Language of document : ECLI:EU:T:2014:929

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

5 ta’ Novembru 2014

Kawża T‑669/13 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Florence Thomé

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni — Rifjut ta’ reklutaġġ — Eżistenza ta’ diploma konformi mal-avviż ta’ kompetizzjoni minħabba approvazzjoni — Dannu finanzjarju u morali”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2013, Thomé vs Il-Kummissjoni (F-97/12, ĠabraSP, EU:F:2013:142), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Rekwiżit ta’ diploma universitarja — Kunċett ta’ diploma universitarja — Evalwazzjoni fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn saru l-istudji — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ kontradittorju — Portata — Dritt tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinvokaw dan il-prinċipju bħala partijiet fil-kawża

3.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jiddeterminaw il-legalità tal-att ikkontestat — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

1.      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja inkluża f’regolament jew f’direttiva applikabbli għall-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ jew f’avviż ta’ kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ pussess ta’ diploma universitarja li fuqha tiddependi l-ammissjoni għal kompetizzjoni ġenerali għandu neċessarjament jiġi interpretat fid-dawl tad-definizzjoni ta’ din id-diploma fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-kandidat ikun wettaq l-istudji li huwa jinvoka.

F’dan ir-rigward, ir-rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet minn Bord tal-Għażla peress li d-diploma ppreżentata mill-kandidat ma hijiex tal-livell meħtieġ mill-avviż tal-kompetizzjoni ma huwiex kopert mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-imsemmi bord u għalhekk għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ.

L-istess livell ta’ stħarriġ għandu japplika meta jkun hemm inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, dwar l-eżistenza ta’ diploma jew il-konforma tagħha mar-rekwiżiti tal-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jwasslu lill-qorti tal-Unjoni twettaq stħarriġ ġudizzjarju sħiħ ta’ tali evalwazzjonijiet meta jkunu saru minn Bord tal-Għażla, jiġifieri l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kif ukoll in-natura ġuridika tal-analiżi tal-konforma mar-rekwiżiti tal-avviż tal-kompetizzjoni, jistgħu jiġu trasposti għall-istħarriġ tal-imsemmija awtorità meta tiddeċiedi li tissostitwixxi l-evalwazzjonijiet tagħha stess ma’ dawk tal-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 26, 27 u 42)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-11 ta’ Frar 1992, Panagiotopoulou vs Il-Parlament, T‑16/90, Ġabra, EU:T:1992:11, punt 39; u tat-3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il-Kummissjoni, T‑82/92, ĠabraSP, EU:T:1994:24, punti 33 u 34

2.      Il-prinċipju ta’ kontradittorju japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuna. Tali prinċipju jimplika, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura jkollhom id-dritt jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura.

Il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta’ kontradittorju jiġi osservat fil-proċeduri quddiemhom u li huma stess josservaw dan il-prinċipju. Dan il-prinċipju għandu jibbenefika lil kull parti f’kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni, irrispettivament mill-istatus legali tagħha. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jistgħu wkoll jinvokaw dan il-prinċipju meta jkunu partijiet f’tali kawża.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, Ġabra, EU:C:2009:804, punti 41 u 42

3.      Fir-rigward tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita dwar l-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza li ma jirrigwardawx id-dritt tal-Unjoni, iżda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li jiddeterminaw il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, huwa biss fis-sitwazzjonijiet fejn tali evalwazzjonijiet ikunu bbażati fuq żnaturament tar-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti jew ikunu jikkorrispondu ma’ żball manifest fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tagħhom li huma għandhom jiġu ddikjarati illegali.

Barra minn hekk, l-iżnaturament għandu jkun jirriżulta b’mod manifest mill-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi.

(ara l-punti 46 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punti 44 sa 53

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Heath vs BĊE, T‑645/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:326, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata