonijiet grammatikament korretti (bħalma huma, per eżempju, l-espressjonijiet finanzjarji "financial services coming from Munich" jew "financial services being offered from Munich") u, konsegwentement, kumbinazzjonijiet kunċettwali li verament ikollhom karattru manifestament deskrittiv. Fir-rigward tal-kumplament, ir-rikorrenti tirreferi ġeneralment għall-argumenti tagħha żviluppati quddiem l-UASI.

18      L-UASI jikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti. Skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell ġustament ċaħad it-trade mark mitluba mir-rikorrenti, peress li din għandha karattru purament deskrittiv.

19      B'mod aktar partikolari, l-UASI jsostni li l-konsumatur mhuwiex ser jipperċepixxi s-sinjal verbali MunichFinancialServices bħala referenza għal impriża partikolari, iżda pjuttost bħala indikazzjoni purament deskrittiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

20      Minn naħa, fir-rigward ta' l-element "financial services", huwa kien jirrappreżenta direttament is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

21      Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-element "Munich", l-UASI jsostni li, fir-rigward tas-servizzi finanzjarji b'mod ġenerali, kif ukoll fil-kuntest tal-banek u ta' l-assigurazzjonijiet b'mod partikolari, l-indikazzjoni ta' post hija użata abitwalment u hija mifhuma bħala referenza għas-sede ta' l-impriża li tipprovdi s-servizzi in kwistjoni.

22      L-UASI jenfasizza wkoll il-fatt li Munich huwa magħruf kullimkien bħala ċentru finanzjarju.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rikors jirreferi ġeneralment għall-argumenti li jinsabu fin-noti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI, huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u għalhekk ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 33, u tal-31 ta' Marzu 2004, Interquell vs UASI – SCA Nutrition (HAPPY DOG), T-20/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

24      Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni ta' "trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intiż, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi." Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) ta' l-istess regolament jiddikjara li "[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

25      Skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma jippermettix li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fih jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba li jirreġistrawhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni għandha għan ta' interess ġenerali, li jeħtieġ li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu liberament użati minn kulħadd [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta' Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T-348/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27]

26      Barra minn hekk, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f'użu normali skond il-konsumatur, sabiex jindikaw direttament jew permezz tat-tismija ta' waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gambel vs UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 39). Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta' sinjal tista' ssir biss, minn naħa, fir-rigward ta' dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 38].

27      F'dan il-każ, is-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark huma servizzi finanzjarji, mingħajr preċiżazzjoni oħra. Barra minn hekk, għalkemm it-trade mark mitluba hija komposta minn kliem bl-Ingliż, l-isem tal-belt (Munich) li huwa fil-bidu ta' din it-trade mark jindika belt Ġermaniża. Barra minn hekk, il-kliem l-ieħor li jikkomponi din it-trade mark, "financial" u "services", huma kliem bl-Ingliż komuni ħafna u jinsabu, b'ortografija simili, f'diversi lingwi oħra tal-Komunità. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-konsumatur anglofonu medju tal-Komunità u mill-konsumatur medju ta' reġjuni oħra lingwistiċi tal-Komunità – u b'mod partikolari mill-konsumatur Ġermaniż – li ta' l-inqas għandu għarfien bażiku ta' l-Ingliż.

28      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jekk għall-pubbliku rilevanti teżistix relazzjoni diretta u konkreta bejn is-sinjal verbali MunichFinancialServices u s-servizzi li għalihom ġiet irrifjutata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jiġifieri s-servizzi finanzjarji li jaqgħu taħt il-klassi 36 skond il-Ftehim ta' Nizza.

29      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-pubbliku rilevanti mhuwa ser ikollu l-ebda diffikultà jipperċepixxi l-element kostituttiv "FinancialServices" tat-trade mark mitluba bħala deskrizzjoni perfetta bl-Ingliż tas-servizzi finanzjarji msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark.

30      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali tat-trade mark mitluba, il-karattru purament deskrittiv ta' l-element "FinancialServices" huwiex innewtralizzat, l-ewwel nett, biż-żieda tal-kelma "Munich", it-tieni nett, bl-istruttura allegatament grammatikali żbaljata u, it-tielet nett, bl-ortografija partikolari.

31      Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-użu fis-sinjal ta' l-isem Ingliż tal-belt ta' Munich, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dan ma jfixkilx lill-pubbliku rilevanti milli jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni, li din hija l-belt tal-Ġermanja.

32      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, fir-rigward tas-sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-kategoriji tal-prodotti li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, b'mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, jeżisti interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C0108/97 u C-109/97, Ġabra, p. I-2779, punt 26, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T-295/01, Ġabra p. II-4365, punt 30]. Din il-ġurisprudenza hija applikabbli wkoll għas-servizzi.

