Language of document : ECLI:EU:T:2001:242

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

2 ta’ Ottubru 2001(*)

“Rikors għal annullament – Att tal-Parlament Ewropew relatat ma’ dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu – Stqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew – Ammissibbiltà – Eċċezzjoni ta’ illeġittimità – Trattament ugwali – Osservanza tad-drittijiet fundamentali – Prinċipji ta’ demokrazija u ta’ proporzjonalità – Libertà ta’ assoċjazzjoni – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Tradizzjonijiet Parlamentari ta’ l-Istati Membri – Ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali – Abbuż proċedurali”

Fil-kawżi magħquda T-222/99, T-327/99 u T-329/99

Jean-Claude Martinez, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Montpellier (Franza),

Charles de Gaulle, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn F. Wagner, avukat,

         rikorrenti fil-kawża T-222/99,

Front National, li għandu s-sede tiegħu f’Saint-Cloud (Franza), irrappreżentat minn A. Nivièvre, avukat,

         rikorrenti fil-kawża T-327/99,

Emma Bonino, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Ruma (l-Italja),

Marco Pannella, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Ruma,

Marco Cappato, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Vedano al Lambro (l-Italja),

Gianfranco Dell'Alba, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Livorno, (l-Italja),

Benedetto Della Vedova, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Tirano (l-Italja),

Olivier Dupuis, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Ruma,,

Maurizio Turco, Membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Pulsano (l-Italja),

Lista Emma Bonino, li għandha s-sede tagħha f’Ruma,

inizjalment irrappreżentati minn A. Tizzano u G. M. Roberti, avukati, imbagħad minn G. M. Roberti,

rikorrenti fil-kawża T-329/99,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Garzón Clariana, J. Schoo, H. Krück u A. Caiola, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

li għandhom bħala suġġett talba għall-annullament, fil-kawża T-222/99, tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-kawża T-327/99, tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, li xxolji, b’effett retroattiv, il-“Grupp technique des députes indépendentas (TDI) – Gruppe mixte” u, fil-kawża T-329/99, tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 li permezz tagħha huwa adotta l-pożizzjoni meħuda mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-“Groupe technique des députes indépendentas (TDI) – Gruppe mixte” ma’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, K. Lenaerts, R. M. Moura Ramos, M. Jaeger u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv

1        Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU 1999, L 202, p.1, aktar ‘il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”) jipprovdu, fl-Artikolu 29 tagħhom, intitolat “Formazzjoni ta’ Gruppi Politiċi”, is-segwenti:

“1.      Il-Membri jistgħu jingħaqdu fi gruppi skond l-affinità politika tagħhom.

2.      Kull grupp politiku għandu jinkludi Membri eletti minn aktar minn Stat Membru wieħed. L-inqas numru ta’ Membri meħtieġ biex jiġi ffurmat grupp politiku huwa tlieta u għoxrin Membru jekk dawn ikunu minn żewġ Stati Membri, tmintax-il Membru jekk dawn ikunu minn tliet Stati Membri u erbatax-il Membru jekk dawn ikunu minn erba’ Stati Membri jew aktar.

3.      Membru ma jistax ikun f’aktar minn grupp wieħed.

4.      Il-President għandu jkun mgħarraf permezz ta’ stqarrija meta jitwaqqaf grupp politiku. Din l-istqarrija għandha tispeċifika l-isem tal-grupp, il-Membri u l-Bureau tiegħu.

5.      Din l-istqarrija ta’ formazzjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        L-Artikolu 30 tar-Regoli, dwar Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, kien jipprovdi:

“1.      Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku għandhom jiġu pprovduti b’segretarjat. L-arranġamenti fid-dettal għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali

2.      Il-Bureau għandu jirregola wkoll l-istatus u d-drittijiet parlamentari ta’ dawn il-Membri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Skond l-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Konferenza tal-Presidenti hija komposta mill-President tal-Parlament u mill-presidenti tal-gruppi politiċi, li għandhom id-dritt għall-vot f’din il-Konferenza, u minn żewġ persuni ddelegati minn fost il-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku sabiex jattendu l-laqgħat ta’ din il-Konferenza mingħajr ma jkollhom id-dritt għall-vot. Barra minn dan, il-gruppi politiċi għandhom il-possibbilità li jressqu proposta ta’ riżoluzzjoni sabiex tiġi konkluża d-diskussjoni dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni (Artikolu 33), kif ukoll li jipparteċipaw fid-delegazzjoni tal-Parlament fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (Artikolu 82). Barra minn dan, skond l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, kull grupp politiku jista’ jagħti spjegazzjoni tal-vot li ma ddumx aktar minn żewġ minuti.

4        Ir-Regoli tal-Proċedura jipprovdu wkoll li numru ta’ inizjattivi jistgħu jittieħdu minn grupp politiku jew minn ta’ l-anqas 32 Membru, f’dak li jirrigwarda:

–        in-nominazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ President, Viċi-Presidenti u Kwesturi (Artikolu 13);

–        il-possibbilità li jitressqu mistoqsijiet orali quddiem il-Kunsill u quddiem il-Kummissjoni u l-possibilità li dawn il-mistoqsijiet jiġu inklużi fl-aġenda tal-Parlament (Artikolu 42);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposti ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill rigward it-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew meta l-Parlament ma jkunx ġie kkonsultat dwar ftehim internazzjonali fil-kuntest ta’ l-Artikoli 97 jew 98 tar-Regoli tal-Proċedura (Artikolu 49);

–        it-talbiet għal diskussjonijiet fuq problemi ta’ attwalità, urġenti u ta’ importanza kbira (Artikolu 50);

–        it-talbiet għal rinviju ġdid lill-Parlament fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 71(3) tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-preżentazzjoni ta’ proposti sabiex ma tintlaqax il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (Artikolu 79);

–        il-proposta ta’ emendi għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (Artikolu 80);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposta intiża li tistieden lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill jipparteċipaw f’diskussjoni qabel il-bidu tan-negozjati ma’ Stat li jkun kanditat għall-adeżjoni (Artikolu 96);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposta intiża li titlob lill-Kunsill ma jawtorizzax il-ftuħ ta’ negozjati dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emenda ta’ ftehim internazzjonali sakemm il-Parlament ma jkunx iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-mandat ta’ negozjar propost fuq il-bażi ta’ rapport mill-kumitat kompetenti tiegħu (Artikolu 97);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposta intiża li l-kumitat kompetenti fil-qasam tal-politika esterna u tas-sigurtà komuni jabbozza rakkomandazzjonijiet destinati għall-Kunsill (Artikolu 104);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposti intiżi li jemendaw l-abbozz ta’ l-aġenda tal-Parlament (Artikolu 111);

–        il-preżentazzjoni ta’ proposti għal diskussjonijiet urġenti (Artikolu 112);

–        it-talbiet għal votazzjoni maqsuma (Artikolu 131);

–        it-talbiet għal votazzjoni permezz ta’ sejħa ta’ l-ismijiet (Artikolu 134);

–        il-preżentazzjoni ta’ emendi għal eżami f’sessjoni plenarja (Artikolu 139);

–        it-talbiet għal rinviju quddiem kumitat (Artikolu 144);

–        it-talbiet għall-għeluq tad-diskussjonijiet (Artikolu 145);

–        it-talbiet għall-aġġornament tad-diskussjonijiet (Artikolu 146);

–        it-talbiet għal sospensjoni jew għeluq ta’ seduta (Artikolu 147) ;

–        il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura mill-kumitat responsabbli.

5        L-Artikolu 180 tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn l-istess Regoli, jipprovdi:

“1.      Jekk iqum dubju dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-President jista’, bla ħsara għal kull deċiżjoni preċedenti f’dan il-qasam, jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli sabiex tiġi eżaminata.

Meta jitqajjem punt ta’ ordni taħt l-Artikolu 142, il-President jista’ wkoll jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli.

2.      Il-kumitat għandu jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jipproponi emenda għar-Regoli tal-Proċedura. F’dan il-każ għandu jimxi skond l-Artikolu 181.

3.      Jekk il-kumitat jiddeċiedi li interpretazzjoni tar-regoli eżistenti hija biżżejjed, dan għandu jgħaddi l-interpretazzjoni tiegħu lill-President li għandu jgħarraf lill-Parlament.

4.      Jekk grupp politiku jew ta’ l-inqas tnejn u tletin Membru jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-kumitat, il-kwistjoni għandha titqiegħed għall-vot fil-Parlament fejn it-test jiġi adottat b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa kemm-il darba mhux inqas minn terz tal-Membri kollha tal-Parlament ikunu preżenti. Fil-każ li tiġi miċħuda, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lura lill-kumitat.

5.      Interpretazzjonijiet mhux kontestati u interpretazzjonijiet adottati mill-Parlament għandhom jiddaħħlu bil-korsiv, flimkien mad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, fil-forma ta’ noti ta’ spjegazzjoni ta’ l-Artikolu jew l-Artikoli rilevanti.

6.      Dawn in-noti ta’ spjegazzjoni jikkostitwixxu preċedent għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni futuri ta’ l-Artikoli kkonċernati.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 1999, numru ta’ Membri Parlamentari minn diversi formazzjonjiiet politiċi informaw lill-President tal-Parlament, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 29(4) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-formazzjoni tal-“Groupe technique des députés indépendents (TDI) – Groupe mixte” (aktar ’il quddiem il-“Grupp TDI”) li l-għan iddikjarat tiegħu kien li jiggarantixxi għal kull Membru l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat parlamentari tiegħu.

7        Ir-“regoli ta’ formazzjoni” tal-Grupp TDI, annessi ma’ l-ittra msemmija fil-punt preċedenti, kienu jinkludu l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Id-diversi Membri firmatarji jaffermaw, fil-konfront ta’ xulxin, l-indipendenza politika totali tagħhom. Konsegwentement:

–        huma għandhom il-libertà tal-vot kemm fil-kumitat kif ukoll f’sessjoni plenarja,

–        l-ebda Membru m’għandu jitkellem għan-nom tal-Membri l-oħra tal-grupp,

–        l-għan tal-laqgħat tal-grupp għandu jkun biss li jingħata ħin sabiex wieħed jitkellem, kif ukoll sabiex jiġu solvuti kwistjonijiet amministrattvi u finanzjarji li jikkonċernaw il-grupp.,

–        il-Bureau tal-grupp għandu jkun kompost minn rappreżentanti tad-diversi Membri”.

8        Mill-minuti tas-sessjoni plenarja tal-Parlament ta’ l-20 ta’ Lulju 1999 (ĠU 1999 C 301, pġ. 1) jirriżulta li l-President tal-Parlament ħabbret li “hija rċeviet mingħand 29 Membru stqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp politiku ġdid bl-isem ‘Groupe technique des députés indépendents’ (TDI)”. Permezz ta’ ittra ta’ l-istess jum, indirizzata lill-President tal-Parlament, il-presidenti tal-gruppi politiċi l-oħra, peress li kienu tal-fehma li l-kundizzjoni rigward l-affinitajiet politiċi prevista mill-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma kinitx issodisfata f’dan il-każ, talbu li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Kostituzzjonali sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li, sakemm tingħata deċiżjoni minn dan il-Kumitat, il-Membri kkonċernati jiġu meqjusa bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku.

9        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 1999, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, informa lill-President b’dan li ġej:

“Matul il-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Lulju 1999, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali eżamina t-talba għal interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa mill-Konferenza tal-Presidenti fil-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Lulju 1999.

Wara skambju dettaljat ta’ opinjonijiet u bi 15-il vot favur, 2 kontra u astensjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinterpreta l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura kif ġej:

L-istqarrija ta’ formazzjoni tal-[Grupp TDI] mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-[Regoli tal-Proċedura].

Fil-fatt, l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ dan il-grupp, b’mod partikolari l-Anness 2 ta’ l-ittra ta’ formazzjoni indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, teskludi kull affinità politika. Hija tagħti indipendenza politika totali fi ħdan dan il-grupp lid-diversi Membri firmatarji tiegħu.

Jiena nipproponilek tinkludi dan li ġej, bħala nota ta’ interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward ta’ l-Artikolu 29(1):

‘Il-formazzjoni ta’ grupp li, bil-miftuħ, jiċħad kull natura politika u kull affinità politika bejn il-Membri tiegħu, mhijiex aċċettabbli taħt dan l-Artikolu.’

[…]”.

10      Waqt is-sessjoni plenarja tat-13 ta’ Settembru 1999, il-Parlament ġie mgħarraf mill-President tiegħu, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 180(3) tar-Regoli tal- Proċedura, bil-kontenut ta’ l-ittra tat-28 ta’ Lulju 1999, riprodotta fil-punt preċedenti. Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 108(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Grupp TDI kkontesta n-nota ta’ interpretazzjoni proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

11      Waqt is-sessjoni plenarja ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, din in-nota ta’ interpretazzjoni, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, ġiet imressqa għall-vot tal-Parlament, li adottaha permezz ta’ maġġoranza tal-Membri tiegħu.

 Proċedura

12      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Ottubru, fid-19 ta’ Ottubru u fit-22 ta’ Novembru 1999, rispettivament, is-Sinjuri Martinez u de Gaulle (kawża T-222/99), il-Front National (kawża T-327/99) u s-Sinjuri Bonino, Pannella, Cappato, Dell’Alba, Della Vedova, Dupuis, Turco u l-Lista Emma Bonino (aktar ’il quddiem “is-Sinjuri Bonino et” (kawża T-329/99) ressqu dawn ir-rikorsi għal annullament.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Ottubru 1999, is-Sinjuri Martinez u de Gaulle ressqu talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-att tal-Parlment ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 242 KE. B’digriet tal-25 ta’ Novembru 1999, Martinez u de Gaulle vs Il-Parlament (T-222/99 R, Ġabra p. II-3397), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba tagħhom, filwaqt li rriżerva l-ispejjeż.

14      Il-kawżi ġew inizjalment assenjati lil awla komposta minn tliet Imħallfin. Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 2000, iddeċidiet li tressaq il-kawżi quddiem awla komposta minn ħames Imħallfin, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

15      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Dawn issodisfaw dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduti li nżammu fit-13 ta’ Frar 2001.

17      Wara li nstemgħu l-partijiet fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tal-ġudizzju, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Fil-kawża T-222/99, is-Sur Martinez u s-Sur de Gaulle jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, rigward l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu;

–        tiddikjara li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament tmur kontra l-ordni ġuridiku tal-Komunità, ir-regola tad-dritt, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u d-drittijiet fundamentali;

–        tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

19      Fil-kawża T-327/99, il-Front National jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 rigward ix-xoljiment tal-Grupp TDI;

–        tagħti lura lill-Membri ta’ dan il-grupp id-drittijiet u l-privileġġi kollha tagħhom, kemm materjali kif ukoll dawk morali, b’effett retroattiv mid-19 ta’ Lulju 1999, id-data li fiha l-President tal-Parlament ġiet mgħarrfa bil-formazzjoni tal-Grupp TDI;

–        tistabbilixxi mill-ġdid il-karrieri tal-persunal li kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Grupp TDI, b’tali mod li l-assistenti, esperti tekniċi u s-segretarji li jiddependu minnu jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kellhom ikunu fiha, fid-dawl tal-gradi u tal-livelli li kien ikollhom bħala Membri tal-persunal ta’ grupp parlamentari;

–        b’effett mid-19 ta’ Lulju 1999, tordna l-ħlas lill-Grupp TDI tad-diversi fondi intiżi għall-gruppi politiċi, skond ir-regoli applikabbli għalihom;

–        tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż, inklużi dawk ta’ l-avukat, li huma stmati għal FRF 52 500 (Frank Franċiż).

20      Madanakollu, waqt is-seduta, il-Front National irtira t-tieni, it-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tiegħu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta’ dan.

21      Fil-kawża T-329/99 is-Sinjuri Bonino et talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 li tiddikjara l-formazzjoni tal-Grupp TDI bħala inkompatibbli ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura;

–        sussidjarjament, tiddikjara, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE, l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, meħudin flimkien, bħala illegali u inapplikabbli;

–        tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

22      Il-Parlament jitlob li f’kull waħda mill-kawżi l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent jew lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibiltà

23      Mingħajr ma qajjem formalment eċċezzjoni ta’ inamissabbilità taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament isostni li r-rikorsi għal annullament huma inammissibbli. Huwa jinvoka tliet motivi f’dan ir-rigward.

24      Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, fil-kawżi T-327/99 u T-329/99, il-Parlament isostni li l-att ikkontestat mir-rikorrenti ma jeżistix. Fit-tieni motiv huwa jsostni, fit-tliet kawżi, li l-att tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità mill-qorti Komunitarja. It-tielet motiv, invokat fit-tliet kawżi, huwa bbażat fuq il-fatt li dan l-att ma jaffettwax direttament u individwalment lir-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ l-att ikkontestat fil-kawżi T-327/99 u T-329/99

25      Fil-kawżi T-327/99 u T-329/99, il-Parlament jinvoka l-ineżistenza ta’ l-att li r-rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament tiegħu, jiġifieri, rispettivament, l-allegata deċiżjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 rigward ix-xoljiment tal-Grupp TDI b’effett retroattiv u l-allegata deċiżjoni tiegħu ta’ l-istess data li permezz tagħha huwa adotta l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fir-rigward tal-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa jsostni li, fl-14 ta’ Settembru 1999, huwa sempliċiment adotta l-interpretazzjoni ta’ l-artikolu msemmi aktar ‘il fuq, kif proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, fis-sens li “l-formazzjoni ta’ grupp li, bil-miftuħ, jiċħad kull natura politika u kull affinità politika bejn il-Membri tiegħu, mhijiex aċċettabbli taħt dan l-Artikolu”.

