Language of document : ECLI:EU:T:2015:791

Kawża T‑664/13

Petco Animal Supplies Stores, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PETCO – Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti PETCO – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Sospensjoni tal-proċedura amministrattiva – Regola 20(7)(c) u Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 – Motiv li ma jsostnix it-talbiet – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ appell – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Motiv awtonomu li ma jsostnix it-talbiet għal annullament parzjali – Inammissibbiltà

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni preċiża u mhux ekwivoka tat-talbiet – Modifika fil-mori tal-kawża – Kundizzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikoli 44 u 48(2))

3.      Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ appell – Appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell – Sospensjoni tal-proċedura – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 20(7)(c) u Regola 50(1))

4.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni – Determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti – Livell ta’ attenzjoni mill-pubbliku

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

7.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade mark verbali PETCO u trade mark figurattiva PETCO

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

8.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Trade mark kumplessa

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi rrifjuta li jissospendi l-proċedimenti ta’ appell quddiemu dwar deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sad-deċiżjoni dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti mressqa quddiem l-UASI, l-evalwazzjonijiet kollha li huwa kien għamel fuq il-fondatezza tal-appell ikunu neċessarjament ikkontestati. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma setax jeżamina l-appell u jrebbaħ parzjalment lir-rikorrenti jekk huwa kien issospenda l-proċedimenti ta’ appell. Barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ sospensjoni kellha tiġi annullata, il-Bord tal-Appell, adit għal darb’oħra bil-kawża, ikun obbligat jissospendi l-proċedimenti ta’ appell u, fi tmiem is-sospensjoni, jislet il-konsegwenzi tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark preċedenti fuq l-analiżi tal-fondatezza tal-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti fir-rigward tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ sospensjoni ma hijiex diviżibbli mill-motivi li permezz tagħhom il-Bord tal-Appell iddeċieda fuq il-fondatezza tal-appell. Għaldaqstant, jekk motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut ta’ sospensjoni kellu jiġi milqugħ, il-Qorti Ġenerali jkollha tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u, għaldaqstant, sa fejn din hija adita biss b’talbiet għal annullament parzjali, tiddeċiedi ultra petita. Issa, peress li l-Qorti Ġenerali adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddeċiedi ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent. Tali motiv awtonomu, li ma jsostnix it-talbiet għal annullament parzjali, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punti 20, 22, 24, 29, 30)

2.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi t-talbiet tar-rikorrent. It-talbiet għandhom jiġu esposti b’mod preċiż u mhux ekwivoku, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm riskju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi infra jew ultra petita u jkun hemm ir-riskju li d-drittijiet tal-konvenut jiġu miksura. Fil-fatt, peress li l-qorti tal-Unjoni adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddeċiedi ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent.

Għaldaqstant, biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet imsemmija fir-rikors promotur. L‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 jippermetti l‑produzzjoni ta’ motivi ġodda taħt il‑kundizzjoni li dawn huma bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati waqt il‑proċedura. Din il‑kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat‑talbiet u, fin‑nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġu żvelati waqt il‑proċedura bil‑miktub, huma biss it‑talbiet fir‑rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 24, 25)

3.      Il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jissospendi jew ma jissospendix proċedimenti. Ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità, applikabbli għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell skont ir‑Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, turi din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa billi tipprovdi li l-UASI jista’ jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw din is-sospensjoni. Is-sospensjoni tibqa’ għaldaqstant għażla għall-Bord tal-Appell, li jiddeċiedi li japplikaha biss meta huwa jqis li tkun iġġustifikata. Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma humiex għaldaqstant awtomatikament sospiżi sussegwentement għal talba mressqa f’dan is-sens minn parti quddiem dan il-bord.

Il-fatt illi l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu ma jeżentax l-evalwazzjoni tiegħu mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Dan il-fatt, iżda, jillimita dan l-istħarriġ fuq il-mertu għal verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell għandu josserva l-prinċipji ġenerali li jirregolaw smigħ xieraq fi ħdan Unjoni tad-dritt. Għalhekk, matul dan l-eżerċizzju, huwa għandu mhux biss jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-parti li t-trade mark tagħha qed tiġi kkontestata, imma wkoll dak tal-partijiet l-oħra. Id-deċiżjoni li jissospendi jew li ma jissospendix il-proċedimenti għandha tkun ir-riżultat ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

(ara l-punti 31‑33)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39‑41, 63)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 48)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43, 46)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47, 50, 51, 62, 64)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52, 53, 61)