Language of document : ECLI:EU:C:2016:429

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑201/15

Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (AGET Iraklis)

vs

Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis

Parti intervenjenti:

Enosi Ergazomenon Tsimenton Chalkidas

[Talba għal deċiżjoni preliminari mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat, il-Greċja)]

“Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Artikoli 2 sa 5 — Artikoli 49 u 63 TFUE — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, mill-awtorità amministrattiva kompetenti, ta’ talba sabiex isiru t-tkeċċijiet kollettivi — Talbiet li jiġu kkunsidrati fuq il-bażi ta’ kriterji ekonomiċi — Proporzjonalità”





1.        L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ekonomija tas-suq ħieles, fatt li jimplika li l-impriżi għandu jkollhom il-libertà li jmexxu n-negozju tagħhom kif jidhrilhom xieraq. Mela x’inhuma l-limiti għall-intervent tal-Istati Membri sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema? Dik hija l-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tirriżolvi f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        B’mod iktar speċifiku, inqalgħet kwistjoni wara r-rifjut tal-awtoritajiet Griegi li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali — sussidjarja ta’ LafargeHolcim Ltd, impriża preżenti f’diversi Stati Membri, inkluża l-Greċja — titħalla tagħmel sensji kollettivi. Fil-Greċja, it-tkeċċijiet kollettivi huma suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Dan wassal lis-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat, il-Greċja) biex jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Grega ma’, l-ewwel nett, id-Direttiva 98/59/KE (2) u, t-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital (Artikoli 49 u 63 TFUE).

3.        F’dan l-isfond, il-każ tal-lum huwa xiehda, għal darba oħra, tas-sinjifikat dejjiemi tad-dritt primarju kif ipparagunat mal-firxa li qed tiżdied tal-leġiżlazzjoni sekondarja. Kif se naraw, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Griega tidher li hija kompatibbli mad-Direttiva 98/59, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-libertajiet fundamentali ssalvagwardati taħt it-Trattat FUE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Direttiva 98/59

4.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 (taħt it-Taqsima II – “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”) jipprovdi li:

“1.      Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.      Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol

[…]

3.      Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

[…]

(b)      f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

(i)      tar-raġunijiet għar- redundancies ipproġettati;

(ii)      tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

(iii) tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

(iv)      tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

(v)      tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

[…]

Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).

[…]”

5.        It-Taqsima III tad-Direttiva 98/59 tirrigwarda “Il-proċedura għal redundancies kollettivi” u fiha żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikoli 3 u 4. Skont l-Artikolu 3:

“1.      Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

[…]

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.

2.      Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibħagtu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti”.

6.        Bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59:

“1.      Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċijiet mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

2.      Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.

3.      Meta l-perijodu inizjali previst fil-paragraph 1 huwa iqsar minn 60 ġurnata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorià pubblika kompetenti biex testendi l-perijodu inizjali ta’ 60 ġurnata wara n-notika meta l-problemi kkawżati mill-pjanijiet proġettati ta’ redundancies kollettivi x’aktarx ma tinstabx soluzzjoni għalihom fil-perijodu inizjali.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti poteri iktar wiesgtra ta’ estenzjoni.

Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estenzjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perijodu tal-bidu msemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”.

B –    Il-leġiżlazzjoni Griega

8.        Id-Direttiva 98/59 ġiet implementata fid-dritt Grieg bin-Nomos Nru 1387/1983 Elenchos omadikon apolyseon kai alles diataxeis (Liġi Nru 1387/1983 dwar ir-reviżjoni tat-tkeċċijiet kollettivi u dispożizzjonijiet oħra), tat-18 ta’ Awwissu 1983, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1387/1983”) (3). L-Artikolu 3 ta’ dik il-liġi (“Obbligi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni ta’ min iħaddem”) jipprovdi:

“1.      Qabel it-tkeċċijiet kollettivi, min iħaddem għandu jagħmel konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-għan li ssir investigazzjoni tal-possibbiltà li jiġu evitati jew jitnaqqsu t-tkeċċijiet u l-konsegwenzi negattivi tagħhom.

2.      Min iħaddem għandu:

(a)      jipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema bl-informazzjoni rilevanti kollha u

(b)      jinnotifikahom bil-miktub dwar:

(aa)      ir-raġunijiet għat-tkeċċijiet pproġettati;

(bb)      in-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jingħataw is-sensja;

(cc)      in-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

(dd)      il-perijodu li matulu għandhom isiru t-tkeċċijiet kollettivi;

(ee)      il-kriterji għall-għażla tal-ħaddiema li se jiġu ssensjati.

[…]

3.      Kopji ta’ dawk id-dokumenti għandhom jiġu sottomessi minn min iħaddem lill-prefett u lill-ispettur tax-xogħol. Jekk l-impriża jew l-unità operattiva għandha friegħi f’iktar minn prefettura waħda, id-dokumenti ta’ hawn fuq għandhom jiġu sottomessi lill-Ministru tax-Xogħol u lis-Soma Epitheorisis Ergasias (Ispettorat tax-Xogħol) responsabbli għaż-żona fejn jinsabu l-unità jew il-fergħa operattiva fejn it-tkeċċijiet kollha jew il-biċċa l-kbira tagħhom huma skedati li jseħħu.”

9.        L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 1387/1983 (“Proċedura għat-tkeċċijiet kollettivi”) jipprovdi:

“Il-perijodu ta’ konsultazzjoni bejn il-ħaddiema u min iħaddem għandu jkun ta’ 20 jum li jibda mid-data tal-istedina ta’ min iħaddem għall-konsultazzjoni indirizzata lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fit-tifsira tal-artikolu preċedenti. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet għandu jitniżżel fil-minuti ffirmati miż-żewġ partijiet u sottomessi minn min iħaddem lill-prefett jew lill-Ministru tax-Xogħol, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3).

2.      Jekk ikun hemm ftehim bejn il-partijiet […], it-tkeċċijiet kollettivi għandhom isiru skont il-kontenut tal-ftehim kollettiv […]

3.      Jekk ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jistgħu, b’deċiżjoni mmotivata maħruġa fi żmien għaxart ijiem mid-data meta l-minuti msemmija jiġu sottomessi u wara li jitqiesu d-dokumenti fil-fajl u jiġu evalwati l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali, jew jestendu l-konsultazzjonijiet għal 20 jum addzzjonali wara talba minn wieħed mill-partijiet interessati jew ma jawtorizzawx uħud jew it-keċċijiet kollettivi kollha pproġettati. Qabel ma tinħareġ id-deċiżjoni msemmija, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jista’ jitlob opinjoni mill-Epitropi Ipourgiou Ergasias (Kumitat tal-Ministeru tax-Xogħol) […] jew mill-Anotato Symvoulio Ergasias (Kunsill Suprem tax-Xogħol) rispettivament. Dawn il-korpi konsultattivi, il-prefett jew il-Ministru tax-Xogħol jistgħu jsejħu quddiemhom u jisimgħu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema […] u min iħaddem ikkonċernat, kif ukoll persuni li għandhom għarfien speċjalizzat dwar kwstjonijiet tekniċi individwali.