26      Madanakollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li, sabiex jiġi stabbilit jekk atti jistgħux jiġu kkontestati f’rikors taħt l-Artikolu 230 KE, wieħed għandu jikkunsidra s-sustanza tagħhom. Bħala regola ġenerali, il-forma li fiha atti jew deċiżjonijiet jiġu adottati hija irrilevanti fir-rigward tal-possibbilità ta’ kontestazzjoni ta’ dawn l-atti jew ta’ dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-147/96, Ġabra p. I-4723, punt 27; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C-50/90, Ġabra p. I-2917, punt 12).

27      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja l-fatt li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru formalment jidher bħala l-adozzjoni mill-Parlament ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, l-imsemmi att jistax jitqies bħala li jinkludi wkoll id-deċiżjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawżi T-327/99 u T-329/99.

28      Fir-rigward tal-kawża T-327/99, għandu jiġi mfakkar li, wara li l-President tal-Parlament kienet ħabbret, waqt is-seduta plenarja ta’ l-20 ta’ Lulju 1999, li hija kienet irċeviet l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI, il-konformità ta’ dan il-grupp ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġiet ikkontestata mill-presidenti tal-gruppi politiċi l-oħra li talbu l-konsultazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u li talbu wkoll li, sakemm il-Kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu, il-Membri kkonċernati jitqiesu bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku.

29      Mill-minuti definittivi tas-seduta plenarja tal-Parlament tat-22 ta’ Lulju 1999 (ĠU C 301, p. 26) jirriżulta li l-“kwistjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari rigward il-formazzjoni tal-Grupp [TDI]” kienet tressqet quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Mill-paragrafu 5 tal-minuti tal-laqgħa ta’ dan il-Kumitat tas-27 u tat-28 ta’ Lulju 1999 jirriżulta li l-President ta’ dan il-Kumitat ippreżenta t-talba għal interpretazzjoni indirizzata lilu bħala waħda li tirrigwarda “l-kwistjoni tal-ħolqien tal-[Grupp TDI], bil-għan li tiġi stabbilita l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura”.

30      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 1999 (ara l-punt 9 aktar ‘il fuq), il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali informa lill-President tal-Parlament dwar il-fatt li l-Kumitat interpreta l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura fis-sens li ma jippermettix il-formazzjoni tal-Grupp TDI minħabba li l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ l-imsemmi grupp kienet teskludi kull affinità politika u kienet tħalli indipendenza politika totali fi ħdan il-grupp lid-diversi firmatarji tiegħu. Il-President ta’ dan il-Kumitat ippropona li tiddaħħal, fir-rigward ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ interpretazzjoni riprodotta fil-punt 9 aktar ‘il fuq, li ġiet adottata mill-Parlament waqt is-seduta plenarja tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999.

31      Mill-indikazzjonijiet riprodotti fil-punti 28 sa 30 aktar ‘il fuq, jirriżulta li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ntalab jinterpreta l-Artikolu 29(1) wara li tħabbret l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI u wara l-oppożizzjoni tal-presidenti tal-gruppi politiċi l-oħra dwar il-konformità ta’ din l-istqarrija mad-dispożizzjoni msemmija aktar ‘il fuq. In-nota ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u approvata mill-Parlament fl-14 ta’ Settembru 1999 ġiet adottata fir-rigward ta’ din l-istqarrija u l-kontenut tagħha ġie ddefinit fid-dawl tal-każ speċifiku ta’ din l-istqarrija.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament ma jistax jallega li l-att tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jammonta għal sempliċi interpretazzjoni ġenerali u astratta ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

33      Meta l-Parlament, fl-14 ta’ Settembru 1999, adotta l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali kien issuġġerielu, huwa fl-istess waqt esprima d-deċiżjoni tiegħu dwar l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI. Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni ġenerali, huwa kkonstata li dan il-grupp ma kienx konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u kkunsidrat bħala li qatt ma kien eżista. Għaldaqstant, u mingħajr ma kien hemm bżonn ta’ att ulterjuri f’dan ir-rigward, il-Membri li kienu ddikjaraw il-formazzjoni tal-grupp u li l-Parlament, kif iddikjara waqt is-seduta, kien aċċetta li sadattant jieħdu sehem bħala Membri tal-Grupp TDI, kienu immedjatament meqjusa bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, fatt li l-Parlament ma jikkontestax.

34      Mid-deċiżjoni adottata mill-Bureau tal-Parlament fl-14 ta’ Settembru 1999 f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tal-krediti inklużi fl-intestatura 3707 tal-baġit tal-Parlament għat-tieni nofs tas-sena 1999 fir-rigward ta’ l-ispejjeż tas-segretarjat, ta’ l-ispejjeż amminsitrattivi u ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-attività politika tal-gruppi politiċi u tal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, jirriżulta li d-deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-Grupp TDI, adottata mill-Parlament fl-istess ġurnata, ipproduċiet l-effetti tagħha ex tunc. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament imsemmija aktar ‘il fuq ma ssemmix il-Grupp TDI fost il-gruppi kkonċernati mill-allokazzjoni ta’ dawn il-krediti fir-rigward tal-perijodu msemmi aktar ‘il fuq, li jinkludi l-perijodu bejn id-19 ta’ Lulju u l-14 ta’ Settembru 1999

35      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-analiżi magħmula fil-punti 28 sa 34 aktar ‘il fuq, għandu jiġi konkluż li, fl-14 ta’ Settembru 1999, il-Parlament iddeċieda wkoll li jikkonstata li l-Grupp TDI kien ineżistenti ex tunc minħabba li ma kienx konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      It-talba mressqa mill-Front National għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 rigward ix-xoljiment tal-Grupp TDI b’effett retroattiv għandha titqies bħala li tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-punt preċedenti.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-motiv ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ l-att ikkontestat għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-kawża T-327/99.

38      Fir-rigward tal-kawża T-329/99, mir-rapport integrali tas-seduta plenarja tal-Parlament tat-13 ta’ Settembru 1999 jirriżulta li, waqt din is-seduta, il-President tal-Parlament ħabbret dan li ġej:

“Ċertament tiftakru li, waqt il-laqgħa tiegħu tas-27 u tat-28 ta’ Lulju li għadda, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali eżamina talba għal interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura mressqa mill-Konferenza tal-Presidenti waqt il-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Lulju.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali kkonkluda kif ġej: ‘L-istqarrija ta’ formazzjoni tal-[Grupp TDI] mhijiex konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-[Regoli tal-Proċedura]’. Fil-fatt, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jkompli jgħid: ‘l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ dan il-grupp, b’mod partikolari l-Anness 2 ta’ l-ittra ta’ formazzjoni indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, teskludi kull affinità politika. Hija tagħti indipendenza politika totali fi ħdan dan il-grupp lid-diversi Membri firmatarji tiegħu’.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jitlob li l-interpretazzjoni li ġejja tiddaħħal fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura: ‘Il-formazzjoni ta’ grupp li, bil-miftuħ, jiċħad kull natura politika u kull affinità politika bejn il-Membri tiegħu, mhijiex aċċettabbli taħt dan l-Artikolu’.”

39      Mir-rapport integrali tas-seduta plenarja tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jirriżulta li, wara osservazzjoni mis-Sur Napolitano, tal-Grupp PSE, li enfasizza li l-verżjoni provviżorja tal-minuti tas-sessjoni plenarja tat-13 ta’ Settembru 1999 tat verżjoni inkompleta tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament inkwantu ma rriproduċietx l-ewwel parti ta’ din id-dikjarazzjoni, rigward il-fatt li l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma kinitx konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Parlament indikat li l-minuti kienu ser jiġu rrettifikati u kkompletati f’dan is-sens.

40      Wara l-interventi tas-Sinjuri Gollnisch u Dell’Alba, tal-Grupp TDI, li opponew din ir-rettifika, il-President tal-Parlament iddikjarat:

“Sur Dell’Alba, ħaġa hija żgura: naf x’għidt il-bieraħ, u mhux biss naf iżda għandi hawn, quddiemi, it-test li jiena qrajt il-bieraħ u li ħadd ma jista’ jikkontesta.

Aħna għandna proċedura li tipprovdi għall-adozzjoni tal-minuti u li tipprovdi li l-kollegi li jqisu li l-minuti m’humiex konformi ma dak li ntqal jistgħu ma jaċettawhomx. Barra minn hekk, jiena stess nista’ ngħid li, effettivament, il-kliem tiegħi ma tniżżilx b’mod fidil, hekk kif esprimejtu u hekk kif insibu hawnhekk.

Għalhekk nista’ biss, ovvjamanet, naċċetta r-rettifika li s-Sur Napolitano qiegħed jitlob, peress li ninsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex inqis jekk il-kliem tiegħi ġiex effettivament imniżżel korrettament. Għaldaqstant, ma nistax nirrifjuta li nilqa’ din ir-rettifika”.

41      Wara osservazzjoni tas-Sur Pannella, tal-Grupp TDI, il-President tal-Parlament żiedet:

“[...] Għalissa, nitlob li kulħadd iressaq il-korrezzjonijiet tal-minuti li huwa jqis li huma neċċessarji [...] B’mod konformi mal-mod ta’ kif dejjem għamilna, jiena mbagħad niddikjara l-minuti adottati bil-korrezzjonijiet li jkunu ġew indikati lili. Huwa biss wara li aħna ser nivvotaw fuq l-oppożizzjoni għall-interpretazzjoni li inti għamilt”.

42      Il-minuti tas-seduta plenarja tat-13 ta’ Settembru 1999, ikkompletati kif mitlub mis-Sur Napolitano, ġew sussegwentement approvati mill-Parlament. Minn dan isegwi li l-pożizzjoni espressa mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fir-rigward tal-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kif riprodotta fil-punt 38 aktar il’ fuq, tifforma parti integrali mill-interpretazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu li fuqha kien ivvota l-Parlament. M’hemm xejn li jindika li, meta approva din l-interpretazzjoni, il-Parlament esprima riżerva fir-rigward tal-pożizzjoni msemmija aktar ‘il fuq.

43      Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, l-approvazzjoni mill-Parlament, fl-14 ta’ Settembru 1999, tan-nota ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzjonali għandha titqies bħala waħda li tinkludi l-adozzjoni tal-pożizzjoni ta’ l-imsemmi Kumitat dwar il-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ dan l-artikolu.

44      F’kull każ, l-analiżi magħmula fil-punti 28 sa 34 aktar il’ fuq, li minnha jirriżulta li, fl-14 ta’ Settembru 1999, il-Parlament iddikjara lill-Grupp TDI bħala ineżistenti minħabba li ma kienx konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, turi li l-Parlament iddeċieda f’dik id-data li jadotta l-pożizzjoni msemmija aktar ‘il fuq.

45      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ l-att ikkontestat għandu jiġi miċħud ukoll f’dak li jikkonċerna l-kawża T-329/99. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

46      Wara li ġie eżaminat dan il-motiv, għandu jiġi konkluż li, permezz ta’ l-att tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, il-Parlament iddeċieda li jadotta l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali flimkien mal-pożizzjoni espressa minn dan il-Kumitat dwar il-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-imsemmija dispożizzjoni, u kkonstata l-ineżistenza ex tunc ta’ l-imsemmi grupp minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru ma jistax jiġi kkontestat

47      Fit-tliet kawżi, il-Parlament isostni li l-att tiegħu ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti Komunitarja. Essenzjalment, huwa jsostni li l-att jikkonċerna esklużivament l-organizazzjoni interna tal-ħidma tiegħu u ma joħloqx effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

48      Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija Komunità ta’ dritt inkwantu la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw l-istħarriġ tal-konformità ta’ l-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u inkwantu dan ta’ l-aħħar stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jafdaw f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23; tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 16, u tat-23 ta’ Marzu 1993, Weber vs Il-Parlament, C-314/91, Ġabra p. I-1093, punt 8, u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C-2/88 Imm., Ġabra p. I-3365, punt 16; ara wkoll l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1991, 1/91, Ġabra p. I-6079, punt 21).

49      B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE jipprovdi li l-qorti Komunitarja għandha teżamina l-legalità ta’ l-atti tal-Parlament intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi.

50      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jingħad li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ġie adottat f’seduta plenarja minn maġġoranza tal-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, dan l-att għandu jitqies, għall-finijiet ta’ l-eżami dwar l-ammissibbiltà, bħala att tal-Parlament innifsu (ara, b’mod analogu, is-sentenza Les Verts vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 48 aktar ‘il fuq, punt 20).

51      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’dak li jirrigwarda l-ammissabilità ta’ talba għal annullament diretta kontra att Parlamentari, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE jeżiġi, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ atti.

52      L-atti tal-Parlament li jirrigwardaw biss l-organizazzjoni interna tal-ħidma tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati f’rikors għal annulamment (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ġunju 1986, Groupe des droites européennes vs Il-Parlament, 78/85, Ġabra, p. 1753, punt 11, u tat-22 ta’ Mejju 1990, Blot u Front National vs Il-Parlament, C-68/90, Ġabra, I-2101, punt 11; sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 48 aktar ‘il fuq, punt 9). Din l-ewwel kategorija tinkludi l-atti tal-Parlament li m’għandhomx effetti legali jew li għandhom effetti legali biss fi ħdan il-Parlament f’dak li jirrigwarda l-organizazzjoni tal-ħidma tiegħu u huma suġġetti għal proċeduri ta’ verifika stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tiegħu (sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 48 aktar ‘il fuq, punt 10).

53      It-tieni kategorija hija komposta minn atti tal-Parlament li jipproduċu jew li huma intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terzi jew, fi kliem ieħor, atti li l-effetti ġuridiċi tagħhom jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ l-organizzazzjoni interna tal-ħidma ta’ l-istituzzjoni. Dawn l-atti jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti Komunitarja (sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 48 aktar ‘il fuq, punt 11).

54      Il-Parlament isostni li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jaqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ atti u għaldaqstant ma jistax jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament. Ir-rikorrenti, min-naħa l-oħra, isostnu li dan l-att jaqa’ taħt it-tieni kategorija, b’tali mod li t-talba tagħhom għal annullament għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dawn ir-rikorsi huma intiżi għall-annullament ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 li bih il-Parlament iddeċieda li jadotta l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-pożizzjoni espressa minn dan il-Kumitat fir-rigward tal-konformità ma’ dan l-artikolu ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI u li jiddikjara l-ineżistenza ex tunc ta’ l-imsemmi grupp (ara l-punt 46 aktar ‘il fuq).

56      Huwa minnu li l-għan tar-regoli tal-proċedura ta’ istituzzjoni Komunitarja huwa l-organizzazzjoni tat-tħaddim intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u għaldaqstant l-għan prinċipali tar-regoli previsti huwa li jassiguraw l-iżvolġiment tajjeb tad-diskussjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 49).

57      Mandanakollu, din il-kunsiderazzjoni ma teskludix, bħala tali, li att tal-Parlament, bħal dak ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, jista’ jkollu effetti legali fil-konfront ta’ terzi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1996, L-Olanda vs Il-Kunsill, C-58/94, Ġabra, p. I-2169, punt 38) u, għaldaqstant, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament imressaq quddiem il-qorti Komunitarja taħt l-Artikolu 230 KE.

58      Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk jistax jitqies li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jipproduċi jew huwa intiż li jipproduċi effetti legali li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ l-organizzazzjoni interna tal-ħidma tal-Parlament.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 iċaħħad lill-Membri li għamlu l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI mill-possibbiltà li jorganizzaw lilhom infushom, permezz ta’ l-istess grupp, fi grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li dawn il-Membri jitqiesu li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 30. Kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet msemmija fil-punti 3 u 4 aktar ‘il fuq, b’hekk dawn il-Membri huma mqiegħda, fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, f’kundizzjonijiet differenti minn dawk, marbuta mas-sħubija fi grupp politiku, li kienu jkunu fihom li kieku ma ġiex adottat l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999.

60      Għaldaqstant, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tal-Membri kkonċernati, u għaldaqstant jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ dawn ta’ l-aħħar.

61      Detenturi, skond l-Artikolu 1 ta’ l-Att ta’ l-20 ta’ Settembru 1976 rigward l-elezzjoni tar-rappreżentanti ta’ l-Assemblea permezz ta’ vot universali dirett (ĠU L 278 p. 5 ; aktar ’il quddiem “l-Att ta’ 1976”), ta’ mandat ta’ rappreżentanza taċ-ċittadini ta’ l-Istati magħquda flimkien fil-Komunità, il-Membri msemmija fil-punti 59 u 60 aktar ‘il fuq għandhom, fir-rigward ta’ att tal-Parlament li jipproduċi effetti legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ l-imsemmi mandat, jitqiesu bħala terzi fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, indipendentement mill-pożizzjoni li huma adottaw personalment fis-seduta plenarja ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 fl-okkażjoni tal-vot fuq in-nota ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax jitqies bħala att li jikkonċerna strettament l-organiżazzjoni interna tal-ħidma tal-Parlament. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li dan ma huwa suġġett għall-ebda proċedura ta’ verifika stabbilita mir-Regoli tal-Proċedura. Minn dan jirriżulta li, skond il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Weber vs Il-Parlament, iċċitata aktar ‘il fuq fil-punt 48 (punti 9 u 10), dan l-att jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità mill-qorti Komunitarja, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar 'il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jikkonċernax direttament u individwalment lir-rikorrenti

64      Fit-tliet kawżi, il-Parlament isostni li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jikkonċernax direttament u individwalment lir-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Dan l-att jikkostitwixxi interpretazzjoni ġenerali u deklaratorja ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali.

