Language of document :

Kawża C267/16

Albert Buhagiar et,

vs

Minister for Justice

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of Gibraltar)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Portata territorjali tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 355(3) TFUE – Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati – Artikolu 29 – Anness I, Taqsima I, punt 4 – Esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea – Portata – Direttiva 91/477/KEE – Artikolu 1(4) – Artikolu 12(2) – Anness II – Pass Ewropew tal-armi tan-nar – Attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sparar sportiv – Applikabbiltà għat-territorju ta’ Ġibiltà – Obbligu ta’ traspożizzjoni – Assenza – Validità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018

1.        Unjoni doganali – Territorju doganali tal-Unjoni – Ġibiltà – Esklużjoni – Konsegwenza – Inapplikabbiltà tar-regoli tat-Trattat u tad-dritt sekondarju fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija

(Artikolu 114 TFUE u Artikolu 115 TFUE; Att ta’ Adeżjoni tal-1972, Artikolu 29 u Anness I, Taqsima I, punt 4).

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Akkwist u pussess ta’ armi – Direttiva 91/477 – Suġġett – Moviment liberu tal-armi tan-nar għal użu ċivili

(Direttiva tal-Kunsill 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, premessi 2 sa 5 u Artikolu 4(3), Artikolu 11(3) u Artikolu 12(2)).

3.        Unjoni doganali – Territorju doganali tal-Unjoni – Ġibiltà – Esklużjoni – Konsegwenza – Inapplikabbiltà tar-regoli tat-Trattat u tad-dritt sekondarju fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija – Inapplikabbiltà tad-Direttiva 91/477 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess tal-armi

(Artikolu 355(3) TFUE; Att ta’ Adeżjoni tal-1972, Artikolu 29 u Anness I, Taqsima I, punt 4; Direttiva tal-Kunsill 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, Artikolu 1(4), Artikolu 12(2) u Anness II).

1.      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 59 tas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489), l-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan l-att, jimplika li la r-regoli tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija u lanqas dawk tad-dritt sekondarju tal-Unjoni intiżi, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, li jiżguraw approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, skont l-Artikoli 94 u 95 tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 114 u 115 TFUE, ma huma applikabbli.

(ara l-punt 32)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43, 52, 55, 58)

3.      L-Artikolu 29 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati, moqri flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess tal-armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) u l-Anness II tagħha, ma huwiex applikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà.

F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola, prevista fl-Artikolu 355(3) TFUE, li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għal Ġibiltà, peress li din l-eċċezzjoni għandha, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 43 u 51 tas-sentenza tat-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑349/03, EU:C:2005:488), tiġi interpretata b’mod restrittiv, fis-sens li l-portata tagħha hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati interessi li hija tippermetti lil Ġibiltà li żżomm. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiddeċiedi dwar l-istatus ta’ atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjoni, u dan kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “merkanzija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tfisser il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Issa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom japplikaw, bħala prinċipju, għall-merkanzija li tgħaddi bejn il-fruntieri għal skop ta’ bejgħ jew bejgħ mill-ġdid, jew inkella għal użu jew konsum personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1989, Schumacher, 215/87, EU:C:1989:111, punt 22, kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 2015, Pfotenhilfe-Ungarn, C‑301/14, EU:C:2015:793, punt 47).

Għaldaqstant, sa fejn id-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu, bħala prinċipju, l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal dak tat-trattati nnifishom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑132/14 sa C‑136/14, EU:C:2015:813, punt 77), u fejn l-interpretazzjoni stretta tal-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali komuni tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, twassal għall-interpretazzjoni li l-moviment liberu tal-merkanzija għandu, fir-relazzjonijiet ma’ Ġibiltà, portata iktar limitata minn dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar it-trasferiment ta’ armi tan-nar għal użu ċivili għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, kemm jekk dawn it-trasferimenti jitwettqu f’kuntest kummerċjali, inkluż permezz tan-negozjanti jew fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza, jew lil hinn minn tali kuntest, jiġifieri minn individwi, b’mod partikolari minn kaċċaturi u dilettanti tal-isparar sportiv għall-finijiet tal-użu tagħhom fil-kuntest tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

(ara l-punti 63, 64, 67, 68, 73 u d-dispożittiv 1)