Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2023 minn Tigran Khudaverdyan mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-335/22

(Kawża C-704/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Tigran Khudaverdyan (rappreżentanti: F. Bélot u T. Bontinck, avocats, u M. Brésart, avocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Settembru 2023, T-335/22, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kundanna tal-appellant għall-ispejjeż rispettivi tiegħu u għal dawk sostnuti mill-Kunsill;

tevalwa r-rikors fuq il-mertu u tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn jinkludu u jżommu isem l-appellant fil-listi annessi mal-imsemmija atti, jiġifieri:

a.    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 44), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87 I, p. 1);

b.    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, tal-14 ta’ Settembru 2022, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1)

c.    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat-13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1);

tordna, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn l-atti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ negozjant ewlieni (i.) kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern (ii.). Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tar-rabta’ bejn l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi u l-aġir individwali tar-rikorrent (iii.).

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni u r-raġunament li jinsab fl-espożizzjoni tal-motivi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet ikkontestati adottati mill-Kunsill bl-evalwazzjoni u bir-raġunament tagħha.

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-evalwazzjoni żbaljata tal-motiv żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali relatat mal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn hija fixklet il-kapaċità tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jilħqu l-għanijiet imfittxija mill-miżuri mal-proporzjonalità tagħhom fis-sens strett tal-kelma.

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni billi llimitat l-eżami tagħha għall-formulazzjoni tal-kriterju li jidher fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK mingħajr ma analizzat jekk, fil-prattika, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kinitx tiżvela diskriminazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali fixklet il-kapaċità u l-proporzjonalità fis-sens strett tal-kelma tal-miżuri restrittivi (it-tielet aggravju), l-appellant jesponi wkoll, fir-raba’ aggravju tiegħu, li anki r-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali tal-appellant u li jagħmel riferiment għall-eżami li hija wettqet tal-proporzjonalità, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

____________