Language of document : ECLI:EU:C:2024:282

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rimedju straordinarju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ċivili magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva – Motivi – Deċiżjoni sussegwenti ta’ qorti kostituzzjonali li tikkonstata l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha ngħatat dik is-sentenza – Ċaħda tal-possibbiltà li tittieħed azzjoni minħabba ksur tad-dritt – Applikazzjoni estensiva ta’ dan ir-rimedju – Allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt taħt l-Artikolu 267 TFUE – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Sentenza fil-kontumaċja – Assenza ta’ verifika ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali”

Fil-Kawża C‑582/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja-Praga, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

FY

vs

Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, F. Biltgen, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Ziemele, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, A. Szmytkowska u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FY u Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej (iktar ’il quddiem “Profi Credit Polska”) dwar somom dovuti minn FY b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), tistipula:

“Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

5        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

6        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

 Iddritt Pollakk

 IlKostituzzjoni Pollakka

7        Il-punt 1 tal-Artikolu 188 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Pollakka”) jipprevedi li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) għandha tiddeċiedi dwar il-konformità ma’ din il-Kostituzzjoni, b’mod partikolari, tal-liġijiet.

8        L-Artikolu 190(1) sa (4) tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] huma vinkolanti erga omnes u definittivi.

2.      Id-deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 188 għandhom jitħabbru mingħajr dewmien fil-korp uffiċjali li fih ġie mħabbar l-att leġiżlattiv. Jekk l-att ma jkunx ġie ppromulgat, id-deċiżjoni għandha titħabbar fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja ‘Monitor Polski’.

3.      Id-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, madankollu t-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)] tista’ tistabbilixxi data oħra għat-telf tas-saħħa vinkolanti tal-att leġiżlattiv. […]

4.      Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni, ma’ trattat jew ma’ att normattiv li fuq il-bażi tiegħu ngħatat sentenza definittiva, deċiżjoni amministrattiva definittiva jew sentenza f’oqsma oħra, għandha tkun bażi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, jew għall-annullament tad-deċiżjoni jew ta’ sentenza oħra, skont ir-regoli u l-prinċipji speċifikati f’dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċeduri inkwistjoni”.

 IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

9        L-Artikolu 399(1) tal-ustawa - Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

“Fil-każijiet previsti f’din it-taqsima, jista’ jintalab il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun ingħalqet b’sentenza definittiva”.

10      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jista’ jintalab minħabba nullità “jekk parti […] tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt; madankollu, ma jistax jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jekk l-impossibbiltà li tittieħed azzjoni tkun waqfet qabel ma s-sentenza tkun saret res judicata jew jekk l-assenza ta’ rappreżentazzjoni tkun ġiet invokata bħala eċċezzjoni jew jekk il-parti tkun ikkonfermat l-istadji [preċedenti] tal-proċedura li jkunu saru”.

11      L-Artikolu 4011 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Jista’ jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura wkoll fil-każ li t-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] tkun ikkonstatat l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali rrattifikat jew att leġiżlattiv li abbażi tiegħu tkun ingħatat is-sentenza”.

12      L-Artikolu 407(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

“1.      It-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur; dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha l-parti tkun saret taf bir-raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid u, jekk din ir-raġuni tkun tikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ possibbiltà tal-parti li tieħu azzjoni jew fl-assenza ta’ rappreżentanza xierqa, sa mill-ġurnata li fiha l-parti, il-korp jew ir-rappreżentant legali tagħha jsiru jafu bis-sentenza.

2.      Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4011, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)] tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Jekk, fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny [(il-Qorti Kostituzzjonali)], id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4011 tkun għadha ma saritx definittiva minħabba l-preżentata ta’ appell, li jkun ġie miċħud sussegwentement, it-terminu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda jew, jekk din tkun ingħatat waqt seduta pubblika, mid-data tal-għoti ta’ dik id-deċiżjoni”.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fis‑16 ta’ Ġunju 2015, FY ikkonkludiet ma’ Profi Credit Polska, impriża ta’ kreditu, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għal ammont ta’ 4 000 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 920). Dan il-kuntratt kien jipprevedi li s-somma totali dovuta minn FY kienet tammonta għal PLN 13 104 (madwar EUR 3 020), rimborsabbli fi 48 pagament mensili ta’ PLN 273 (madwar EUR 63).

