Language of document : ECLI:EU:T:2015:791

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PETCO – Trade mark figurattiva preċedenti PETCO – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Sospensjoni tal-proċedura amministrattiva – Regola 20(7)(c) u Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Motif li ma jsostnix it-talbiet – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑664/13,

Petco Animal Supplies Stores, Inc., stabbilita f’San Diego, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. Aikens, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar u M. Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Domingo Gutiérrez Ariza, residenti f’Malaga (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tas-7 ta’ Ottubru 2013 (Każ R 347/2013‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Domingo Gutiérrez Ariza u Petco Animal Supplies Stores, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2014,

wara s-seduta tal-14 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti, Petco Animal Supplies Stores, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p.1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PETCO.

3        Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 31 u 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi31:“Annimali ħajjin; għalf għall-annimali; malt; għalf u xorb għall-annimali; għalf u ċejċiet għall-klieb; għalf u ċejċiet għall-qtates; għalf għall-annimali żgħar; għalf għall-ħut; għalf għar-rettili u qmugħ għall-għasafarˮ;

–        klassi 35:“Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u servizzi ta’ ħanut online relatati mal-bejgħ ta’ provvisti għall-annimali domestiċi, ta’ ġugarelli għall-annimali domestiċi, ta’ għalf għall-annimali domestiċi u ta’ oġġetti tal-isport; promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u/jew avvenimenti f’isem terzi, jiġifieri divertiment fl-għamla ta’ spettakli mużikali u ta’ avvenimenti teatrali, ta’ avvenimenti u esibizzjonijiet edukattivi, kulturali u ċiviki; servizzi ta’ ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ provvisti għall-annimali u għall-annimali domestiċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata f’Il-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 2011/170, tat-8 ta’ Settembru 2011.

5        Fis-16 ta’ Novembru 2011, Domingo Gutiérrez Ariza ressaq oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva preċedenti ħamra u bajda miġjuba hawn taħt:

Image not found

7        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti jaqgħu b’mod partikolari fil-klassijiet 31 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni sussegwenti:

–        klassi 31: “Prodotti agrikoli, ortikulturali, forestali u qmugħ, mhux inklużi fi klassijiet oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; annimali (għalf għall-); malt”;

–        klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċju; servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut u permezz ta’ netwerks tal-informatika mondjali ta’: għalf għall-annimali, milju, għaġin, żrieragħ, sustanzi koloranti, vitamini, prodotti mediċinali, naqal, bajd, supplimenti tal-ikel, gaġeġ, imraqad għall-klieb, akkwarji, terrarji, ġarrieri, skutelli, ħawtijiet għax-xorb, saqqijiet, sodod tat-tfal, bejtiet, fibri, xagħar, kullari, ċineg, xdud, bjankerija, ħwejjeġ u aċċessorji, xkupilji, prodotti għall-iġjene tal-annimali, arbli u kotba, sifuni, sottostrati, sajlos, dliewi, xbiek tal-wajer, qmugħ u ċereali, insettiċidi, taħlitiet li joqtlu l-bumunqar, annimali, pjanti, imqassijiet, forċijiet, għodda, inkubaturi, postijiet għat-twelid u ġugarelli”.

8        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Fit-18 ta’ Diċembru 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni, billi ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sa fejn din kienet tkopri l-prodotti u s-servizzi fil‑klassijiet 31 u 35, minħabba li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti.

10      Fil-15 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din kienet ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 31 u 35.

11      Fin-nota tagħha li tesponi l-aggravji, ippreżentata lill-UASI fit-18 ta’ April 2013, ir-rikorrenti talbet ukoll is-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, minħabba li, fit-28 ta’ Diċembru 2012, hija kienet ressqet, quddiem l-UASI, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade mark preċedenti, talba rreġistrata bin-numru 7442 C.

12      Hekk kif ġie ppreċiżat mill-partijiet waqt is-seduta, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti ġiet miċħuda mill-UASI fl-10 ta’ Marzu 2014 u din iċ-ċaħda kienet is-suġġett ta’ appell li fil-mument tas-seduta kien għadu pendenti quddiem l-UASI.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla l-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, tat-18 ta’ Diċembru 2012, li ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u servizzi ta’ ħanut online relatati mal-bejgħ [...] ta’ oġġetti tal-isport”, inklużi fil-klassi 35, u ċaħad il-kumplament tal-appell.

14      Il-Bord tal-Appell qies li, peress li t-trade mark preċedenti hija trade mark Komunitarja, it-territorju pertinenti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kien jestendi għall-Unjoni Ewropea u li l-pubbliku kkonċernat, li l-attenzjoni tiegħu kienet tvarja minn medja sa għolja, kien kompost mill-pubbliku inġenerali u minn professjonisti (punti 11 u 33 tad-deċiżjoni kkonċernata). Barra minn hekk, huwa qies li s-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u servizzi ta’ ħanut online relatati mal-bejgħ [...] ta’ oġġetti tal-isport”, inklużi fil-klassi 35, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu differenti mill-prodotti u mis-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, inklużi fil-klassijiet 31 u 35, u, għaldaqstant, li l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward ta’ dawn is-servizzi ma setgħetx tiġi milqugħa (punti 13 sa 20 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, huwa qies, hekk kif jirriżulta mill-punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm identiċità bejn il-prodotti u s-servizzi l-oħra koperti mis-sinjali kunfliġġenti, inklużi fil-klassijiet 31 u 35, u, b’mod partikolari, bejn is-servizzi ta’ “promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u/jew avvenimenti f’isem terzi, jiġifieri divertiment fl-għamla ta’ spettakli mużikali u ta’ avvenimenti teatrali, ta’ avvenimenti u esibizzjonijiet edukattivi, kulturali u ċiviki” inklużi fil-klassi 35 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-servizzi ta’ “reklamar” koperti mit-trade mark preċedenti. Fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osservza li s-sinjali kunfliġġenti kellhom livell ta’ xebh viżiv ikbar minn normal, li dawn kienu identiċi fuq il-livell fonetiku u li l-paragun tagħhom kien jibqa’ newtrali fuq il-livell kunċettwali. Fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkonkluda li, fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, tax-xebh viżiv ikbar minn normali ta’ dawn is-sinjali, tal-identiċità fonetika tagħhom kif ukoll tal-karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti, kienet teżisti bejn dawn is-sinjali probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u dan anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni livell ta’ attenzjoni ikbar minn normali tal-konsumatur pertinenti.

15      Il-Bord tal-Appell qies li s-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ appell quddiemu ma kinitx adatta. Huwa osserva li, skont ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), moqrija flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, id-deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċedimenti ta’ appell kienet taqa’ taħt id-diskrezzjoni tiegħu (punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-ewwel nett, huwa ppreċiża li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imsemmija fl-Artikolu 52(1)(b) u fl-Artikolu 53(1)(a), moqrija flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) u mal-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009, li fuqha kienet ibbażata t-talba għas-sospensjoni tal-proċedimenti, kienet tressqet iktar minn sena wara li saret l-oppożizzjoni kif ukoll wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u għaldaqstant kienet tidher li kienet intiża sabiex iddewwem l-għeluq tal-proċedimenti ta’ appell. It-tieni nett, qabel kollox, il-Bord tal-Appell fakkar li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk, prima facie, kienx hemm probabbiltà li d-dritt preċedenti jista’ jiġi annullat u li dan l-annullament ikollu effett fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni. Sussegwentement, huwa indika li r-rikorrenti kienet ibbażat it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-mala fide tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kif ukoll fuq ċerti drittijiet mhux irreġistrati. Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi oġġettivi suffiċjenti sabiex tiġi bbażata fuqhom sospensjoni (punti 37 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna s-servizzi ta’ “promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u/jew avvenimenti f’isem terzi, jiġifieri divertiment fl-għamla ta’ spettakli mużikali u ta’ avvenimenti teatrali, ta’ avvenimenti u esibizzjonijiet edukattivi, kulturali u ċiviki” u tiċħad l-oppożizzjoni sa fejn din tikkonċerna dawn is-servizzi;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tissospendi l-proċeduri sad-deċiżjoni finali fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bir-referenza 7442 C.

17      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq ksur tar-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament.

19      Peress li l-eżami tal-kwistjoni tas-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandu jsir qabel l-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regola 20(7)(c), moqrija flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, u, it-tieni nett, li jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Royalton Overseas vs UASI – S.C. Romarose Invest (KAISERHOFF), T‑556/12, EU:T:2014:985, punt 52].

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regola 20(7)(c), moqrija flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95

20      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser ir-Regola 20(7)(c), moqrija flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Hija tqis li l-Bord tal-Appell kien imissu ssospenda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sad-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti mressqa quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li, peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi fil-klassijiet 31 u 35, koperti minn dawn is-sinjali, u peress li l-oppożizzjoni u t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jikkoinċidu sa ċertu punt, teżisti probabbiltà li t-trade mark preċedenti tista’ tiġi annullata. Għaldaqstant, peress li t-trade mark preċedenti hija l-uniku dritt li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark ikollha bħala effett li tirrendi l-oppożizzjoni infondata fid-dritt.

21      Matul is-seduta, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-inammissibbiltà tat-tieni motiv, peress li, jekk dan kellu jiġi milqugħ, il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi ultra petita.

22      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti l-ewwel nett ippreċiżat li t-tieni motiv kellu jitqies bħala awtonomu fir-rigward tal-ewwel motiv, li kien l-uniku li jsostni t-talbiet tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, hija esponiet li għaliha ma kinitx tagħmel differenza li tikseb is-sospensjoni tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali jew tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u li t-talba tagħha għas-sospensjoni tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kellha tiġi interpretata bħala ppreżentata prinċipalment u mhux sussidjarjament, kif hija kienet indikat fit-talbiet tagħha. Fl-aħħar nett, hija wriet l-interess tagħha li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata kollha kemm hi.

23      L-UASI, minn naħa, fakkar li talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi ma kinitx tinsab fit-talbiet tar-rikors u li, għaldaqstant, kellu jitqies li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li ma kinitx ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-ewwel motiv kienet saret definittiva fir-rigward tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, huwa aċċetta li, fil-każ li t-tieni motiv kellu jitqies bħala ammissibbli, dan iwassal, jekk kellu jiġi milqugħ, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

24      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi t-talbiet tar-rikorrent. It-talbiet għandhom jiġu esposti b’mod preċiż u mhux ekwivoku, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm riskju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi infra jew ultra petita u jkun hemm ir-riskju li d-drittijiet tal-konvenut jiġu miksura (digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il‑Kummissjoni, T‑320/09, Ġabra, EU:T:2011:172, punt 22). Fil-fatt, peress li l-qorti tal-Unjoni adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddeċiedi ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent (ara d-digriet tal-24 ta’ Mejju 2011, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑176/09, EU:T:2011:239, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għaldaqstant, biss it-talbiet esposti fir-rikors jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet imsemmija fir-rikors. L‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jippermetti l‑produzzjoni ta’ motivi ġodda taħt il‑kundizzjoni li dawn huma bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati waqt il‑proċedura. Mill‑ġurisprudenza jirriżulta li din il‑kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat‑talbiet u li, fin‑nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġu żvelati waqt il‑proċedura bil‑miktub, huma biss it‑talbiet fir‑rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑236/07, Ġabra, EU:T:2010:451, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, anki fuq il-preżunzjoni li r-rikorrenti riedet tadatta t-talbiet tagħha waqt is-seduta u titlob, b’dan il-mod, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, tali emenda ma tistax tiġi aċċettata minħabba l-assenza ta’ kull punt ta’ liġi u ta’ fatt ġdid żvelat matul il-proċedura bil-miktub.

27      Għaldaqstant, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-uniċi talbiet għal annullament imsemmija fir-rikors huma intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u huma sostnuti mill-ewwel motiv tar-rikors, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom.