65      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikkonċernax direttament lir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fid-dawl ta’ l-analiżi magħmula fil-punti 59 u 60 aktar ‘il fuq, li dan l-att jimpedixxi, mingħajr il-bżonn ta’ miżuri ulterjuri, lis-Sinjuri Martinez u de Gaulle u lill-Membri li ressqu r-rikors fil-kawża T-329/99 milli, permezz tal-Grupp TDI, jorganizzaw ruħhom fi grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, ħaġa din li tippreġudika direttement il-kundizzjonijiet li fihom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. L-att imsemmi aktar ‘il fuq għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jaffettwa direttament dawn ir-rikorrenti.

66      Fir-rigward tal-kawża T-327/99, għandu jiġi enfasizzat li l-Front National, partit politiku Franċiż, huwa persuna ġuridika bl-għan statutorju li jippromwovi, permezz tal-membri tiegħu, ideat u proġetti politiċi fil-kuntest ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej. Dan il-partit ippreżenta lista ta’ kandidati għall-elezzjoni ta’ Ġunju 1999 għal rappreżentanti fil-Parlament. Il-membri tiegħu fuq din il-lista li ġew eletti fil-Parlament jinstabu fost il-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI. Minħabba l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, huma jinstabu kollha fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 59 iktar ‘il fuq, li tolqot direttament il-kundizzjonijiet tal-promozzjoni ta’ ideat u ta’ proġetti tal-partit li huma jirrappreżentaw fi ħdan il-Parlament Ewropew u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet biex jintlaħaq l-għan statutorju ta’ dan il-partit fuq livell Ewropew.

67      Għaldaqstant, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 għandu jitqies bħala wieħed li jolqot direttament lill-Front National.

68      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikkonċernax individwalment lir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment biss jekk l-att in kwistjoni jaffettwaha minħabba kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal 15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 20; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, CCE de Vittel et vs Il-Kummissjoni, T-12/93, Ġabra p. II-1247, punt 36).

69      Għalkemm huwa minnu li f’dan il-każ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikkonċerna l-adozzjoni ta’ l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, għandu madankollu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-imsemmija interpretazzjoni ntalbet lil dan il-Kumitat wara oppożizzjoni ppreżentata mill-presidenti tal-gruppi politiċi wara li l-President tal-Parlament kienet ħabbret, waqt is-seduta plenarja ta’ l-20 ta’ Lulju 1999, li hija kienet irċeviet stqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI minn numru ta’ Membri, fosthom is-Sinjuri Martinez u de Gaulle, li kienu membri tal-Front National, u l-Membri li ppreżentaw ir-rikors fil-kawża T-329/99.

70      It-tieni nett, ġie kkonstatat li din l-interpretazzjoni kienet ġiet proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fir-rigward tal-każ speċifiku kkostitwit minn din l-imsemmija stqarrija (ara aktar ‘il fuq, punti 29 sa 31).

71      Fl-aħħar nett, mill-analiżi magħmula fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv jirriżulta li, permezz ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, il-Parlament ma adottax biss l-interpretazzjoni ġenerali msemmija fil-punt 69 aktar ‘il fuq, iżda adotta wkoll l-pożizzjoni meħuda mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fir-rigward tal-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u kkonstata l-ineżistenza ex tunc ta’ dan il-grupp minħabba li ma kienx konformi ma din id-dispożizzjoni (ara aktar il’ fuq, punt 46).

72      Minn dan isegwi li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jaffettwa lir-rikorrenti fil-kawżi T-222/99 u T-327/99 u lill-Membri li ppreżentaw ir-rikors fil-kawża T-329/99 minħabba deċiżjonijiet individwali, imsemmija fil-punt preċedenti, li huma inklużi f’dan l-att u li jirrigwardaw il-Grupp TDI, ħaġa din li tiddistingwi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti minn dik ta’ kull persuna oħra. Għaldaqstant, dan l-att jikkonċernahom individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 68 aktar ‘il fuq.

73      Fir-rigward tal-kawża T-329/99, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, peress li huwa involut rikors wieħed, m’hemmx lok, peress li ġie stabbilit li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jaffettwa direttament u individwalment lill-Membri li ppreżentaw dan ir-rikors, li jiġi vverifikat jekk dan l-att jaffettwax direttament u individwalment anki lil-Lista Emma Bonino, li hija wkoll rikorrenti f’din il-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra I-1125, punt 31).

74      Fid-dawl tal-kundiserazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

75      Għaldaqstant, ir-rikorsi għal annullament għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

76      In sostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jressqu numru ta’ motivi li uħud minnhom huma komuni filwaqt li oħrajn huma speċifiċi għall-kawża tagħhom. Essenzjalment, l-argumenti tagħhom jistgħu jinqasmu f’disa’ motivi.

77      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll fuq nuqqas ta’ bażi legali, inkwantu l-Parlament, allegatament b’mod żbaljat, eżamina l-konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u qies li l-Membri ta’ dan il-grupp ma kellhomx affinità politika bejniethom. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-konfront tal-Membri tal-Grupp TDI. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tad-demokrazija. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ liberta ta’ assoċjazzjoni. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-inosservanza tat-tradizzjonijiet parlamentari li huma komuni għall-Istati Membri. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq preżunzjoni ta’ abbuż proċedurali.

78      Waqt l-eżami ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi ser jiġu speċifikati r-rikorrenti li jinvokawhom.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-att ta’ l-14 ta’ Settemrbu 1999 jistrieħ fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

79      Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u li dan imur kontra l-ispirtu tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar l-affinità politika msemmija f’din il-dispożizzjoni mhijiex obbligatorja. Bl-istess mod kif il-Membri huma liberi li jorganizzaw lilhom infushom fi gruppi fuq il-bażi ta’ affinitajiet politiċi, huma għandhom id-dritt li jiffurmaw ruħhom fi gruppi fuq il-bażi ta’ kriterji oħra. Għaldaqstant, l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Membri li jassoċjaw ruħhom skond l-affinitajiet politiċi tagħhom, filwaqt li ma jipprekludix gruppi li m’għandhomx affinitajiet bħal dawn meta l-intenzjoni ta’ dawn il-gruppi tkun li jippruvaw jikkonċiljaw l-eżiġenzi marbuta ma’ l-organizazzjoni effiċjenti ta’ assemblea parlamentari mal-garanzija lill-Membri tagħhom ta’ l-eżerċizzju sħiħ tal-funzjonijiet parlamentari tagħhom.

80      Dwar din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Membri jistgħu jorganizzaw ruħhom fi gruppi skond l-affinitajiet politiċi tagħhom.

81      Dispożizzjoni bħal din, li tinsab f’artikolu li jittratta l-“Formazzjoni ta’ gruppi politiċi”, għandha neċessarjament tiġi interpretata fis-sens li Membri li jagħżlu li jifformaw grupp fi ħdan il-Parlament jistgħu jagħmlu dan biss fuq il-bażi ta’ affinitajiet politiċi. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura fakultattiva tal-kriterju marbut ma’ l-affinitajiet politiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni huma miċħuda mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura flimkien mat-titolu ta’ dan l-istess artikolu.

82      Barra minn dan, ir-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħhom imsemmija aktar ‘il fuq fil-punti 1 sa 5, dejjem jirreferu għall-gruppi politiċi, li jirrifletti mingħajr dubju idea ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-assemblea parlamentari Ewropea bbażata fuq il-formazzjoni ta’ gruppi ta’ natura esklużivament politika. Din il-konstatazzjoni tikkorrobora l-argument imressaq mill-Parlament li l-kriterju relatat ma’ l-affinitajiet politiċi li jinsab fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxi rekwiżit obbligatorju għall-formazzjoni ta’ grupp.

83      Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-argument tagħhom huwa kkorroborat mill-fatt li l-Parlament, sa dak iż-żmien, qatt ma kien ivverifika jekk dan ir-rekwiżit ta’ affinità politika kienx ġie osservat u li gruppi tekniċi ġew ammessi fil-passat. B’dan il-mod, ġiet awtorizzata l-formazzjoni, fl-1979, tal-“Groupe de coordination technique des groupes et des parlementaires indépendants”(aktar ’il quddiem il-“Grupp CDI”), fl-1984, tal-“Groupe arc-en-ciel: Fédération de l’Alliance Verte-Alternative Européemme. D’Agalev-Écolo, du Mouvement Populaire danois contre l’Appartenance à la Communauté Européenne et de l’Alliance Libre Européenne au sein du Parlement Européen”, fl-1987, tal-“Groupe technique de défense des groupes et des députés indépendants” (aktar ’il quddiem il-“Grupp CTDI”) u, fl-1989, il-formazzjoni tal-“Groupe Arc-en-Ciel au Parlement européenn”. Il-Front National jinvoka wkoll il-formazzjoni, taħt leġiżlaturi preċedenti, tal-Grupp “Europe des Nations”.

84      Madankollu, anki jekk jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti rigward in-natura teknika tad-diversi gruppi msemmija fil-punt preċedenti, il-fatt li l-formazzjoni ta’ gruppi bħal dawn ma ġietx ikkontestata fil-preżenza ta’ dispożizzjoni b’kontenut identiku għal dak ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta’ l-analiżi magħmula fil-punti 80 sa 82 ta’ din s-sentenza, li minnha jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar għandha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li jkun hemm affinità politika bejn il-Membri li jkunu qegħdin jifformaw grupp politiku.

85      L-attitudni adottata mill-Parlament fir-rigward ta’ l-istqarrijiet ta’ formazzjoni tal-gruppi msemmija fil-punt 83 aktar ‘il fuq għandha titqies bħala li tirrifletti evalwazzjoni differenti minn dik in kwistjoni f’din il-kawża, li tiddependi mill-elementi u mill-kuntest speċifiċi għal kull waħda minn dawn l-istqarrijiet. Min-naħa l-oħra, din l-attitudni ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi interpretazzjoni legali fis-sens li l-ħtieġa ta’ affinità politika msemmija fil-verżjonijiet suċċessivi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament tista’ titqies bħala fakultattiva.

86      Il-Front National u s-Sinjuri Bonino et isostnu li l-interpretazzjoni tagħhom ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura hija kkorroborata mill-fatt li l-Parlament, fil-kompożizzjoni tiegħu wara l-aħħar elezzjonijiet, ippermetta l-formazzjoni tal-“Groupe pour l’Europe des Démocraties et des Différences” (aktar ’il quddiem il-“grupp EDD”), meta dan il-grupp huwa mingħajr dubju grupp tekniku.

87      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-isem ta’ dan il-grupp jesprimi viżjoni politika ta’ l-Ewropa komuni bejn il-Membri tiegħu, u dan jiġġusitifika d-deċiżjoni tal-Parlament li r-rekwiżit ta’ affinità politika stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura kien issodisfatt, b’mod differenti mill-każ in kwistjoni.

88      F’kull każ, anki jekk jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura teknika tal-Grupp EDD, il-fatt li l-Parlament ma kkontestax il-konformità ta’ dan il-grupp ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami magħmul fil-punti 80 sa 82 aktar ‘il fuq. Dan sempliċiment juri li l-evalwazzjoni magħmula mill-Parlament fir-rigward ta’ l-istqarrija tal-formazzjoni tal-Grupp EDD kienet differenti minn dik li saret fil-każ ta’ l-istqarrija tal-formazzjoni tal-Grupp TDI.

89      Mill-analiżi esposta fiż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-fatt li l-Parlament ma oġġezzjonax għall-formazzjoni tal-Grupp EDD sabiex jikkontestaw in-natura obbligatorja tar-rekwiżit ta’ affinità politika previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

90      Is-Sinjuri Bonino et isostnu wkoll li l-fatt li l-Parlament qatt ma kkontesta l-leġittimità tal-gruppi politiċi attwali, minkejja li l-identità politika tagħhom dehret dubbjuża fil-voti reċenti waqt seduta plenarja, jikkorrobora l-interpretazzjoni tagħhom ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

91      Madanakollu, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda indizju ma jista’ jittieħed mill-imġiba f’seduta plenarja tal-Membri tal-gruppi politiċi li jikkostitwixxu l-Parlament attwali. Fil-fatt, skond il-prinċipju ta’ indipendenza stabbilit mill-Artikolu 4(1) ta’ l-Att ta’ l-1976 u mill-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rekwiżit ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ grupp ma jipprekludihomx milli jesprimu opinjonijiet politiċi differenti fuq suġġett partikulari fl-imġiba tagħhom ta’ kuljum. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Membri ta’ l-istess grupp politiku jistgħu jivvotaw b’mod differenti m’għandux jiġi interpretat bħala indizju ta’ nuqqas ta’ affinità politika bejn dawn il-Membri iżda bħala l-manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-mandat ta’ Membru Parlamentari.

92      Minn dan isegwi li l-fatt li Membri ta’ l-istess grupp jistgħu jivvotaw b’mod differenti f’seduta plenarja, kif ukoll in-nuqqas ta’ reazzjoni min-naħa tal-Parlament fir-rigward ta’ tali mġiba, fl-ebda każ ma jistgħu jiġu interpretati bħala evidenza tan-natura fakultattiva tar-rekwiżit ta’ affinità politika previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

93      Is-Sinjuri Bonino et isostnu wkoll li l-fatt li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdux sabiex Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku jiġu awtomatikament affiljati ma’ grupp imħallat bl-istess privileġġi bħal grupp politiku, jikkorrobora l-interpretazzjoni tagħhom ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

94      Madanakollu, l-istatus mogħti mill-Parlament lill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku bl-ebda mod ma jista’ jiġi użat in sostenn ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura li tmur kontra dik li tirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din l-istess dispożizzjoni u mill-elementi l-oħra identifikati aktar ‘il fuq fil-punti 80 sa 82.

95      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, inkwantu l-Parlament żbalja meta eżamina l-konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u qies li l-Membri ta’ dan il-gurpp ma kellhomx affinità politika bejniethom.

96      Is-Sinjuri Martinez u de Gaulle, kif ukoll il-Front National, isostnu li ebda dispożizzjoni fir-Regoli tal-Proċedura ma tagħti lill-Parlament id-dritt li jivverifika l-affinitajiet politiċi tal-Membri li jistqarru l-formazzjoni ta’ grupp. Il-formazzjoni ta’ grupp taqa’ taħt l-ambitu ta’ l-inizjattiva tal-Membri, li huma obbligati biss jagħmlu stqarrija ta’ din il-formazzjoni lill-President tal-Parlament. M’hemm ebda dispożizzjoni li tipprovdi għal proċedura ta’ rikonoxximent. Madanakollu, f’dan il-każ, il-Parlament eżerċita kontroll arbitrarju fuq l-opportunità politika tal-formazzjoni tal-Grupp TDI u attribwixxa lilu nnifsu s-setgħa li jiġġudika l-affiniatjiet politiċi u r-raġunijiet li wasslu għall-formazzjoni ta’ dan il-grupp. B’dan il-mod, huwa mar kontra d-diċitura u l-ispritu tar-Regoli tal-Proċedura.

97      L-istess rikorrenti jsostnu li l-Parlament żbaljatament ikkonkluda li ma kienx hemm affinitajiet politiċi bejn il-Membri li stqarrew il-formazzjoni tal-Grupp TDI. Fil-fatt huma għandhom affinitajiet politiċi komuni marbuta mal-volontà li jiggarantixxu lill kull Membru l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat tiegħu. L-istqarrija ta’ indipendenza politika li tinsab fir-regoli dettaljati annessi ma’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma teskludix l-eżistenza ta’ din l-affinità. L-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 huwa fir-realtà deċiżjoni politika, li mhijiex ibbażata fuq ġustifikazzjoni oġġettiva u li tippermetti liberament l-imġiba abbużiva tal-gruppi politiċi fil-Parlament.

98      Il-Front National iżid ukoll li l-Membri tal-Grupp TDI qatt ma impenjaw ruħhom formlament, b’xi mod jew ieħor, sabiex ma jaħdmux flimkien. Bil-kontra, wara d-digriet Martinez u de Gaulle vs Il-Parlament, iċċitat aktar ‘il fuq fil-punt 13, il-Grupp TDI ħadem bħal kwalunkwe grupp politiku ieħor fil-Parlament. Huwa ppreżenta emendi għal rapporti u ressaq proposti għal riżoluzzjonijiet.

99      Is-Sinjuri Martinez u de Gaulle jsostnu wkoll li hija biss l-imġiba tal-Membri ta’ grupp f’seduta li tista’ turi l-koerenza politika ta’ dan il-grupp. F’dan ir-rigward huma jikkwotaw, bħalma jagħmel il-Front National, eżempji reċenti ta’ votazzjoni permezz ta’ sejħa ta’ l-ismijiiet li juru konverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-Membri tal-Grupp TDI.