4.      Min iħaddem jista’ jagħmel sensji kollettivi sa fejn huwa hekk speċifikat fid-deċiżjoni tal-prefett jew tal-Ministru tax-Xogħol. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni bħal dik fit-termini preskritti, it-tkeċċijiet kollettivi għandhom isiru sa fejn huwa miftiehem minn min iħaddem matul il-konsultazzjonijiet.”

10.      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 1387/1983, “sensji kollettivi li jseħħu bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi għandhom ikunu invalidi”.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.      Anonymi Geniki Etairia Tsimenton Iraklis (iktar ’il quddiem “AGET Iraklis” jew “il-Kumpannija”) hija attiva fil-manifattura, id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-siment u għandha tliet impjanti fil-Greċja (Agria Volou, Aliveri u Chaldika).

12.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li minn Novembru 2011 sa Diċembru 2012, AGET Iraklis talbet diversi drabi lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom fl-impjant tagħha f’Chaldika biex jipparteċipaw f’laqgħat bl-għan li tiġi aġġustata mill-ġdid l-iskeda tax-xogħol tal-impjant u biex tiġi pprovduta informazzjoni u konsultazzjoni fid-dawl tat-tnaqqis fl-attivitajiet tal-impjant minħabba domanda mnaqqsa għal-prodott tagħha, sabiex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi u għalhekk jiġu evitati sensji kollettivi.

13.      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, il-bord tad-diretturi tal-kumpannija approvaw programm ta’ ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tas-siment tagħha (iktar ’il quddiem “il-Programm”). Il-Programm inkluda l-għeluq permanenti tal-impjant ta’ Chaldika minħabba, b’mod partikolari, it-tnaqqis fl-attività ta’ kostruzzjoni f’Attiki u kapaċità ta’ produzzjoni eċċessiva tas-siment, sabiex tiġi żgurata vijabbiltà fil-futur tal-Kumpannija.

14.      Permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Marzu u l-1 ta’ April 2013, AGET Iraklis stiednet lill-Enosi Ergazomenon Tsimenton Chalkidas (is-sindakat tal-ħaddiema tal-impjant tal-Kumpannija f’Chaldika, iktar ’il quddiem “is-Sindakat tal-Ħaddiema”) għal laqgħat li kellhom isiru, rispettivament, fid-29 ta’ Marzu 2013 u l-4 ta’ April 2013, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u sabiex tkun possibbli konsultazzjoni fuq il-Programm sabiex, inter alia, tiġi investigata l-possibbiltà ta’ evitar jew tnaqqis ta’ sensji u l-konsegwenzi negattivi tagħhom.

15.      Billi s-Sindakat tal-Ħaddiema ma attendiex dawk il-laqgħat, fis-16 ta’ April 2013 il-Kumpannija talbet bil-miktub lill-Ypourgos Ergasias, Koinonikis Asfalisis kai Koinonikis Allilengyis (Ministru tax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u l-Ħarsien, iktar ’il quddiem “il-Ministru”) l-awtorizzazzjoni sabiex il-Programm jidħol fis-seħħ.

16.      Il-kwistjoni ġiet irriferita lill-Kunsill Suprem tax-Xogħol għal opinjoni. Fl‑24 ta’ April 2013, wara li nstemgħu l-partijiet ikkonċernati, il-Kunsill Suprem tax-Xogħol irrakkomanda li l-Programm jiġi rrifjutat minħabba n-nuqqas tal-Kumpannija li tipprovdi ġustifikazzjoni suffiċjenti, b’mod partikolari, peress li l-ħtieġa ta’ sensji kollettivi pproġettati ma ġietx issostanzjata u l-argumenti tal-Kumpannija ġew ikkunsidrati bħala vaġi wisq.

17.      Fuq il-bażi ta’ dik ir-rakkomandazzjoni, il-Ministru, fis-26 ta’ April 2013, irrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni mitluba (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

18.      Il-Kumpannija ppreżentat rikors fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-kunsill tal-istat). Billi kellha dubji, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kumpannija, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 mad-Direttiva 98/59 u l-Artikoli 49 u 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet fis-7 ta’ April 2015 li tissospendi l-proċeduri u tirreferi d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Regola tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, li tissuġġetta t-tkeċċiji kollettivi f’impriża partikolari għal awtorizzazzjoni mill-Amministrazzjoni maħruġa abbażi tal-kriterji: a) tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b) tas-sitwazzjoni tal-impriża u ċ) tal-interess tal-ekonomija nazzjonali, hija b’mod partikolari konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59/KE u, ġeneralment mal-Artikoli 49 u 63 TFUE?

(2)      Fl-ipoteżi ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, regola tad-dritt nazzjonali ta’ tali kontenut hija konformi, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59/KE u, ġeneralment, mal-Artikoli 49 u 63 TFUE meta jeżistu raġunijiet soċjali serji, bħal kriżi ekonomika gravi u livell ta’ qgħad partikolarment għoli?”

19.      Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mill-Kumpannija, mis-Sindakat tal-Ħaddiema, mill-Gvern Grieg, u mill-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fil-25 ta’ April 2016, tressqu l-argumenti orali minn dawk il-partijiet u mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA (iktar il-quddiem l-“ESA”).

III – Analiżi

20.      Il-punt ta’ liġi li qed jiġi sottomess għall-kunsiderazzjoni f’dawn il-proċeduri ilu żmien mingħajr soluzzjoni (4).

21.      Biż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 (iktar ’il quddiem “ir-regola inkwisjtoni”), li, fost affarijiet oħra, teħtieġ li min iħaddem jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jwettaq sensji kollettivi, u li tirrendi din l-awtorizzazzjoni dipendenti fuq il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; is-sitwazzjoni tal-impriża; u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali, hijiex kompatibbli ma’, minn naħa, id-Direttiva 98/59 u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 49 u 63 TFUE. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk dispożizzjoni bħal dik tistax tkun kompatibbli mar-regoli msemmijin iktar ’il fuq fejn hemm raġunijiet soċjali serji biex jiġġustifikawha, bħal kriżi ekonomika akuta u qgħad għoli ħafna.

22.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddistingwi bejn iż-żewġ domandi tagħha skont ir-raġunijiet għal ġustifikazzjoni, naħseb li huwa iktar xieraq li naqsam l-analiżi tiegħi tad-domandi magħmula fuq il-bażi tar-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, se nibda l-kunsiderazzjonijiet tiegħi billi ninterpreta d-Direttiva 98/59, qabel ma ngħaddi għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu.

A –    Id-Direttiva 98/59

23.      Mill-bidu nett infakkar li, bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea riedet kemm li tiżgura l-protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-ħaddiema f’diversi Stati Membri kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-ispejjeż li dawn ir-regoli protettivi jfissru għal impriżi tal-Unjoni Ewropea (5).

24.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 min iħaddem huwa obbligat li jibda konsultazzjonijiet fi żmien tajjeb mar-rappreżentanti tal-ħaddiema meta jkun “qed jikkontempla redundancies kollettivi”’. Bis-saħħa tal-Artikolu 2(2), il-konsultazzjonijiet għandhom ikopru, inter alia, il-possibbiltà li jiġu evitati t-tkeċċijiet kollettivi kkontemplati jew li jiġi mnaqqas in-numru ta’ ħaddiema affettwati. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha tinbeda minn min iħaddem ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li ġġiegħlu jikkontempla jew jippjana sensji kollettivi (6). Dik il-proċedura hija mfissra fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/59.

25.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 joħloq dmir ta’ notifika: min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwar sensji kollettivi pproġettatti u jibgħat kopja tan-notifika lir-rappreżentant tal-ħaddiema. Dawn tal-aħħar imbagħad jistgħu jibagħtu kull kumment li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.

26.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59 jistabbilixxi dispożizzjoni “stand-still” li l-għan tagħha huwa, skont it-tieni paragrafu tiegħu, li jipprovdi lill-awtorità pubblika kompetenti b’biżżejjed żmien biex issib soluzzjonijiet għall-problemi mqajmin mit-tkeċċijiet kollettivi pproġettati. Għalkemm id-direttiva tipprovdi 30 jum bħala perijodu ta’ “riflessjoni” wara n-notifika tal-miżuri ta’ sensja maħsuba, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u (3), l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtorità pubblika kompetenti s-setgħa li dak il-perijodu jitnaqqas jew jiġi estiż.

27.      Madankollu, id-Direttiva 98/59 ma tistabbilixxix regoli dwar l-organizzazzjoni interna ta’ impriżi jew ġestjoni tal-persunal (7), u lanqas ma taffettwa l-libertà ta’ min iħaddem li jagħti jew ma jagħtix sensji kollettivi. L-unika għan tagħha huwa li tipprovdi għal konsultazzjoni mas-sindakati u għan-notifika tal-awtorità pubblika kompetenti qabel ma jsiru t-tkeċċijiet, jiġifieri għall-armonizzazzjoni tal-proċedura li għandha tiġi segwita meta jsiru t-tkeċċijiet kollettivi (8).

28.      Issa, l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 tidher, b’mod partikolari, li ddaħħal fis-seħħ lill-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg, għalkemm it-tul tal-perijodu ta’ “riflessjoni” ġie mmodifikat. Madankollu, u iktar importanti minn hekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, dik id-dispożizzjoni tirrendi t-twettiq tal-miżuri ta’ sensji maħsuba dipendenti fuq l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel (li titqies li tkun ingħatat taċitament meta jiskadi t-terminu ta’ għaxart ijiem). Il-Liġi Nru 1387/1983 tispeċifika li applikazzjonijiet sabiex jitwettqu sensji kollettivi għandhom jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali. Bis-saħħa tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 1387/1983, l-awtorizzazzjoni hija kundizzjoni għall-validità tal-miżuri tat-tkeċċijiet.

29.      Għalhekk, jidher li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 mhux biss jimplementa d-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg, imma jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti sostantivi dwar iċ-ċirkustanzi jew il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu affettwati t-tkeċċijiet. Fi kliem ieħor, jirregola meta jista’ jkun iġġustifikat li tintemm relazzjoni ta’ impjieg. Għall-finijiet tal-kawża prinċipali, dik hija l-parti tar-regola inkwistjoni li qed tiġi kkontestata.

30.      Iżda, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punt 27 li d-Direttiva 98/59 ma tirregolax il-libertà (jew l-assenza tagħha) ta’ min iħaddem li jagħti sensji kollettivi. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li taħthom relazzjonijiet ta’ impjieg kollettivi jistgħu jintemmu fuq bażi kollettiva(9).

31.      Għaldaqstant, jiena nikkondividi s-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, sa fejn dan jillimita l-libertà ta’ min iħaddem li jagħti sensji kollettivi, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59. Għalhekk, ma għandu konnessjoni ta’ xejn ma’ dik id-direttiva.

32.      Billi r-regola inkwistjoni — jew tal-inqas il-parti tagħha li hija kkontestata — ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, ma tistax tikkostitwixxi dispożizzjoni statutorja iktar favorevoli għall-ħaddiema (każ ta’ “implementazzjoni żejda”) fit-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva. Għaldaqstant, ma nistax nara kif ir-regola inkwistjoni tpoġġi fil-perikolu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva (10).

33.      Fl-aħħar nett, u għall-kompletezza, għandi nżid ngħid li jsegwi minn dak li ntqal li, mill-perspettiva tad-Direttiva 98/59, ma tagħmilx differenza jekk, flimkien mal-kriterji msemmija iktar ’il fuq fil-punt 28, jeżistu raġunijiet soċjali serji — bħal kriżi ekonomika akuta u qgħad għoli ħafna.

34.      Għaldaqstant nikkonkludi li d-Direttiva 98/59 ma tipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, li teħtieġ li kull min iħaddem jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jagħti sensji kollettivi. Jiena se niddedika l-bqija tal-analiżi tiegħi għad-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja msemmijin mill-qorti tar-rinviju.

B –    Artikoli 49 u 63 TFUE

1.      Libertà ta’ stabbiliment u/jew movment liberu tal-kapital?

35.      Billi d-domandi magħmulin għal deċiżjoni preliminari jagħmlu riferiment kemm għall-Artikoli 49 kif ukoll għall-Artikolu 63 TFUE, għandu jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-moviment liberu tal-kapital jew taż-żewġ libertajiet (11).