14      Mal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, FY ħarġet ċedola in bjank, li sussegwentement ġiet ikkompletata minn Profi Credit Polska billi indikat is-somma ta’ PLN 8 170.11 (madwar EUR 1 880) u data ta’ skadenza tal-ħlas.

15      Fit‑30 ta’ Ottubru 2017, Profi Credit Polska ppreżentat quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Pragi – Południe (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja Praga tan-Nofsinhar, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”), azzjoni intiża għall-ħlas tas-somma ta’ PLN 8 170.11 bħala somma prinċipali, flimkien mal-interessi kuntrattwali. Mar-rikors promotur ġew annessi biss l-imsemmija ċedola u n-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet issemmi bilanċ ta’ kreditu li kellu jiġi rrimborsat ta’ PLN 6 779 (madwar EUR 1 560) u l-ammont totali tal-arretrati, li kien jikkorrispondi għas-somma ta’ PLN 8 170.11.

16      Fis‑17 ta’ April 2018, il-qorti tal-ewwel istanza tat sentenza fil-kontumaċja (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kontumaċja”), bil-formula li tawtorizza l-eżekuzzjoni immedjata tagħha, li kkundannat lil FY tħallas lil Profi Credit Polska s-somma ta’ PLN 8 170.11, flimkien mal-interessi moratorji legali, u ċaħdet il-kap tat-talba dwar l-interessi kuntrattwali.

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li dik is-sentenza kienet ibbażata biss fuq iċ-ċedola ffirmata minn FY u d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-rikors ta’ Profi Credit Polska. Din tal-aħħar ma ppreżentatx il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-qorti tal-ewwel istanza ma talbithiex tippreżentah.

18      FY ma ppreżentatx oppożizzjoni kontra s-sentenza fil-kontumaċja, li saret definittiva fi tmiem it-terminu ta’ ġimagħtejn previst għal dan l-għan.

19      Fil‑25 ta’ Ġunju 2019, FY ressqet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz tas-sentenza fil-kontumaċja. FY ibbażat din it-talba fuq il-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, billi qieset li dik il-qorti kienet interpretat id-Direttiva 93/13 b’mod żbaljat u għalhekk ċaħħditha mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, FY ikkritikat lill-imsemmija qorti li laqgħet it-talba ta’ Profi Credit Polska abbażi taċ-ċedola li hija kienet ħarġet, mingħajr ma eżaminat in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu li hija kienet ikkonkludiet magħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispiża minbarra l-interessi tal-kreditu. F’dan ir-rigward, FY invokat b’mod partikolari s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Profi Credit Polska I”, EU:C:2018:711). Profi Credit Polska, min-naħa tagħha, talbet li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura tiġi miċħuda, għar-raġuni li din kienet tressqet wara l-iskadenza tat-terminu previst għal dan l-għan. Hija invokat ukoll il-fatt li FY, li kienet taf il-kontenut tas-sentenza fil-kontumaċja, ma kinitx ressqet oppożizzjoni kontriha.

20      Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Awwissu 2020, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bħala li tressqet wara l-iskadenza tat-terminu u barra minn hekk irrilevat li din it-talba ma kinitx ibbażata fuq motiv legali.

21      FY appellat minn dak id-digriet quddiem is-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja-Praga, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi kkritikat b’mod partikolari lill-qorti tal-ewwel istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li l-qorti tal-ewwel istanza ma eżaminatx il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas, għaldaqstant, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li kien fih, huwa probabbli li s-sentenza fil-kontumaċja tikser l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Profi Credit Polska I.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix fuqha l-obbligu li tilqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura mressqa minn FY, indipendentement mill-fatt li din ma ressqitx oppożizzjoni kontra s-sentenza fil-kontumaċja.

24      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata kif ukoll in-natura irriversibbli tas-sentenzi definittivi, issemmi l-assenza, fid-dritt Pollakk, ta’ dispożizzjoni li tipprevedi espressament li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura u tirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali obbligu ġenerali ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri li jkunu taw lok għal deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

25      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jimponux fuqha l-obbligu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Pollakk b’mod li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Hija tagħmel riferiment b’mod iktar partikolari għal żewġ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

26      Fl-ewwel lok, dik il-qorti ssemmi l-Artikolu 4011 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva wara deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li tikkonstata l-antikostituzzjonalità tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha tkun ingħatat dik is-sentenza. Hija tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jobbligahiex tapplika din id-dispożizzjoni, b’analoġija, f’sitwazzjoni fejn, wara li sentenza nazzjonali tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun il-bażi ta’ dik is-sentenza.

27      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-punt (2) tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva meta parti tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt. Dik il-qorti tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jimponix l-obbligu li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll il-każijiet li fihom qorti nazzjonali li tkun iddeċidiet fil-kontumaċja fuq ir-rikors ta’ bejjiegħ jew fornitur, ibbażat fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur, ma tkunx eżaminat ex officio l-eżistenza eventwali f’dan il-kuntratt ta’ klawżoli inġusti, bi ksur tad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja huma simili ħafna għal dawk dwar id-dritt li ssir oppożizzjoni għal digriet ġudizzjarju għal ordni ta’ ħlas li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Profi Credit Polska I, li, minħabba n-natura partikolarment restrittiva tagħhom, dawn kellhom ir-riskju sinjifikattiv li l-konsumatur ikkonċernat ma jeżerċitax dan id-dritt u li għalhekk dawn ma kinux jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy Warszawa-Praga (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja-Praga) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) [TUE] fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li sentenzi tal-[Qorti tal-Ġustizzja] dwar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 267(1) TFUE jservu bħala bażi għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ċivili konkluża permezz ta’ sentenza definittiva preċedenti, fil-każ fejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 4011 tal-[Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], tawtorizza l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-każ ta’ għoti ta’ sentenza definittiva fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni [tad-dritt nazzjonali] li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) qieset li kienet inkompatibbli ma’ att legali superjuri?

2)      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformement mad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE […] jirrikjedi interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-[Kodiċi tal-Proċedura Ċivili] b’tali mod li tinkludi fil-bażi għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri stabbiliti fl-imsemmi artikolu sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, li fiha qorti, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza [Profi Credit Polska I], naqset milli teżamina kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ kreditur fir-rigward ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti fejn illimitat ruħha sempliċement għall-eżami tal-validità formali ta’ ċedola?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

29      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, wara t-talba għal informazzjoni li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fil-kuntest tal-ewwel domanda, hija tagħmel riferiment, fl-istess ħin, kemm għad-deċiżjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 190(4) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li permezz tagħhom it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat l-inkompatibbiltà ma’ din il-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li abbażi tagħha ngħatat sentenza definittiva, kif ukoll għad-deċiżjonijiet imsejħa “interpretattivi negattivi”, li permezz tagħhom din il-qorti tal-aħħar ikkonstatat l-inkompatibbiltà mal-imsemmija Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li serviet ta’ bażi għal tali sentenza.

30      Il-qorti tar-rinviju indikat li, minkejja li l-portata ta’ dawn id-deċiżjonijiet interpretattivi negattivi fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva hija kontroversjali, hija tqis li l-għoti ta’ tali deċiżjoni jikkostitwixxi raġuni għall-ftuħ mill-ġdid ta’ tali proċedura fid-dritt Pollakk. Il-Gvern Pollakk jikkontesta din l-interpretazzjoni.

31      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, qabelxejn, li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C-618/10, EU:C:2012:349, punt 76, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 26).

32      Għaldaqstant, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din id-domanda kif ippreċiżata mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

33      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta rimedju straordinarju stabbilit minn dispożizzjoni proċedurali nazzjonali jippermetti lil parti f’kawża titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva billi tinvoka deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li abbażi tagħha tkun ingħatat dik is-sentenza, dawn jimponu li dan ir-rimedju jkun disponibbli wkoll minħabba l-invokazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni”).

34      Fir-rigward tal-Artikolu 19(1) TUE, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih biss, jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jimplikax l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu rimedji ġudizzjarji straordinarji li jippermettu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva wara deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni.

36      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, dan ikollu, bħala prinċipju, jirriforma tali deċiżjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 60, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 38).

37      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għalhekk, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, b’osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 54, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 21).

40      Fil-fatt, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-osservanza tar-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-qorti nazzjonali li tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ ekwivalenza, li huwa l-uniku wieħed imsemmi f’din id-domanda, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji applikabbli fid-dritt nazzjonali, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju fid-dawl tas-suġġett, tal-kawża u tal-elementi essenzjali tar-rimedji kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C-448/17, EU:C:2018:745, punt 40, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 23).

44      Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, din il-verifika timplika li jiġi eżaminat jekk, meta d-dritt nazzjonali jagħti lill-partijiet f’kawża d-dritt li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew fuq ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, iddikjarata inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), ikunx neċessarju li jiġi rrikonoxxut lill-partijiet f’kawża dritt ekwivalenti meta minn deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement għal tali sentenza definittiva jkun jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew fuq interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija verifika twassal, b’mod definittiv, sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi stabbilita ekwivalenza bejn tali deċiżjoni ta’ din il-qorti kostituzzjonali u tali sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45      F’dan ir-rigward, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidher, fid-dawl tal-punt 1 tal-Artikolu 188 u tal-Artikolu 190(4) tal-Kostituzzjoni Pollakka kif ukoll tal-indikazzjonijiet ipprovduti minn dik il-qorti, li l-għan ta’ rikors quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) huwa li jinkiseb minnha li din tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni. Ir-raġuni ta’ dan ir-rikors tinsab fl-allegata inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, jew ta’ din l-interpretazzjoni, ma’ din il-Kostituzzjoni jew ma’ regoli oħra ta’ livell superjuri.

46      Barra minn hekk, element essenzjali ta’ din il-proċedura jidher li jinsab fl-effett ta’ deċiżjoni li tilqa’ tali rikors, li permezz tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, minħabba tali deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), id-dispożizzjoni kkonċernata hija mċaħħda mill-effett vinkolanti tagħha. Peress li l-Artikolu 190(1) ta’ din il-Kostituzzjoni jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ dik il-qorti huma obbligatorji erga omnes u definittivi, dik id-deċiżjoni għalhekk tidher li għandha bħala konsegwenza li din id-dispożizzjoni hija eskluża mill-ordinament ġuridiku nazzjonali.

47      Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta wkoll li d-dritt previst fl-Artikolu 190(4) tal-Kostituzzjoni Pollakka u fl-Artikolu 4011 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili favur kull parti f’kawża, li tiġi kkontestata sentenza definittiva bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li n-nuqqas ta’ konformità tagħha ma’ din il-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ġie kkonstatat sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni titlef is-saħħa vinkolanti tagħha, u dik is-sentenza tirriżulta nieqsa minn bażi legali minħabba dik id-deċiżjoni.

48      Bla ħsara għall-verifika li għandha ssir f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-assimilazzjoni magħmula minnha ta’ deċiżjoni interpretattiva negattiva ma’ deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri, jidher li, meta inkwistjoni quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikun hemm ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni ma’ din il-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri jkollha l-effett, b’analoġija, li ċċaħħad ipso facto l-imsemmija interpretazzjoni mill-kapaċità tagħha li tkun il-bażi ta’ sentenza.

49      Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 78 u 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher għalhekk li d-deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza jinkludu konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri. Tali konstatazzjoni ma teħtieġx l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti u għandha l-effett li ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni jew din l-interpretazzjoni mis-saħħa vinkolanti tagħha u li teskludiha mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, li għandu bħala konsegwenza diretta li jneħħi l-bażi legali tagħha mis-sentenza definittiva li kienet ingħatat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni jew tal-imsemmija interpretazzjoni.

50      Issa, f’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet preliminari ta’ interpretazzjoni huma differenti mid-deċiżjonijiet ikkonċernati tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali). Fil-fatt, huwa paċifiku li, għalkemm ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi li joħorġu minn din l-interpretazzjoni għall-każ konkret jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi djalogu ġudizzjarju bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, bl-għan li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Is-sistema stabbilita minn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, għaldaqstant, kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fl-ambitu tagħha dawn tal-aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minnu lill-individwi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati inkarigati mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-punti ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma mitluba jiddeċiedu dwarha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, bħalma tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex, b’mod partikolari, tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Minn dan isegwi li l-implimentazzjoni, fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, tal-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju ressqet quddiemha f’dik il-kawża, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dik il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, F. Hoffmann-La Roche et, C‑261/21, EU:C:2022:534, punt 55).

55      Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq tali evalwazzjoni fid-dawl tal-punti ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Konsegwentement, b’differenza mid-deċiżjonijiet ikkonċernati tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li permezz tagħhom din tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet preliminari ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom l-għan li jipprovdu l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għall-qorti nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija mitluba tiddeċiedi. F’dak li jirrigwarda l-eventwali inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ interpretazzjoni partikolari ta’ tali dispożizzjoni, inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali, kif ukoll il-konsegwenzi ta’ din l-eventwali inkompatibbiltà, l-evalwazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet li għandhom isiru f’dan ir-rigward fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni jaqgħu definittivament taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti nazzjonali, fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet li tikkaratterizza l-proċedura li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali evalwazzjonijiet u konstatazzjonijiet jistgħu jiddependu mhux biss mill-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni għandhiex effett dirett, peress li hija biss dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li għandha tali effett li tista’ tiġi invokata, bħala tali, fil-kuntest ta’ kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, sabiex titneħħa, skont il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun kuntrarja għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 61 u 62), iżda wkoll mill-possibbiltà li r-regola nazzjonali inkwistjoni tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55).

58      Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-portata ta’ deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li tikkonstata l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni Pollakka jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, jidher li hija distinta minn dik ta’ deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni sa fejn, f’tali sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix, meta tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, direttament fuq l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, liema kwistjoni jkollha tiġi deċiża in fine mill-qorti tar-rinviju.

59      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta rimedju straordinarju stabbilit minn dispożizzjoni proċedurali nazzjonali jippermetti lil parti f’kawża titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva billi tinvoka deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li abbażi tagħha tkun ingħatat dik is-sentenza, dawn ma jimponux l-obbligu li dan ir-rimedju jkun miftuħ ukoll minħabba l-invokazzjoni ta’ deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni, sakemm il-konsegwenzi konkreti ta’ tali deċiżjoni ta’ din il-qorti kostituzzjonali f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew l-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li l-imsemmija sentenza definittiva hija bbażata fuqha, ikunu jirriżultaw direttament minn dik id-deċiżjoni.

 Fuq ittieni domanda

60      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi rimedju straordinarju, li jippermetti lil parti titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva jekk hija tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva b’mod li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni li fiha l-qorti li tkun laqgħet talba ta’ bejjiegħ jew fornitur ibbażata fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur, permezz ta’ sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, tkun naqset milli teżamina dan il-kuntratt ex officio fid-dawl tal-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 93/13.

61      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, inkwantu dan jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Skont dan il-prinċipju, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u b’applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      L-imsemmi prinċipju għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jagħmlu riferiment għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta jinterpretaw u japplikaw ir-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali, huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fid-dawl tal-fatt li l-qrati nazzjonali biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-interpretazzjoni li hija tipprevedi li tagħti lill-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili hijiex possibbli jew le fid-dawl tal-limiti msemmija fil-punt preċedenti. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil dik il-qorti ċerti indikazzjonijiet utli fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju.

65      Fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali invokata mill-qorti tar-rinviju dwar ir-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kkonċernata, skont liema l-fatt, għal parti, li tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jikkonċerna biss il-ksur tar-regoli tal-proċedura, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tkun ġiet interpretata, b’mod kostanti, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jsir l-eżami ex officio tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur jikkostitwixxi regola proċedurali li hija imposta fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li fuqhom hija bbażata t-tieni domanda tagħha ma jirrigwardawx esklużivament il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza tat is-sentenza fil-kontumaċja abbażi biss taċ-ċedola maħruġa minn FY u tan-notifika minn Profi Credit Polska tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ FY, mingħajr ma eżaminat in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, iżda wkoll tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-eżerċizzju tad-dritt li titressaq oppożizzjoni għal tali sentenza.

68      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza għandha tiġi eżaminata fl-intier tagħha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dritt li kellha FY li tressaq oppożizzjoni kontra dik is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Profi Credit Polska I, punt 54).

69      Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-modalitajiet proċedurali relatati mal-eżerċizzju tal-oppożizzjoni li s-sentenza fil-kontumaċja setgħet tkun suġġetta għalihom, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-osservanza ta’ terminu ta’ ġimagħtejn sabiex tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni, l-obbligu li jiġu fformulati immedjatament l-oġġezzjonijiet u t-talbiet kollha, dak li jiġu sostnuti spejjeż ekwivalenti għal nofs dawk ta’ appell u l-assenza ta’ effett sospensiv tal-preżentata tal-oppożizzjoni, għandhom xebh qawwi mal-modalitajiet proċedurali eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 64 sa 68 tas-sentenza Profi Credit Polska I, u li hija ddeċidiet, fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza, li huma ta’ natura li joħolqu riskju mhux negliġibbli li l-konsumaturi kkonċernati ma jressqux oppożizzjoni.

70      Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-modalitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13, jistgħux jitqiesu li jirriflettu sitwazzjoni li tikkonsisti f’li parti tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

71      Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikonoxximent ta’ dritt għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali ma jistax jitqies, a priori, li huwa l-uniku mezz li jista’ jiggarantixxi lil konsumatur il-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ veru ta’ natura li tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jsegwi mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, l-obbligu li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan ir-rigward, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, b’tali mod li dawn jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Profi Credit Polska I, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jimponi l-obbligu tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ebda element ma jindika li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli fil-każ ta’ ommissjoni li jitqajjem ex officio motiv ibbażat fuq regola nazzjonali ta’ ordni pubbliku, regola li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jitqies bħala ekwivalenti għaliha, bħalma tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

76      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li joħorġu mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan ir-rigward, jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konstatazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi esposti fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, li l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mid-Direttiva 93/13, ikun isegwi minn dan li din il-proċedura ma hijiex konformi mad-dritt tal-konsumaturi għal rimedju effettiv.

78      Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt l-applikazzjoni tar-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ċivili prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, dwar iċ-ċaħda illegali ta’ parti mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, ikun hemm lok li jitqies li konsumatur bħal FY għandu jkollu rimedju legali ieħor sabiex il-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 tiġi effettivament iggarantita lilu. L-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza fil-kontumaċja, mogħtija mingħajr ma tiġi eżaminata n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni, ma tistax tipprekludi dan.

79      Issa, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet iggarantiti minn din id-direttiva għandu jkun jista’ jiġi żgurat ukoll, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, jew saħansitra wara li din tkun intemmet.

80      Fil-fatt, minn naħa, meta bejjiegħ jew fornitur ikun kiseb titolu eżekuttiv kontra konsumatur ibbażat fuq kuntratt konkluż ma’ dan tal-aħħar mingħajr ma tkun ġiet eżaminata n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kollha ta’ dan il-kuntratt jew ta’ parti minnhom, il-prinċipju ta’ effettività jkun jimplika li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ dan it-titolu tkun tista’ tipproċedi, jekk ikun il-każ ex officio, għal dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 55).

81      Huwa irrilevanti li l-assenza ta’ eżami minn qabel ta’ tali klawżoli tirriżulta, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, min-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità li ħarġet it-titolu eżekuttiv sabiex twettaq dan l-eżami jew, bħal fil-kawża prinċipali, mill-ommissjoni ta’ tali eżami mill-qorti li tat sentenza fil-kontumaċja eżegwibbli immedjatament flimkien man-natura potenzjalment restrittiva wisq tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għal dik is-sentenza. Fil-fatt, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza Profi Credit Polska I, punt 62).

82      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’tali sitwazzjoni, l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa mid-Direttiva 93/13 teħtieġ barra minn hekk li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tiġi sospiża, jekk ikun il-każ skont modalitajiet li ma jkunux jistgħu jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jippreżenta u jżomm rikors, sakemm il-qorti kompetenti tkun wettqet l-istħarriġ tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19, EU:C:2022:396, punt 60).

83      Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni li fiha l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tkun intemmet, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, li jinvoka fi proċedura sussegwenti distinta n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv u sħiħ id-drittijiet tiegħu taħt din id-direttiva, sabiex jikseb kumpens għad-dannu finanzjarju kkawżat mill-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 58).

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi rimedju straordinarju, li jippermetti lil parti titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva jekk hija tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva b’mod li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni li fiha l-qorti li tkun laqgħet talba ta’ bejjiegħ jew fornitur ibbażata fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur, permezz ta’ sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, tkun naqset milli teżamina dan il-kuntratt ex officio fid-dawl tal-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 93/13, u li fiha jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali tal-eżerċizzju minn dan il-konsumatur tad-dritt tiegħu li jagħmel oppożizzjoni għal dik is-sentenza fil-kontumaċja huma ta’ natura li jwasslu għal riskju sinjifikattiv li l-imsemmi konsumatur ma jeżerċitax dan id-dritt u li, konsegwentement, ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li dan tal-aħħar jislet minn din id-direttiva. Jekk tali interpretazzjoni estensiva ma tkunx konċepibbli minħabba l-limiti li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-impossibbiltà li tingħata interpretazzjoni contra legem, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet jiġi żgurat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza fil-kontumaċja jew ta’ proċedura sussegwenti distinta.

 Fuq lispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ ekwivalenza

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

meta rimedju straordinarju stabbilit minn dispożizzjoni proċedurali nazzjonali jippermetti lil parti f’kawża titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura li tkun wasslet għal sentenza definittiva billi tinvoka deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni jew ma’ regola oħra ta’ livell superjuri ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew ta’ ċerta interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li abbażi tagħha tkun ingħatat dik is-sentenza, dawn ma jimponux l-obbligu li dan ir-rimedju jkun miftuħ ukoll minħabba l-invokazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sakemm il-konsegwenzi konkreti ta’ tali deċiżjoni ta’ din il-qorti kostituzzjonali f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, jew l-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, li l-imsemmija sentenza definittiva hija bbażata fuqha, ikunu jirriżultaw direttament minn dik id-deċiżjoni.

2)      Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi rimedju straordinarju, li jippermetti lil parti titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa permezz ta’ sentenza definittiva jekk hija tkun ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt, tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva b’mod li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni li fiha l-qorti li tkun laqgħet talba ta’ bejjiegħ jew fornitur ibbażata fuq kuntratt konkluż ma’ konsumatur, permezz ta’ sentenza definittiva mogħtija fil-kontumaċja, tkun naqset milli teżamina dan il-kuntratt ex officio fid-dawl tal-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u li fiha jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali tal-eżerċizzju minn dan il-konsumatur tad-dritt tiegħu li jagħmel oppożizzjoni għal dik is-sentenza fil-kontumaċja huma ta’ natura li jwasslu għal riskju sinjifikattiv li l-imsemmi konsumatur ma jeżerċitax dan id-dritt u li, konsegwentement, ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li dan tal-aħħar jislet minn din id-direttiva. Jekk tali interpretazzjoni estensiva ma tkunx konċepibbli minħabba l-limiti li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-impossibbiltà li tingħata interpretazzjoni contra legem, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet jiġi żgurat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza fil-kontumaċja jew ta’ proċedura sussegwenti distinta.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.