Language of document : ECLI:EU:C:2010:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Jannar 2010 (*)

“Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi – Deċiżjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal-lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità redatta mill-Kummissjoni – Interessi u opinjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”

Fil-Kawża C‑226/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2008, fil‑proċedura

Stadt Papenburg

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallef,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Stadt Papenburg, minn K. Füßer, avukat,

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, minn W. Ewer,avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 32.12.2008, p. 883 – 923 (MT), iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l‑habitats”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Stadt Papenburg (il-Belt ta’ Papenburg) u l-Bundesrepublik Deutschland, dwar l-approvazzjoni li dan l-Istat għandu l-intenzjoni li jagħti għal-lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall‑Komunità (iktar ’il quddiem is-“SIKs”) redatta mill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej u li tinkludi sit li jinsab fuq ix-xmara Ems fin-naħa t’isfel tax-xmara lil hinn mill-awtorità lokali ta’ din il-belt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-habitats huwa fformulat kif ġej:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

4        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats, “[g]ħandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l‑isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it‑tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl‑Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”.

5        L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità […] għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21”.

6        L-Anness III tad-Direttiva dwar l-habitats, stabbilit, fl-iStadju 2 tiegħu, intitolat “Evalwazzjoni tal-importanza għall-Komunità ta’ siti inklużi fil-listi nazzjonali” jipprovdi li:

“1.      Is-siti kollha identifikati mill-Istati Membri fi Stadju 1 li fihom tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi jitqiesu bħala siti ta’ importanza għall-Komunità

2.      L-evalwazzjoni tal-importanza għall-Komunità ta’ siti oħra fil-listi tal-Istati Membri, jiġifieri l-kontribut tagħhom biex jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, habitat naturali fl-Anness I jew xi speċi fl-Anness II u/jew il-koerenza ta’ Natura 2000 trid tqis il-kriterji li ġejjin:

a)      il-valur relattiv tas-sit fuq livell nazzjonali;

b)      il-qagħda ġeografika kif marbuta mar-rotot ta’ migrazzjoni tal-ispeċi fl-Anness II u jekk hi tappartjenix għal ekosistema kontinwa li tinsab fuq iż-żewġ naħat ta’ waħda jew iktar mill-fruntieri interni tal-Komunità;

ċ)      iż-żona kollha tas-sit;

d)      l-għadd ta’ tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-sit;

e)      il-valur globali ekoloġiku tas-sit għar-reġjuni bioġeografiċi konċernati u/jew għat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2, rigward il-karatteristiċi jew l-aspett uniku tal-fatturi tiegħu kif ukoll il-mod kif inhuma mħallta.”

7        L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar l-habitats jipprovdi li:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.” 

 Id-dritt nazzjonali

8        L-Artikolu 28(2) tal-Liġi bażika jipprovdi kif ġej:

“Il-muniċipalitajiet għandhom ikunu ggarantiti d-dritt li jirregolaw l-affarijiet lokali kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fil-limiti tal-liġi. Fil-limiti tal-funzjonijiet tagħhom mogħtija mil-liġi, assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet għandhom ikollhom ukoll id-dritt għall-awtonomija amministrattiva skont il-liġi. Il-garanzija ta’ awtonomija amministrattiva għandha testendi għall-elementi bażiċi tal-awtonomija finanzjarja; dawn l-elementi bażiċi għandhom jinkludu d-dritt tal-muniċipalitajiet għal sors ta’ dħul mit-taxxa bbażat fuq l-abbiltà ekonomika u d-dritt li jistabbilixxu r-rati li bihom dawn is-sorsi għandhom jiġu ntaxxati.”

9        Il-qorti tar-rinviju tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li l-awtonomija amministrattiva li hija ggarantita kostituzzjonalment lill-muniċipalitajiet tikkonferilhom dritt sabiex l-interessi tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-miżuri li l-portata tagħhom tmur lil hinn mit-territorju muniċipali jkollhom effett fit-tul fuq l-iżvilupp tagħhom jew jikkawżaw tfixkil dewmieni lill-pjanijiet suffiċjentement konkreti u serji. Dan japplika wkoll għall-miżuri implementati barra mit-territorju muniċipali, sa fejn il-muniċipalità tkun milquta b’mod viżibli u speċifiku.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      L-iStadt Papenburg hija belt b’port fuq ix-xmara Ems fis-Sassonja t’Isfel, fejn tinsab tarzna kbira.