100    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li sabiex twieġeb għall-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk il-Parlament kienx kompetenti sabiex jivverifika, kif għamel f’dan il-każ, l-osservanza ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura minn grupp li l-formazzjoni tiegħu ġiet iddikjarata minn numru ta’ Membri skond l-Artikolu 29(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Jekk dan jirriżulta li huwa l-każ, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha, fit-tieni lok, tistabbilixxi l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Parlament għandu taħt din il-kompetenza u, fit-tielet lok, teżamina l-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni tal-Parlament fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza mill-Grupp TDI tar-rekwiżit ta’ affinità politika meħtieġ taħt l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

101    Fir-rigward ta’ l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi enfassizat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 180 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament huwa kompetenti sabiex jassigura, jekk ikun hemm bżonn billi jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, li r-Regoli tal-Proċedura tiegħu jiġu applikati u interpretati b’mod korrett. F’dan ir-rigward, huwa għandu, b’mod partikolari, il-kompetenza li jikkontrolla, kif fil-fatt huwa għamel f’dan il-każ, li r-rekwiżit ta’ affinità politika stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura jkun ġie osservat minn grupp li stqarr il-formazzjoni tiegħu lill-President tal-Parlament skond l-Artikolu 29(4). It-tneħħija ta’ dan il-kontroll mill-kompetenza tal-Parlament iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar minn kull effett utli.

102    Fir-rigward, imbagħad, tal-kwistjoni dwar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li l-Parlament għandu taħt din il-kompetenza ta’ kontroll, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li la l-Artikolu 29 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regoli tal-Proċedura ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ affinità politika msemmi fl-Artikolu 29(1). Barra minn hekk, ir-Regoli tal-Proċedura ma jeżiġux li l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura għandha tkun akkompanjata minn xi indikazzjoni rigward l-affinitajiet politiċi tal-Membri ta’ dan il-grupp.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ affinità politika għandu jinftiehem bħala wieħed li, f’kull każ speċifiku, għandu t-tifsira li l-Membri li jiddeċiedu li jifformaw grupp skond l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura jkollhom l-intenzjoni li jagħtuh, mingħajr ma jiddikjarawh neċessarjament bil-mifutħ. Minn dan isegwi li huwa preżunt li Membri li jiddikjaraw li jifformaw grupp skond din id-dispożizzjoni għandhom affinitajiet politiċi, anki jekk minimi.

104    Madanakollu, din il-preżunzjoni ma tistax titqies bħala waħda li ma tistax tiġi kkontestata. Bis-saħħa tal-kompetenza ta’ kontroll tiegħu msemmija fil-punt 101 aktar ‘il fuq, il-Parlament għandu s-setgħa li jeżamina jekk ir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġiex fil-fatt osservat fejn, kif tipprovdi n-nota ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata fl-14 ta’ Settemrbu 1999 (ara l-punt 9 aktar ‘il fuq), il-Membri li jistqarru l-formazzjoni ta’ grupp jeskludu bil-miftuħ kull affinità politika bejniethom, b’tali mod li jiksru b’mod manifest ir-rekwiżit imsemmi aktar ‘il fuq.

105    B’dan il-mod, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ affinità politika, li hija meħtieġa minħabba n-natura suġġettiva ta’ dan il-kunċett, tista’ tiġi kkonċiljata ma’ l-osservanza tar-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

106    F’dan il-każ, il-Parlament, filwaqt li adotta l-pożizzjoni li esprima l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, ikkunsidra li l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma kinitx konformi ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura minħabba li din l-istqarrija kienet teskludi kull affinità politika u kienet tagħti indipendenza politika totali, fi ħdan dan il-grupp, lid-diversi firmatarji tiegħu. Din l-evalwazzjoni taqa’ fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali msemmija fil-punt 104 aktar ‘il fuq.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod konformi ma’ dak li ntqal fil-punt 100 aktar ‘il fuq, li għandha tivverifika l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

108    F’dan ir-rigward, l-indikazzjoni, li tinsab fl-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI, li d-diversi Membri firmatarji li jagħmlu parti mill-grupp iżommu l-liberta tal-vot tagħhom kemm fil-kumitati kif ukoll fis-seduta plenarja ma twassalx għall-konklużjoni li m’hemmx affinità politika bejn l-imsemmija firmatarji. Fil-fatt, din l-indikazzjoni hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-mandat stabbilit mill-Artikolu 4(1) ta’ l-Att ta’ l-1976 u mill-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Proċedura u għaldaqstant ma tistax taffettwa l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ grupp ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 91 aktar ‘il fuq).

109    Il-fatt li Membri li jorganizzaw ruħhom fi grupp jiddikjaraw li huma jibqgħu politikament indipendenti minn xulxin lanqas ma jippermetti, bħala tali, li jiġi meqjus li dawn m’għandhom ebda affinità politika bejniethom. Dikjarazzjoni bħal din taqbel ukoll mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-mandatt invokat fil-punt preċedenti.

110    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-konsegwenzi speċifiċi attribwiti mill-Membri tal-Grupp TDI lill-istqarrija ta’ indipendenza politika tagħhom, jiġifieri, minn naħa, il-projbizzjoni imposta fuq kull Membru tal-grupp milli jitkellem f’isem il-Membri kollha l-oħra tal-grupp u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni tas-suġġett tal-laqgħat tal-grupp għall-allokazzjoni taż-żmien sabiex wieħed jitkellem u sabiex jiġu solvuti kwistjonijiet finanzjarji u amminsitrattivi li jikkonċernaw il-grupp, juru b’mod konsistenti li l-Membri ta’ l-imsemmi grupp kellhom l-intenzjoni li, irrispettivament mill-konsegwenzi, jevitaw li juru li huma kienu marbuta b’affinità politika u eskludew totalment li jaħdmu fil-leġiżlatura sabiex jesprimu intenzjonijiet, idejat jew proġetti politiċi komuni, irrispettivament minn kemm dawn ikunu minimi. Dawn l-elementi juru li l-Membri tal-Grupp TDI ftiehmu li jeskludu kull riskju li jitqiesu bħala li għandhom affinità politika komuni u rrifjutaw li jikkunsidraw il-grupp bħala kuntest għal azzjoni politika komuni, filwaqt li llimitawh għal funzjonijiet strettament finanzjarji u amministrattivi.

111    B’dan il-mod, il-Membri tal-Grupp TDI kategorikament irrifjutaw kull affintià politika bejniethom, impenjaw ruħhom sabiex bl-ebda mod ma jagħtu l-impressjoni li huma kellhom affinità politika u eskludew minn qabel kull azzjoni, anki ta’ natura ad hoc, intiża għal dan il-għan waqt il-leġiżlatura .

112    Iċ-ċaħda deliberata ta’ affinità politika bejn il-Membri tal-Grupp TDI hija kkorroborata minn ċerti siltiet ta’ l-ittra indirizzata mill-Membri tal-Lista Bonino lill-Membri l-oħra fit-13 ta’ Settembru 1999, jiġifieri lejliet is-seduta plenarja li matulha l-Parlament iddeċieda dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

113    Fil-fatt, din l-ittra tinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“[...]

Matul is-sessjoni inawgurali tal-Parlament tagħna, il-Membri fuq il-lista Bonino ħadu l-inizjattiva li jipproponu lill-Membri kollha li ma jagħmlux parti minn grupp politiku sabiex jifformaw grupp wieħed “imħallat”. L-għan ta’ dan kien sabiex jintemmu d-diskriminazzjonijiet li kien hemm fir-rigward tal-Membri “li ma jagħmlux parti minn grupp politiku”, kemm taħt ir-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet finanzjarji u ammistrattivi interni. Fi żmien meta l-Parlament Ewropew huwa msejjaħ għal kompiti u responsabbiltajiet ġodda, dehrilna li kien id-dmir tagħna, anki bir-riskju li nagħtu l-impressjoni li rridu nifformaw alleanzi politiċi contra naturam, li niddenunzjaw mill-ġdid diskriminazzjoni li ilha għaddejja għal għoxrin sena u li mhijiex denja ta’ Parlament demokratiku minħabba li din tirredikola r-rispett li huwa dovut lill-volontà tal-poplu.

[...]

Fl-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura adottata permezz ta’ vot mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali li intom mitluba tapprovaw jew tirrifjutaw waqt din is-seduta, jingħad [...] li l-Grupp TDI għandu jiġi xolt minħabba l-fatt li l-Membri tiegħu ffirmaw dikjarazzjoni li teskludi kull affinità politika u li tafferma l-indipendenza politika totali tar-rappreżentanti li jifformaw il-grupp. Huwa tabilħaqq grupp imħallat li aħna xtaqna nifformaw, qabel ma narawh, finalment, direttament rikonoxxut mir-[Regoli tal-Proċedura].”

114    Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-firmatarji ta’ din l-ittra riedu jagħmluha ċara lill-Membri l-oħra li, minkejja l-impressjoni inizjali li l-formazzjoni tal-grupp TDI tista’ tagħti, huma ma kellhom ebda affinità politika mal-Membri l-oħra tal-grupp u li l-għan ta’ l-inizjattiva tagħhom kien sempliċement sabiex il-Membri kollha li, preċiżament, ma kellhomx affinità politika ma’ oħrajn, ikunu jistgħu jifformaw grupp imħallat li jingħata l-privileġġi mogħtija lill-gruppi politiċi l-oħra sabiex jintemm it-trattament differenti subit minn dawn il-Membri minħabba l-istatus tagħhom bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku.

115    Ir-rikorenti jsostnu li l-għan iddikjarat tal-Grupp TDI, jiġifieri l-garanzija li kull Membru jkun jista’ jeżerċita l-mandat parlamentari tiegħu b’mod sħiħ (ara l-punt 6 aktar ‘il fuq) juri l-eżistenza ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ dan il-grupp. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfassizat li, bejn l-20 ta’ Lulju 1999, id-data li fiha l-presidenti tal-gruppi l-oħra fil-Parlament ikkontestaw il-konformità tal-formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, u l-14 ta’ Settembru 1999, id-data li fiha d-deċiżjoni msemmija ġiet adottata, il-Membri tal-Grupp TDI, meta kkonfrontati bil-kontestazzjoni tan-natura politika tal-grupp tagħhom, qatt ma invokaw l-għan iddikjarat tal-grupp tagħhom sabiex juru l-eżistenza ta’ affinitajiet politiċi bejniethom.

116    L-argumenti mqajma minnhom waqt il-laqgħat fejn ġiet diskussa l-konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura kienu essenzjalment intiżi li jsostnu li r-rekwiżit previst minn din id-dispożizzjoni mhuwiex imperattiv, li din id-dispożizzjoni ma teżiġix li Membri li jorganizzaw ruħhom fi grupp jiġġustifikaw l-affinitajiet politiċi tagħhom, li la l-Parlament u lanqas il-gruppi politiċi l-oħra ma setgħu jattribwixxu lilhom infushom rwol aġġudikanti fil-konfront ta’ l-affinitajiet politiċi tal-Membri tal-Grupp TDI u li gruppi magħmula minn Membri li m’għandhomx affinità politika ġew ammessi fil-passat u taħt il-leġiżlatura attwali. Bl-istess mod, il-Membri tal-Gruppi TDI kkontestaw l-eżistenza ta’ affinitajiet politiċi bejn il-Membri tal-gruppi politiċi tal-Parlament. Barra minn hekk, huma enfassizaw it-trattament sfavorevoli li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku jirċievu meta mqabbel ma’ dak li jirċievu Membri li jagħmlu parti minn grupp politiku u l-kuntrast, f’dan ir-rigward, bejn is-sitwazzjoni tal-Parlament u t-tradizzjonijiet Parlamentari ta’ ċerti Stati Membri, kif ukoll ir-riskju li l-projbizzjoni tal-formazzjoni tal-Grupp TDI toħloq preċedent.

117    Fl-ebda mument ma sostnew li l-għan tal-formazzjoni ta’ dan il-grupp għandu jitqies bħala prova ta’ affinità politika bejniethom. Bil-kontra, mill-indikazzjonijiet riprodotti fil-punt 113 aktar ‘il fuq jirriżulta li l-għan tal-Grupp TDI ġie ppreżentat bħala wieħed li jippermetti lill-Membri li m’għandhomx tali affinijiet politiċi ma’ oħrajn li jifformaw grupp imħallat li jkun eliġibbli għall-privileġġi mogħtija lill-gruppi politiċi.

118    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jakkużaw lill-Parlament li ma interpretax l-indikazzjoni li tinsab fl-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI, dwar l-għan ta’ dan il-grupp, bħala prova ta’ l-eżistenza ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ dan il-grupp.

119    F’kull każ, tali indikazzjoni ma tistax tippermetti t-twarrib ta’ l-analiżi magħmula fil-punti 111 sa 115 aktar ‘il fuq, li minnha jirriżulta li l-Membri ta’ dan il-grupp kellhom l-intenzjoni li jiċħdu bil-miftuħ li dan il-grupp kien ta’ natura politika.

120    Wara l-eżami li sar fil-punti 110 sa 119 aktar ‘il fuq, jista’ jiġi konkluż li l-Parlament ġustament ikkunsidra li l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI kienet tirrifletti nuqqas totali u manifest ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ dan il-grupp. B’dan il-mod, il-Parlament ma attribwixxix lilu nnifsu d-dritt li jiddeċiedi dwar l-affinitajiet politiċi tal-Membri ta’ dan il-grupp, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti. Huwa sempliċement ikkonstata, fid-dawl ta’ l-istqarrija msemmija aktar ‘il fuq, li dawn il-Membri kienu qed jiċħdu bil-miftuħ affinità bħal din, u b’dan il-mod ipprovdew huma stess il-prova kontrarja għall-preżunzjoni li tista’ tiġi kkontestata ta’ affinità politika msemmija fil-punti 103 u 104 aktar ‘il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ma jneħħix l-effett utli ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa ma kellux għażla oħra ħlief li jikkonkludi li l-Grupp TDI ma osservax din id-dispożizzjoni.

121    Dan l-eżami ma jistax jiġi kkontestat la mill-fatt, allegat mill-Front National li, mid-data tad-digriet Martinez u de Gaulle vs Il-Parlament, iċċitat fil-punt 13 aktar ‘il fuq, emendi għal rapporti u għal proposti ta’ riżoluzzjonijiet tressqu f’isem il-Grupp TDI, la mill-provi mressqa mis-Sinjuri Martinez u de Gaulle, kif ukoll mill-Front National, fir-rigward ta’ l-imġiba adottata mill-Membri tal-Grupp TDI waqt votazzjonijiet li seħħew reċentement f’seduti plenarji.

122    Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-inizjattivi mressqa f’isem il-Grupp TDI, jidher ċar mid-dokumenti mressqa mill-Front National fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza li dawn l-inizjattivi kollha ġew imressqa minn Membru li jagħmel parti mill-Grupp TDI jew minn Membri li jagħmlu parti minn element speċifiku ta’ dan il-grupp. L-ebda waħda minn dawn l-inizjattivi ma tressqet minn Membri li jagħmlu parti minn aktar minn element wieħed tal-Grupp TDI. Dan ikompli juri n-nuqqas totali ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ dan il-grupp, kif indikat fl-istqarrija ta’ formazzjoni tiegħu.

123    Fir-rigward ta’ l-imġiba tal-Membri tal-grupp TDI waqt il-votazzjonijiet reċenti fis-seduti plenarji, għandu jiġi osservat li, kif il-Parlament ġustament jenfasizza fl-atti proċesswali tiegħu, il-konverġenza tal-votazzjonijiet osservata fi ħdan il-grupp tista’ taħbi diskrepanzi kbar fil-motivazzjonijiet politiċi individwali wara l-vot ta’ kull wieħed minn dawn il-Membri. Għaldaqstant, din il-konverġenza ma tistax titqies bħala prova ta’ l-eżistenza ta’ affinità politika bejn il-Membri ta’ l-imsemmi grupp.

124    Għandu jingħad ukoll li l-fatt u l-elementi ta’ prova msemmija fil-punt 121 aktar ‘il fuq huma kollha sussegwenti għall-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 b’tali mod li, f’kull każ, huma ma jistgħux jaffettwaw l-eżami tal-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni tal-Parlament li tinsab f’dan l-att fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

125    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali fil-konfront tal-Membri tal-Grupp TDI.

126    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikkostitwixxi diskriminazzjoni bejn il-Membri tal-Grupp TDI u l-Membri li jagħmlu parti minn grupp politiku. Fit-tieni parti, huma jsostnu li l-imsemmi att jiddiskrimina kontra l-Grupp TDI meta mqabbel ma’ gruppi tekniċi oħra. Fit-tielet parti, huma jallegaw diskriminazzjoni bejn il-Grupp TDI u l-gruppi politiċi li jifformaw l-assemblea parlamentari attwali.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv

127    Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikkostitwixxi diskrimazzjoni kontra Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku.

128    Fil-fatt, huma jsostnu li meta wieħed jagħmel parti minn grupp politiku huwa jgawdi minn numru ta’ vantaġġi f’termini ta’ privileġġi parlamentari u fuq il-livell finanzjarju, materjali u amministrattiv, li għalihom il-Membri tal-Grupp TDI mhumiex eliġibbli minħabba l-fatt li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jagħtihom l-istatus ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku. Billi jipprojbixxi l-Grupp TDI, l-imsemmi att jikkonferma, għad-detriment tal-Membri ta’ dan il-grupp, diskriminazzjoni fi ħdan il-Parlament fil-konfront tal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, bi ksur tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza bejn il-Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tagħhom.

129    Dawn l-istess argumenti huma invokati, b’mod partikolari, mis-Sinjuri Bonino et in sostenn ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegaltà li dawn iressqu, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet, meqjusa flimkien, ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura.

130    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, qabel kollox, hija għandha teżamina din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

131    Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni.