36.      Minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw għall-pussess ta’ ishma, minn ċittadini ta’ Stat Membru, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li bihom ikunu jistgħu jeżerċitaw influwenza definita fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u sabiex jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, jidħlu fil-qasam ratione materiae tal-Artikolu 49 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod partikolari, l-investimenti diretti fil-forma ta’ parteċipazzjoni f’impriża permezz ta’ żamma ta’ ishma li tippermetti li wieħed jipparteċipa b’mod effettiv fil-ġestjoni u l-kontroll tagħha, kif ukoll investimenti tal-portafoll, jiġifieri, il-kisba ta’ titoli fis-suq kapitali bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li jiġu influwenzati l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża (12).

37.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk l-ishma li jippermettu lid-detentur li jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mid-daqs tas-sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 49 TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 63 TFUE(13).

38.      Sabiex jiġi ddeterminat liema libertà tapplika (jekk mhux it-tnejn), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (14).

39.      Il-Liġi Nru 1387/1983, skont it-titolu tagħha, għandha l-għan li tikkontrolla t-tkeċċijiet kollettivi u li timplementa d-Direttiva 98/59 fid-dritt Grieg. Dan iġiegħelni naħseb li, bħad-direttiva, għandha l-intenzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom min iħaddem jista’ jirrikorri għal sensji kollettivi u l-proċedura li tiġi segwita f’dak ir-rigward.

40.      Għalhekk tirrigwarda essenzjalment relazzjoni ta’ impjieg.

41.      Dak jikkonferma li l-Artikolu 49 TFUE biss huwa applikabbli. Fil-fatt, il-libertà ta’ stabbiliment tirrigwarda attività ta’ min jaħdem għal rasu fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, fil-forma ta’ impriżi, aġenziji, friegħi jew sussidjarji (15). Dik l-attività tista’ teħtieġ li jiġi impjegat persunal biex dik l-attività tiġi moqdija u żviluppata, f’liema każ tkun tinkludi relazzjoni tal-impjieg.

42.      Fid-dawl tas-suġġett tagħha, jidher li r-regola inkwistjoni hija rilevanti biss għall-ishma li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ influwenza definita fit-tifsira tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq — bl-iktar eżempju komuni jkunu l-ishma maġġoritarji. Ishma maġġoritarji jippermettu lid-detentur tagħhom li jaġixxi bħala dak li finalment jimpjega l-ħaddiema tal-kumpannija sussidjarja.

43.      AGET Iraklis issostni li, imma ma tispjegax għaliex, il-kwistjoni tinvolvi wkoll il-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, nifhem li f’dan il-każ AGET Iraklis hija sussidjarja ta’ LafargeHolcim, li jfisser li din tal-aħħar għandha l-maġġoranza tal-ishma tal-ewwel. Dawk l-ishma maġġoritarji u, għaldaqstant, l-influwenza definita fuq AGET Iraklis, jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE.

44.      Hu x’inhu l-każ, meta l-libertà ta’ stabbiliment tkun inkisret, ma jkunx meħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll jekk id-dispożizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment tal-kapital inkisirx ukoll (16).

45.      Fid-dawl tal-preċedenti, se nikkunsidra r-regola inkwistjoni mil-lat tal-libertà ta’ stabbiliment.

2.      In-natura restrittiva tar-regola inkwistjoni

46.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri kull miżura nazzjonali li tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE. Il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħudin minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli indistintament, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn u għalhekk jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea (17).

47.      Bħala prinċipju, rekwiżit ta’ informazzjoni minn qabel jikkostitwixxi tali restrizzjoni (18). Għalkemm dik il-linja ġurisprudenzjali tikkonċerna, essenzjalment, sitwazzjonijiet fejn stabbilimenti twaqqfu pjuttost milli ċċekknu, fil-fehma tiegħi japplika l-istess raġunament. Fil-fatt, fil-proċeduri ewlenin, ir-regola inkwistjoni tillimita l-libertà ta’ impriża li timpjega li tagħti sensji kollettivi peress li, jekk ma tiġix osservata r-regola, it-tkeċċijiet ikunu invalidi. Għalhekk, regola bħal dik tinterferixxi direttament mal-organizzazzjoni interna tal-impriżi u mal-ġestjoni tal-persunal tagħhom u possibbilment tesponi lill-impriżi għar-riskju li joperaw bit-telf. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern Grieg jirrikonoxxi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li r-regola inkwisjtoni tista’ tkun restrittiva.

48.      Barra minn hekk, hemm element transkonfinali ċar: AGET Iraklis hija sussidjarja ta’ LafargeHolcim. Għalhekk, l-argumenti tas-Sindakat tal-Ħaddiema u tal-Gvern Grieg li l-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni għalkollox interna u/jew ipotetika, li tressqu fis-seduta għall-ewwel darba, għandhom jiġu miċħudin (19).

49.      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati skont id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta.(20) Għalhekk, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat skont l-Artikolu 16 tal-Karta, li jistabbilixxi l-libertà tal-intrapriża. Kif jidher ċar mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta (21) li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, il-libertà tal-intrapriża tinkludi (i) il-libertà biex tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali; (ii) il-libertà kuntrattwali; u (iii) il-kompetizzjoni libera (22).

50.      Ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment identifikata iktar ’il fuq fil-punt 47 tammonta wkoll għal restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-intrapriża. Barra minn hekk, tirrestrinġi l-libertà kuntrattwali ta’ min iħaddem, billi jkun meħtieġ li jikseb awtorizzazzjoni anterjuri qabel ma jkun jista’ jittermina kuntratti tal-impjieg.

3.      Ġustifikazzjoni, idonjità u neċessità

a)      Rimarki preliminari u kunsiderazzjoni tal-interess pubbliku prevalenti

51.      Skont id-duttrina Gebhard, ir-restrizzjonijiet għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-UE: għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju, għandhom ikunu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku; għandhom ikunu idonei biex jiżguraw li jintlaħaq l-għan mixtieq; u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan (23).

52.      Barra minn hekk, isegwi mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà tal-intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta ma hijiex assoluta, u tista’ tiġi rregolata (24).

53.      Ir-regola inkwistjoni tapplika b’mod li ma huwiex diskriminatorju. Għalhekk, hemm bżonn li jiġi kkunsidrat jekk il-kriterji li jifdal — dwar il-ġustifikazzjoni, l-idonjetà u n-neċessità – humiex issodisfatti, peress li dan l-eżerċizzju, fil-fehma tiegħi, huwa bażikament l-istess wieħed taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta.