33      Dan huwa aktar u aktar minnu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li fih l-indikazzjoni ta' post hija normalment użata u inkluża bħala referenza għas-sede ta' l-impriża li tipprovdi s-servizzi in kwistjoni u, għaldaqstant, għall-post minn fejn is-servizzi huma, fil-prinċipju, ipprovduti. Tifsiriet oħra ta' din l-indikazzjoni ġeografika mhumiex rilevanti peress li, skond il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li s-sinjal in kwistjoni jindika, f'ta' l-inqas waħda mit-tifsiriet li jista' jkollu, karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

34      F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-belt ta' Munich hija magħrufa kullimkien bħala ċentru finanzjarju importanti u hija kkunsidrata bħala tali mill-pubbliku kkonċerant. Din il-konstatazzjoni ġiet magħmula kemm mill-eżaminatur ta' l-UASI fid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Frar 2002 kif ukoll mill-UASI fir-risposta tiegħu. Mitluba fis-seduta tagħti l-opinjoni tagħha dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ma kkontestatx ir-rwol tal-belt ta' Munich fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

35      Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li l-isem tal-belt ta' Munich, segwit mill-espressjoni "FinancialServices" ser ikun essenzjalment ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala l-indikazzjoni ġeografika tal-post ta' oriġini tas-servizzi jew tal-post li jkunu pprovduti minnu. Għaldaqstant, iż-żieda tal-kelma "Munich" ma' l-espressjoni "FinancialServices" ma tistax teskludi l-karattru deskrittiv marbut ma' din l-espressjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssaħħaħ dan il-karattru deskrittiv minħabba r-rwol determinanti li din il-belt għandha fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

36      Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-istruttura allegatament grammatikament żbaljata tas-sinjal in kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt, anke jekk jiġi stabbilit, ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni tas-sinjal in kwistjoni esposta aktar 'il fuq [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2000, DKV vs UASI (COMPANYLINE), T-19/99, Ġabra p. II-1, punt 26, u tas-26 ta' Ottubru 2000, Community Concepts vs UASI (Investorworld), T-360/99, Ġabra p. II-3545, punt 23].

37      It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-ortografija partikolari tas-sinjal in kwistjoni, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, it-tliet kelmiet li jikkomponu s-sinjal huma magħquda flimkien mingħajr spazji bejniethom u, min-naħa l-oħra, kull waħda minn dawn il-kelmiet tibda b'ittra kapitali, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jikkostitwixxix element kreattiv li jista' jirrendi lis-sinjal, fl-intier tiegħu, kapaċi jiddistingwi l-prodotti ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 25]. Barra minn hekk, l-effett tat-tqegħid flimkien tal-kliem mingħajr spazji bejniethom ġie kompletament innewtralizzat mill-fatt li t-tliet kelmiet li jikkostitwixxu s-sinjal verbali in kwistjoni jibdew b'ittra kapitali. Għalhekk il-Bord ta' l-Appell ġustament iddeċieda li s-sinjal verbali MunichFinancialServices ser jinqara, jinstema u jiftiehem mill-pubbliku kkonċernat bħala "Munich Financial Services" (punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fl-aħħar nett, xejn ma jippermetti li jiġi affermat li ż-żieda tal-kelma "Munich" ma' l-espressjoni "FinancialServices" tikkonferixxi lis-sinjal verbali MunichFinancialServices element addizzjonali partikolari li permezz tiegħu dan ta' l-aħħar jitlef il-karattru purament deskrittiv tas-servizzi finanzjarji tiegħu pprovduti minn Munich [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 26].

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sinjal verbali in kwistjoni jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi, immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni, relazzjoni konkreta u diretta bejn is-servizzi finanzjarji pprovduti minn Munich li huma inklużi fil-kategorija "servizzi finanzjarji" imsemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark.

40      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-bżonn li l-kliem deskrittiv jibqa' liberament disponibbli, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jeżisti biss fil-każ li l-kompetituri jkollhom bżonn raġonevoli manifest u prevedibbli li jużaw din il-kelma preċiża sabiex jiddeskrivu ċerti karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom.

41      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, sabiex l-UASI jirrifjuta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark imsemmija f'dan l-artikolu jkunu effettivament użati, fil-mument ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi tal-prodotti jew tas-servizzi bħal dawk li għalihom tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jew tal-karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew ta' dawn is-servizzi. Huwa biżżejjed, kif jindika l-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni, li dawn is-sinjali u indikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu użati għal tali finijiet. Ir-reġistrazzjoni ta' sinjal verbali għandha għalhekk tiġi rrifjutata, b'applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni, jekk, ta' l-inqas f'waħda mit-tifsiriet possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

42      F'dan il-każ, is-sinjal verbal in kwistjoni jista', mingħajr ebda dubju, jiġi użat mill-operaturi ekonomiċi l-oħra tas-settur finanzjarju li jixtiequ jindikaw li s-servizzi tagħhom huma pprovduti minn Munich, li huwa, kif indikat aktar 'il fuq, wieħed miċ-ċentri finanzjarji l-aktar importanti fil-Ġermanja. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-oriġini ġeografika tal-provvista tas-servizzi hija karatteristika espressament imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

43      Huwa għalhekk tajjeb li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal verbali MunichFinancialServices jiddeskrivi s-servizzi finanzjarji in kwistjoni.

44      Konsegwentement, l-uniku motiv tar-rikorrenti kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-konvenut, kif mitlub minn dan ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta' Ġunju 2005.

H. Jung

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.