11      Sabiex bastimenti b’pixka ta’ 7.30 metru jiġi navigat mit-tarzna għall-Baħar tat-Tramuntana, l-Ems trid tiġi mħammla permezz ta’ “xogħlijiet neċessarji ta’ tħammil”. Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 1994, tal-Wasser-und Schifffahrtdirektion Emden (Direttorat tal-Kanali u tan-Navigazzjoni għar-Reġjun tal-Majjistral), l-iStadt Papenburg, il-Landkreis Emsland u l-Wasser-und Schifffahrtsamt Emden (Uffiċċju tal-Kanali u tan-Navigazzjoni ta’ Emden) ingħataw permess biex iħammlu l-Ems meta dan ikun meħtieġ. Din id-deċiżjoni hija definittiva u timplika, skont il-Liġi Ġermaniża, li “xogħlijiet neċessarji ta’ tħammil neċessarju” għandhom jitqiesu li ngħata permess.

12      Fis-17 ta’ Frar 2006, il-Bundesrepublik Deutschland għarraf lill-Kummissjoni li partijiet mill-Ems li jinsabu fin-naħa t’isfel tax-xmara lil hinn mill-awtorità lokali tal-iStadt Papenburg, bid-deskrizzjoni “Unterems u Außenems (Ems tan-naħa t’isfel u Ems tan-naħa ta’ barra), jistgħu jitqiesu bħala SIK potenzjali fis-sens tad‑Direttiva dwar l-habitats.

13      Il-Kummissjoni inkludiet dawn il-partijiet tal-Ems fil-lista preliminari tagħha ta’ SIKs. Hija talbet lill-Bundesrepublik Deutschland sabiex jagħti l-approvazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats.

14      Fl-20 ta’ Frar 2008, l-iStadt Papenburg ippreżentat rikors quddiem il‑Verwaltungsgericht Oldenburg, sabiex jimpedixxi lill-Bundesrepublik Deutschland milli jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Hija sostniet li approvazzjoni min-naħa ta’ dan l-Istat Membru tikkostitwixxi ksur tal-awtonomija amministrattiva li hija għandha bis-saħħa tal-Liġi Kostituzzjonali Ġermaniża.

15      Skont l-iStadt Papenburg, il-pjanijiet u l-investimenti tagħha kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku tagħha, bħala belt b’port li għandha tarzna, jiddependu fuq il-fatt li toffri, lill-bastimenti kbar, il-possibbiltà li jkunu jistgħu jkomplu jinnavigaw fuq l‑Ems. Hija tibża’ li, jekk l-Unter-und Außenems jiġu inklużi fil-lista ta’ SIKs, ix‑xogħlijiet neċessarji ta’ tħammil ikunu suġġetti obbligatorjament, fil-futur, u f’kull każ, għall-evalwazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats.

16      Il-Bundesrepublik Deutschland jitlob li r-rikors għandu jiġi miċħud. Huwa jsostni li jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi li tirreferi għalihom l-iStadt Papenburg meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jikser id‑dritt Komunitarju. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, l-Istat Membru jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward biss fuq il-bażi ta’ kriterji ambjentali.

17      B’digriet, tal-31 ta’ Marzu 2008, li sar res judicata, il-Verwaltungsgericht Oldenburg laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji mill-iStadt Papenburg u pprojbiet lill-Bundesrepublik Deutschland milli jagħti l-approvazzjoni tiegħu sakemm tiddeċiedi fuq ir-rikors.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Aachen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva dwar l-habitats] jawtorizza Stat Membru li jirrifjuta, għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura, li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal-lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità redatta mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ wieħed jew diversi siti?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv: l-interessi tal-muniċipalitajiet u assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet, b’mod partikolari l-pjanijiet u proġetti ta’ ppjanar u interessi oħra tagħhom konnessi mal-iżvilupp ulterjuri taż-żona tagħhom, huma inklużi wkoll fost dawn ir-raġunijiet?

3)       Jekk ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi tingħata fl-affermattiv: it-tielet premessa jew l-Artikolu 2(3) tad-[Direttiva dwar l-habitats] jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-raġunijiet waqt l-approvazzjoni u r-redazzjoni tal-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità?

