Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 minn Air France-KLM u Société Air France mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-494/21, Ryanair u Malta Air vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-193/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Air France-KLM, Société Air France (rappreżentanti: J. Derenne, D. Vallindas, avukati, A. Álvarez Vidal, avukata)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, Malta Air ltd., Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħmel użu mis-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża u tiċħad it-talba għal annullament imressqa fil-Kawża T-494/21;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-motivi li ma ġewx indirizzati; u

tikkundanna lil Ryanair DAC u Malta Air ltd. għall-ispejjeż tal-appell u għal dawk tal-ewwel istanza, fil-każ li tiddeċiedi definittivament il-kawża, jew tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż ta’ din l-istanza fil-każ li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat kriterju żbaljat għad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna f’grupp ta’ kumpanniji u, għalhekk, ikkonkludiet b’mod żbaljat li KLM ma setgħetx tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna mingħajr ma stabbilixxiet b’mod xieraq żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata 1 tal-Kummissjoni Ewropea.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċetti ta’ vantaġġ indirett u effetti sekondarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2488 final tal-5 ta’ April 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19) – Rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u ta’ Air France-KLM.