Language of document : ECLI:EU:C:2022:307

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ April 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 23(3) – Rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 6(2) – Dipartimenti tal-pulizija – Esklużjoni – Forza maġġuri – Kunċett – Ostakoli ġuridiċi għall-konsenja – Azzjonijiet legali mressqa mill-persuna rikjesta – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Esklużjoni – Artikolu 23(5) – Skadenza tat-termini previsti għall-konsenja – Konsegwenzi – Ħelsien – Obbligu li tiġi adottata kull miżura oħra neċessarja sabiex tiġi evitata l-ħarba”

Fil-Kawża C‑804/21 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċeduri rigward l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

C,

CD,

vs

Syyttäjä,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C u CD, minn H. Nevala, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L.‑E. Baţagoi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u I. Söderlund, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) kif ukoll tal-Artikolu 23(3) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Finlandja, ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn qorti Rumena kontra C u CD, ċittadini Rumeni.

 Ilkuntest ġuridiku

 IdDeċiżjoni Qafas 2002/584

3        Il-premessi 8 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

(9)      Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet ċentrali fl-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun limitat għall-assistenza prattika u amministrattiva.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id‑disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

[…]”

6        L-Artikolu 7 tal-istess Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

[…]”

7        L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-konsenja tal-persuna”, jipprovdi:

“1.      Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.      Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

3.      Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

4.      Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

5.      Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles.”

 Iddritt Finlandiż

 IlLiġi dwar ilKonsenja

8        Id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jinsabu fil-Laki rikoksen johdosta tapahtuvasta luovuttamisesta Suomen ja muiden Euroopan Unionin jäsenvaltioiden välillä (1286/2003) [il-Liġi dwar il-Konsenja bejn ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Istati Membri l-Oħra tal-Unjoni Ewropea Minħabba Reati Kriminali (1286/2003)], tat‑30 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konsenja”).

9        Skont l-Artikoli 11, 19 u 37 tal-Liġi dwar il-Konsenja, fil-Finlandja, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-konsenja u ż-żamma f’detenzjoni huma l-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) u, bħala qorti tal-appell, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja). Skont l-Artikolu 44 ta’ din il-liġi, huwa l-Keskusrikospoliisi (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja, il-Finlandja) li huwa kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja.

10      Skont l-Artikolu 46(1) tal-imsemmija liġi, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba għall-konsenja fl-iqsar żmien possibbli, f’data miftiehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati. Madankollu, il-persuna għandha tiġi kkonsenjata mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li d-deċiżjoni ta’ konsenja tkun saret definittiva.

11      Skont l-Artikolu 46(2) tal-istess liġi, jekk il-konsenja ta’ din il-persuna, fit-terminu previst fil-paragrafu 1, tirriżulta impossibbli minħabba każ ta’ forza maġġuri fil-Finlandja jew fl-Istat Membru li jkun ressaq it-talba, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiftiehmu dwar data ġdida għall-konsenja. Il-konsenja għandha sseħħ fi żmien għaxart ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.

12      Skont l-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Konsenja, jekk, fl-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikoli 46 u 47 tagħha, l-imsemmija persuna tkun għadha f’detenzjoni, hija għandha tinħeles.

 IlLiġi dwar ilBarranin

13      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ ażil jinstabu fl-Ulkomaalaislaki (301/2004) (il-Liġi dwar il-Barranin (301/2004)], tat‑30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, n° 2545 (1954)), ikkompletata permezz tal-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967. Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Barranin japplikaw għaċ-ċittadini barranin kollha residenti fil-Finlandja, inklużi ċ-ċittadini tal-Unjoni.

14      Skont l-Artikolu 40(3) tal-Liġi dwar il-Barranin, barrani għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Finlandiż matul it-tul ta’ żmien tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar din l-applikazzjoni jew sakemm isir is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija eżekuttiva.

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      C u CD, ċittadini Rumeni, kienu s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa rispettivament fid‑19 u fis‑27 ta’ Mejju 2015 minn awtorità ġudizzjarja Rumena, għall-eżekuzzjoni ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ ħames snin u ta’ pieni addizzjonali ta’ tliet snin (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni”). Dawn il-pieni ġew imposti minħabba traffikar ta’ narkotiċi perikolużi u perikolużi fuq livell għoli, kif ukoll minħabba parteċipazzjoni fi grupp kriminali organizzat.

16      C u CD kienu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej fl-Isvezja. Permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit‑8 ta’ April 2020, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) ordnat il-konsenja ta’ C lill-awtoritajiet Rumeni u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2020, is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) ordnat il-konsenja ta’ CD lill-istess awtoritajiet. Madankollu, C u CD telqu mill-Isvezja u marru lejn il-Finlandja qabel l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ konsenja.

17      Fil‑15 ta’ Diċembru 2020, seħħ l-arrest u d-detenzjoni ta’ C u CD fil-Finlandja abbażi tal-mandati ta’ arrest Ewropej.

18      Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ April 2021, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) ordnat il-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Rumeni. Wara t-talba tal-awtoritajiet Rumeni, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja stabbilixxa l-ewwel data ta’ konsenja għas‑7 ta’ Mejju 2021. It-trasport bl-ajru ta’ C u ta’ CD lejn ir-Rumanija ma setax jiġi organizzat qabel din id-data minħabba l-pandemija ta’ COVID-19.

19      Fit‑3 ta’ Mejju 2021, C u CD ippreżentaw appell quddiem il-Korkein oikeus (Qorti Suprema). Fl‑4 ta’ Mejju 2021, dik il-qorti pprojbixxiet provviżorjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konsenja. Fil‑31 ta’ Mejju 2021, l-imsemmija qorti ċaħdet l-appelli, u dan waqqa’ d-deċiżjoni provviżorja li tipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ konsenja.

20      It-tieni data ta’ konsenja ġiet stabbilita għall‑11 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, din il-konsenja ġiet posposta mill-ġdid minħabba l-assenza ta’ rotta bl-ajru diretta lejn ir-Rumanija u minħabba l-impossibbiltà li jiġi organizzat trasport bl-ajru minn Stat Membru ieħor b’osservanza tal-iskeda miftiehma.

21      C u CD ippreżentaw diversi talbiet oħra intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ konsenja quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) u l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema). Dawn it-talbiet kollha ġew miċħuda jew iddikjarati inammissibbli.

22      It-tielet data ta’ konsenja ġiet stabbilita għas‑17 ta’ Ġunju 2021 għal CD u għat‑22 ta’ Ġunju 2021 għal C. Madankollu, kien mill-ġdid impossibbli li ssir din il-konsenja minħabba, din id-darba, il-preżentazzjoni, minn C u CD, ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Novembru 2021, il-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja) ċaħad dawn l-applikazzjonijiet. C u CD ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva).

23      Sussegwentement, C u CD ressqu azzjoni quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) intiża, minn naħa, għall-ħelsien tagħhom minħabba li t-terminu ta’ konsenja kien skada, u, min-naħa l-oħra, għall-posponiment tal-konsenja tagħhom minħabba l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 u tad‑29 ta’ Ottubru 2021, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) iddikjarat dawn ir-rikorsi inammissibbli.

24      Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-appelli ppreżentati minn C u CD kontra dawn id-deċiżjonijiet imsemmija l-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema). Insostenn tal-appelli tagħhom, C u CD iressqu l-istess motivi bħal dawk li ġew miċħuda mill-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki). Fir-risposta tiegħu, is-Syttäjä (il-Ministeru Pubbliku, il-Finlandja) jitlob li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinżammu taħt detenzjoni u li ma tiġix posposta l-eżekuzzjoni tal-konsenja tagħhom lill-awtoritajiet Rumeni.

25      Il-qorti tar-rinviju, f’deċiżjoni ta’ prinċipju mogħtija fit‑8 ta’ Diċembru 2021, iddeċidiet li l-persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ konsenja għandhom id-dritt li t-talba tagħhom dwar iż-żamma taħt detenzjoni tagħhom tiġi eżaminata minn qorti. Sabiex jiġi evitat kull dewmien, din il-qorti ħadet mal-ewwel konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kemm mill-perspettiva proċedurali kif ukoll mill-perspettiva ratione materiae.

27      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-aspetti proċedurali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri.

28      Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-regoli tad-dritt nazzjonali jafdaw lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja l-kompiti marbuta mal-eżekuzzjoni tal-konsenja ladarba d-deċiżjoni ta’ konsenja meħuda mill-qorti tkun saret definittiva. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ma tagħtix ordnijiet dwar id-data tal-konsenja, iżda din tiġi eżegwita b’osservanza tat-termini li kienu previsti għal dan il-għan mil-Liġi dwar il-Konsenja, konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

29      Dejjem skont dik il-qorti, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja huwa responsabbli għall-implimentazzjoni prattika tad-deċiżjoni ta’ konsenja, għandu jżomm kollegament mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti u għandu jiftiehem data ġdida ta’ konsenja jekk, bħalma kien il-każ fil-kawża prinċipali, il-konsenja ma tkunx seħħet fit-terminu ta’ għaxart ijiem.

30      Skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, il-persuna f’detenzjoni tista’, f’kull mument, tadixxi lill-qorti kompetenti sabiex din teżamina jekk iż-żamma tagħha f’detenzjoni tkunx għadha ġġustifikata. Tkun imbagħad il-qorti li jkollha tevalwa, fost l-oħrajn, jekk l-assenza ta’ konsenja hijiex dovuta għal każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Madankollu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja u l-awtoritajiet l-oħra ma jressqux sistematikament il-kwistjoni taż-żamma f’detenzjoni għall-evalwazzjoni tal-qorti kompetenti.

31      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ tali proċedura nazzjonali mal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ eventwali inkompatibbiltà.

32      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-aspetti ratione materiae tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ forza maġġuri jestendix għall-ostakoli ġuridiċi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru u li għandhom l-effett li jipprekludu l-konsenja fit-terminu previst inizjalment.

33      Dik il-qorti tosserva li, fis-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ forza maġġuri jista’ japplika għal sitwazzjoni li fiha l-persuna detenuta tinvoka reżistenza fiżika li tirrendi impossibbli l-konsenja tagħha, bil-kundizzjoni li, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, din ir-reżistenza ma setgħetx tiġi prevista mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u mill-awtorità ġudizzjarja emittenti u li l-konsegwenzi tagħha fuq il-konsenja ma setgħux jiġu evitati, minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata minn dawn l-awtoritajiet.

34      Issa, fil-kawża prinċipali, għalkemm il-pandemija ta’ COVID-19 ikkumplikat l-implimentazzjoni prattika tal-konsenja u l-osservanza tat-termini, l-ostakoli prinċipali għal din il-konsenja kienu l-projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni deċiża mill-qorti tar-rinviju matul l-eżami tal-appelli ppreżentati minn C u CD kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati wkoll minn dawn tal-aħħar. F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, applikant għall-ażil għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju Finlandiż matul l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew sakemm isir is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 23(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI], flimkien mal-Artikolu 23(5) tagħha, jeżiġi li, fil-każ li l-konsenja tal-persuna f’detenzjoni ma ssirx fit-termini previsti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tiddeċiedi terminu ġdid għall-konsenja u tivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri u l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, jew proċedura li fiha l-qorti teżamina dawn l-elementi biss fuq talba tal-partijiet hija wkoll kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas? Fil-każ li jitqies li l-estensjoni tat-terminu teżiġi intervent min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja, in-nuqqas ta’ tali intervent ifisser neċessarjament li t-termini previsti fid-Deċiżjoni Qafas skadew, b’mod li l-persuna f’detenzjoni għandha tinħeles, skont l-Artikolu 23(5) tal-istess Deċiżjoni Qafas?

2)      L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri jinkludi wkoll ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħal pereżempju ordni ta’ projbizzjoni tal-eżekuzzjoni applikabbli sa tmiem il-proċeduri ġudizzjarji jew id-dritt tal-applikant għal ażil li jibqa’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil tiegħu?”

 Fuq ittalba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

36      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni ta’ din il-proċedura huma ssodisfatti.

38      Minn naħa, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ fl-oqsma previsti fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, din it-talba tista’ tkun is-suġġett tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

39      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kriterju jkun issodisfatt meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Governor of Cloverhill Prison et, C‑479/21 PPU, EU:C:2021:929, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li C u CD kienu effettivament imċaħħda mil-libertà fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba.

41      Barra minn hekk, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-paragrafu 5 tiegħu jipprevedi, fil-każ ta’ skadenza tat-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu, il-ħelsien tal-persuna rikjesta. B’hekk, skont ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun meħtieġa tordna r-rilaxx ta’ C u ta’ CD.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑17 ta’ Jannar 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi u wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittieni domanda

43      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri jestendi għall-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

44      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi indipendenti minn dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 56).

46      Fir-rigward tal-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandu ċertament jiġi osservat li tali ostakoli huma indipendenti mill-aġir tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-konsegwenzi tagħhom, jiġifieri l-impossibbiltà li din il-persuna tiġi kkonsenjata fit-terminu previst, ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata.

47      Madankollu, u kif osservaw ġustament C u CD, il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, it-tressiq ta’ azzjonijiet legali mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, fil-kuntest ta’ proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex tikkontesta l-konsenja tagħha lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti jew li għandu l-effett li jdewwem din il-konsenja, ma jistax jitqies bħala ċirkustanza imprevedibbli.

48      Konsegwentement, tali ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa minn din il-persuna, ma jistgħux jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-termini ta’ konsenja previsti fl-Artikolu 23 ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jistgħux jitqiesu li ġew sospiżi minħabba proċeduri pendenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mibdija mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jibqgħu bħala prinċipju obbligati li jikkonsenjaw din il-persuna lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti fl-imsemmija termini.

50      F’dan l-aħħar stadju tal-proċedura ta’ konsenja, irregolat mill-Artikolu 23 ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, l-elementi legali kollha ġew, bħala prinċipju, eżaminati mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li diġà, ipotetikament, tat deċiżjoni finali dwar il-konsenja.

51      Din l-interpretazzjoni hija wkoll iddettata mill-għan ta’ aċċellerazzjoni u ta’ semplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri segwit permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Bl-istabbiliment ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, din id-deċiżjoni qafas hija fil-fatt intiża sabiex tiffaċilita u taċċellera l-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni Ewropea li din issir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi bbażata fuq il-livell ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 34, kif ukoll tas‑17 ta’ Marzu 2021, JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE), C‑488/19, EU:C:2021:206, punt 71).

52      F’dan il-każ, minn l-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-azzjonijiet legali mressqa minn C u CD kienu jirrigwardaw, anki jekk indirettament, ksur ta’ dritt fundamentali li ma setax jiġi invokat minn dawn il-persuni quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar il-konsenja skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fil-Finlandja minn C u CD, mill-osservazzjonijiet sottomessi minn dawn tal-aħħar jirriżulta li dawn l-applikazzjonijiet kienu bbażati fil-parti l-kbira tagħhom fuq argumenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, jiġifieri r-Rumanija, u bbażati fuq il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, b’mod partikolari fuq is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589), kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857). Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li dawn l-argumenti ġew invokati minn C u CD quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali dwar il-konsenja.

54      Barra minn hekk, u kif indikat il-Kummissjoni, l-uniku artikolu tal-Protokoll (Nru 24) dwar id-dritt ta’ ażil għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat FUE, jindika li, fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali fl-Istati Membri tal-Unjoni, dawn huma kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu pajjiżi ta’ oriġini siguri fil-konfront ta’ xulxin għall-kwistjonijiet legali u prattiċi kollha marbuta mal-kawżi dwar ażil.

55      Dan l-artikolu jżid li, konsegwentement, kull applikazzjoni għal ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni jew tiġi ddikjarata ammissibbli għal ipproċessar minn Stat Membru ieħor biss f’erba’ każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti.

56      Issa, minn l-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ C u ta’ CD taqa’ taħt wieħed minn dawn l-erba’ każijiet previsti fl-uniku artikolu tal-imsemmi protokoll, li dwaru, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija mill-qorti tar-rinviju.

57      Fl-aħħar, għandu jitfakkar ukoll li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tikkostitwixxix waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punti 43 sa 46).

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma jestendix għall-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

 Fuq lewwel domanda

59      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, huwa ssodisfatt meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jafda lil dipartiment tal-pulizija l-kompitu li jivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma tad-detenzjoni tal-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja, filwaqt li huwa mifhum li din il-persuna għandha d-dritt li tadixxi fi kwalunkwe mument l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-elementi msemmija hawn fuq. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 23(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li t-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 23 għandhom jitqiesu li skadew, bil-konsegwenza li l-imsemmija persuna għandha tinħeles, fl-ipoteżi fejn ikun hemm lok li jitqies li r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 23(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma ġiex issodisfatt.

60      Fl-ipoteżi ta’ każ ta’ forza maġġuri li tostakola l-konsenja fit-terminu previst fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-kliem tal-Artikolu 23(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta li huma l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u ta’ emissjoni kkonċernati li għandhom jikkuntattjaw immedjatament lil xulxin u jiftiehmu dwar data ġdida ta’ konsenja.

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi, bħall-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għal imħallef jew għal qorti, jew għal awtorità ġudizzjarja, bħalma huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru u li għandu l-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 54).

62      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dipartimenti tal-pulizija ta’ Stat Membru ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Minn dan jirriżulta li l-intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħtieġ fl-Artikolu 23(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri kif ukoll, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi stabbilita data ġdida ta’ konsenja, ma jistax jiġi fdat lil dipartiment tal-pulizija tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħall-Uffiċċju Nazzjonali tal-Pulizija Ġudizzjarja fil-kawża prinċipali.

64      Huwa minnu li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jinnominaw “awtorità ċentrali waħda jew iktar” sabiex jassistu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-dipartimenti tal-pulizija ta’ Stat Membru jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtoritajiet ċentrali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 42).

65      Madankollu, mill-imsemmi Artikolu 7, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirriżulta li l-intervent minn tali awtorità ċentrali għandu jibqa’ limitat għall-assistenza prattika u amministrattiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Għaldaqstant, il-possibbiltà prevista fl-istess Artikolu 7 ma tistax testendi sal-punt li tippermetti lill-Istati Membri jissostitwixxu lil din l-awtorità ċentrali flok l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 23(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-iffissar ta’ data ġdida ta’ konsenja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 42).

66      Fil-fatt, u kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 sa 76 tal-konklużjonijiet tagħha, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-iffissar ta’ data ġdida ta’ konsenja, jikkostitwixxu deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jaqgħu fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-premessa 8 tagħha. F’dan ir-rigward, u kif taqbel ukoll il-qorti tar-rinviju, tali deċiżjonijiet imorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi “assistenza prattika u amministrattiva” li tista’ tiġi fdata lil dipartimenti tal-pulizija skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tagħha.

67      Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-assenza ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-termini previsti fl-Artikolu 23(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom effettivament jitqiesu li skadew f’tali ċirkustanzi.

68      Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ każ ta’ forza maġġuri mid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, segwita mill-istabbiliment ta’ data ġdida ta’ konsenja, mingħajr intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u dan indipendentement mir-realtà materjali ta’ dan il-każ ta’ forza maġġuri.

69      Konsegwentement, fl-assenza ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, it-termini previsti fl-Artikolu 23(2) sa (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jistgħux jiġu estiżi b’mod validu skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija termini għandhom jitqiesu li skadew għall-applikazzjoni tal-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu.

70      Fit-tieni lok, huwa neċessarju li jitfakkru l-konsegwenzi tal-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 23(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

71      Huwa minnu li mill-kliem tal-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta b’mod espliċitu li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jekk tkun għadha f’detenzjoni, għandha, jekk dawn it-termini jiskadu, tinħeles. L-ebda eċċezzjoni ma hija prevista minn dan l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’ipoteżi bħal din.

72      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ta l-ebda effett ieħor lill-iskadenza ta’ dawn it-termini u, b’mod partikolari, ma pprevediex li din iċċaħħad lill-awtoritajiet ikkonċernati mill-possibbiltà li jiftiehmu dwar data ta’ konsenja skont l-Artikolu 23(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jew li hija teħles lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni mill-obbligu li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 70).

73      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex iktar twettaq il-konsenja tal-persuna rikjesta u lanqas ma għandha tiftiehem, għal dan il-għan, data ġdida ta’ konsenja mal-awtorità ġudizzjarja emittenti wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 23 ta’ din id-deċiżjoni qafas hija ta’ natura li tippreġudika l-għan ta’ aċċellerazzjoni u ta’ semplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja intiż mid-Deċiżjoni Qafas, billi din l-interpretazzjoni tista’ b’mod partikolari ġġiegħel lill-Istat Membru emittenti sabiex joħroġ it-tieni mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tkun tista’ sseħħ proċedura ta’ konsenja ġdida (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 71).

74      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-sempliċi skadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jistax ikollha bħala effett li tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jevita l-obbligu tiegħu li jkompli bil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li jipproċedi bil-konsenja tal-persuna rikjesta, u l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jiftiehmu, għal dan il-għan, data ġdida ta’ konsenja (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 72).

75      Barra minn hekk, u kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-obbligu li għandu l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jkompli bil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru hija obbligata, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat skont l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tieħu kull miżura li hija tqis neċessarja sabiex tevita li din il-persuna taħrab, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri li jneħħu l-libertà.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, minn naħa, l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkunx issodisfatt meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jafda lil dipartiment tal-pulizija l-kompitu li jivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma tad-detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja, u dan anki jekk din il-persuna jkollha d-dritt li tadixxi fi kwalunkwe mument lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex din tiddeċiedi dwar l-elementi msemmija hawn fuq. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 23 għandhom jitqiesu li skadew, bil-konsegwenza li l-imsemmija persuna għandha tinħeles, meta r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 23(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jkunx ġie ssodisfatt.

 Fuq lispejjeż

77      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma jestendix għall-ostakoli ġuridiċi għall-konsenja, li jirriżultaw minn azzjonijiet legali mressqa mill-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, meta d-deċiżjoni finali dwar il-konsenja tkun ġiet adottata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

2)      L-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkunx issodisfatt meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jafda lil dipartiment tal-pulizija l-kompitu li jivverifika l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żamma tad-detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, data ġdida ta’ konsenja, u dan anki jekk din il-persuna jkollha d-dritt li tadixxi fi kwalunkwe mument lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex din tiddeċiedi dwar l-elementi msemmija hawn fuq.

L-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 23 għandhom jitqiesu li skadew, bil-konsegwenza li l-imsemmija persuna għandha tinħeles, meta r-rekwiżit ta’ intervent mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 23(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jkunx ġie ssodisfatt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.