54.      Il-Gvern Grieg, appoġġat mis-Sindakat tal-Ħaddiema, isostni li r-regola inkwistjoni hija ġġustifikata għal raġunijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

55.      Jirriżulta mid-domandi magħmula li l-ewwel domanda trid lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra jekk it-tliet kriterji użati fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 — jiġifieri, il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali — jistgħux jitqiesu li jippromwovu l-protezzjoni tal-ħaddiema b’mod xieraq, u b’mod li ma huwiex sproporzjonat. It-tieni domanda preliminari essenzjalment hija verżjoni kkwalifikata tax-“xenarju bażiku” li hemm fl-ewwel domanda: il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li hemm kriżi ekonomika akuta akkumpanjata b’rati ta’ qgħad għoljin ħafna (25) jistax jiġġustifika r-regola inkwistjoni jekk dak ma huwiex diġà il-każ fix-“xenarju bażiku”.

56.      Kif jgħid sew is-Sindakat tal-Ħaddiema, mill-perspettiva tal-leġiżlatura tal-UE, jirriżulta mill-Artikolu 9 TFUE li livell għoli ta’ impjiegi u protezzjoni soċjali adegwata huma kunsiderazzjonijiet li l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra meta tiddefinixxi u timplementa l-politiki u l-attivitajiet tagħha. B’mod korrispondenti, il-protezzjoni tal-ħaddiema tqieset mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala waħda mir-raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku li tista’ tippermetti Stat Membru li jidderoga mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu fit-Trattat FUE (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament, aċċettat li ż-żamma tal-impjieg f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju tista’, fit-teorija, tkun aċċettabbli bħala ġustifikazzjoni (27).

57.      Imbagħad, mill-bidu nett, irrid ngħid li, meta tivverifika jekk it-tliet kriterji msemmijin fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983 humiex xierqa u ma jmorrux lil hinn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel eżerċizzju ta’ bbilanċjar. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssib bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment ta’ min iħaddem. Bl-istess mod, dan jinvolvi l-ibbilanċjar tal-libertà tal-intrapriża sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta fil-konfront ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li hemm fit-Titolu IV tal-Karta (“Solidarjetà”). F’dak li se jsegwi, se nipprova nipprovdi ftit gwida fuq dan.

b)      L-eżerċizzju ta’ bbilanċjar: elementi ta’ riflessjoni

58.      Qabelxejn, għalkemm l-Artikolu 27 tal-Karta, li jikkonċerna d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, jidher li huwa rilevanti mal-ewwel daqqa t’għajn, fil-fatt ma jżid xejn utli fil-kwistjoni: skont is-sentenza Association de médiation sociale, l-Artikolu 27 tal-Karta għandu jiġi mfisser b’mod iktar speċifiku fid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali biex dak l-artikolu ikun effettiv għalkollox (28). Fuq dak il-punt, isegwi mill-ispjegazzjoni awtorevoli dwar dik id-dispożizzjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) li dik l-espressjoni speċifika tista’ tinstab, inter alia, fid-Direttiva 98/59. Madankollu, kif intqal fil-bidu, dik id-direttiva ma hijiex rilevanti għal-legalità tar-regola inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 27 tal-Karta huwa irrilevanti għall-finijiet tat-test tal-ibbilanċjar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel. Fi kwalunkwe każ, għalkemm is-Sindakat tal-Ħaddiema jargumenta mod ieħor fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-digriet tar-rinviju jidher li jindika li saru tentattivi sabiex il-ħaddiema kkonċernati jiġu informati u kkonsultati dwar il-Programm.

59.      Imbagħad, meta l‑Kummissjoni ssemmi l-Artikolu 30 tal-Karta dan jidher li huwa rilevanti, billi dik id-dispożizzjoni tipprovdi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija inġusta. Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dik id-dispożizzjoni ma tipprovdix obbligi speċifiċi (29). Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Association de médiation sociale tidher f’ħafna aspetti li tapplika wkoll għall-Artikolu 30 tal-Karta. Kull ma nista’ niddeduċi direttament minn kliem l-Artikolu 30 tal-Karta huwa, li minn naħa, ma jiggarantixxix dritt għal impjieg permanenti u, min-naħa l-oħra, li l-kwistjoni essenzjali huwa l-aċċertament ta’ x’jammonta, għall-finijiet ta’ eżerċizzju ta’ ristrutturar, għal “tkeċċija ġusta”.

60.      B’mod iktar speċifiku, minbarra li jagħmlu riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddem u tat-trasferiment ta’ impriżi, li l-ebda waħda ma hija ta’ rilevanza diretta fil-kwistjoni inkunsiderazzjoni, l-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 30 tal-Karta (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) jiddikjaraw li dan l-artikolu “huwa ispirat mill-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali [Ewropea] riveduta” (30). Fl-Appendiċi tal-Karta Soċjali — li, skont l-Artikolu N tagħha, jifforma parti integrali minnha — it-tielet paragrafu tat-taqsima marbuta mal-Artikolu 24 jelenka b’mod mhux eżawrjenti numru ta’ raġunijiet illegali għal tkeċċija. L-ebda raġuni minn dawn ma tikkonċerna tkeċċija għal raġunijiet purament ekonomiċi, u lanqas ma jistgħu jiġu assimilati ma’ tali raġunijiet (31).

61.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-limitu sabiex jiġi ddeterminat x’tikkostitwixxi “tkeċċija ġusta” ma jistax jitqiegħed fil-għoli żżejjed, billi dan ikollu bħala konsegwenza li impriża tiġi mġiegħla li tissospendi l-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħha għal perijodu mhux iddeterminat, bir-riskju li tibqa’ ekonomikament ineffiċjenti.

62.      Qabel ma nikkunsidra jekk ir-regola inkwistjoni hijiex xierqa għall-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan, numru ta’ rimarki oħrajn jistgħu jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tagħmel l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar tagħha.

63.      L-ewwel nett, id-Direttiva 98/59 tirrappreżenta kompromess li ntlaħaq fil-livell tal-UE bejn il-bżonn li l-ħaddiema jiġu protetti u l-kunsiderazzjoni li għandha tingħata lil min iħaddem (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Dan il-kompromess huwa fil-forma ta’ proċedura protettiva (obbligu ta’ stand-still flimkien ma’ perijodu ta’ riflessjoni) li ma taffettwax id-dritt ta’ min iħaddem milli jorganizza mill-ġdid l-impriża li timpjega. Impożizzjoni unilaterali ta’ obbligi addizzjonali fuq min iħaddem, biex b’hekk jitneħħa l-inċentiv tal-ħaddiema sabiex jipparteċipaw f’negozjati ma’ min jimpjega, mingħajr ma jiġi pprovdut ebda mekkaniżmu ta’ salvagwardja kumpensatorju li jikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, tikkrea r-riskju li jinħoloq żbilanċ mil-lat tal-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 16 tal-Karta.

64.      It-tieni nett, u bħala segwitu fuq dak il-punt, anki f’sitwazzjoni ta’ “implementazzjoni żejda”, fis-sentenza Alemo-Herron et, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tibbilanċja reċentement il-protezzjoni tal-ħaddiema mad-drittijiet ta’ min iħaddem fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ li jkun hemm trasferiment ta’ impriżi. Il-kwistjoni kienet jekk dawk ir-regoli tal-Unjoni jipprekludux Stat Membru milli jkun meħtieġ li min iħaddem privat, li jieħu impjegati minn min iħaddem fis-settur pubbliku, isegwi l-ftehim kollettiv tas-settur pubbliku applikabbli stipulat fil-kuntratt ta’ impjieg oriġinali (protezzjoni “dinamika”), filwaqt li ma jkollu l-ebda vuċi fuq il-medja tan-negozjati. L-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa li jiġi adottat l-approċċ li tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk dan kienx ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex eżitazzjonijiet: hija ddeċidiet li kien hemm ksur, peress li tali rekwiżit naqqas serjament il-libertà kuntrattwali ta’ min iħaddem b’mod li affettwa negattivament l-essenza stess tal-libertà tal-intrapriża (32).

65.      L-aħħar punt dwar l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel ċertament huwa l-iktar deċiżiv: il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi llimitata għad-dritt biss għall-impriżi li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn. Biex din il-libertà tkun verament effettiva, għandha tagħti wkoll grupp ekonomiku transkonfinali id-dritt li jċekken u, fl-aħħar mill-aħħar, ixolji stabbiliment fi Stat Membru. Fi kliem ieħor, biex iħalli lil Stat Membru (33) — anki jekk dan huwa sempliċiment sabiex titwettaq attività ekonomika fi Stat Membru fejn hemm iktar qligħ (34).

c)      It-tliet kriterji kkunsidrati f’iżolament

66.      Issa, fir-rigward tat-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 1387/1983, l-ewwel kriterju jirrigwarda l-interess tal-ekonomija nazzjonali. Bħall-Kummissjoni, nemmen li kriterju bħal dak jinvolvi għan purament ekonomiku li ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (u lanqas il-libertà tal-intrapriża) (35).

67.      Iż-żewġ kriterji li jibqa’, dwar il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni tal-impriża, ma għandhomx l-istess difett. Madankollu, fil-fehma tiegħi, li wieħed jirrikorri għal dawk il-kriterji la huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u lanqas ma huwa limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

68.      Fir-rigward tal-idonjità tal-kriterju dwar il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, bħala illustrazzjoni, xenarju kontrofattwali jista’ jkun eżempju utli. Għaliex fil-fatt, ma huwiex diffiċli li jiġi immaġinat x’jista’ jiġri f’każ ta’ rifjut amministrattiv biex isiru t-tkeċċijiet. Fil-każ li l-ineffiċjenza ekonomika tal-impriża li timpjega ikkawżata b’tali rifjut tagħmilha insolventi, dik l-impriża jkollha inċentiva ċara li tibda proċeduri għall-ħall u l-istralċ tagħha, fejn wara ma tkunx iktar marbuta bid-Direttiva 98/59 (36) u, presumibbilment, ma jkollhiex il-fondi meħtieġa biex tħallas lill-ħaddiema kkonċernati fil-każ li r-regola inkwistjoni tibqa’ tapplika għal sitwazzjoni bħal dik. Inċidentalment, dak jipperikola wkoll l-impjiegi ta’ dawk il-ħaddiema li ma ngħatawx is-sensja. Għaldaqstant, niddubita kemm ir-regola inkwistjoni tista’ tikkontribwixxi, b’xi mod sinjifikattiv, għat-tnaqqis fir-rata tal-qgħad.

69.      Fi kwalunkwe każ, il-kriterju relatat mas-suq tax-xogħol li, kif qed nifhem jien, essenzjalment jirrigwarda ċ-ċifri tal-qgħad, ma huwiex idoneu biex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-impjiegi għall-ħaddiema. Fil-fatt, ma jipprovdix rimedju għall-problemi li jagħmlu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati inċerta. Essenzjalment, jammonta għaċ-ċaħda tad-dritt ta’ min iħaddem li jittermina relazzjoni ta’ impjieg għar-raġuni li ġeneralment ma huwiex deżiderabbli li jkun hemm iktar nies qiegħda.

70.      Fuq kemm huwa idonju l-kriterju dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, l-argument li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jkunu iktar adattati mill-persuni fil-ġestjoni ta’ dik l-impriża biex jiddeterminaw x’inhu l-iktar xieraq fis-sitwazzjoni tagħha jidhirli li huwa kemxejn sorprendenti. Fi kwalunkwe każ, ma narax li huwa xieraq li l-ħaddiema jiġu protetti billi l-awtorità titħalla twarrab id-deċiżjonijiet kummerċjali li jittieħdu, fl-aħħar mill-aħħar, mill-impriża li qed timpjega.

71.      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kumpannija, il-kriterji statutorji ma humiex ċari u jagħtu diskrezzjoni eċċessivament wiesgħa lill-amministrazzjoni b’detriment għaċ-ċertezza legali ta’ min iħaddem. Fil-fatt, dan jidher li mill-bidu nett ixejjen kull tentattiv possibbli sabiex jitlaħaq ftehim bonarju bejn dawk li jħaddmu u l-ħaddiema billi jitneħħa l-bżonn għan-negozjati – kif tixhed il-kwistjoni li qed tiġi eżaminata. Setgħet kienet alternattiva l-elenkar tat-tipi ta’ tkeċċijiet ikkunsidrati bħala mhux ġustifikati, bħal fil-każ tal-lista li tidher fit-tielet paragrafu tal-Appendiċi tal-Karta Soċjal fir-rigward tal-Artikolu 24 tagħha.

72.      Għall-kompletezza, kif il-Gvern Grieg jindika b’mod korrett fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, meta l-Istati Membri jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju sanċit fid-dritt tal-UE, għandhom juru f’kull każ individwali li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jakkumpanjaw ir-raġunament tagħhom b’analiżi tagħha u b’evidenza speċifika li tissustanzja l-argumenti mressqa (37). Biżżejjed jingħad f’dan il-kuntest li jiena ma nikkunsidrax li l-Gvern Grieg ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali analiżi u b’evidenza biex jissostanzja l-pretenzjoni li jagħmel li r-regola inkwistjoni fil-fatt tipproteġi lill-ħaddiema.

73.      Fil-fatt, meta ssir restrizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ min iħaddem li jkeċċi l-ħaddiem kollettivament, ir-regola inkwistjoni tagħti biss l-impressjoni li tipproteġi l-ħaddiema. Għaliex l-ewwel nett, dik il-protezzjoni hija temporanja biss sakemm min iħaddem isir insolventi. Iżda iktar importanti minn hekk, il-ħaddiema jiġu protetti l-aħjar minn ambjent ekonomiku li jħeġġeġ impjieg stabbli. Mil-lat storiku, l-idea li r-relazzjonijiet ta’ impjieg jinżammu artifiċjalment, minkejja bażi ekonomika defiċjenti, ġiet ippruvata u falliet f’ċerti ġurisdizzjonijiet ewlenin magħrufa ħafna. Dak jipprovdi konferma li, meta stabbiliet proċedura protettiva effettiva imma flessibbli, id-Direttiva 98/59 tipprovdi protezzjoni ġenwina għall-ħaddiema, filwaqt li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik inkwisjtoni, li mhux ta’ b’xejn taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, dan ma tagħmlux.

74.      Dan iwassalni biex nikkonkludi li, fil-kwistjoni li qed nikkunsidraw, l-idea ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar hija fil-fatt żbaljata: il-protezzjoni tal-ħaddiema kkonċernati ma tmurx kontra l-libertajiet ta’ stabbiliment u d-dritt tal-intrapriża.

75.      Għaldaqstant nikkunsidra li r-regola inkwistjoni ma hijiex xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, jiena nikkunsidra li fi kwalunkwe każ tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu protetti l-ħaddiema.

d)      Konklużjoni provviżorja

76.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li r-regola inkwistjoni ma hijiex xierqa biex tipproteġi l-ħaddiema u, fi kwalunkwe każ, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tipproteġi dak l-għan.

e)      L-isfond li jikkonsisti minn kriżi ekonomika akuta u rati għoljin ħafna ta’ qgħad

77.      Fl-aħħar nett, dwar it-tieni domanda magħmula dwar jekk il-preżenza ta’ kriżi ekonomika akuta akkumpanjata b’rati ta’ qgħad mhux tas-soltu u estremament għoljin tistax tibdel ir-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel domanda, ir-risposta tiegħi għal darba oħra hija “le”.

78.      Dawk iċ-ċirkustanzi, għalkemm b’mod ċar huma serji ħafna, ma jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jitmexxa negozju meta l-kriterji statutorji ma jistgħux jagħmlu hekk minnhom innifishom.

79.      Barra minn hekk, hemm diversi raġunijiet oħra għaliex dawk iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jibdlu dak ir-riżultat. L-ewwel nett, kriżi ekonomika akuta u rati ta’ qgħad għoljin ħafna jammontaw fihom innifishom — tal-inqas parzjalment — għal fatturi purament ekonomiċi. It-tieni nett, b’riferiment għall-ġurisprudenza li tirrigwarda d-Direttiva 98/59, ngħid li l-effetti soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn sensji kollettivi jinħassu f’kuntest lokali u f’ambjent soċjali partikolari, mhux fil-livell nazzjonali (38). It-tielet nett, ma hemmx għalfejn wieħed jaħseb li kriżi ekonomika severa ma taffettwax lin-negozji bl-istess mod bħall-ħaddiema.

80.      Li jwassalni għall-aħħar punt tiegħi: b’żieda ma’ dak li għedt iktar ’il fuq fil-punt 61, u kif tgħid il‑Kummissjoni, fi żminijiet ta’ kriżi, huwa daqstant ieħor importanti li jitnaqqsu l-fatturi kollha li jiddisswadu impriżi ġodda milli jinvestu, billi l-effiċjenza ekonomika tista’ tgħin biex tistimula l-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku. Nippreżumi li dik hija r-raġuni għaliex il-Greċja, bħala kundizzjoni għall-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, aċċettat li “tagħmel reviżjonijiet rigorużi u modernizzazzjoni ta’ negozjati kollettivi, azzjoni industrijali u, skont id-direttiva tal-UE rilevanti u l-aħjar prattika, it-tkeċċijiet kollettivi, skont l-iskeda taż-żmien u l-approċċ miftiehem mal-Istituzzjonijiet. Fuq il-bażi ta’ dawk ir-reviżjonijiet, il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu allinjati mal-aħjar prattiċi internazzjonali u Ewropej, u ma għandhomx jinvolvu ritorn lejn modalitajiet ta’ politika tal-imgħoddi li ma humiex kompatibbli mal-għanijiet tal-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39).

f)      Konklużjoni finali

81.      Mir-raġunijiet msemmjin iktar ’il fuq isegwi li nikkunsidra li l-Artikolu 49 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, jipprekludi dispożizzjoni bħar-regola inkwistjoni. Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun għaddej minn kriżi ekonomika akuta, akkumpanjata minn rati ta’ qgħad għoljin ħafna, dan ma jaffettwahx.

IV – Konklużjoni

82.      Fuq il-bażi ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li d-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fis-sens li, b’interpretazzjoni korretta, l-Artikolu 49 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta, jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 5(3) tan-Nomos Nru 1387/1983 Elenchos omadikon apolyseon kai alles diataxeis (Liġi Nru 1387/1983 dwar ir-reviżjoni tat-tkeċċijiet kollettivi u dispożizzjonijiet oħra), tat-18 ta’ Awwissu 1983 (FEK A’ 110/18-19.8.1983), li jeħtieġ lil min iħaddem li jikseb awtorizzazzjoni amministrattiva qabel ma jingħataw sensji kollettivi, u li din l-awtorizzazzjoni tkun tiddependi fuq il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-impriża u l-interessi tal-ekonomija nazzjonali. Dan ma huwiex affettwat mill-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkun għaddej minn kriżi ekonomika akuta, akkumpanjata minn rati ta’ qgħad għoljin ħafna.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu Vol. 3, p. 327).


3 – FEK A’ 110/18-19.8.1983.


4 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007 f’Athinaïki Chartopoïïa, C‑270/05, EU:C:2007:101, punt 37.


5 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015 f’Balkaya, C‑229/14, EU:C:2015:455, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


6 – Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009 f’Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punti 39, 47 u 48.


7 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon, C‑449/93, EU:C:1995:420, punt 21.


8 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Agorastoudis et, C‑187/05 sa C‑190/05, EU:C:2006:535, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9–      Dan jirriżulta mill-fatt li, b’differenza mit-test adottat finalment mill-Kunsill, l-Artikolu 3 tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 1972 għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri marbuta mat-tkeċċijiet [COM(72) 1400] inkluda speċifikament is-setgħa tal-awtorità kompetenti li tirrifjuta li tawtorizza t-tkeċċijiet innotifikati kollha jew parti minnhom. Il-kummentaturi nnotaw li ċerti Stati Membri kienu kontra l-għoti ta’ dik is-setgħa lill-awtoritajiet pubbliċi, ara Freedland, M.R., ‘Employment Protection: Redundancy Procedures and the EEC’, Industrial Law Journal, Vol. 5-6, Oxford University Press, Oxford, 1976, p. 27.


10 – F’dak ir-rigward, il-każ inkunsiderazzjoni għandu b’hekk jiġi ddifferenzjat miċ-ċirkustanzi tas-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punti 35 u 36; u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 36. F’dan l-aħħar każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat — fir-rigward ta’ direttiva ta’ protezzjoni tal-impjieg simili — li miżuri ta’ “implementazzjoni żejda” għandhom jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


11 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Bouanich, C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 24.


12 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010 f’Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010 f’Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995 f’Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 23.


16 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 f’X u Y, C‑200/98, EU:C:1999:566, punt 30.


17 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015 f’Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18 – Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 f’Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19 – Waqt is-seduta ġie diskuss ukoll jekk ir-regola inkwistjoni kinitx tirrestrinġi d-dritt ta’ stabbiliment ta’ LafargeHolcim jew ta’ AGET Iraklis. Iżda, billi jappartjenu għall-istess unità ekonomika, jidhirli li dik id-diskussjoni hija immaterjali.


20 Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tipprovdi risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun rikjesta li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-UE li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha, ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016 Kohll u Kohll-Schlesser, C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


21 – ĠU 2007 C 303, p. 17.


22 – Ara, b’analoġija, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll “Freedom to conduct a business: exploring the dimensions of a fundamental right”, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Awwissu 2015, p. 21.


23 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37 u, f’dak is-sens, tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 46.


24 – Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tal-intrapriża “għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ [dik il-libertà]. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25 – Skont id-digriet tar-rinviju, ir-rata tal-qgħad fil-Greċja għall-2013 kienet ta’ 27.3 %. Il-Gvern Grieg iżid jgħid, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li r-rati għall-2008 u l-2014 kienu, rispettivament, 7.8 % u 26.5 %.


26 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007 Geurts u Vogten, C‑464/05, EU:C:2007:631, punt 26.


28 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 45.


29 – Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013 fis-sentenza ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 100; u fis-sentenza ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 101.


30 – L-Artikolu 24 tal-Karta Soċjali Ewropea (Riveduta) (“Id-dritt għall-protezzjoni f’każijiet ta’ terminazzjoni tal-impjieg), tat-3 ta’ Mejju 1996, ETS Nru 163, jipprovdi, inter alia, li “sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għall-protezzjoni f’każijiet ta’ terminazzjoni tal-impjieg, il-Partijiet huma impenjati li jirrikonoxxu: (a) id-dritt tal-ħaddiema kollha li ma jkollhomx l-impjieg tagħhom itterminat mingħajr raġunijiet validi għal tali terminazzjoni minħabba l-kapaċità jew l-aġir tagħhom jew minħabba r-rekwiżiti operattivi tal-impriża, stabbiliment jew servizz; (b) id-dritt tal-ħaddiema li l-impjieg tagħhom jiġi tterminat mingħajr raġuni valida għal kumpens adegwat jew għajnuna xierqa oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


31 – Ir-raġunijiet mhux iġġustifikati għal tkeċċija stabbiliti fl-Appendiċi tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta huma dawn: (a) sħubija f’sindakat jew parteċipazzjoni f’attivitajiet sindakali barra l-ħinijiet tax-xogħol, jew, bil-kunsens ta’ min iħaddem, fil-ħinijiet tax-xogħol; (b) li wieħed jipprova jiġi elett bħala, jaġixxi jew ikun aġixxa fil-kapaċità ta’, rappreżentant tal-ħaddiema; (c) it-tressiq ta’ lment jew il-parteċipazzjoni fi proċeduri kontra min iħaddem li jinvolvi ksur allegat ta’ liġijiet jew regolamenti jew li jirrikorri lejn awtoritajiet amministrattivi kompetenti; (d) razza, kulur, sess, status konjugali, responsabbiltajiet tal-familja, tqala, reliġjon, opinjoni politika, oriġini nazzjonali jew soċjali; (e) leave tal-maternità jew tal-ġenituri; (f) assenza temporanja mix-xogħol minħabba mard jew korriment [traduzzjoni mhux uffiċjali].


32 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 36, imqabbla mal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’dak il-każ (C‑426/11, EU:C:2013:82, punti 55 u 57).


33 – Ara, fuq din il-kwistjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 113.


34 – B’mod kurjuż, u kuntrarjament għall-ESA (li, insostenn tal-fehma tagħha, qagħdet fuq is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 33), fuq dan il-punt il‑Kummissjoni argumentat, waqt is-seduta, li l-libertà tal-istabbiliment ma hijiex imfixkla meta, minn naħa, impriża tiġi prekluża milli tħalli l-Istat Membru ta’ stabbiliment sabiex tagħmel profitt x’imkien ieħor. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni argumentat li din il-libertà hija ristretta meta l-impriża ma tistax sempliċiment tagħlaq l-istabbiliment tagħha u tmur xi mkien ieħor. Jiena nqis dik id-distinzjoni artifiċjali u, fi kwalunkwe każ, mhux fattibbli.


35 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011 Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011 Claes et, C‑235/10 to C‑239/10, EU:C:2011:119, punt 58.


37 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2015 USDAW u Wilson, C‑80/14, EU:C:2015:291, punti 51 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39 – Stqarrija tal-Euro Summit [Laqgħa Għolja Ewropea] tat-12 ta’ Lulju 2015 (referenza tad-dokument SN 4070/15), p. 3, irratifikata mill-Greċja bħala Liġi Nru 4334/2015 dwar arranġamenti urġenti għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Gazzetta Uffiċjali, vol. A 80 tas-16 ta’ Lulju 2015, p. 755 (verżjoni Ingliża p. 748).