132    Huwa jsostni li r-Regoli tal-Proċedura ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE. Barra minn dan, l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura ma kienx il-bażi legali ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, u dan ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxix miżura ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 29 ta’ dawn ir-Regoli, b’tali mod li, f’dan il-każ, ma tistax titqajjem il-kwistjoni ta’ l-illegalità ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

133    F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 241 KE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti fil-proċeduri d-dritt li, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, tikkontesta b’mod indirett il-validità ta’ att preċedenti ta’ l-istituzzjonijiet li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tressaq rikors dirett taħt l-Artikolu 230 KE kontra dan l-att, li hija batiet il-konsegwenzi tiegħu mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tiegħu (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 39, u tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il-Parlament, 262/80, Ġabra p. 195, punt 6).

134    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma tistax tiġi ristretta għall-atti li jkunu fl-għamla ta’ Regolament fis-sens ta’ l-Artikolu 241 KE. Dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ sabiex jiggarantixxi li persuni li jkunu esklużi mir-rikors dirett kontra atti bħal dawn igawdu minn stħarriġ ta’ legalità effiċjenti ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ natura ġenerali meta jkunu affetwati minn deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni li jikkonċernawhom direttament u individwalment (sentenza Simmenthal vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 133 aktar ‘il fuq, punti 40 u 41; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T-6/92 u T-52/92, Ġabra II-1047, punt 56).

135    Barra minn dan, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi artikolu għandu jkun estiż għall-atti ta’ l-istituzzjonijiet li kienu rilevanti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors għal annullament, anki jekk dawn l-atti formalment ma servewx bħala bażi legali ta’ l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Marzu 1998, De Abreu vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-146/96, Ġabra SP p. I-A-109 u II-281, punt 27).

136    Għandu jintqal ukoll li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun ristretta għal dak li huwa neċessarju sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE mhuwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali in sostenn ta’ kwalunkwe rikors. Għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1965, Macchiorlati Dalmas e Figli vs L-Awtorità Għolja, 21/64, Ġabra p. 227, 245; tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, 594, u tal-21 ta’ Frar 1984, Walzstahl-Vereinigung u Thyssen vs Il-Kummissjoni, 140/82, 146/82, 221/82 u 226/82, Ġabra p. 951, punt 20; sentenza Reinarz vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 134 aktar ‘il fuq, punt 57).

137    F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, li jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju tal-mandat tal-Membri, huma ta’ natura ġenerali. Huma japplikaw għal sitwazzjonjiet stabbiliti oġġettivament u jinvolvu effetti legali fil-konfront tal-kategoriji ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1975, Acton et vs Il-Kummissjoni, 44/74, 46/74 u 49/74, Ġabra p. 383, punt 7, u ta’ l-14 ta’ Frar 1989, Lefebvre Frère et Sœur vs Il-Kummissjoni, 206/87, Ġabra p. 275, punt 13). Għaldaqstant, ir-rikorrenti mhumiex f’pożizzjoni li jitolbu l-annullament tagħhom fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 230 KE.

138    Barra minn dan, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament fl-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 (ara l-punt 46 aktar ‘il fuq) huma direttament ibbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura jissuġġetta l-formazzjoni ta’ grupp fi ħdan il-Parlament għall-kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ affinità politika bejn il-Membri kkonċernati. L-imsemmija dispożizzjoni tat lok għall-kontestazzjoni tal-formazzjoni tal-Grupp TDI mill-presidenti tal-gruppi politiċi l-oħra u, wara din il-kontestazzjoni, kienet is-suġġett ta’ l-interpretazzjoni adottata mill-Parlament fl-14 ta’ Settembru 1999. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, kif spjegata fl-interpretazzjoni msemmija aktar ‘il fuq, il-Parlament stabbilixxa l-ineżistenza tal-Grupp TDI u, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura, ikkunsidra lill-Membri kkonċernati bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonjiet flimkien iddeterminat l-eżistenza u l-kontenut ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999.

139    Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li teżisti rabta legali diretta bejn l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 u l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, li s-Sinjuri Bonino et qegħdin jallegaw li huma illegali.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li r-rikors għal annullament mressaq mis-Sinjuri Bonino et ġie ddikjarat bħala ammissibbli (ara l-punt 75 aktar ‘il fuq), l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa minn dawn ir-rikorrenti fir-rigward ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura għandha titqies bħala ammissibbli.

141    Huwa issa xieraq li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din l-eċċezzjoni inkwantu hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

142    Minbarra l-argumenti esposti fil-punt 128 aktar ‘il fuq, is-Sinjuri Bonino et isostnu li, jekk l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-formazzjoni ta’ grupp minn Membri li m’għandhomx l-istess affinità politika bejniethom, il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni flimkien ma’ l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġi kkontestata fid-dawl tal-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien tfisser li Membri li m’għandhom ebda affinità politika ma’ oħrajn la jistgħu jorganizzaw ruħhom fi grupp fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura u lanqas ma jistgħu jibbenefikaw minn rabta awtomatika ma’ grupp imħallat. Dawn il-Membri huma meqjusa bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, fatt li jippreġudika l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat parlamentari tagħhom.

143    Kif ikkonfermaw fis-seduta, is-Sinjuri Bonino et jikkontestaw il-legalità tad-dispożizzjonijiet msemmija aktar ‘il fuq, inkwantu jimpeddixxu kemm il-formazzjoni, fuq bażi volontarja, ta’ grupp tekniku minn Membri li m’għandhom ebda affinità politka komuni, u kemm l-inklużjoni awtomatika ta’ dawn il-Membri fi grupp imħallat.

144    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, qabel kollox, li, skond il-ġurisprudenza, bis-saħħa tas-setgħa li huwa għandu sabiex jistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tiegħu taħt l-Artikoli 25 KEFA, 199 KE u 112 KEEA, il-Parlament huwa awtorizzat jadotta miżuri adegwati sabiex jassigura l-funzjonament u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 38, u tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, C-213/88 u C-39/89, Ġabra p. I-5643, punt 29).

145    Fil-każ preżenti, kif ġustament jafferma l-Parlament, il-kompożizzjoni tiegħu fi gruppi politiċi tissodisfa numru ta’ għanijiet leġittimi meħtieġa kemm mir-realtà soċjopolitika partikolari għad-demokraziji parlamentari, kemm mill-karatteristiċi partikolari tiegħu meta mqabbel mal-korpi parlamentari nazzjonali u kemm mill-funzjonijiet u mir-responsabbiltajiet li huma fdati lilu mit-Trattat, għajnijiet li gruppi tekniċi jew imħallta, bħall-Grupp TDI, li jiġbru Membri mingħajr ebda affinità politika komuni, ma jistgħux jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu.

146    Fil-fatt, il-kompożizzjoni tal-Parlament fi gruppi politiċi, li jiġbru fi ħdanhom Membri minn aktar minn Stat Membru u li jkollhom affinitajiet politiċi komuni, tidher, l-ewwel nett, bħala miżura adattata għall-organizzazzjoni effiċjenti tal-ħidma u tal-proċeduri ta’ l-istituzzjoni, b’mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jiġu espressi ridiet politiċi komuni u sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu kompromessi, li huma partikolarment bżonnjużi fid-dawl tan-numru kbir ħafna ta’ Membri li minnhom hija komposta din l-assemblea, tad-diversità eċċezzjonali ta’ kulturi, ta’ nazzjonalitajiet, ta’ lingwi u ta’ movimenti politiċi nazzjonali li huma rrappreżentati fl-imsemmija assemblea, tad-diversità kbira ta’ l-attivitajiet tal-Parlament u fid-dawl tal-fatt li, b’differenza mill-parlamenti nazzjonali, il-Parlament mhuwiex maqsum skond id-diviżjoni tradizzjonali ta’ maġġoranza u oppożizzjoni. F’dan il-kuntest, il-grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura jissodisfa funzjoni li ma tistax tkun issodisfata minn grupp kompost minn Membri mingħajr affinitajiet politiċi bejniethom.

147    It-tieni nett, organizzazzjoni fi gruppi politiċi hija ġġustifikata mill-importanza, b’mod partikolari wara l-adozzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat ta’ Amsterdam, tar-responsabbiltajiet tal-Parlament fit-twettiq tal-kompiti mogħtija mit-Trattat KE lill-Komunità u fil-proċess ta’ l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-kompiti (ara l-Artikoli 7 KE, 192 KE sa 195 KE, 200 KE u 201 KE). B’mod partikolari, l-iżvolġiment tajjeb u l-funzjonament effiċjenti tal-proċedura, organizzata fl-Artikolu 251 KE, ta’ l-adozzjoni konġunta ta’ atti Komunitarji mill-Parlament u mill-Kunsill (proċedura magħrufa bħala l-“proċedura ta’ ko-deċiżjoni”) jimplikaw, meta jkun meħtieġ il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 251(3) sa (5) KE, li jkunu ntlaħqu minn qabel kompromessi politiċi fi ħdan il-Parlament. Sussegwentament, ikun meħtieġ li d-delegazzjoni tal-Parlament inkarigata sabiex tinnegozja mal-Kunsill fil-livell tal-Kumitat imsemmi tkun komposta minn Membri li jkunu kapaċi jirriflettu l-kompożizzjoni politika ta’ l-assemblea, li jkunu awtorizzati sabiex jitkellmu f’isem il-Membri l-oħra u li jkunu f’pożizzjoni li jiksbu appoġġ meta jintlaħaq ftehim mal-Kunsill, ħaġa din li grupp politiku jista’ jikkontribwixxi għaliha b’mod effiċjenti, b’differenza minn grupp kompost minn Membri li ma jkollhomx affinitajiet politiċi bejniethom.

148    It-tielet nett, il-ħtieġa doppja ta’ affinitajiet poltiċi u ta’ Membri minn aktar minn Stat Membru wieħed, li fuqha hija bbażata l-organizzazzjoni tal-Membri fi gruppi politiċi, tippermetti li jingħelbu l-partikolaritajiet poltiċi lokali u li tiġi promossa l-integrazzjoni Ewropea kif ikkontemplata mit-Trattat. B’hekk, il-gruppi politiċi jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ l-Artikolu 191 KE, jiġifieri li jinħolqu partiti politiċi fuq livell Ewropew bħala fattur ta’ integrazzjoni fl-Unjoni, li jgħinu sabiex tinħoloq kuxjenza Ewropea u sabiex jesprimu r-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Grupp tekniku jew imħallat kompost minn Membri li jiċħdu kull affinità politika bejniethom ma jistax jaqdi dan ir-rwol.

149    Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, ikkunsidrati flimkien, safejn jippermettu l-formazzjoni fi ħdan il-Parlament ta’ gruppi bbażati fuq affinitajiet politiċi biss u safejn jipprevedu li l-Membri mhux affiljati jitqiesu bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau tal-Parlament minflok ma jawtorizzaw lil dawn il-Membri jikkostitwixxu grupp tekniku jew minflok ma jiġbruhom fi grupp imħallat, jikkostitwixxu miżuri ta’ organizzazzjoni interna ġġustifikati fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-Parlament, tal-ħtiġijiet partikolari għall-funzjonament tiegħu u tar-responsabbiltajiet u għanijiet li huma assenjati lilu mit-Trattat.

150    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skond il-ġurisprudenza, il-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Fil-każ preżenti, il-Membri tal-Parlament kollha għandhom mandat mogħti lilhom b’mod demokratiku mill-elettorat u kollha għandhom l-istess funzjoni ta’ rappreżentanti politiċi fuq livell Ewropew (ara l-punt 61 aktar ‘il fuq). F’dan ir-rigward huma kollha jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

152    Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura jagħmlu distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ Membri, jiġifieri dawk li jagħmlu parti minn grupp politiku fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u dawk li ma jagħmlux parti minn grupp politiku skond il-kundizzjonijiet stipulati mill-Bureau tal-Parlament. Madankollu, din id-distinzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li dawk ta’ l-ewwel, għall-kuntrarju ta’ dawk ta’ l-aħħar, jissodisfaw rekwiżit tar-Regoli tal-Proċedura meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi (ara l-punti 145 sa 149 aktar ‘il fuq).

153    Għaldaqstant, din id-distinzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni kif ippreċiżat fil-ġurisprudenza (ara l-punt 150 aktar ‘il fuq).

154    Fl-atti proċesswali tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, in sostenn ta’ l-argumenti tagħhom, li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura huma ttrattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-Membri ta’ grupp politiku. Huma jidentifikaw numru ta’ differenzi fit-trattament magħmula, fuq il-livell ta’ drittijiet parlamentari u ta’ vantaġġi finanzjarji, amministrattivi u materjali, bejn il-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku u l-Membri ta’ grupp politiku, differenzi li jikkostitwixxu diskriminazzjoni illeċita.

155    Madankollu, mill-atti proċesswali tal-partijiet u mid-dokumenti ppreżentati minnhom fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li dawn id-differenzi fit-trattament, li mhumiex ikkontestati mill-Parlament, ma joħorġux mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura iżda minn numru ta’ dispożizzjonijiet interni oħra tal-Parlament.

156    Għaldaqstant:

–        in-nuqqas ta’ rikonoxximent, fir-rigward taż-żewġ delegati fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, tad-dritt għall-vot li huwa rikonoxxut lill-presidenti tal-gruppi politiċi jew lir-rappreżentanti eventwali tagħhom jirriżulta mill-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku ma jistgħux, b’differenza mill-gruppi politiċi, jippreżentaw proposta għal riżoluzzjoni li tagħlaq id-diskussjoni dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta mill-Artikolu 33 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku huma esklużi mill-ħidma tad-delegazzjoni tal-Parlament fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni filwaqt li l-gruppi politiċi huma rrappreżentanti jew f’din id-delegazzjoni jew fil-laqgħat interni preparatorji fir-rigward ta’ din id-delegazzjoni, jirriżulta mill-Artikolu 82 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-fatt li Membru li ma jagħmilx parti minn grupp politiku ma jistax jibbenefika mill-privileġġi parlamentari rikonoxxuti lill-gruppi politiċi sakemm ma jkollux l-appoġġ ta’ 31 Membru ieħor jirriżulta mid-diversi dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura identifikati fil-punt 4 aktar ‘il fuq;

–        il-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku u li jkollhom l-istess ideoloġija politika m’għandhomx, kuntrarjament għall-gruppi politiċi, id-dritt li jispjegaw il-pożizzjoni kollettiva tagħhom fir-rigward ta’ vot finali jirriżulta mill-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku ma jittieħdux in kunsiderazzjoni fl-allokazzjoni tal-karigi ta’ President tal-Parlament u ta’ Kwestur, ta’ president u ta’ viċi-president tal-Kumitati u tad-delegazzjonijiet interparlamentari msemmija fil-Kapitoli XX u XXI tar-Regoli tal-Proċedura, il-fatt li jittieħdu in kunsiderazzjoni fuq bażi sekondarja meta jiġu allokati l-postijiet ta’ membri f’dawn il-kumitati u delegazzjonijiet u l-fatt li huma esklużi mid-delegazzjonijiet ad hoc maħluqa mill-Konferenza tal-Presidenti u mid-delegazzjoni għall-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej, imsemmija fl-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu magħruf bħala “D’Hondt” li jintuża mill-Parlament fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tal-postijiet imsemmija u mill-fatt li d-delegati ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku li jattendu l-Konferenza tal-Presidenti, li hija l-korp kompetenti f’dan ir-rigward, m’għandhomx id-dritt għall-vot;

–        id-differenza fit-trattament magħmula bejn Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku u gruppi politiċi f’termini ta’ segretarjat tirriżulta minn deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 22 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        it-trattament differenti mogħti lill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku u lill-gruppi politiċi fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tal-krediti taħt l-intestatura baġitarja 3707, dwar in-nefqa partikolari tal-Parlament marbuta ma’ l-ispejjeż ta’ segretarjat, ma’ l-ispejjeż amministrattivi u ma’ l-ispejjeż għall-attivitajiet politiċi tal-gruppi politiċi u tal-Membri li ma jagħmulx parti minn grupp politiku, jirriżulta minn deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament adottati abbażi ta’ l-Artikolu 22 tar-Regoli tal-Proċedura;

–        il-fatt li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku huma esklużi, b’differenza mill-gruppi politiċi, milli jibbenefikaw mis-servizzi tal-Parlament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ interpretazzjoni simultanja, huwa l-konsegwenza tar-regoli amministrattivi tal-Parlament dwar il-laqgħat tal-gruppi politiċi.

157    Huwa minnu li l-Parlament għandu jivverifika jekk is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet interni identifikati fil-punt preċedenti hijiex konformi minn kull aspett mal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza (ara l-punt 150 aktar ‘il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-Parlament permezz ta’ l-organizzazzjoni tiegħu fi gruppi politiċi huwa ġġustifikat li dawn il-gruppi u, permezz tagħhom, il-Membri li jagħmlu parti minnhom igawdu minn ċerti privileġġi u faċilitajiet meta mqabbla mal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, il-Parlament għandu jeżamina, filwaqt li jħares il-proċeduri interni previsti għal dan l-iskop, jekk id-differenzi fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ Membri, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet interni msemmija aktar ‘il fuq, humiex kollha neċessarji u, għalhekk, oġġettivament iġġustifikati fid-dawl ta’ l-għanijiet imsemmija aktar ‘il fuq. Jekk ikun il-każ, huwa għandu, fil-kuntest tas-setgħa tiegħu sabiex jirregola l-organizzazzjoni interna tiegħu, isib rimedji għan-nuqqasijiet ta’ ugwaljanza li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit ta’ neċessità u li jistgħu, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala diskriminatorji fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità mitlub mingħand il-qorti Komunitarja fir-rigward ta’ atti tal-Parlament adottati b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara l-punti 48 sa 62 aktar ‘il fuq).