4)      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tingħata fl-affermattiv: muniċipalità li hi affettwata bl-inklużjoni ta’ sit partikolari fil-lista, tkun tista’ ssostni fi proċeduri legali, billi tibbaża ruħha fuq id-dritt Komunitarju, wara l-adozzjoni finali tal-lista, li l-lista tikser id-dritt Komunitarju għax l-interessi tagħha ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, jew ma ttiħdux inkunsiderazzjoni suffiċjentement?

5)      Xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa fil-kanal navigabbli estwarju, li kienu diġà approvati b’mod definittiv skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-[Direttiva dwar l-habitats], għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tal-imsemmija direttiva meta dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-inklużjoni tas-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità?”

 Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

19      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2009, l-iStadt Papenburg talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal‑proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

20      Insostenn tat-talba tagħha, l-iStadt Papenburg issostni li l-Avukat Ġenerali, fil‑konklużjonijiet tagħha, fir-risposta li hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ħames domanda preliminari, tipprovdi deskrizzjoni ta’ elementi fattwali li jistgħu jqarrqu bil-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, l‑iStadt Papenburg tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem l‑Avukat Ġenerali, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Wasser-und Schifffahrstsdirektion Nordwest, tal-31 ta’ Mejju 1994, li biha l-iStadt Papenburg, il-Landkreis Emsland u l-Wasser-und Schifffahrstsamt Emden ingħataw permess biex iwettqu xogħlijiet ta’ tħammil fl-Ems meta dawn kienu neċessarji ma hijiex l‑ewwel deċiżjoni dwar in-navigabbiltà tal-Ems. Barra minn hekk, l-Ems ma tistax titqies li hija xmara li, b’mod naturali, tippermetti n-navigazzjoni ta’ bastimenti b’pixka ta’ 6.3 metru. Tali sitwazzjoni tirriżulta mit-tħammil awtorizzat preċedentement. Fl-aħħar nett, l-iStadt Papenburg tikkontesta wkoll l-argumenti invokati mill-Avukat Ġenerali insostenn tar-risposta tagħha għall-ewwel domanda preliminari.

21      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill‑ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma kellhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tinqata’ fuq bażi ta’ argument li ma ġiex trattat mill-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 37, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I-7633, punt 31).

22      F’dan il-każ, jidher li, permezz tal-allegazzjonijiet tagħha, l-iStadt Papenburg qed issostni, essenzjalment, minn naħa, li ċerti punti ta’ fatt li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-Avukat Ġenerali huma ineżatti, u min-naħa l-oħra, li l-opinjoni espressa mill-Avukat Ġeneral li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats hija żbaljata.

23      Fir-rigward l-ewwel punt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 234 KE, ibbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal‑Ġustizzja, din tal-aħħar għandha l-ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju, billi tibbaża ruħha fuq il‑fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, Ġabra p. 791, punt 4, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 31), li dawn għandhom, flimkien mal-punti ta’ liġi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 28).

24      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li sarulha, b’mod partikolari, għall-ewwel domanda.

25      Rigward it-tieni punt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-talba tal-iStadt Papenburg ma fiha ebda informazzjoni li minnha tista’ tirriżulta l-utilità jew in‑neċessità ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

26      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li ma hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l‑habitats jipprovdi li, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness III, Stadju 2 tagħha, il‑Kummissjoni tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista’ preliminari ta’ SIKs għal kull reġjun bioġeografiku msemmi fl-Artikolu 1(ċ)(iii) ta’ din id‑direttiva, mil-listi tal-Istati Membri.

28      L-Anness III tad-Direttiva dwar l-habitats, li jittratta kriterji biex ikunu magħżula siti li huma eliġibbli biex jiġu identifikati bħala SIKs u nominati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni, jelenka, għal dak li jikkonċerna l-iStadju 2 ta’ dan l‑imsemmi Anness, kriterji sabiex tiġi evalwata l-importanza għall-Komunità tas‑siti inklużi fil-lista nazzjonali.

29      Dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni kienu ddefiniti skont l-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali jew tal-fawna u l-flora selvaġġi inklużi rispettivament fl‑Anness I jew fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-habitats, kif ukoll tal-għan ta’ koerenza ta’ Natura 2000, jiġifieri n-netwerk ekoloġiku Ewropew ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats.