28      It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġie adit b’talba għas-sospensjoni tal-“proċedimenti ta’ appell”, jiġifieri tal-kontestazzjoni kollha magħmula mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell, fil-punti 37 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħad din it-talba kollha kemm hi.

29      Issa, jekk, kif issostni r-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, il-Bord tal-Appell kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjuta li jissospendi l-proċedimenti ta’ appell quddiemu, l-evalwazzjonijiet kollha li huwa kien għamel fuq il-fondatezza tal-appell, fil-punti 9 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, ikunu neċessarjament ikkontestati. Fil-fatt il-Bord tal-Appell ma setax jeżamina l-appell u jrebbaħ parzjalment lir-rikorrenti, fil-punt 36 ta’ deċiżjoni kkontestata, għas-“[s]ervizzi ta’ bejgħ bl-imnut u servizzi ta’ ħanut online relatati mal-bejgħ [...] ta’ oġġetti tal-isport”, inklużi fil-klassi 35, kieku huwa kien, kif talbitu r-rikorrenti, issospenda l-proċedimenti ta’ appell. Barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ sospensjoni kellha tiġi annullata, il-Bord tal-Appell, adit għal darb’oħra bil-kawża, ikun obbligat jissospendi l-proċedimenti ta’ appell u, fi tmiem is-sospensjoni, jislet il-konsegwenzi tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti fuq l-analiżi tal-fondatezza tal-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

30      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ sospensjoni ma hijiex diviżibbli mill-motivi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħhom il-Bord tal-Appell iddeċieda fuq il-fondatezza tal-appell. Għaldaqstant, jekk it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ sospensjoni, kellu jiġi milqugħ, il-Qorti Ġenerali jkollha tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u, għaldaqstant, sa fejn din hija adita biss b’talbiet għal annullament parzjali, tiddeċiedi ultra petita. Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

31      Barra minn hekk, fuq il-preżunzjoni li t-tieni motiv huwa ammissibbli, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jissospendi jew ma jissospendix proċedimenti. Ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95, applikabbli għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell skont ir‑Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament, turi din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa billi tipprovdi li l-UASI jista’ jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw din is-sospensjoni. Is-sospensjoni tibqa’ għaldaqstant għażla għall-Bord tal-Appell, li jiddeċiedi li japplikaha biss meta huwa jqis li tkun iġġustifikata. Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma humiex għaldaqstant awtomatikament sospiżi sussegwentement għal talba mressqa f’dan is-sens minn parti quddiem dan il-bord [sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2011, Atlas Transport vs L-UASI – Atlas Air (ATLAS), T‑145/08, Ġabra, EU:T:2011:213, punt 69, u KAISERHOFF, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2014:985, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Metro-Goldwyn-Mayer Lion vs UASI – Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T‑342/02, Ġabra, EU:T:2004:268, punt 46].

32      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-fatt illi l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu ma jeżentax l-evalwazzjoni tiegħu mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Dan il-fatt, iżda, jillimita dan l-istħarriġ fuq il-mertu għal verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi ATLAS, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2011:213, punt 70, u KAISERHOFF, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2014:985, punt 31).

33      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell għandu josserva l-prinċipji ġenerali li jirregolaw smigħ xieraq fi ħdan Unjoni tad-dritt. Għalhekk, matul dan l-eżerċizzju, huwa għandu mhux biss jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-parti li t-trade mark tagħha qed tiġi kkontestata, imma wkoll dak tal-partijiet l-oħra. Id-deċiżjoni li jissospendi jew li ma jissospendix il-proċedimenti għandha tkun ir-riżultat ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni (sentenzi ATLAS, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2011:213, punt 76, u KAISERHOFF, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2014:985, punt 33).

34      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell b’mod partikolari pproċeda għal analiżi prima facie tal-probabbiltajiet ta’ suċċess tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Tali analiżi, li wasslet għall-konstatazzjoni li dawn il-probabbiltajiet kienu żgħar, taqa’ fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Bord tal-Appell, kif tfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, u hija ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-istrument tas-sospensjoni jista’ jiġi użat għal finijiet ta’ dewmien.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-probabbiltajiet ta’ suċċess ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma prima facie meqjusa bħala żgħar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-Bord tal-Appell, il-bilanċ tal-interessi tal-partijiet ixaqleb neċessarjament favur l-interess leġittimu tal-persuna li tressaq l-oppożizzjoni li tikseb, mingħajr dewmien, deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni.

36      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, ma ġie ppruvat ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ma jissospendix il-proċedimenti ta’ appell quddiemu. Għaldaqstant, anki fuq il-preżunzjoni li t-tieni motiv huwa ammissibbli, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

37      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi ta’ “promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u/jew avvenimenti f’isem terzi, jiġifieri divertiment fl-għamla ta’ spettakli mużikali u ta’ avvenimenti teatrali, ta’ avvenimenti u esibizzjonijiet edukattivi, kulturali u ċiviki”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma differenti mis-servizzi ta’ “reklamar” koperti mit-trade mark preċedenti. Is-sinjali kunfliġġenti għandhom differenzi viżivi, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tinkludi ebda element figurattiv u t-test li minnu din hija magħmula ma huwiex stilizzat, filwaqt li t-trade mark preċedenti hija trade mark figurattiva ħamra u bajda li għandha test stilizzat. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tad-differenzi bejn is-servizzi inkwistjoni, tad-differenzi bejn is-sinjali kunfliġġenti u tal-livell għoli ta’ attenzjoni tal-konsumatur pertinenti, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha kellha tiġi miċħuda, fir-rigward tas-servizzi msemmija iktar ’il fuq.

38      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità tagħha jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks ikopru, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku tat-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi r-riskju ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, EU:T:2008:338, punt 70, u tal-31 ta’ Jannar 2012, Cervecería Modelo vs UASI – Plataforma Continental (LA VICTORIA DE MEXICO), T‑205/10, EU:T:2012:36, punt 23 ; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 29].

40      Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-publiku għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza CAPIO, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2008:338, punt 71; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra, EU:C:1997:528, punt 22, u Canon, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:1998:442, punt 16).

41      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jkun ikkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċi-versa [sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 48, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:1998:442, point 17].

42      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi li “teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku”, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew ta’ servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha [sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Scandic Distilleries vs UASI – Bürgerbräu, Röhm & Söhne (BÜRGER), T‑460/11, EU:T:2012:432, punt 27; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, punt 40 iktar ’il fuq, EU:C:1997:528, punt 23].

43      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernata, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

44      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok li tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti magħmula mill-Bord tal-Appell.

45      L-ewwel nett, għandha tiġi approvata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, li tgħid li, peress li t-trade mark preċedenti hija trade mark Komunitarja, it-territorju pertinenti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti jestendi għall-Unjoni.

 Fuq il-pubbliku pertinenti

46      Għandu jitfakkar li l-pubbliku pertinenti huwa magħmul minn persuni li jistgħu jużaw kemm is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Apple Computer vs UASI – TKS-Teknosoft (QUARTZ), T‑328/05, EU:T:2008:238, punt 23, u tat-30 ta’ Settembru 2010, PVS/UASI – MeDiTA Medizinische Kurierdienst (medidata), T‑270/09, EU:T:2010:419, punt 28]. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita l-livell ta’ attenzjoni tal-professjonisti għandu jitqies bħala għoli [sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Air Products and Chemicals vs UASI – Messer Group (Ferromix, Inomix u Alumix), T‑305/06 sa T‑307/06, EU:T:2008:444, punt 34].

47      F’dan il-każ, hekk kif ġie ppreċiżat mir-rikorrenti u mill-UASI u hekk kif jirriżulta mill-punti 11, 33 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitqies li, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni koperti mis-sinjali kunfliġġenti, il-pubbliku pertinenti huwa magħmul minn professjonisti, li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom huwa għoli.

 Fuq il-paragun tas-servizzi

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-għan intiz tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, Ġabra, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Ir-rikorrenti b’mod partikolari tippreċiża li l-promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi ma tistax tikkostitwixxi servizz assoċjat ma’ aġenzija tar-reklamar u, għaldaqstant, ma tistax tiġi inkluża fost is-servizzi ta’ reklamar pprovduti minnha, koperti mit-trade mark preċedenti.

50      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ġustament qies, li s-servizzi ta’ reklamar kienu intiżi sabiex jgħinu lil terzi jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom billi tiġi żgurata l-promozzjoni tal-introduzzjoni tagħhom lill-pubbliku jew tal-bejgħ tagħhom u li, dawn is-servizzi kienu intiżi sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-klijent fis-suq sabiex huwa jkun jista’ jikseb vantaġġ kompetittiv permezz tar-reklamar. Barra minn hekk, huwa ġustament ippreċiża, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ “promozzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi u/jew avvenimenti f’isem terzi”, li prinċipalment jikkonsistu fl‑immaniġġar tar-reklamar ta’ dawn l-avvenimenti, kienu ta’ spiss proposti minn aġenziji tar-reklamar u kienu jaqgħu taħt il-kunċett wiesa’ ta’ reklamar.

51      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi rrikonoxxut li teżisti identiċità bejn is-servizzi inkwistjoni koperti mis-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

52      Hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, fatt li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku pertinenti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa madankollu biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ma humiex importanti li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku pertinenti jżomm f’moħħu, b’mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ma jkunux importanti fl-impressjoni ġenerali prodotta minnha [ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Shaker vs UASI – Limiñana y Botella (Limoncello della Costiera Amalfitana shaker), T‑7/04, Ġabra, EU:T:2008:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza LA VICTORIA DE MEXICO, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2012:36, punt 37].

53      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat il-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ numru ta’ komponenti speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-komponenti, billi dawn jiġu pparagunati ma’ dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk, b’mod addizzjonali, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tad-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa (sentenza MATRATZEN, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2002:261, punt 35). Fl-aħħar nett, meta t-trade tkun magħmula minn elementi verbali u figurattivi, dawk tal-ewwel huma, bħala prinċipju, iktar distintivi minn dawk tat-tieni, għaliex ikun iktar faċli għall-konsumatur medju li jirreferi għall-prodott inkwistjoni billi jiċċita l-isem milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tat-trade mark [sentenza LA VICTORIA DE MEXICO, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2012:36, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T‑10/03, Ġabra, EU:T:2004:46, punt 45].

54      L-ewwel nett, fir-rigward tax-xebh viżiv, hemm lok li jiġi rrilevat li s-sinjali li għandhom jiġu pparagunati huma, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li hija trade mark verbali komposta mill-kelma waħda “petco”, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti, li hija trade mark figurattiva magħmula mill-element verbali “petco”, miktub b’mod stilizzat b’karattri bojod fuq ovali ħamra, u komposta, barra minn hekk, taħt l-ittra “t” ta’ “petco”, minn ċirku aħmar li ġewwa fih hemm miktuba darbtejn, b’karattri iżgħar dejjem ta’ kulur abjad, il‑kelma “petco” b’mod li l-kelma miktuba b’mod orizzontali taqsam dik miktuba b’mod vertikali fuq il-livell tal-ittra “t”.

55      Għaldaqstant iż-żewġ sinjali kunfliġġenti għandhom komun l-element verbali “petco”.

56      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali kunfliġġenti huma differenti mil-lat viżiv, sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la tinkludi l-kuluri aħmar u abjad u lanqas l-istilizzazzjoni tat-test tat-trade mark preċedenti.

57      Madankollu, hekk kif ġustament jenfasizza essenzjalment l-UASI, għandu jiġi kkonstatat li d-daqs tal-element verbali “petco”, il-kuntrast bejn l-abjad tal-ittri li minnhom dan huwa magħmul u l-aħmar tal-ovali li fih dan jinstab kif ukoll in-natura sekondarja tal-elementi figurattivi l-oħra jirrendu l-kelma “petco” l-element dominanti u distintiv tat-trade mark preċedenti, filwaqt li l-elementi figurattivi l-oħra għandhom jitqiesu bħala dekorattivi, b’mod partikolari minħabba preżentazzjoni tat-trade mark preċedenti simili ħafna għal dik ta’ tikketta.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell seta’ jqis li, fuq il-livell viżiv, is-sinjali kunfliġġenti kellhom livell ta’ xebh ikbar minn normali, minħabba li dawn kellhom l-element verbali “petco” komuni u minħabba li l-unika differenza kienet tirriżulta mill-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti, li, madankollu, kienu, f’dan il-każ, ikkunsidrati prinċipalment bħala dekorattivi (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, huwa ġustament ippreċiża li mill-ġurisprudenza kien jirriżulta li, meta sinjali jinkludu kemm elementi verbali kif ukoll elementi figurattivi, l-element verbali ġeneralment kellu impatt ikbar fuq il-konsumatur mill-element figurattiv (sentenzi CONFORFLEX, punt 53 iktar ’il fuq, EU:T:2004:46, punt 45, u LA VICTORIA DE MEXICO, punt 39 iktar ’il fuq, EU:T:2012:36, punt 38) u li dan kien japplika, b’mod partikolari, għat-trade mark preċedenti inkwistjoni f’dan il-każ.

59      It-tieni nett, huwa paċifiku li s-sinjali kunfliġġenti huma identiċi fuq il-livell fonetiku, fid-dawl tal-fatt li l-elementi figurattivi tat-trade mark preċedenti ma jiġux ippronunzjati.

60      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma wettaq żball u mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrenti, li s-sinjali kunfliġġenti ma kellhomx tifsira fit-territorju pertinenti u minn dan huwa ġustament ikkonkluda li għaldaqstant il-paragun fuq il-livell kunċettwali kien irrilevanti f’dan il-każ.

61      F’dan ir-rigward għandu mandakollu jiġi osservat li, għalkemm il-konsumatur medju ġeneralment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa waħda u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-perċezzjoni ta’ sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li tixbaħ kliem li huwa jaf [ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI – Link Interchange Network (WORLDLINK), T‑325/04, EU:T:2008:51, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata].

62      Għaldaqstant, hekk kif ġustament isostni l-UASI, l-element verbali “petco” jista’ jiġi pperċepit minn parti mill-publiku Anglofonu bħala kelma ivvintata li tirreferi għall-kelma Ingliża “pet” li tfisser “annimal domestiku”, u dan kemm fir-rigward tat-trade mark preċedenti kif ukoll fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

63      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għandha tiġi ddeterminata, f’kull każ individwali, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi tal-komponenti ta’ sinjal u tal-piż relattiv tagħhom fil-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, l-impressjoni ġenerali li jipproduċi s-sinjal li qed issir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fil-memorja tal-imsemmi pubbliku u sussegwentement għandha ssir evalwazzjoni, fid-dawl ta’ din l-impressjoni ġenerali u tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, Ġabra EU:C:2014:305, punt 34), billi jiġi applikat ukoll il-prinċipju ta’ interdipendenza tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq.

64      F’dan il-każ, fid-dawl tal-livell għoli ta’ xebh viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, tal-identiċitá fonetika tagħhom, tal-karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti kif ukoll tal-identiċità bejn is-servizzi inkwistjoni koperti minn dawn is-sinjali, huwa b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u dan anki jekk il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku pertinenti huwa ogħla minn dak normali.

65      Għalhekk, l-ewwel motiv imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk it-talba tar-rikorrenti għas-sospensjoni tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ġiet ifformulata fir-rikors, għandhiex tiġi interpretata bħala kap ta’ talbiet separat jew bħala talba għas-sospensjoni skont ir-Regoli tal-Proċedura, ma huwiex neċessarju li dawn il-proċeduri jiġu sospiżi.

67      Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-oppożizzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2015, Copernicus-Trademarks vs UASI – Blue Coat Systems (BLUECO), T‑685/13, EU:T:2015:38, punt 57, u tal-4 ta’ Frar 2015, KSR vs UASI – Lampenwelt (Moon), T‑374/13, EU:T:2015:69, punt 55].

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens.

69       Billi r-rikorrenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-UASI, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Petco Animal Supplies Stores, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.