158    Madankollu, fil-każ preżenti għandu jiġi kkonstatat li s-Sinjuri Bonino et ma jqajmux l-illegalità tad-diversi dispożizzjonijiet identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq. Fis-seduta, huwa kkonfermaw li l-eċċezzjoni ta’ illegalità fformulata fir-rikors għal annullament tagħhom kienet tikkonċerna l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura u mhux id-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament li jikkundizzjonaw l-istatus tal-Membru li ma jagħmilx parti minn grupp politiku.

159    F’kull każ, il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li bih eventwalment tista’ tkun ivvizzjata waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet interni jista’ jolqot biss il-legalità tad-dispożizzjoni kkonċernata u ta’ l-att allegatament adottat mill-Parlament b’applikazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, dan il-ksur ma jistax ikun ta’ natura li jikkontradixxi l-analiżi magħmula fil-punti 144 sa 153 aktar ‘il fuq.

160    Mill-analiżi preċedenti (ara l-punti 144 sa 159 aktar ‘il fuq) jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, safejn hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

161    Din l-istess analiżi twassal sabiex jitwarrbu l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv ikkunsidrat, li huma bbażati fuq elementi identiċi għal dawk allegati mis-Sinjuri Bonino et sabiex jikkontestaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara l-punti 127 sa 129 aktar ‘il fuq).

162    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, safejn iċaħħad lill-Membri li, bħal dawk li għamlu l-istqarrija tal-formazzjoni tal-Grupp TDI, m’għandhomx affinitajiet politiċi bejniethom mill-possibbiltà li flimkien jiffurmaw grupp politiku fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u jagħtihom l-istatus ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, sempliċement jidentifika l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tagħhom, tar-rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u japplika fil-konfront tagħhom is-soluzzjoni prevista fl-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura għall-Membri li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit.

163    Madankollu, il-konformità ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet mal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma tistax tiġi kkontestata (ara l-punti 144 sa 159 aktar ‘il fuq).

164    Minn dan isegwi li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax jitqies bħala kuntrarju għal dawn il-prinċipju.

165    Għandu jingħad ukoll li d-differenzi fit-trattament fejn jidħol l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, allegati mir-rikorrenti in sostenn ta’ l-argumenti tagħhom, li għalihom huma suġġetti l-Membri milquta mill-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, minħabba l-istatus tagħhom ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, (ara l-punti 155 u 156 aktar ‘il fuq), ma jirriżultawx minn dan l-att iżda mid-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq, dispożizzjonijiet li l-legalità tagħhom, madankollu, mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

166    Għalhekk, minbarra dak li ġie kkonstatat fil-punt 158 aktar ‘il fuq, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-kawża T-327/99, li l-Front National, wara li enfasizza d-differenza fit-trattament minn diversi aspetti rriżervat għall-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku meta mqabbla mal-Membri tal-gruppi politiċi, isostni:

“Dan tant huwa l-każ li wieħed jista’ leġittimament jiddibuta jekk kinux id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxu tali diskriminazzjoni li kellhom jiġu kkontestati. Dan iżda mhuwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.” (Rikors, p.8)

167    Fis-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma ma kinux qegħdin jinvokaw l-illegalità tad-dispożizzjonijiet interni msemmija fil-punt 156 aktar ‘il fuq.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-motiv eżaminat għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv

169    Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jimplika diskriminazzjoni li mhijiex ġustifikata safejn jipprojbixxi l-formazzjoni tal-Grupp TDI meta, taħt leġiżlaturi preċedenti, kienet ġiet aċċettata l-formazzjoni ta’ numru ta’ gruppi tekniċi, jiġifieri l-Grupp CDI, il-Grupp “arc-en-ciel: Fédération de l'Alliance Verte-Alternative Européenne, d'Agalev-Écolo, du Mouvement Populaire danois contre l'Appartenance à la Communauté Européenne et de l'Alliance Libre Européenne au sein du Parlement Européen”, il-Grupp CTDI u l-Grupp “Arc-en-Ciel au Parlement européen”. Il-Front National iqajjem ukoll il-fatt li, taħt il-leġiżlaturi preċedenti, ġiet aċċettata l-formazzjoni tal-Grupp “Europe des Nations”.

170    L-awtorizzazzjoni, taħt il-leġiżlatura attwali, tal-formazzjoni tal-Grupp EDD, li prinċipalment huwa grupp ta’ natura teknika, issaħħaħ in-natura diskriminatorja ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 fir-rigward tal-Membri tal-Grupp TDI.

171    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, mill-analiżi magħmula fil-punti 100 sa 124 aktar ‘il fuq, jirriżulta li l-Parlament ġustament ikkonstata l-ineżistenza tal-Grupp TDI minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura peress li l-Membri ta’ dan il-grupp kienu eskludew bil-miftuħ kull affinità politika bejniethom u ċaħdu lil dan il-grupp minn kull natura politika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jinvokaw b’suċċess l-evalwazzjoni differenti magħmula mill-Parlament fir-rigward ta’ l-istqarrijiet ta’ formazzjoni tal-gruppi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti.

172    Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma kkontestawx l-argument tal-Parlament li, b’differenza mill-Membri li ddikjaraw il-formazzjoni tal-Grupp TDI, dawk li ddikjaraw il-formazzjoni ta’ dawn id-diversi gruppi f’ebda każ ma ċaħdu bil-miftuħ kull affinità politika bejniethom. Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-Grupp TDI u dik ta’ dawn il-gruppi l-oħra ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala simili b’tali mod li d-differenza fit-trattament bejn dawn il-grupp ta’ l-ewwel u l-gruppi ta’ l-aħħar hija ġġustifikata.

173    Is-Sinjuri Bonino et iwieġbu, f’dan ir-rigward, li l-argument tal-Parlament iwassal sabiex jagħmel il-kundizzjoni dwar l-affinitajiet politiċi rekwiżit purament formali li jkun issodisfat jekk Membri li jiddikjaraw li qegħdin jorganizzaw lilhom infushom fi grupp ma jinnegawx bil-miftuħ kull affinità politika bejniethom. Għaldaqstant, tali argument iwassal sabiex jibdel il-portata ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ negazzjoni espliċita ta’ affinitajiet politiċi min-naħa tal-Membri tal-gruppi msemmija fil-punti 169 u 170 aktar ‘il fuq ma jaħbix l-eżistenza ta’ differenzi politiċi estremi bejn dawn il-Membri. Barra minn hekk, ma teżisti ebda differenza bejn grupp li, bħall-Grupp TDI, jiċħad bil-miftuħ kull affinità politika bejn il-Membri tiegħu u grupp li, bħall-Grupp CDI, jiddikjara espressament li kull Membru jżomm il-programm politiku tiegħu kif ukoll il-libertà tiegħu fir-rigward tad-diskorsi u tal-votazzjonijiet kemm fil-kumitati u kemm fl-assemblea plenarja.

174    Madankollu, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 110 sa 114 aktar ‘il fuq, in-negazzjoni ta’ affinitajiet politiċi bejn il-Membri tal-Grupp TDI mhijiex sempliċement waħda formali. Din irriżultat minn rieda espressa ta’ dawn il-Membri li l-intenzjoni tagħhom kienet li jevitaw li jiġu kkunsidrati bħala li kellhom tali affinitajiet bejniethom. Meta kellu quddiemu negazzjoni daqstant manifesta, il-Parlament, sabiex ma jneħħix l-effett utli ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ma kellux għażla oħra ħlief li jieħu nota ta’ dan in-nuqqas ta’ affinitajiet politiċi u jikkonstata l-ineżistenza tal-Grupp TDI minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

175    Mill-banda l-oħra, in-nuqqas ta’ negazzjoni espliċita ta’ affinitajiet politiċi fir-rigward tal-gruppi msemmija fil-punti 169 u 170 aktar ‘il fuq seta’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha, li d-differenza politika bejn il-Membri ta’ dawn il-gruppi, l-isem ta’ grupp tekniku mogħti lil uħud minnhom jew, fir-rigward tal-Grupp CTDI, ir-raġunijiet ta’ natura prattika invokati mill-Membri kkonċernati fl-istqarrija ta’ formazzjoni tal-grupp ma kinux jeskludu l-eżistenza ta’ livell minimu ta’ affinitajiet politiċi bejn il-Membri ta’ dawn il-gruppi u għaldaqstant ma kinux jippermettu li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ affinitajiet politiċi msemmija fil-punt 103 aktar ‘il fuq.

176    Il-fatt allegat mis-Sinjuri Bonino et dwar il-Grupp CDI li l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ dan il-grupp kienet irriżervat l-indipendenza politika u l-libertà fir-rigward tad-diskorsi u tal-votazzjonijiet tal-Membri ta’ dan il-grupp kemm fil-kumitati u kemm fl-assemblea plenarja, jekk jitqies bħala stabbilit, mhuwiex, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 91, 108 u 109 aktar ‘il fuq, ta’ natura li jikkontradixxi l-analiżi preċedenti. L-istess għandu jingħad, fir-rigward tal-Grupp CTDI, għad-dikjarazzjoni ta’ indipendenza politika tal-Membri tiegħu.

177    Fir-rigward b’mod aktar partikolari tal-Grupp EDD, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Front National fl-atti proċesswali tiegħu, l-isem ta’ dan il-grupp jindika kunċett politiku ta’ l-Ewropa komuni għall-Membri ta’ dan il-grupp li, barra minn hekk, huwa rifless fl-istatuti adottati minn dan il-grupp f’Novembru 1999.

178    Fil-fatt, dawn l-istatuti, li ġew inklużi fil-proċess tal-kawża mill-Parlament, jinkludu l-indikazzjonijiet segwenti:

“Il-Grupp huwa miftuħ għall-Membri li huma msieħba f’assoċjazzjoni Ewropea ta’ Stati sovrani u jaċċetta d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-demokrazija parlamentari.

Il-Grupp EDD huwa favur l-istabbiliment ta’ Ewropa ta’ Stati stabbli u demokratika bbażata fuq id-diversità u l-kulturi tal-popli tagħha. Il-Grupp huwa miftuħ għall-persuni li humiex konvinti fir-rigward ta’ integrazzjoni u ċentralizzazzjoni Ewropea estiżi.”

179    Tali indikazzjonijiet jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Membri li jagħmlu parti mill-Grupp EDD għandhom affinitajiet politiċi komuni, ikkaratterizzati mir-rieda li tkun iggarantita s-sovranità ta’ l-Istati Membri u d-diversità tal-popli Ewropej u li ma tingħatax importanza eċċessiva lill-integrazzjoni u liċ-ċentralizzazzjoni Ewropea. Dawn l-indikazzjonijiet jikkontribwixxu sabiex jiġi spjegat għalfejn il-Parlament ma kkunsidrax li kellu jiddubita mill-osservanza tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura min-naħa ta’ dan il-grupp.

180    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Front National, in-natura eteroġena tal-voti tal-Membri tal-Grupp EDD f’seduti plenarji m’għandha ebda rilevanza fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dan il-grupp ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 91 aktar ‘il fuq. Għaldaqstant, il-Front National ma jistax jinvoka b’suċċess dan l-element in sostenn ta’ dan il-motiv.

181    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-Grupp TDI u l-gruppi msemmija fil-punti 160 u 170 aktar ‘il fuq għandhom jiġu miċħuda.

182    Is-Sinjuri Martinez u de Gaulle jsostnu wkoll li l-eżempji dwar dawn il-gruppi ta’ l-aħħar ħolqu, matul l-aħħar għoxrin sena, aspettattiva leġittima fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ gruppi tekniċi fil-Parlament. Meta jipprojbixxi l-Grupp TDI, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikser, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

183    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52), jippresupponi li l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tkun tat lill-persuni interessati garanziji preċiżi li jkunu wassluhom sabiex jibnu aspettattivi fondati (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Unifruit Hellas vs Il-Kummissjoni, T-489/93, Ġabra p. II-1201, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punt 68).

184    Madankollu, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ oppożizzjoni mill-Parlament għall-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ gruppi li ma kellhomx l-istess karatteristiċi bħall-Grupp TDI (ara l-punti 172 sa 180 aktar ‘il fuq) ma jistax jitqies bħala garanzija preċiża li ħolqot f’moħħ il-Membri li ddikjaraw il-formazzjoni ta’ dan il-grupp aspettattivi fondati fir-rigward tal-konformità tiegħu ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

185    Għandu jingħad ukoll li, il-konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura ġiet ikkontestata malli saret l-istqarrija ta’ formazzjoni ta’ dan il-grupp. Barra minn hekk, mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li l-Membri li għamlu din l-istqarrija kienu rċevew, bejn il-kontestazzjoni tal-legalità tal-grupp tagħhom u l-adozzjoni ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, xi garanzija preċiża minn kwalunkwe organu tal-Parlament li setgħet tagħtihom aspettattiva leġittima li l-Grupp TDI kien kompatibbli mad-dispożizzjoni msemmija.

186    Minn dan isegwi li l-argumenti tas-Sinjuri Martinez u de Gaulle bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu miċħuda.

187    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni parti tal-motiv eżaminat għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv

188    Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-legalità tal-gruppi politiċi li jifformaw l-assemblea parlamentari attwali qatt ma ġiet ikkontestata. Issa, fl-okkażjoni ta’ votazzjonijiet reċenti dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, l-eżistenza ta’ affinitajiet politiċi bejn il-Membri ta’ dawn il-gruppi dehret dubbjuża filwaqt li l-Membri tal-Grupp TDI, għall-kuntrarju, urew koerenza politika kbira. Tali konstatazzjoni ssaħħaħ in-natura diskriminatorja ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999.

189    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar madankollu li l-analiżi magħmula fil-punti 100 sa 124 aktar ‘il fuq turi li l-Parlament ġustament ikkonstata l-ineżistenza tal-Grupp TDI minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u dan minħabba n-negazzjoni espliċita ta’ kull affinità politika mill-Membri ta’ dan il-grupp. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, ġie osservat li l-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni tal-Parlament ma kinitx ta’ natura li tiġi kkontestata min-natura omoġena tal-voti tal-Membri ta’ dan il-grupp matul sessjonijiet reċenti (ara l-punti 123 u 124 aktar ‘il fuq).

190    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’suċċess l-evalwazzjoni differenti li l-Parlament għamel fir-rigward ta’ l-istqarrijiet ta’ formazzjoni tal-gruppi politiċi li jifformaw l-assemblea parlamentari attwali.

191    Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element ta’ prova ta’ natura tali li juri li dawn il-gruppi kienu ċaħdu bil-miftuħ kull natura politika bħalma għamel il-Grupp TDI. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 91 aktar ‘il fuq, in-natura eteroġena tal-voti tal-Membri li jagħmlu parti mill-istess grupp politiku dwar kwistjonijiet partikolari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ta’ prova ta’ din in-natura.

192    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

193    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċpju tad-demokrazija

194    Fil-kawżi T-222/99 u T-329/99, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju tad-demokrazija, li huwa komuni għall-Istati Membri u li jikkostitwixxi bażi fundamentali tal-proġett Ewropew (Artikoli 6 UE, 7 UE, 49 UE u 309 KE; Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 57 aktar ‘il fuq, Ġabra p. I-2171, punt 19). Dan il-prinċipju jimplika li ċ-ċittadini jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il-Kunsill, T-135/96, Ġabra p. II-2335, punt 88).

195    Is-Sinjuri Bonino et isostnu li, f’dan il-każ, il-projbizzjoni fir-rigward tal-formazzjoni tal-Grupp TDI ċċaħħad lill-Membri indipendenti minn vantaġġi rriżervati għall-gruppi politiċi u tippreġudika b’mod gravi l-eżerċizzju tal-mandat li ġie mogħti lilhom b’mod demokratiku. Għaldaqstant, tali projbizzjoni taffettwa anki r-rappreżentazzjoni politika ta’ l-elettorat.

196    Issa, minn fost id-diversi interpretazzjonijiet possibbli tad-dritt Komunitarju, għandha tintgħażel dik li l-aktar tippermetti li jiġu implementati l-valuri demokratiċi ta’ l-Unjoni (Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Tesauro fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-300/89, Ġabra p. I-2867, I-2878).

197    Għaldaqstant, fir-rigward ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tingħata preferenza, minn fost id-diversi interpretazzjonijiet possibbli ta’ din id-dispożizzjoni, lil dik l-interpretazzjoni li tiggarantixxi bl-aħjar mod il-prinċipju tad-demokrazija u tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 196 aktar ‘il fuq).

198    L-argumenti esposti fil-punti 194 sa 197 aktar ‘il fuq huma invokati wkoll mis-Sinjuri Bonino et in sostenn tal-kontestazzjoni tagħhom tal-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura safejn huma kuntrarji għall-prinċipju tad-demokrazija..

199    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, qabel kollox, hija għandha teżamina l-eċċezzjoni ta’ illegalità, li hija ammissibbli għar-raġunijiet esposti fil-punti 133 sa 140 aktar ‘il fuq, safejn hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju msemmi, fid-dawl ta’ l-argumenti esposti fil-punti 194 sa 197 aktar ‘il fuq u ta’ dawk indikati fil-punt 142 aktar ‘il fuq u mtennija mis-Sinjuri Bonino et f’dan il-kuntest.

200    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li, għalkemm huwa minnu li l-prinċipju tad-demokrazija jikkostitwixxi element bażiku li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea (sentenza UEAPME vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 194 aktar ‘il fuq, punt 89), dan il-prinċipju ma jipprekludix lill-Parlament milli jadotta miżuri ta’ organizzazzjoni interni intiżi li, kif jagħmlu d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, jippermettulu jissodisfa bl-aħjar mod, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tiegħu, ir-rwol istituzzjonali u l-għanijiet li huma assenjati lilu mit-Trattati (ara l-punti 144 sa 149 aktar ‘il fuq).

201    Huwa minnu li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura huma mċaħħda, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom, milli jibbenefikaw minn numru ta’ privileġġi parlamentari, finanzjarji, amministrattivi u materjali rikonoxxuti fir-rigward tal-gruppi politiċi. Madankollu, kif ġie osservat fil-punti 155 u 156 aktar ‘il fuq, din is-sitwazzjoni ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura iżda minn elementi tar-regoli interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq.

202    Huwa minnu li l-Parlament għandu jivverifika, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 157 aktar ‘il fuq u suġġett għal eventwali stħarriġ mill-qorti Komunitarja, jekk is-sitwazzjoni evokata fil-punt preċedenti hijiex kompatibbli minn kull aspett mal-prinċipju tad-demokrazija. Dan il-prinċipju ma jistax jaċċetta li Membri, li ngħataw mandat parlamentari b’mod demokratiku, ikollhom il-kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ dan il-mandat affettwati, minħabba li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, b’mod li jmur lil hinn minn dawk li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li l-Parlament jixtieq jilħaq permezz tal-kompożizzjoni tiegħu fi gruppi politiċi.

203    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li s-Sinjuri Bonino et ma jinvokawx l-illegalità tad-dispożizzjonijiet interni identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq (ara l-punt 158 aktar ‘il fuq).

204    Fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-prinċipju tad-demokrazija li bih eventwalment tista’ tkun ivvizzjata waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet interni jista’ jolqot biss il-legalità tad-dispożizzjoni kkonċernata u ta’ l-att allegatament adottat mill-Parlament abbażi tagħha. Għall-kuntrarju, dan il-ksur ma jistax ikun ta’ natura li jikkontradixxi l-analiżi magħmula fil-punti 144 sa 149 u 200 aktar ‘il fuq.

205    Mill-analiżi preċedenti (ara l-punti 200 sa 204 aktar ‘il fuq) jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, safejn hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju tad-demokrazija, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

206    Din l-istess analiżi twassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li huma bbażati fuq elementi identiċi għal dawk allegati mis-Sinjuri Bonino et sabiex jikkontestaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura mal-prinċipju tad-demokrazija (ara l-punti 194 sa 198 aktar ‘il fuq).

207    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, safejn iċaħħad lill-Membri li, bħal dawk li għamlu l-istqarrija tal-formazzjoni tal-Grupp TDI, m’għandhomx affinitajiet politiċi bejniethom mill-possibbiltà li flimkien jiffurmaw grupp politiku fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u jagħtihom l-istatus ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, sempliċement jidentifika l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tagħhom, tar-rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u japplika fil-konfront tagħhom is-soluzzjoni prevista fl-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura għall-Membri li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit (ara l-punt 162 aktar ‘il fuq).

208    Issa, il-kompatibbiltà ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet mal-prinċipju tad-demokrazija ma tistax tiġi kkontestata. Fil-fatt, mill-analiżi magħmula fil-punti 144 sa 149 u 200 aktar ‘il fuq jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jippermettu lill-Parlament jissodisfa bl-aħjar mod ir-rwol istituzzjonali u l-għanijiet li ngħatawlu mit-Trattati.

209    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax jitqies bħala kuntrarju għall-prinċipju tad-demokrazija.

210    Għandu jingħad ukoll li l-impedimenti, identifikati mir-rikorrenti in sostenn tal-motiv tagħhom (ara l-punt 195 aktar ‘il fuq), li sofrew il-Membri milquta mill-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ma jirriżultawx mill-imsemmi att iżda mid-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq li l-legalità tagħhom, madankollu, mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi għal annullament (ara l-punti 166 u 167 aktar ‘il fuq).

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

212    Is-Sinjuri Bonino et isostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huma jsostnu li interpretazzjoni flessibbli ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, li fuqha hija bbażata l-formazzjoni tal-Grupp TDI, tippermetti, kuntrarjament għall-att ikkonċernat, il-konċiljazzjoni tar-rekwiżiti marbuta ma’ l-organizzazzjoni effiċjenti ta’ l-assemblea parlamentari mal-garanzija għall-Membri kollha ta’ l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat tagħhom.

213    Dawn l-argumenti huma invokati wkoll mis-Sinjuri Bonino et in sostenn ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura.

214    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, qabel kollox, hija għandha teżamina l-eċċezzjoni ta’ illegalità, li hija ammissibbli għar-raġunijiet esposti fil-punti 133 sa 140 aktar ‘il fuq, safejn hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl ta’ l-argumenti esposti fil-punt 212 aktar ‘il fuq u ta’ dawk indikati fil-punt 142 aktar ‘il fuq u mtennija mis-Sinjuri Bonino et f’dan il-kuntest.

215    F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li, skond il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu adegwati u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq bil-kundizzjoni li, meta tkun possibbli għażla bejn diversi miżuri adegwati, tintgħażel dik il-miżura li tkun l-anqas waħda oneruża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25, u tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).

216    F’dan il-każ, mill-analiżi magħmula fil-punti 144 sa 149 aktar ‘il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxi miżuri ta’ organizzazzjoni interna adegwati u neċessarji fid-dawl ta’ l-għanijiet leġittimi deskritti fil-punti msemmija. Fil-fatt, huma biss gruppi komposti minn Membri li jkollhom affinitajiet politiċi komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura li jippermettu lill-Parlament jissodisfa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tiegħu u tal-limiti ta’ funzjonament tiegħu, il-kompiti istituzzjonali u l-għanijiet mogħtija lilu mit-Trattat. Jekk il-Membri li jagħmlu stqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp fis-sens ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura ma jkollhom ebda affinità politika bejniethom, il-Parlament, sabiex ma jipperikolax ir-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet leġittimi tal-kompożizzjoni tiegħu fi gruppi politiċi, ma jkollux għażla oħra ħlief li jipprojbixxi l-formazzjoni ta’ tali grupp u li jikkunsidrawhom, kif jipprevedi l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura, bħala Membri li ma jagħmlux parti minn grupp.

217    Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri li, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi msemmija fil-punt preċedenti.

218    Huwa minnu li l-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku fis-sens ta’ l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura ma jgawdux, fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom, mill-istess vantaġġi bħal dawk li huma rikonoxxuti fil-konfront tal-membri ta’ gruppi politiċi. Madankollu, kif ġie osservat fil-punti 155 u 156 aktar ‘il fuq, tali sitwazzjoni ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura iżda mid-dispożizzjonijiet tar-regoli interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq.

219    Huwa minnu li l-Parlament għandu jivverifika, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 157 aktar ‘il fuq u suġġett għal eventwali stħarriġ mill-qorti Komunitarja, jekk tali sitwazzjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jivverifika jekk, fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet interni identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq, teżistix soluzzjoni anqas oneruża li tippermetti li jintlaħqu b’mod daqstant adegwat l-għanijiet leġittimi li l-Parlament jixtieq jilħaq permezz tal-kompożizzjoni tiegħu fi gruppi politiċi.

220    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li s-Sinjuri Bonino et ma jinvokawx l-illegalità tad-dispożizzjonijiet interni identifikati fil-punt preċedenti (ara l-punt 158 aktar ‘il fuq).

221    Fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li bih eventwalment tista’ tkun ivvizzjata waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet interni jista’ jolqot biss il-legalità tad-dispożizzjoni kkonċernata u ta’ l-att allegatament adottat mill-Parlament abbażi tagħha. Għall-kuntrarju, dan il-ksur ma jistax ikun ta’ natura li jikkontradixxi l-analiżi magħmula fil-punti 144 sa 149 u 215 sa 217 aktar ‘il fuq.

222    Mill-analiżi preċedenti (ara l-punti 215 sa 221 aktar ‘il fuq) jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura, safejn hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

223    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 144 sa 160, 200 sa 205 u 215 sa 222 aktar ‘il fuq, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mis-Sinjuri Bonino et kontra d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Artikoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura.

224    L-analiżi magħmula fil-punti 215 sa 221 aktar ‘il fuq twassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mis-Sinjuri Bonino et fil-kuntest ta’ dan il-motiv li huma parzjalment identiċi għall-elementi allegati minn dawn ir-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien ta’ l-Aritkoli 29(1) u 30 tar-Regoli tal-Proċedura mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punti 212 u 213 aktar ‘il fuq).

225    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, safejn iċaħħad lill-Membri li, bħal dawk li għamlu l-istqarrija tal-formazzjoni tal-Grupp TDI, m’għandhomx affinitajiet politiċi bejniethom mill-possibbiltà li flimkien jiffurmaw grupp politiku fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament u jagħtihom l-istatus ta’ Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, sempliċement jidentifika l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tagħhom, tar-rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u japplika fil-konfront tagħhom is-soluzzjoni prevista fl-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura għall-Membri li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit (ara l-punt 162 aktar ‘il fuq).

226    Issa, il-konformità ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma tistax tiġi kkontestata (ara l-punti 144 sa 149 u 215 sa 217 aktar ‘il fuq).

227    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 ma jistax jitqies bħala li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

228    Għandu jingħad ukoll li n-nuqqas ta’ bilanċ, allegat mis-Sinjuri Bonino et (ara l-punt 212 aktar ‘il fuq), bejn il-ħtiġiet ta’ organizzazzjoni effiċjenti tal-Parlament u l-garanzija lill-Membri kollha ta’ l-eżerċizzju sħiħ tal-mandat parlamentari tagħhom, ma jirriżultax mill-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 iżda mid-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq li l-legalità tagħhom, madankollu, mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti (ara l-punti 158 u 167 aktar ‘il fuq).

229    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni.

230    Is-Sinjuri Martinez u de Gaulle jsostnu li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jikser il-libertà ta’ assoċjazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Huma jsostnu li, bis-saħħa ta’ din il-libertà, il-Membri għandhom ikunu awtorizzati jorganizzaw ruħhom fi grupp bil-għan li jkollhom aċċess għal numru ta’ privileġġi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija mingħajr ma jkun hemm għalfejn jissuġġettaw ruħhom għal programm politiku vinkolanti li jippreġudika l-indipendenza politika tagħhom u l-proċess demokratiku. Billi pprojbixxa l-formazzjoni tal-Grupp TDI, meta l-għan leġittimu tiegħu kien li jtemm id-diskriminazzjonijiet subiti mill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, il-Parlament ippreġudika, għal raġunijiet politiċi, il-libertà ta’ assoċjazzjoni.

231    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li l-prinċipju ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni, li huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 11 tal-KEDB u li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kif ġie rikonoxxut barra minn hekk fil-preambolu ta’ l-Att Uniku Ewropew u fl-Artikolu 6(2) UE, huma protetti fl-ordni ġuridiku Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 79, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 137).

232    Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li dan il-prinċipju huwa intiż li japplika fuq il-livell ta’ l-organizzazzjoni interna tal-Parlament, għandu jiġi enfasizzat li dan il-prinċipju mhuwiex prinċipju assolut. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ assoċjazzjoni jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet li jissodisfaw motivi leġittimi, sakemm dawn il-limitazzjoni ma jikkostitwixxux, fid-dawl ta’ l-għan tagħhom, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. I-2609, punt 18, u tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 45; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Le Compte, Van Leuven u De Meyere, tat-23 ta’ Ġunju 1981, serje A, nru 43, punt 65).

233    F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni ma jipprekludix li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tiegħu, il-Parlament jissuġġetta l-formazzjoni ta’ grupp ta’ Membri fi ħdanu għal rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi (ara l-punti 145 u 149 aktar ‘il fuq) u jipprojbixxi, kif jirriżulta mill-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, il-formazzjoni ta’ grupp li, bħall-Grupp TDI, ma jirrispettax b’mod ċar tali rekwiżit. Tali miżuri, li jissodisfaw motivi leġittimi, ma jaffettwax id-dritt tal-Membri kkonċernati li jorganizzaw ruħhom fi grupp filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet preskirtti għal dan il-għan fir-Regoli tal-Proċedura.

234    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni ma jistax jiġi invokat b’suċċess mis-Sinjuri Martinez u de Gaulle sabiex jikkontestaw il-validità ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura adottata mill-Parlament u n-nuqqas ta’ rikonoxximent min-naħa ta’ dan ta’ l-aħħar tal-Grupp TDI.

235    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-tradizzjonijiet parlamentari komuni għall-Istati Membri

236    Is-Sinjuri Martinez u de Gaulle jsostnu li, billi pprojbixxa l-formazzjoni ta’ gruppi mħallta, meta tali projbizzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament, fl-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, jadotta interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu li mhijiex konformi mal-parti l-kbira tal-leġiżlazzjonijiet u tal-prassi parlamentari ta’ l-Istati Membri. Huma jinvokaw is-sitwazzjoni fis-seħħ fil-parlament Taljan u dak Spanjol fejn il-Membri indipendenti huma affiljati ex officio fi grupp imħallat li jibbenefika mill-istess status u mill-istess privileġġi bħall-gruppi politiċi.

237    Huma jenfasizzaw ukoll il-karatteristiċi tas-sistema parlamentari Ġermaniża. Din is-sistema, li skondhom hija bbażata fuq kunċett analogu għal dak tas-sistema parlamentari Ewropea, tawtorizza l-formazzjoni ta’ gruppi parlamentari mħallta bil-ftehim tal-Bundestag. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża tiggarantixxi lill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku drittijiet ekwivalenti għal dawk tal-Membri parlamentari li jagħmlu parti minn tali grupp. Is-sistema parlamentari Ġermaniża, ikkunsidrata bħala l-aktar waħda stretta fl-Ewropa, hija għaldaqstant anqas preġudizzjali għad-drittijiet individwali tal-Membri minn dik li tirriżulta mill-interpretazzjoni sostnuta mill-Parlament fl-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999.

238    Il-Front National isostni li l-livell ta’ diskriminazzjoni maħluq mill-Parlament bejn il-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku u l-Membri tal-gruppi politiċi ma jinsab fl-ebda assemblea parlamentari nazzjonali. L-eżempji meħuda mill-prassi parlamentari fis-seħħ f’diversi Stati Membri (ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja) jindikaw li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 huwa manifestament kuntrarju għad-dritt parlamentari komparattiv.

239    Is-Sinjuri Bonino et isostnu li n-nuqqas ta’ rikonoxximent mill-Parlament tad-dritt tal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku għall-privileġġi marbuta mas-sħubija fi grupp politiku mhuwiex koerenti mal-prassi parlamentari applikata f’diversi Stati Membri.

240    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, l-ewwel nett, li, anki jekk jitqies li l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-qorti Komunitarja, fl-assigurazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, għandha tfittex ispirazzjoni fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 4, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 13) tapplika, permezz ta’ analoġija, għat-tradizzjonijiet parlamentari komuni għall-Istati Membri, l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, safejn jipprojbixxi l-formazzjoni ta’ gruppi li l-Membri tiegħu jinnegaw, bħal f’dan il-każ, kull affinità politika bejniethom, ma jistax jitqies bħala kuntrarju għal tradizzjoni parlamentari komuni għall-Istati Membri.

241    Fil-fatt, l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fl-atti proċesswali tagħhom jindikaw, l-aktar l-aktar, li l-formazzjoni ta’ gruppi tekniċi jew imħalla hija aċċettata f’xi assemblea parlamentari nazzjonali.

242    Għall-kuntrarju, dawn l-indikazzjonijiet ma jippermettux li jiġi eskluż li l-parlamenti nazzjonali li, bħall-Parlament, jissuġġettaw il-formazzjoni ta’ grupp fi ħdanhom għal rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi jadottaw, fir-rigward ta’ stqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp simili għal dak tal-Grpp TDI, interpretazzjoni identika bħal dik adottata mill-Parlament fl-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999. Dawn l-indikazzjonijiet lanqas ma jippermettu li jiġi konkluż li l-formazzjoni ta’ grupp, bħall-Grupp TDI, li l-Membri tiegħu jindikaw espressament li l-grupp m’għandu ebda natura politika, hija possibbli fil-parti l-kbira tal-parlamenti nazzjonali.

243    It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li l-allegati diskriminazzjonijiet magħmula mill-Parlament bejn il-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku, bħalma huma l-Membri li għamlu l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI b’effett ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, u l-Membri tal-gruppi politiċi ma jirriżutlawx minn dan l-att iżda mid-dispożizzjonijiet interni tal-Parlament identifikati fil-punt 156 aktar ‘il fuq.

244    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir eżami ta’ dritt komparattiv fir-rigward ta’ l-istatus mogħti lill-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku jew indipendenti fid-diversi parlamenti nazzjonali, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jiddiskrimina bejn il-Membri tal-Grupp TDI u dawk tal-gruppi politiċi kuntrarjament għat-tradizzjonijiet parlamentari komuni għall-Istati Membri.