30      Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l‑habitats, fih innifsu, ma jipprovdix għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ħtiġijiet oħra għajr dawk li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u l-fawna selvaġġi jew għall-ħolqien tan-netwerk “Natura 2000”, waqt ir-redazzjoni mill-Kummissjoni, bl-approvazzjoni ta’ kull Stat Membru, tal-lista preliminari ta’ SICs.

31      Jekk, matul il-proċedura ta’ klassifikazzjoni, irregolata mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, l-Istati Membri setgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tagħha għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni naturali, il-kisba l-għan imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-habitats ikun għaldaqstant fil-perikolu, jiġifieri l-ħolqien tan-netwerk “Natura 2000”, li huwa kompost minn siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u ta’ habitats ta’ speċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, u li għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitats naturali u l-habitats naturali tal-ispeċi kkonċernati, jinżammu jew, skont il-każ, jiġu rripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

32      Dan ikun, b’mod partikolari, l-każ jekk l-Istati Membru jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom minħabba ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali, imsemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-habitats li, barra minn hekk, ma jikkostitwixxix, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, deroga awtonoma mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni taħt din id-direttiva.

33      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax Stat Membru li jirrifjuta, għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura, li jagħti l-approvazzjoni tiegħu fir-rigward tal-inklużjoni ta’ wieħed jew diversi siti fil-lista preliminari ta’ SIKs redatta mill‑Kummissjoni.

 Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi.

 Fuq il-ħames domanda

35      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanal navigabbli tal-estwarju kkonċernat mill-kawża prinċipali, li ma humiex marbuta direttament jew ma humiex meħtieġa għat-tmexxija tas-sit u li kienu diġà ġew awtorizzati skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats, għandhomx, sa fejn jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tal-imsemmija direttiva meta dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-inklużjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, tas-sit fil-lista ta’ SIKs.

36      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats, pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-implikazzjonijiet tiegħu fuqu (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 22).

37      Għaldaqstant, għandu, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk ix-xogħlijiet ta’ tħammil inkwistjoni jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “pjan” jew ta’ “proġett” imsemmija fl‑ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, li kkonstatat li d‑Direttiva dwar l-habitats ma tagħtix definizzjoni tal-kunċetti ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”, iddikjarat li l-kunċett ta’ “proġett imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l‑istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) huwa rilevanti meta jiġi ddefinit il‑kunċett ta’ “pjan” jew ta’ “proġett” fis-sens tad-Direttiva dwar l-habitats (sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23, 24 kif ukoll 26).

39      Għaldaqstant, attività li tikkonsisti f’xogħlijiet ta’ tħammil ta’ kanal navigabbli tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proġett” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 85/337, li tirreferi għal “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”.

40      Għaldaqstant, tali attività tista’ titqies li hija koperta mill-kunċett ta’ “proġett” imsemmi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats.

41      Sussegwentement, il-fatt li l-imsemmija attività hija awtorizzata b’mod definittiv skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-termini għat-traspożizzjoni tad‑Direttiva dwar l-habitats ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għall-fatt li l-imsemmija attività tista’ titqies, waqt kull intervent fil-kanal navigabbli, bħala proġett distint fis-sens tad-Direttiva dwar l-habitats.

42      Jekk kien mod ieħor, l-imsemmija xogħlijiet ta’ tħammil tal-kanal ikkonċernat, li ma humiex marbuta direttament jew ma humiex meħtieġa għat-tmexxija tas-sit, sa fejn jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq dan tal-aħħar, ikunu a priori b’mod permanenti suġġetti għal kull evalwazzjoni minn qabel tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq dan is-sit skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tad-Direttiva dwar l-habitats, kif ukoll għall-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

43      Barra minn hekk, l-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi msemmi fid-Direttiva dwar l-habitats ikun f’riskju li ma jinkisibx kompletament.

44      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-iStadt Papenburg u l-Kummissjoni, ebda raġuni bbażata fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma tipprekludi li x-xogħlijiet ta’ tħammil tal-kanal inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki meta kienu ġew awtorizzati b’mod permanenti skont il-liġi nazzjonali, milli jiġu suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(3) u (4) tad‑Direttiva dwar l-habitats bħala proġetti distinti u suċċessivi.