245    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali

246    Il-Front National jinvoka motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-Front National isostni li l-portata ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 tmur lil hinn minn interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura. Fit-tieni parti, huwa jsostni ma kienx hemm votazzjoni f’assemblea plenarja dwar ix-xoljiment tal-Grupp TDI. Fit-tielet parti, huwa jqajjem ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv

247    Fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Front National isostni li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 huwa aktar minn interpretazzjoni ġenerali u deklaratorja. Skondu, dan l-att jikkostitwixxi deċiżjoni b’effett retroattiv għad-data ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI, u jissuġġetta l-formazzjoni ta’ grupp għal kundizzjoni ġdida li, skond l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, kienet ta’ natura fakultattiva, jiġifieri l-eżistenza ta’ affinitajiet politiċi bejn il-Membri tal-grupp ikkonċernat. In sostenn ta’ l-argumenti tiegħu, il-Front National isemmi eżempji ta’ gruppi tekniċi aċċettati taħt leġiżlaturi preċedenti u taħt il-leġiżlatura attwali, eżempji li juri li f’dan il-każ il-Parlament impona l-kontroll diskrezzjonali tiegħu fir-rigward ta’ l-osservanza ta’ kundizzjoni fakultattiva u kiser regola konswetudinarja li qatt qabel ma kienet ġiet ikkontestata.

248    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tifhem l-argumenti mressqa mill-Front National f’din il-parti tal-motiv bħala intiżi li jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Parlament kiser rekwiżiti proċedurali essenzjali meta, permezz ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, minbarra d-deċiżjoni li jadotta l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, ħa d-deċiżjoni li jikkonstata l-ineżistenza ex tunc tal-Grupp TDI.

249    Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda.

250    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, minn naħa, li l-Front National ma jidentifkax ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali allegatament miksura mill-Parlament meta ddeċieda, fl-14 ta’ Settembru 1999, li jikkonstata l-ineżistenza ex tunc tal-Grupp TDI fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura adottata fl-istess jum f’seduta plenarja.

251    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 180(5) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura, l-interpretazzjonijiet adottati mill-Parlament għandhom jiddaħħlu fil-forma ta’ noti ta’ spjegazzjoni marbuta ma’ l-artikolu jew l-artikoli rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura u dawn in-noti ta’ spjegazzjoni jikkostitwixxu preċedent, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni ta’ l-artikoli kkonċernati. Kuntrarjament għall-Artikolu 181(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ emenda tar-Regoli tal-Proċedura u li jipprovdi li tali emenda tidħol fis-seħħ biss fl-ewwel jum tal-perijodu ta’ sessjoni ta’ wara l-adozzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet imsemmija ta’ l-Artikolu 180 tar-Regoli tal-Proċedura ma jissuġġettawx l-applikazzjoni, f’każ partikolari, ta’ l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura adottata mill-Parlament għall-osservanza ta’ xi terminu jew ta’ xi formalità.

252    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-effett ex tunc tad-deċiżjoni ta’ kontestazzjoni ta’ l-ineżistenza tal-Grupp TDI, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni li l-Parlament jagħti lil dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni kif din għandha u kif kellha tinftiehem u applikata minn meta kienet daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni interpretata b’dan il-mod tista’ tiġi applikata għal sitwazzjonijiet li mmaterjalizzaw qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni interpretattiva.

253    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tifhem l-argumenti mressqa mill-Front National f’din il-parti tal-motiv bħala intiżi li jsostnu, fit-tieni lok, li, fid-dawl tal-fatt li gruppi tekniċi kienu ġew aċċettati taħt il-leġiżlaturi preċedenti u taħt il-leġiżlatura attwali, għandu jitqies li l-Parlament, meta ċaħad f’dan il-każ li jirrikonoxxi l-formazzjoni tal-Grupp TDI, emenda l-portata ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura minkejja l-interpretazzjoni kostanti li din id-dispożizzjoni kienet dejjem ingħatat. B’hekk, il-Parlament ta lill-kundizzjoni dwar l-affinitajiet politiċi natura obbligatorja li qabel ma kellhiex u impona, b’mod mhux ġustifikat, il-kontroll tiegħu fir-rigward ta’ l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.

254    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 84, 85 u 87 sa 89 aktar ‘il fuq, il-fatt li l-Parlament ma kkontestax il-formazzjoni tal-gruppi msemmija mill-Front National fil-kuntest ta’ dawn l-argumenti mhuwiex ta’ natura li jikkontradixxi l-analiżi magħmula fil-punti 80 sa 82 u 101 sa 124 aktar ’il fuq. Minn din l-analiżi jirriżulta li l-kriterju dwar l-affinitajiet politiċi, li skond id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament fis-seduta dejjem kien preżenti fil-verżjonijiet preċedenti tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu f’termini identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jitqies li huwa kundizzjoni imperattiva għall-formazzjoni ta’ grupp politiku u li dan kien il-każ minn meta bdiet tiffunzjona din l-istituzzjoni. Minn din l-analiżi jirriżulta wkoll li l-Parlament, bħala parti mill-kompetenza tiegħu sabiex japplika u jinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, għandu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jipprojbixxi l-formazzjoni ta’ grupp li, bħall-Grupp TDI, ma josservax b’mod manifest din il-kundizzjoni.

255    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv

256    Fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Front National isostni, fl-ewwel lok, li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ma kienx kompetenti li jieħu deċiżjoni partikolari fir-rigward tal-konformità ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

257    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, skond il-punt XV 8 ta’ l-Anness VI tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali huwa kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura skond, b’mod partikolari, l-Artikolu 180 ta’ dawn ir-Regoli.

258    Skond l-Artikolu 180(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ ta’ dubju dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Parlament jista’ jirreferi l-kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Skond l-Artikolu 180(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-Kumitat jiddeċiedi li interpretazzjoni tar-Regoli eżistenti hija biżżejjed, dan għandu jgħaddi l-interpretazzjoni tiegħu lill-President tal-Parlament, li għandu jgħarraf lill-Parlament b’dan.

259    Id-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti għandhom jinqraw fis-sens li jagħtu kompetenza lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, fil-każ li l-kwistjoni titressaq quddiemu, li jipproponi lill-Parlament l-interpretazzjoni tiegħu tar-Regoli tal-Proċedura in konnessjoni mal-każ problematiku partikolari li minħabba fih kien sar ir-riferiment.

260    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti 29 u 30 aktar ’il fuq jirriżulta li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ntalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI. Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta wkoll li, wara l-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Lulju 1999, dan il-Kumitat, minn naħa, għarraf lill-President tal-Parlament li kien interpreta d-dispożizzjoni msemmija fis-sens li ma tippermettix il-formazzjoni ta’ dan il-grupp minħabba li l-istqarrija msemmija kienet teskludi kull affinità politika u kienet tagħti indipendenza politika totali lill-Membri ta’ dan il-grupp u, min-naħa l-oħra, ippropona interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li kienet ispirata mill-każ partikolari li kien inizjalment wassal għar-riferiment tal-kwistjoni quddiem dan il-Kumitat.

261    Meta għamel dan, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali baqa’ fil-limiti tal-kompetenzi li huwa għandu taħt id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-punt XV 8 ta’ l-Anness VI u ta’ l-Artikolu 180 tar-Regoli tal-Proċedura.

262    Fit-tieni lok, il-Front National jallega li d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-Grupp TDI ma kinitx is-suġġett ta’ votazzjoni f’seduta plenarja. Skondu, l-interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biss kienet suġġetta għal vot u, la darba ġiet adottata din l-interpretazzjoni, il-President tal-Parlament iddikjarat li l-vot kien ikkonċerna anki d-deċiżjoni msemmija. Minkejja li, taħt l-Artikolu 180(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament kien imissu ddeċieda dwar din l-interpretazzjoni biss, huwa b’hekk ġie implikat fl-adozzjoni ta’ test li tiegħu huwa ma setax ikollu għarfien sħiħ.

263    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, matul is-seduta plenarja tat-13 ta’ Settembru 1999, il-President tal-Parlament qrat lill-assemblea parlamentari l-kontenut ta’ l-ittra li kienet intbagħtitilha fit-28 ta’ Lulju 1999 mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, kif inhuwa indikat fil-punt 38 aktar ’il fuq. Għaldaqstant, hija informat lill-Parlament, minn naħa, dwar l-interpretazzjoni partikolari ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura proposta minn dan il-Kumitat fir-rigward ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI u dwar il-motivi ta’ din l-interpretazzjoni partikolari, u, min-naħa l-oħra, dwar il-kontenut tat-test li dan il-Kumitat kien ippropona li jiddaħħal bħala interpretazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

264    Informati b’dan il-mod, il-Membri, wara l-oppożizzjoni formali mressqa mill-Grupp TDI kontra din l-interpretazzjoni ġenerali, ivvotaw dwarha b’għarfien ta’ l-implikazzjonijiet partikolari ta’ tali vot fuq l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI. Huma neċessarjament fehmu li, bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-interpretazzjoni msemmija, huma kienu qegħdin jiddeċiedu fl-istess ħin dwar il-konformità ta’ din l-istqarrija ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u, għaldaqstant, dwar il-futur tal-Grupp TDI. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx meħtieġ vot separat dwar dan il-punt.

265    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv

266    Fit-tielet parti ta’ dan il-motiv, il-Front National jesponi li, peress li, qabel l-adozzjoni ta’ l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999, ma organizzax dibattitu fejn il-Membri tal-Grupp TDI setgħu jiddefendu ruħhom fir-rigward ta’ l-ilment dwar in-nuqqas ta’ affinitajiet politiċi bejniethom, il-Parlament ma rrispettax il-prinċipju tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Huwa jżid li d-dibattiti tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali saru bil-magħluq u li l-Membri tal-Grupp TDI pparteċipaw fihom bħala membri istituzzjonali ta’ dan il-Kumitat.

267    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, bejn l-20 ta’ Lulju 1999, meta l-presidenti tal-gruppi politiċi kkontestaw il-konformità tal-Grupp TDI ma’ l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u l-14 ta’ Settembru 1999, il-Membri ta’ dan il-grupp kellhom diversi okkażjonijiet sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom quddiem il-Membri l-oħra fir-rigward tal-kritika magħmula dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ dan il-grupp mad-dispożizzjoni msemmija.

268    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-minuti tal-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-21 u tat-22 ta’ Lulju 1999 jindikaw żewġ interventi mis-Sinjuri Bonino, bħala l-aġent president tal-Grupp TDI, dwar il-punt 2 ta’ l-aġenda ddedikat għall-formazzjoni ta’ dan il-grupp. Matul din il-laqgħa, hija b’mod partikolari “ppreżentat in-nota tagħha fejn indikat diversi gruppi tekniċi li kienu nħolqu qabel u nnotat li r-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament ma nbidlux fir-rigward tal-kwistjoni ta’ l-affinità politika”. Hija indikat ukoll “xi riżervi fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ l-affinità politika”.

269    It-tieni nett, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tat-28 ta’ Lulju 1999 jindikaw, fil-punt iddedikat għall-“[i]nterpretazzjoni ta’ l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-formazzjoni tal-[Grupp TDI]”, li saru interventi mis-Sinjuri Speroni u Dupuis. L-indikazzjoni “(TDI)” li tinsab ħdejn l-ismijiet tagħhom turi li dawn esprimew ruħhom f’isem il-Grupp TDI u ġew irrikonoxxuti bħala tali mill-Membri l-oħra tal-Kumitat.

270    B’mod partikolari, is-Sur Speroni sostna li:

“Il-formalitajiet kollha meħtieġa għall-formazzjoni ta’ grupp ġew osservati. Il-grupp imħallat mhuwiex inkompatibbli ma’ l-eżistenza ta’ gruppi oħra bħala mezz sabiex tinbidel is-sitwazzjoni tal-Membri li ma jagħmlux parti minn grupp politiku. In-‘nuqqas ta’ affinitajiet politiċi’ jeżisti anki fil-gruppi l-oħra tal-Parlament Ewropew […] L-istatus ta’ Membru parlamentari individwali mhuwiex effiċjenti. Mhumiex il-gruppi l-oħra li għandhom jiddeċiedu dwar il-ħolqien jew le ta’ gruppi oħra […] L-Artikolu 29 ma jeżiġix ġustifikazzjoni ta’ dawn l-‘affinitajiet politiċi’. Fuq livell minimu, affinitajiet minimi fuq bażi komuni minima.”

271    Fir-rigward ta’ din il-laqgħa, għandu jingħad ukoll li mill-minuti ta’ din il-laqgħa ma jirriżultax li l-Kumitat iltaqa’ bil-magħluq. Barra minn hekk, il-Front National ma jressaq ebda element ta’ prova ta’ natura li juri li Membri li ma jagħmlux parti minn dan il-Kumitat kienet talbu sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu abbażi ta’ l-Artikolu 166(3) tar-Regoli tal-Proċedura u ma tħallewx jagħmlu dan.

272    It-tielet nett, waqt l-eżami ta’ l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 dwar l-adozzjoni tal-minuti tas-seduta tal-ġurnata ta’ qabel, is-Sur Gollnisch esprima, f’isem il-Grupp TDI, il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“Bil-permess tagħkom, nixtieq li fil-qasir ħafna ngħid ukoll għalfejn, fil-fehma tagħna, l-interpretazzjoni [ta’ l-Artikolu 29] m’għandhiex tiġi adottata. L-Artikolu 29(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jipprovdi li stqarrija ta’ formazzjoni ta’ grupp għandha tindika l-isem tal-grupp, l-isem tal-Membri tiegħu u l-kompożizzjoni tal-Bureau tiegħu. Dawn huma l-uniċi tliet rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura tagħna.

Jekk, għeżież kollegi, forsi b’nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-minoritajiet jew bħala espressjoni ta’ rieda eġemonika tal-gruppi l-kbar, tagħżlu interpretazzjoni li tmur lil hinn mid-diċitura tar-[Regoli tal-Proċedura], minkejja li din hija ċara ħafna, niġbed l-attenzjoni tagħkom għall-fatt li tkunu qegħdin toħolqu preċedent importanti u ta’ ħsara kbira li xi darba jista’ jolqot lil kull wieħed mill-gruppi jew gruppi sekondarji ta’ din l-Assemblea.

Fil-fatt, intom tkunu qegħdin tagħtu lill-maġġoranza ta’ l-Assemblea, kif tinsab fil-preżent, il-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-affinitajiet politiċi li jistgħu jeżistu bejn Membri individwali li madankollu jkunu ffirmaw l-istqarrija tal-formazzjoni ta’ grupp, u aħna nafu tajjeb biżżejjed li jeżistu, inkluż fi ħdan il-gruppi b’maġġoranza, diviżjonijiet li ċertament ma jaqblux bejniethom dwar programm politiku komuni.”

273    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

274    Minn dan isegwi li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq preżunzjoni ta’ abbuż proċedurali

275    Il-Front National jinvoka preżunzjoni ta’ abbuż proċedurali. Filwaqt li jevoka l-emendi magħmula fil-passat għall-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar id-diskors li jiftaħ il-leġiżlatura l-ġdida, għall-Artikolu 34, dwar il-mozzjoni ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni, u għall-Artikolu 126, dwar il-kworum, huwa jsostni li l-att ta’ l-14 ta’ Settembru 1999 jagħmel parti, l-istess bħal dawn l-emendi, mir-rieda tal-Parlament li jnaqqas sistematikament id-drittijiet ta’ ċerti Membri, b’mod partikolari tal-Membri tal-Front National.

276    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex ikun hemm abbuż ta’ poter, li tiegħu l-abbuż proċedurali huwa biss forma waħda, huwa meħtieġ li joħroġ biċ-ċar, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u koerenti, li l-att ikkontestat kien ġiet adottat bl-iskop esklużiv, jew minn ta’ l-anqas bl-iskop determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1997, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-285/94, Ġabra p. I-3519, punt 52, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punt 68).

277    Issa, f’dan il-każ, eżempji ta’ emendi preċedenti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament mhumiex ta’ natura li juri li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament fl-14 ta’ Settembru 1999 (ara l-punt 46 aktar ’il fuq) kienu r-riżultat ta’ rieda intenzjonata tal-Parlament li jolqot id-drittijiet ta’ ċerti Membri, b’mod partikolari ta’ dawk tar-rikorrent fil-kawża T-327/99. Għall-kuntrarju, mill-analiżi magħmula fil-punti 101 sa 124 aktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament, f’dan il-każ, uża b’mod legali l-poter diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tal-konformità ta’ grupp mar-rekwiżit ta’ affinitajiet politiċi stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura u li, meta kellu quddiemu nuqqas ta’ affinitajiet politiċi daqstant manifest bħalma kien il-każ ta’ l-istqarrija ta’ formazzjoni tal-Grupp TDI, il-Parlament ma kellux għażla oħra ħlief li jikkonstata l-ineżistenza ta’ dan il-grupp TDI minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit imsemmi.

278    Minn dan isegwi li d-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

279    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

280    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, kull wieħed minnhom għandu jbati, skond it-talbiet tal-Parlament, l-ispejjeż rispettivi tiegħu u dawk tal-Parlament fil-kawża kkonċernata, inklużi, fir-rigward tal-kawża T-222/99, l-ispejjeż tal-proċedura sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Il-kawżi T-222/99, T-327/99 u T-329/00 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ir-rikorrenti huma kkundannati, f’kull kawża, għall-ispejjeż rispettivi tagħhom u dawk tal-Parlament, inklużi, fir-rigward tal-kawża T-222/99, l-ispejjeż marbuta mal-proċedura sommarja.

Azizi

Lenaerts

Moura Ramos

Jaeger

 

      Vilaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Ottubru 2001.

H. Jung

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u t-Taljan.