45      Rigward il-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 80). Dan huwa l-każ tad-Direttiva dwar l-habitats fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun oriġinat taħt ir-regoli qodma u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu oriġinaw taħt leġiżlazzjoni preċedenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punti 50 u 55).

47      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li jekk, fid-dawl b’mod partikolari tar‑rikorrenza, tan-natura tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-kawża prinċipali jew tal-kundizzjonijiet li taħthom jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu operazzjoni unika, b’mod partikolari meta l-għan tagħhom huwa li jżommu l-kanal navigabbli f’ċertu fond permezz ta’ tħammil regolari u neċessarju għal dan il-għan, dawn ix-xogħljiet ta’ manutenzjoni jistgħu jitqiesu bħala l-istess proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l‑habitats.

48      F’dan il-każ, peress li tali proġett kien awtorizzat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats, ma jkunx suġġett għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proċedura tal-evalwazzjoni minn qabel tal-implikazzjonijiet tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, stabbiliti b’din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑209/04, Ġabra p. I‑2755, punti 53 sa 62).

49      Madankollu, peress li s-sit kkonċernat kien, skont it-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-habitats, inkluż fil-lista tas-siti magħżula bħala SIKs adottata mill-Kummissjoni, l-implementazzjoni ta’ tali proġett tkun koperta mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, li jippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali tal-preservazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi, u jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti li jiġu evitati deterjorazzjonijiet u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38, kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et, C‑117/03, Ġabra p. I‑167, punt 25, kif ukoll Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 kif ukoll 38). Qabel il-Kummissjoni adottat l-imsemmija lista, tali sit, sa fejn kien diġà msemmi f’lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni bil-għan li jiġi inkluż fil-lista Komunitarja, ma għandux, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l‑habitats, jiġi suġġett għal interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tiegħu (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et, C‑244/05, Ġabra p. I‑8445, punti 44 kif ukoll 47).

50      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanal navigabbli tal‑estwarju, li ma humiex marbuta direttament jew ma humiex meħtieġa għat‑tmexxija tas-sit u li kienu diġà ġew awtorizzati skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-habitats, għandhom, sa fejn jikkostitwixxu proġett u jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq dan is-sit skont l-imsemmija dispożizzjonijiet f’każ li dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-inklużjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, tas-sit fil-lista ta’ SIKs.

51      Jekk, fid-dawl b’mod partikolari, tar-rikorrenza, tan-natura tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tal-kundizzjonijiet li taħthom jitwettqu l-imsemmija xogħlijiet, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu operazzjoni unika, b’mod partikolari meta l-għan tagħhom huwa li jżommu l-kanal navigabbli f’ċertu fond permezz ta’ tħammil regolari u neċessarju għal dan il-għan, dawn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jistgħu jitqiesu bħala l-istess proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad‑Direttiva dwar l-habitats.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal‑Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid‑Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax Stat Membru li jirrifjuta, għal raġunijiet oħra minbarra l-konservazzjoni tan-natura, li jagħti l-approvazzjoni tiegħu fir-rigward tal-inklużjoni ta’ wieħed jew diversi siti fil-lista preliminari ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità redatta mill-Kummissjoni Ewropea.

2)      L-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2006/105, għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwi fil-kanal navigabbli tal-estwarju, li ma humiex marbuta direttament jew ma humiex meħtieġa għat-tmexxija tas-sit u li kienu diġà ġew awtorizzati skont il-liġi nazzjonali qabel l-iskadenza tat‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid‑Direttiva 2006/105, għandhom, sa fejn jikkostitwixxu proġett u jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq dan is-sit skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq dan is-sit skont l-imsemmija dispożizzjonijiet f’każ li dawn ix-xogħlijiet jitkomplew wara l-inklużjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, tas-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità.

Jekk, fid-dawl b’mod partikolari, tar-rikorrenza, tan-natura tax‑xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tal-kundizzjonijiet li taħthom jitwettqu l-imsemmija xogħlijiet, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu operazzjoni unika, b’mod partikolari meta l-għan tagħhom huwa li jżommu l-kanal navigabbli f’ċertu fond permezz ta’ tħammil regolari u neċessarju għal dan il-għan, dawn ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jistgħu jitqiesu bħala l-istess proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitats.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż