Language of document : ECLI:EU:C:2024:82

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C753/22

QY

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni dwar l-ażil – Deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottata minn Stat Membru – Riskju ta’ ssuġġettar għal trattament inuman jew degradanti f’dan l-Istat Membru – Konsegwenzi għall-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru ieħor – Eżami ta’ din l-applikazzjoni l-ġdida minn dan l-Istat Membru l-ieħor – Determinazzjoni tal-effett vinkolanti ekstraterritorjali possibbli tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Rikonoxximent reċiproku – Skambju ta’ informazzjoni)






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fil-proċeduri bejn QY, ċittadina Sirjana li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja, u l-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni ta’ QY għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus.

2.        F’dan il-każ, il-Ġermanja, l-Istat Membru li lilu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat (iktar ’il quddiem it-“tieni Stat Membru”) ma tistax tirritorna lil QY lejn il-Greċja, l-Istat Membru li l-ewwel taha tali status (iktar ’il quddiem l-“ewwel Stat Membru”), peress li dan ikun jesponiha għal riskju serju ta’ ssuġġettar għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-refuġjati f’dan l-Istat Membru (2).

3.        F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt primarju tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ tliet atti sekondarji adottati fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-refuġjati, jiġifieri r-Regolament Dublin III (3), id-Direttiva dwar il-proċeduri (4) u d-Direttiva dwar il-kwalifika (5) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tieni Stat Membru huwa marbut li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat mogħti mill-ewwel Stat Membru, mingħajr eżami ulterjuri tal-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-kwalifika għall-istatus ta’ refuġjat.

4.        Il-kawża preżenti jqajjem il-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat bejn l-Istati Membri u, jekk iva, jekk dan ir-rikonoxximent jibqax jeżisti meta l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi applikat. Kwistjonijiet simili bħalissa huma s-suġġett ta’ tliet kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (6).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 78(1) u (2) TFUE jipprovdi:

“1.      L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat‑28 ta’ Lulju 1951 [(7)] [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”] [...].

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil [(iktar ’il quddiem is-“SEKA”)] li tinkludi:

a)      status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

[...]”

1.      IrRegolament Dublin III

6.        L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

7.        L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

2.      IdDirettiva dwar ilproċeduri

8.        L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2(a) tiegħu:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont [ir-Regolament Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt [id-Direttiva dwar il-kwalifika] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor”.

3.      IdDirettiva dwar ilkwalifika

9.        L-Artikolu 4(1), (2) u (3) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jittratta l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi marbuta mal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

10.      L-Artikoli 11, 12, 13 u 14 ta’ din id-direttiva huma rilevanti wkoll għal din il-kawża.

B.      Iddritt Ġermaniż

11.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali) fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), tipprovdi li, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, “ċittadin barrani ma jistax jiġi ddeportat lejn Stat li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali jew l-opinjoni politika tiegħu”.

12.      Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-AufenthG, meta persuna tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat barra mit-territorju Federali fir-rigward ta’ Stat partikolari, l-għoti ta’ dan l-istatus jipprekludi d-deportazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Ġermaniżi lejn dan l-Istat. Billi adotta din ir-regola, il-leġiżlatur Ġermaniż ta effett obbligatorju lir-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, li huwa ristrett għar-rifjut ta’ deportazzjoni tal-persuna kkonċernata, iżda ma ħoloq ebda dritt ġdid relatat mar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

III. Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari, u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

13.      QY, ċittadina Sirjana, ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja fl‑2018. F’data mhux żvelata mill-qorti tar-rinviju, QY ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

14.      Qorti amministrattiva Ġermaniża kkonstatat fis-sentenza tagħha li minħabba l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fil-Greċja, QY kienet tinsab f’riskju serju li ssofri trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, bir-riżultat li ma setgħetx tiġi rritornata lura lejn dan l-Istat Membru.

15.      B’deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2019, l-Uffiċċju Federali ta protezzjoni sussidjarja lil QY u ċaħad l-applikazzjoni tagħha għall-istatus ta’ refuġjat.

16.      Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn QY għar-raġuni li t-talba tagħha ma setgħetx tkun ibbażata biss fuq il-fatt li hija kienet ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja. Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) qieset li l-applikazzjoni ma kinitx fondata għaliex hija ma kinitx tinsab f’riskju ta’ persekuzzjoni fis-Sirja.

17.      QY sussegwentement ippreżentat appell quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-Uffiċċju Federali huwa marbut bl-istatus ta’ refuġjat mogħti preċedentement mill-Greċja.

18.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż ma tagħti lil QY id-dritt għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor. Hija tosserva wkoll li t-talba tagħha ma setgħetx tiġi ddikjarata inammissibbli mill-awtoritajiet Ġermaniżi, peress li, filwaqt li QY kienet ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja, hija tinsab f’riskju li ssofri trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk tiġi rritornata lejn dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ din l-għażla minħabba r-riskji ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

19.      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix lill-Uffiċċju Federali milli jwettaq eżami ġdid, mingħajr ma jkun marbut minn deċiżjoni preċedenti ta’ Stat Membru ieħor li tagħti l-istatus ta’ refuġjat, u jekk din id-deċiżjoni għandhiex effett ekstraterritorjali mandatorju. Din il-qorti tesprimi l-fehma li d-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni ma jindikax li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru wieħed jipprekludi lill-awtorità kompetenti ta’ tieni Stat Membru milli teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-merti tagħha. Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, taħt id-dritt tal-Unjoni, ma teżisti ebda dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ dan l-istatus.

20.      Dan premess, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk effetti vinkolanti jistgħux jiġu dedotti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, li skontha l-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi wkoll li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jistgħu jiġu interpretati bl-istess mod. Barra minn hekk, l-għażla li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħti lit-tieni Stat Membru li jiddikjara applikazzjoni inammissibbli għar-raġuni li l-ewwel Stat Membru jkun diġà ta l-istatus ta’ refuġjat tista’ tinftiehem bħala espressjoni tal-prinċipju li l-merti ta’ applikazzjoni għall-ażil għandhom jiġu eżaminati darba biss.

21.      Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li din il-kawża hija differenti mill-Kawża C‑352/22, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għal estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija), li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li tikkonċerna talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz minn fejn ħarbet din il-persuna. F’din il-kawża, l-Uffiċċju Federali ta protezzjoni sussidjarja lil QY u għalhekk hija ma tistax tiġi ddeportata.

22.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar kif il-punt 42 tad-digriet fil-kawża Hamed u Omar (8) għandu jinftiehem. Minn naħa, ir-riferiment għal proċedura tal-ażil “ġdida” jista’ jkun favorevoli għal eżami ġdid. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għad-“drittijiet marbuta mal-istatus ta’ refuġjat” jista’ timplika rikonoxximent tal-istatus diġà mogħti minn Stat Membru ieħor.

23.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta Stat Membru ma jkunx awtorizzat jeżerċita l-fakultà, mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-[Direttiva dwar il-proċeduri], li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba l-istatus ta’ refuġjat mogħti fi Stat Membru ieħor, għaliex il-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dan l-aħħar Stat Membru jkunu jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Dublin III], it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-[Direttiva dwar il-kwalifika], kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3), u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-[Direttiva dwar il-proċeduri], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istatus ta’ refuġjat diġà mogħti jipprekludi lill-Istat Membru milli jeżamina mingħajr preġudizzji l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata quddiemu u jobbligah jagħti lill-applikant l-istatus ta’ refuġjat mingħajr ma jivverifika l-kundizzjonijiet sostantivi ta’ din il-protezzjoni?”

24.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn QY, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Irlandiż, Grieg, Franċiż, Taljan, Lussemburgiż, Olandiż u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, minbarra l-Gvern Belġjan, Ċek u Awstrijak, ippreżentaw ukoll argumenti orali waqt is-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Settembru 2023.

IV.    Evalwazzjoni

25.      Is-sitwazzjoni sottostanti għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ma tistax tintbagħat lura lejn l-ewwel Stat Membru, il-Greċja. Għalhekk, id-domanda rrinvijata hija bbażata fuq il-premessa li s-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru – u b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati – ma tistax tiggarantixxi iktar il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tal-Karta (Taqsima A).

26.      F’dan l-isfond, id-domanda rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tivverifika, essenzjalment, jekk hemmx prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fid-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi u jinforza l-istatus ta’ refuġjat preċedentement mogħti lill-persuna kkonċernata mill-ewwel Stat Membru. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, huwa importanti ħafna li jiġi ddeterminat jekk tali prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jeżistix fil-qasam tal-politika tal-ażil tal-Unjoni (Taqsima B). It-tieni nett, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv għandu jiġi determinat ukoll il-mod kif għandhom jitwettqu l-proċeduri amministrattivi sussegwenti fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ġodda fit-tieni Stat Membru (Taqsima C) (9).

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar iċċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mittelf ta’ fiduċja reċiproka

27.      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu li jaqsmu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif huwa ddikjarat fl-Artikolu 2 TUE (10). Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li dawn il-valuri ser ikunu rrikonoxxuti, u għalhekk, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimentahom ser tkun osservata, u li s-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri huma kapaċi jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, inklużi l-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (11).

28.      Għaldaqstant, fil-kuntest tas-SEKA, għandu jiġi preżunt li t-trattament tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (12). Minkejja din il-preżunzjoni ta’ konformità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma huwiex inkonċepibbli li s-SEKA tista’, fil-prattika, tesperjenza problemi operattivi kbar fi Stat Membru partikolari, li jfisser li hemm riskju sostanzjali li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil jistgħu, meta jiġu trasferiti lejn dan l-Istat Membru, jiġu ttrattati b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (13). Għalhekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali (14), l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ssir inkompatibbli mad-dmir li jiġi interpretat u applikat ir-Regolament Dublin III b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali (15).

29.      F’dan il-kawża, il-premessa li tagħti lok għal fiduċja reċiproka fis-SEKA – li skontha kull wieħed minn dawn l-Istati huwa obbligat li jqis lill-Istati Membri l-oħra kollha bħala li jaġixxu b’konformità mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni – ma għadhiex tapplika fir-rigward ta’ dan l-ewwel Stat Membru. Id-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet irrinvijata fil-kuntest ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, u hija bbażata fuq il-premessa doppja li l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tistax tiġi applikata, peress li, minn naħa, kien hemm ksur tal-fiduċja reċiproka, fis-sens li r-rikorrenti tkun taffaċċja riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru li taha l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli għall-awtorità determinanti Ġermaniża li tiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

1.      Ilksur talfiduċja reċiproka u linterpretazzjoni talArtikolu 3(2) tarRegolament Dublin III

a)      LArtikolu 3(1) tarRegolament Dublin III u rregola prinċipali

30.      Is-sistema introdotta mir-Regolament Dublin III għandha l-għan li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat. Din hija bbażata fuq il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li Stat Membru wieħed huwa kompetenti sabiex jeżamina l-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

31.      Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi ġerarkija ta’ kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. (16) Dawn il-kriterji, stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jistabbilixxu metodu ċar u effettiv, li jippermetti li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli, sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jiġix kompromess l-għan tal-ipproċessar rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. B’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, l-awtoritajiet Griegi eżerċitaw il-kompetenza tagħhom sabiex jadottaw id-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil QY.

b)      LArtikolu 3(2) tarRegolament Dublin III

32.      Fis-sentenza N.S. et, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sistema tal-ażil tista’, fil-prattika, tesperjenza problemi operattivi kbar fi Stat Membru partikolari, li jfisser li hemm riskju sostanzjali li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu, meta jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, jiġu ttrattati b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat l-infurzar awtomatiku tar-Regolament Dublin II (18), predeċessur tar-Regolament Dublin III, sabiex “l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu josservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil” (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri ma jistgħux jittrasferixxu lil persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin II, meta huma jkunu konxji ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru li jkunu jammontaw għal raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

33.      L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jikkodifika x-xenarju previst fis-sentenza N.S. et, jiġifieri x-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li jintroduċi l-kriterju doppju – in-nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru – li jippermetti r-rifjut li applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li jkun ħareġ id-deċiżjoni (20).

34.      F’dan il-każ, id-domanda preliminari tikkonċerna tali xenarju. Għalhekk, il-preżunzjoni tal-ekwivalenza tas-sistemi nazzjonali tal-ażil – li fuqha huma bbażati r-regoli stabbiliti fir-Regolament Dublin III – ma tapplikax. Dan ifisser li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jirritornaw lill-persuna kkonċernata lejn il-Greċja, peress li jqisu li hemm nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tar-refuġjati f’dan l-Istat Membru. Fejn dan ix-xenarju jiġi skattat minn riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istat Membru li fih tkun preżenti l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil għandhom jiddeterminaw liema Stat Membru jsir responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tagħha.

c)      LIstat Membru kompetenti meta jiġi applikat lArtikolu 3(2) tarRegolament Dublin III

35.      Mill-bidu nett, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi r-regola ta’ kompetenza li ġejja: l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nnominat bħala responsabbli. Jekk dan l-eżami ma jwassalx għan-nomina ta’ Stat Membru ieħor responsabbli, it-tielet subparagrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[f]ejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli”.

36.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma semmietx jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi wettqux l-eżami meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u, jekk iva, b’liema mod. Madankollu, huwa ċar li dawn l-awtoritajiet iqisu lilhom innifishom kompetenti, abbażi tat-tielet subparagrafu ta’ dan l-artikolu (21). Għalhekk, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, wieħed għandu jassumi li l-kompetenza tal-awtoritajiet Ġermaniżi hija bbażata fuq dan it-tielet subparagrafu.

2.      Inammissibbiltà taħt lArtikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar ilproċeduri

37.      Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Istati Membri ma humiex obbligati jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-kwalifika, jekk dawn ikunu inammissibbli skont dan l-artikolu. L-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (22). B’mod partikolari, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tipprovdi li, meta Stat Membru ieħor ikun ta preċedentement protezzjoni internazzjonali lill-applikant, l-applikazzjoni tiegħu tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Din l-eċċezzjoni għall-ammissibbiltà ġenerali tista’ tiġi spjegata mill-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (23). L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħti espressjoni konkreta lill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-SEKA (24).

38.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-prinċipju (25), l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux japplikaw l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri meta jkunu waslu għall-konklużjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif suppost, u b’kont meħud tal-istandard tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, li hemm, fl-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz diġà jgawdi protezzjoni internazzjonali, nuqqasijiet, li jistgħu jkunu sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni u meta, wara li jitqiesu dawn in-nuqqasijiet, ikun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (26).

39.      Peress li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-fatt li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli għall-awtorità determinanti Ġermaniża li tadotta deċiżjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, jista’ jiġi dedott loġikament li l-qorti nazzjonali stabbilixxiet l-elementi li ġejjin: hemm nuqqasijiet li huma sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni, u hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal QY ikunu jaffaċċjaw riskju reali li jiġu suġġetti għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

40.      F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar l-eżistenza tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-ażil u dwar il-konsegwenzi tat-telf ta’ fiduċja reċiproka fuq tali rikonoxximent, jekk jeżisti.

3.      Leffetti tattelf ta’ fiduċja reċiproka

41.      Kif diġà semmejt, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li kull Stat Membru huwa obbligat iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jaġixxu b’konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (27). Dan il-prinċipju jnissel obbligi fir-rigward tal-Istati Membri (28). Il-fiduċja reċiproka ma għandhiex tiġi konfuża ma’ fiduċja għamja (29). It-telf ta’ fiduċja reċiproka jista’ jseħħ fil-każ ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’wieħed mill-Istati Membri (30). Minn dan isegwi li, meta din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata u Stat Membru wieħed ikun tilef il-fiduċja fis-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru ieħor, inevitabbilment iqumu numru ta’ mistoqsijiet: x’inhuma l-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri? Għall-kuntrarju, liema drittijiet u obbligi jibqgħu mhux affettwati? Barra minn hekk, telf ta’ fiduċja min-naħa ta’ Stat Membru wieħed jaffettwa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda minn Stat Membru ieħor?

42.      L-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja ma humiex ċari. Wieħed jista’ jargumenta li, meta t-tieni Stat Membru (il-Ġermanja) jitlef il-fiduċja fis-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru (il-Greċja) minħabba n-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati, it-tieni Stat ma jkunx jafda biss it-trattament tar-refuġjati tal-ewwel Stat iżda mhux il-proċeduri tiegħu għall-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil. B’hekk, l-effetti ta’ dan it-telf ta’ fiduċja jkunu limitati għan-nuqqas ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru. Madankollu, it-tieni Stat Membru xorta jkollu fiduċja li d-deċiżjoni tal-ewwel Stat Membru li tagħti status ta’ refuġjat kienet fondata sew. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi argumentat li t-telf ta’ fiduċja jagħti lok għal sfiduċja ġenerali fis-sistema tal-ażil tal-ewwel Stat Membru kollha kemm hi, inkluża l-validità tad-deċiżjoni inizjali maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

43.      F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-proċeduri tal-ażil u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għall-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil fl-ewwel Stat Membru, minn naħa, u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, min-naħa l-oħra (31). Fit-teorija, l-għarfien tat-tieni Stat Membru fir-rigward ta’ nuqqasijiet fl-ewwel Stat Membru (u, għalhekk, it-telf ta’ fiduċja) jista’ jiġi stabbilit fir-rigward tal-proċedura tal-ażil u/jew tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. F’dan il-każ, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod ċar għall-“kundizzjonijiet tal-ħajja” fl-ewwel Stat Membru. Għalhekk, jiena tal-fehma li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet validament mogħtija lill-persuna kkonċernata, minkejja t-telf ta’ fiduċja ddeterminat mill-qrati tat-tieni Stat Membru fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, għandu jiġi stabbilit jekk – u, jekk iva, b’liema mod – il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fil-qasam tal-politika tal-ażil meta t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jkunu applikabbli u l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jkunx jista’ jiġi applikat minħabba li l-persuna kkonċernata tkun taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

B.      Rikonoxximent reċiproku filqasam talpolitika talażil

44.      Ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fil-qasam tal-politika tal-ażil u, jekk iva, b’liema mod, tinkludi żewġ aspetti: mill-bidu nett, għandu jiġi stabbilit jekk dan japplikax bħala prinċipju ġenerali f’ċirkustanzi normali. Huwa biss imbagħad li jista’ jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, it-tieni Stat Membru huwiex obbligat jirrikonoxxi awtomatikament l-istatus ta’ refuġjat mogħti mill-ewwel Stat Membru u l-protezzjoni li tirriżulta minnu.

45.      Fl-applikazzjoni bażika tiegħu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jfisser li deċiżjoni dwar l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz adottata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni għandha tiġi aċċettata mingħajr ebda restrizzjoni fi Stat Membru ieħor (32).  Ir-rikonoxximent reċiproku għalhekk ifisser li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru bħallikieku kienet tiegħu stess (33). Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat ikun sinjifikattiv, il-protezzjoni u d-drittijiet li r-refuġjat jingħata fl-ewwel Stat Membru għandhom isegwu lil din il-persuna lejn it-tieni Stat Membru (34).

46.      Sabiex tali rikonoxximent reċiproku jkun jeżisti fil-qasam tas-SEKA, dan għandu jkun ankrat fid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni. Għalhekk ser nanalizza d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (i) u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (ii) sabiex niddetermina jekk tali prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet jeżistix fil-qasam tal-politika tal-ażil.

1.      Hemm prinċipju ta’ gwida ta’ rikonoxximent reċiproku li jirriżulta middritt primarju talUnjoni?

47.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 78(1) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja. Għal dan il-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw, skont l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, miżuri għal SEKA. Dan jinkludi, inter alia, status uniformi tal-ażil għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni Ewropea kollha (35). Madankollu, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet fit-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TFUE ma tipprevedi obbligu jew prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor (36). Barra minn hekk b’differenza mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu (37) li għandhom effett dirett (38), huma awtonomi, u fihom drittijiet applikabbli direttament li jagħmlu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kompletament effettiv u operattiv, dan ma jidhirx li huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat taħt it-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TFUE. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat li tiddikjara b’mod espliċitu li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa kompletament effettiv u operattiv fir-rigward tal-politika tal-ażil.

48.      Madankollu, tibqa’ l-mistoqsija jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat (39). F’dan ir-rigward, għandi nenfasizza li l-Artikolu 78(1) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza fil-qasam tal-politika tal-ażil u jiddefinixxi l-għan tagħha, li huwa li tinħoloq politika komuni dwar l-ażil li toffri “status xieraq” lill-kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun “jeħtieġ protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 78(2)(a) TFUE jikkostitwixxi bażi ġuridika (40) li tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni joħloq “status uniformi ta’ asil” li jkun “validu fl-Unjoni kollha” (41). Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li d-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus uniformi la huma kompletament effettivi u lanqas operattivi mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni (42). Minn dan isegwi li dispożizzjoni tat-Trattat li tistabbilixxi bażi ġuridika u trasferiment ta’ kompetenza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed sabiex issostni l-kontenzjoni li din fiha drittijiet direttament applikabbli li jagħmlu l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kompletament effettiv u operattiv (43).

49.      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandi nżid li l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdi li “[i]d-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Filwaqt li skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil “trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, bħala prinċipju ġenerali, id-dritt internazzjonali jipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni ta’ infurzar ekstraterritorjali sakemm dan ma jkunx speċifikament permess (44). Madankollu, din il-konvenzjoni ma teħtieġx li Stat kontraenti jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun qiegħed tfittex l-ażil kif mogħti qabel minn Stat kontraenti ieħor. Għalhekk, l-ebda ekstraterritorjalità ma tista’ tiġi dedotta minn din il-konvenzjoni. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma teħtieġx ekstraterritorjalità u, għall-kuntrarju, tenfasizza n-natura eċċezzjonali ta’ dan il-prinċipju (45). Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li huwa uniku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma joħroġx mill-KEBD (46).

50.      Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan jindika, inter alia, li l-Protokoll [Nru 24] anness mat-Trattat FUE (47) huwa rilevanti għall-proċedura attwali. Ma naqbilx ma’ din il-fehma, peress li dan il-protokoll jikkonċerna ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni, filwaqt li l-kawża preżenti tinvolvi ċittadini ta’ pajjiżi terzi biss.

51.      Peress li l-ebda prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku ma jista’ jiġi dedott mid-dritt primarju tal-Unjoni, il-kwistjoni li tqum wara hija jekk id-dritt sekondarju tal-Unjoni jagħtix lok għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fis-SEKA.

2.      Rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi dedott middritt sekondarju talUnjoni fisSEKA?

52.      Sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija ta’ hawn fuq, skont il-metodu normali ta’ interpretazzjoni stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (48), jiena ser napplika l-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika skont ir-rilevanza tagħhom għall-analiżi. F’dan ir-rigward, sabiex ikun jeżisti rikonoxximent reċiproku fis-SEKA, wieħed għandu jikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi tali rikonoxximent fuq l-Istati Membri (49).  Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-intenzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi ddikjarata b’mod espliċitu fil-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni iżda tista’ tiġi dedotta mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti u mill-għanijiet li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ fejn l-effettività ta’ dispożizzjoni fid-dritt sekondarju tal-Unjoni tkun suġġetta għall-eżistenza tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri. Għalhekk, filwaqt li dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma għandhiex għalfejn ikun fiha riferiment espliċitu għar-“rikonoxximent reċiproku”, għandu jkun hemm intenzjoni ċara min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimponi tali prinċipju (50).

a)      IrRegolament Dublin III

53.      Fl-ewwel lok, xi wħud mill-partijiet f’dawn il-proċeduri jargumentaw, l-ewwel nett, li r-Regolament Dublin III ma huwiex applikabbli, peress li l-Istat Membru responsabbli (f’dan il-każ, il-Greċja) diġà ta protezzjoni internazzjonali lill-persuna kkonċernata (51). Fit-tieni lok, huma jsostnu li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni ta’ kif għandha tiġi ttrattata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Ġermanja u mhux l-applikazzjoni ppreżentata qabel fil-Greċja.

54.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Dublin III, kif diġà spjegajt, l-Artikolu 3(2) tiegħu jistabbilixxi l-kompetenza tal-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru sabiex jeżaminaw l-applikazzjoni għall-ażil. Peress li din id-dispożizzjoni tikkodifika speċifikament ix-xenarju ttrattat fis-sentenza N.S. et, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tagħti status ta’ refuġjat meta Stat Membru wieħed ikun tilef il-fiduċja fil-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fl-Istat Membru l-ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III (52). Konsegwentement, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni preżenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

55.      Ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri (53). Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma huwiex imsemmi f’dan ir-regolament. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, l-applikazzjonijiet għall-ażil għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri individwalment. Filwaqt li s-sistema ta’ Dublin hija bbażata fuq l-idea fundamentali ta’ ekwivalenza tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, preżunzjoni bħal din ma tammontax għal rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu status ta’ refuġjat.

56.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-mekkaniżmi stabbiliti fir-Regolament Dublin III jipprovdu grad għoli ta’ “awtomatizzazzjoni” fil-proċeduri fir-rigward ta’ deċiżjonijiet negattivi, jiġifieri, deċiżjonijiet li ma jagħtux status ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja (54). Din l-“awtomatizzazzjoni” ssaħħaħ l-argument li r-Regolament Dublin III jirrendi kompletament effettiv u operattiv il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku iżda biss fir-rigward ta’ deċiżjonijiet negattivi (55). Fejn l-ewwel Stat Membru jkun adotta deċiżjoni negattiva, it-tieni Stat Membru ma jkunx responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni ġdida għall-ażil ippreżentata quddiemu iżda għandu jirritorna lill-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru, li mbagħad għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirritorna lura lil dik il-persuna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Barra minn hekk, is-sistema introdotta mir-Regolament Dublin III tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu “kooperazzjoni transnazzjonali orizzontali intensa fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali”, sabiex jintraċċaw interventi possibbli ta’ ġurisdizzjonijiet oħra (56).

57.      Madankollu, kif jindika l-Gvern Irlandiż, ma hemm ebda dispożizzjoni legali fir-Regolament Dublin III li espliċitament tipprovdi għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet affermattivi adottati minn Stati Membri oħra. Dan ir-regolament ma jeħtieġx li l-Istati Membri jirrikonoxxu u jinforzaw awtomatikament id-deċiżjonijiet affermattivi ta’ xulxin. Filwaqt li l-istudjużi legali għamlu argumenti konvinċenti “de lege ferenda” b’sostenn tal-ħtieġa għall-adozzjoni ta’ tali prinċipju (57) il-leġiżlatur tal-Unjoni, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni (58), ma ħa l-ebda passi f’din id-direzzjoni.

58.      Għandi nżid ukoll li l-kunċett ta’ Stat Membru wieħed responsabbli jinsab fil-qalba tas-SEKA (59). Fid-dawl ta’ dan il-kunċett, dan jillimita t-twettiq tal-proċedura għal Stat Membru wieħed, li mbagħad isir responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, f’ċirkustanzi normali, id-deċiżjonijiet affermattivi u negattivi jiġu ttrattati minn Stat Membru wieħed biss.

59.      Fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi nnotat li l-Istat Membru nnominat bħala responsabbli, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, jimpenja ruħu li jwettaq il-proċedura kollha f’konformità mar-Regolament Dublin III, mad-Direttiva dwar il-proċeduri u mad-Direttiva dwar il-kwalifika. Dan l-Istat Membru huwa kompetenti sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni, sabiex jagħti protezzjoni internazzjonali jew sabiex jiċħad l-applikazzjoni jew, skont il-każ, sabiex jirritorna jew ineħħi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Kif isostni l-Gvern Grieg, is-sistema ta’ Dublin ma tippermettix l-akkumulazzjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni internazzjonali għall-istess persuna fi Stati Membri differenti. Madankollu, meta t-tieni Stat Membru ma jkunx jista’ jirritorna lill-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru li jkun taha l-istatus ta’ refuġjat, it-tħassib dwar l-akkumulazzjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni multipli minn persuna waħda jsir bla skop. Dan għaliex, fid-dawl tan-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fl-ewwel Stat Membru, din il-persuna ma tkunx tista teżerċita d-drittijiet marbuta mal-istatus tagħha ta’ refuġjat b’tali mod illi d-drittijiet fundamentali tagħha, kif irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu protetti biżżejjed.

60.      Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-Regolament Dublin III jagħti l-kompetenza lit-tieni Stat Membru sabiex jittratta l-applikazzjoni, iżda jħalli l-kwistjoni tal-portata ta’ din il-kompetenza u l-proċedura applikabbli miftuħa. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li meta dawn iċ-ċirkustanzi jiġu attivati, ir-Regolament Dublin III ma jistabbilixxix obbligu li jingħata effett lid-deċiżjoni affermattiva dwar l-ażil meħuda mill-ewwel Stat Membru.

b)      IdDirettiva dwar ilproċeduri

61.      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku lanqas ma jissemma fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċeduri. L-approċċ meħud f’din id-direttiva huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura waħda u ta’ regoli komuni minimi (60).

62.      Fir-rigward tax-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet irreferew għall-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessi 16 u 43 ta’ din id-direttiva, tippreċiża li huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni internazzjonali jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti u jiġu eżaminati fuq il-mertu, u jevalwaw fuq bażi oġġettiva u imparzjali jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex jikseb protezzjoni internazzjonali. Id-Direttiva dwar il-proċeduri għalhekk tenfasizza r-rekwiżit li l-Istati Membri responsabbli jeżaminaw l-applikazzjonijiet individwalment. Minn naħa, wieħed jista’ jargumenta li “eżami individwali” jkun diġà twettaq fl-ewwel Stat Membru. Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jsostni wkoll li eżami individwali ġdid ikun meħtieġ minħabba n-nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fl-ewwel Stat Membru. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li minn dan ir-rekwiżit ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni, kemm jekk favur kif ukoll jekk kontra l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni li tagħti status ta’ refuġjat meta jkun ġie stabbilit riskju taħt l-Artikolu 4 tal-Karta. Jiena nqis l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-proċeduri bħala rilevanti biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinterpreta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, tiddeċiedi li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom jevalwaw ex nunc jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex tikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat.

63.      Fin-nuqqas ta’ obbligu ċar, impost mid-Direttiva dwar il-proċeduri li tiġi rrikonoxxuta awtomatikament deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat, jibqa’ meħtieġ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva, minħabba r-riskju serju għall-persuna kkonċernata li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fl-ewwel Stat Membru (61). F’ċirkustanzi normali, meta jkun hemm fiduċja bejn l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tagħti espressjoni konkreta mhux biss lill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tas-SEKA iżda wkoll lill-prinċipju ta’ Stat Membru wieħed responsabbli (62)

64.      Madankollu, fil-każ tax-xenarju ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet Hamed u Omar, billi bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti, iddeċidiet li Stat Membru (f’dak il-każ, il-Ġermanja) ma jistax jinvoka l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri sabiex jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn persuna li tkun ingħatat status ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor (f’dak il-każ, il-Bulgarija) li fih is-sistema tal-ażil tbati minn nuqqasijiet sistemiċi simili għal dawk inkwistjoni fil-każ li ta lok għas-sentenza N.S. et. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll, obiter, li filwaqt li d-dritt Ġermaniż kien jipprovdi għal xi tip ta’ protezzjoni lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil li jkunu affaċċjati mix-xenarju fis-sentenza N.S. et, hija “[ma] pprovdietx għar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus u għall-għoti tad-drittijiet marbuta miegħu fil-Ġermanja mingħajr proċedura tal-ażil ġdida”(63). Din is-silta tidher li tivvalida, għalkemm impliċitament, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-approċċ adottat mil-leġiżlatur Ġermaniż. Kieku d-Direttiva dwar il-proċeduri kienet tipprevedi r-rikonoxximent ta’ dan l-istatus, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-fehma tiegħi, tfassal din is-silta b’mod kompletament differenti, billi titlob li l-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtu tali status lill-persuna kkonċernata. Tabilħaqq, ir-riferiment għal proċedura “tal-ażil ġdida” jwassal sabiex wieħed jaħseb li, meta jiġi stabbilit ir-riskju għall-persuna kkonċernata li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, it-tieni Stat Membru jkun intitolat li jwettaq tieni proċedura tal-ażil. Fil-prattika, it-tieni Stat Membru jakkwista kompetenza doppja: li jeżamina l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata u li jagħti effett lid-drittijiet ta’ din il-persuna.

65.      Jien għalhekk naqbel mal-pożizzjoni adottata minn xi wħud mill-partijiet, li l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida jista’ jwettaq eżami ġdid. Tali eżami għandu, madankollu, jiġi eżerċitat f’konformità mal-għanijiet sottostanti tad-Direttiva dwar il-proċeduri kif ukoll tal-Karta. Dan premess, u kif ser nispjega fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem (ara t-Taqsima C), eżami ġdid ma jfissirx eżami “mibdi mill-ġdid”. Fi kliem iktar kollokwali, l-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni ġdida ma “jibdiex mill-bidu”, iżda għandu, fid-determinazzjoni tiegħu, jieħu kont dovut tad-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li tagħti status ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata.

c)      IdDirettiva dwar ilkwalifika

66.      Id-Direttiva dwar il-kwalifika tfittex li tistabbilixxi “status uniformi [tal-ażil]” għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève (64). Il-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jippreċiżaw li l-Konvenzjoni ta’ Genève hija “l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati” u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew adottati sabiex jiggwidaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ kunċetti u ta’ kriterji komuni (65). Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika għandhom jiġu interpretati skont il-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE.

67.      Il-Kapitoli I, III, IV, V u VI tad-Direttiva dwar il-kwalifika jiddefinixxu l-kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni “ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (66) u li lilhom għandu jingħata wieħed miż-żewġ status. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-Istati Membri ma għandhomx diskrezzjoni u għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali sabiex jitqiesu bħala refuġjati skont il-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva (67)

68.      Sussegwentement, fil-Kapitolu VII, id-Direttiva dwar il-kwalifika tistabbilixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, li, fil-fehma tiegħi, toħloq rabta bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru li jkun qiegħed jagħti din il-protezzjoni. Din ir-rabta toħroġ mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, li jistabbilixxi r-rekwiżiti, l-ewwel nett, sabiex il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkunu pprovduti b’aċċess għal informazzjoni, permessi ta’ residenza, dokumenti tal-ivvjaġġar, impjieg, edukazzjoni, proċeduri ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki, programmi ta’ integrazzjoni, benesseri soċjali u kura tas-saħħa, u, it-tieni nett, sabiex tiġi żgurata l-unità tal-familja (68).

69.      Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kapitoli I sa VII tad-Direttiva dwar il-kwalifika ma għandha effett reali fuq l-effetti ekstraterritorjali ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat. B’mod partikolari, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li għalih tirreferi l-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ma jikkostitwixxix bażi sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku taħt din id-direttiva.

70.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Grieg jargumenta li l-obbligu tal-Istat Membru li joħroġ dokument tal-ivvjaġġar lil refuġjat sabiex dan ikun jista’ jivvjaġġa liberament barra mit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, jagħti espressjoni konkreta lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (69). Madankollu, din id-dispożizzjoni timponi biss obbligi fuq l-ewwel Stat Membru li joħroġ dawn id-dokumenti, filwaqt li t-tieni Stat Membru sempliċement jirrikonoxxi dawn id-dokumenti bħala validi għall-ivvjaġġar. Dan ir-rikonoxximent għandu portata limitata u ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplikax fir-rigward ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi illustrazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet affermattivi li jagħtu status ta’ refuġjat.

71.      Waqt is-seduta, il-partijiet irreferew ukoll għall-permess ta’ residenza fit-tul maħruġ mill-ewwel Stat Membru (70) sabiex jiġi argumentat li jeżisti rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-politika tal-ażil. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih, bis-saħħa ta’ dan il-fatt biss, ikun qiegħed joqgħod hemmhekk illegalment (71). L-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifika għalhekk ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri kollha jagħtu permess ta’ residenza lil persuna li lilha Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni internazzjonali (72). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li ebda argument ma jista’ jinstilet mis-sistema ta’ permessi ta’ residenza għall-finijiet ta’ din il-kawża.

72.      Barra minn hekk, l-Artikoli 11, 12 u 14 tad-Direttiva dwar il-kwalifika fihom regoli speċifiċi dwar il-waqfien, l-esklużjoni, u r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-fehma tiegħi, dawn l-artikoli ma jagħtux is-setgħa lil Stat Membru li jirrevoka jew li jtemm l-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru ieħor. Din il-kompetenza taqa’ biss f’idejn l-Istat Membru li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat. Il-fatt li t-tieni Stat Membru jkun tilef il-fiduċja fil-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru ma jagħtix lill-awtoritajiet ta’ dan it-tieni Stat Membru d-dritt li jimminaw is-setgħat tal-ewwel Stat Membru u li jneħħu l-istatus ta’ refuġjat fl-ewwel Stat Membru liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. L-uniku dritt li dawn l-awtoritajiet jakkwistaw, meta jiġi attivat l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, huwa dak li jkunu jistgħu jiddeterminaw l-Istat Membru kompetenti u, jekk ikun meħtieġ, li jwettqu eżami ġdid dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-kwalifika għall-għoti ta’ dan l-istatus ikunux ġew issodisfatti.

73.      Tali evalwazzjoni hija konsistenti mal-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, li jippermetti lill-Istat Membru jirrevoka jew jirrifjuta li jġedded l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. F’dan ir-rigward, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jikkonfermaw l-idea li l-kontinwazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat hija marbuta mill-qrib b’mod partikolari maċ-ċirkustanzi preżenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, is-sistema hija mfassla b’tali mod li t-tieni Stat Membru jkun jista’ jeżamina mill-ġdid il-merti tal-applikazzjoni, peress li huwa jista’ jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni, jekk iqis li dan ikun meħtieġ. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lit-tieni Stat Membru setgħat sabiex jeżamina mill-ġdid il-merti sostantivi tal-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 14(4) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirriżulta li l-istatus ta’ refuġjat mogħti huwa marbut mill-qrib mal-Istat Membru “li fih [ir-refuġjat] [i]kun preżenti”, fatt li jikkonferma l-eżistenza tar-rabta msemmija iktar ’il fuq (73).

74.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott mid-Direttiva dwar il-kwalifika li deċiżjonijiet affermattivi dwar l-ażil fi Stati Membri oħra għandhom effett vinkolanti fi Stati Membri oħra, kemm jekk f’ċirkustanzi normali jew eċċezzjonali.

3.      Konklużjoni provviżorja

75.      Is-SEKA qiegħda tinbena gradwalment u, skont it-TFUE, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni biss li għandu jiddeċiedi, meta meħtieġ, li jagħti effett transkonfinali vinkolanti lid-deċiżjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat. Ma hemm xejn fir-Regolament Dublin III, fid-Direttiva dwar il-proċeduri jew fid-Direttiva dwar il-kwalifika li jissuġġerixxi li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu lil persuna l-istatus ta’ refuġjat biss għar-raġuni li Stat Membru ieħor ikun diġà ta dan l-istatus lil din il-persuna.

76.      F’dan il-każ, l-awtorità determinanti ta’ tieni Stat Membru (il-Ġermanja), li hija prekluża milli tapplika l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, peress li din l-applikazzjoni tkun tinvolvi riskju serju ta’ ksur tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta, ma hijiex marbuta b’deċiżjoni preċedenti li tagħti status ta’ refuġjat adottata mill-ewwel Stat Membru (f’dan il-każ, il-Greċja). L-awtorità determinanti tat-tieni Stat Membru għandha twettaq valutazzjoni fuq il-merti tal-applikazzjoni l-ġdida, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika u tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

77.      Filwaqt li d-deċiżjoni li jingħata l-istatus ta’ refuġjat, meħuda mill-ewwel Stat Membru, ma għandhiex effett vinkolanti fuq l-awtorità determinanti tat-tieni Stat Membru, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk din tal-aħħar għandhiex xi obbligi li debitament tieħu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni meta hija twettaq eżami ġdid tal-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni.

C.      Ilproċeduri amministrattivi sussegwenti fix-xenarju ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”

78.      L-ewwel nett, għandi nosserva li, meta Stat Membru jkollu jeżamina l-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-fatt li l-applikant ikun f’riskju li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti fl-ewwel Stat Membru, id-Direttiva 2013/33/UE (74), li tagħti dettalji dwar l-arranġamenti għat-trattament tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali waqt li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu qegħdin jiġu pproċessati, għandha tkun applikata.

79.      Barra minn hekk, meta jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, it-tieni Stat Membru għandu josserva mhux biss il-prinċipji u s-salvagwardji stabbiliti kemm fid-Direttiva dwar il-proċeduri kif ukoll fid-Direttiva dwar il-kwalifika sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tkunx teħtieġ tali protezzjoni, iżda wkoll ir-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jimponu obbligi speċifiċi fid-dawl tal-fatt li l-persuna għandha tgħaddi minn żewġ proċeduri amministrattivi sussegwenti minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali. Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jmexxi l-obbligu fuq it-tieni Stat Membru, li huwa marbut b’dawn ir-rekwiżiti.

1.      Levalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

80.      L-ewwel nett, meta jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, it-tieni Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u s-salvagwardji stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-proċeduri, inkluż l-Artikolu 10(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li għalih il-qorti nazzjonali rreferiet. Skont l-Artikolu 10(2), l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet għandha l-ewwel tiddetermina jekk l-applikant jikkwalifikax bħala refuġjat u, jekk le, jekk huwa jkunux eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jittieħdu wara eżami xieraq, skont ir-rekwiżiti tal-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

81.      It-tieni nett, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jeħtieġ li l-Istat Membru jevalwa l-“elementi rilevanti tal-applikazzjoni”, li jinkludu l-elementi li qabel kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-ewwel Stat Membru, flimkien mal-fatt li l-persuna tkun ingħatat status ta’ refuġjat mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Is-sens wiesa’ tad-dispożizzjoni għandu jiġi enfasizzat. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet kollha ta’ fatt u s-sorsi kollha ta’ informazzjoni jikkwalifikaw bħala “elementi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, inklużi dawk li wasslu lill-ewwel Stat Membru sabiex jadotta d-deċiżjoni affermattiva tiegħu. Għandu jittieħed kont ukoll tal-fatt li l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata diġà ġiet eżaminata u li ngħatat deċiżjoni affermattiva li tagħti l-istatus ta’ refuġjat.

82.      F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru ma jistgħux sempliċiment jinjoraw il-fatt li l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru diġà taw l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, jekk it-telf ta’ fiduċja tkun seħħet minħabba trattament inuman u mhux minħabba nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil bħala tali, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni għandha tingħata importanza dovuta. L-eżistenza tad-deċiżjoni affermattiva li tagħti l-istatus ta’ refuġjat tista’, għalhekk, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jissostanzjaw il-fatti invokati insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-persuna kkonċernata (75).

2.      Irrekwiżiti li jirriżultaw millprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

83.      Fejn il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jkunx jista’ jiġi invokat minħabba ċirkustanzi straordinarji u fejn l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jiġi applikat, dan ir-regolament u d-Direttivi dwar il-proċeduri u l-kwalifika ma jistipulaw l-ebda regola speċifika dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ewwel u tat-tieni Stat Membru b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom jew dwar l-iskadenzi li għandhom jikkonformaw magħhom it-tieni Stati Membri. Peress li, f’dan il-każ, it-telf ta’ fiduċja jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-ewwel Stat Membru u mhux il-proċedura tal-ażil nnifisha, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu applikati b’analoġija f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu, meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli dettaljati dwar il-proċedura fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sabiex jiddeterminaw dawn ir-rekwiżiti, bil-kundizzjoni li dawk ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmluhiex eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (76).

84.      Madankollu, meta tinforza d-dritt tal-Unjoni jiġifieri, meta tapplika r-Regolament Dublin III u d-Direttivi dwar il-proċeduri u l-kwalifika awtorità nazzjonali hija marbuta bil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludi, inter alia, obbligu ta’ diliġenza u ta’ premura min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali (77).

a)      Kooperazzjoni u skambju tainformazzjoni bejn lIstati Membri

85.      L-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jikkostitwixxi, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, sempliċi għażla, peress li l-iskambju ta’ informazzjoni jseħħ meta “Stat Membru […] jitlob hekk” (78). Madankollu, fil-każ tax-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u, b’mod partikolari, meta tinkiser il-fiduċja bejn żewġ Stati Membri, dan ir-regolament ma jistabbilixxi ebda regola speċifika fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li jiġi rrilevat li, fejn it-telf ta’ fiduċja jkun relatat mal-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fl-ewwel Stat Membru (79), l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri ta’ applikazzjoni ma għandux jiġi affettwat.

86.      F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jeħtieġ li l-Istat Membru jevalwa l-“elementi rilevanti tal-applikazzjoni”, u jekk il-persuna kkonċernata tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni meħuda mill-ewwel Stat Membru li jagħtiha l-istatus ta’ refuġjat, it-tieni Stat Membru jeħtieġ li jiddetermina ċ-ċirkustanzi li ppermettew lill-ewwel Stat Membru jieħu din id-deċiżjoni. Sabiex jiġi osservat dan ir-rekwiżit u meta jitqies, fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun diġà ngħatat l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom jikkunsidraw jekk l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III għandux jiġi applikat. Skont l-Artikolu 34(3) tiegħu, dawn l-awtoritajiet jistgħu jressqu talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-ewwel Stat Membru u, b’mod partikolari, għal spjegazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li taw lok għal dan l-istatus, f’liema każ l-awtoritajiet fl-ewwel Stat Membru jkunu meħtieġa jwieġbu.

b)      Terminu raġonevoli

87.      Fid-dawl tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni (80) u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil, il-proċedura li tikkonċerna t-tieni applikazzjoni għandha titwettaq f’terminu raġonevoli. Il-premessa 19 tad-Direttiva dwar il-proċeduri tiddikjara b’mod ċar dan il-prinċipju ta’ ħeffa fil-proċeduri tal-ażil tal-Unjoni u tipprovdi lill-Istati Membri bil-“flessibbiltà […] li jagħtu prijorità lill-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni billi tiġi eżaminata qabel applikazzjonijiet oħrajn li saru qabel”, sabiex “jitqassar it-tul globali tal-proċedura f’ċerti każijiet”.

88.      Għalhekk, fix-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, għandu jittieħed kont tat-tul taż-żewġ proċeduri kumulattivi. Applikanti li qabel ingħataw status ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jistgħux jagħmlu użu minn dan l-istatus fl-ewwel Stat Membru minħabba r-riskju li jsofru trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, japplikaw quddiem it-tieni Stat Membru għall-protezzjoni internazzjonali taħt “ċirkustanzi eċċezzjonali” miġjuba minn telf ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri. Każijiet li jaqgħu taħt tali “ċirkustanzi eċċezzjonali” għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti miċ-“ċerti każijiet” mogħtija prijorità taħt il-premessa 19 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

89.      Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Artikolu 31(7)(a) ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri “jipprijoritizzaw eżami ta’ applikazzjoni […] fejn l-applikazzjoni aktarx tkun [fondata sew]”, ikompli jsostni l-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil fit-tieni Stat Membru wara dawn iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” speċifiċi u fejn l-ewwel Stat Membru jkun diġà ddetermina li l-persuna kkonċernata hija eliġibbli għall-istatus ta’ refuġjat.

90.      Għalhekk, fil-każ tax-xenarju previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jpoġġi piż speċifiku fuq it-tieni Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu għandhom jaġixxu fil-pront, peress li l-persuna kkonċernata tkun diġà għaddiet minn proċedura ta’ applikazzjoni waħda u possibbilment minn proċeduri ġudizzjarji li jistabbilixxu r-riskju taħt l-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tiġi konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni (81). Dan il-perijodu ta’ sitt xhur huwa għalhekk iż-żmien massimu allokat għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni f’ċirkustanzi normali. Iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali preżenti għandhom jeżiġu iktar ħeffa u l-applikazzjoni ppreżentata lit-tieni Stat Membru għandha tiġi pproċessata f’terminu materjalment iqsar.

91.      L-ewwel Stat Membru li ta l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata għandu wkoll jerfa’ piż estiż speċifiku sabiex jassisti lit-tieni Stat Membru fl-ipproċessar tal-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata bl-iktar mod malajr possibbli. Ġeneralment, fl-iskambju ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III, tapplika l-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 5 tiegħu li jistipula li l-Istati Membri mitluba jiskambjaw informazzjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien ħames ġimgħat (82). Din l-iskadenza ta’ ħames ġimgħat hija wkoll iż-żmien massimu allokat għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni f’ċirkustanzi normali. Iċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” maħluqa mit-telf ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, minħabba riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta f’wieħed mill-Istati Membri, għandhom jiġġustifikaw ħeffa addizzjonali. L-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mressqa mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali (83).

3.      Konklużjoni provviżorja

92.      Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru għandha twettaq evalwazzjoni fuq il-merti tal-applikazzjoni l-ġdida, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċeduri u tad-Direttiva dwar il-kwalifika, u għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-ibbenefikar mill-istatus ta’ refuġjat humiex issodisfatti mill-persuna kkonċernata, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan il-prinċipju u r-rekwiżit li jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika jagħtu lok għall-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-persuna kkonċernata ġiet diġà eżaminata u li deċiżjoni affermattiva li tagħti status ta’ refuġjat ingħatat mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru. L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni u jieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III li jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fejn l-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali.

V.      Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

Fil-każ li Stat Membru ma jkunx jista’ jeżerċita s-setgħa mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali li jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bil-ħsieb li jingħata status ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor minħabba li l-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dak l-Istat Membru jkunu jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

L-Artikolu 78(1) u (2) TFUE,

l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u

l-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex meħtieġ li Stat Membru jirrikonoxxi, mingħajr eżami sostantiv, il-protezzjoni internazzjonali li Stat Membru ieħor ikun diġà ta lill-applikant.

Meta jevalwaw l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata minħabba l-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 u tad-Direttiva 2013/32, jekk il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-ibbenefikar mill-istatus ta’ refuġjat humiex issodisfatti mill-persuna kkonċernata, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod speċifiku jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata diġà ġiet eżaminata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, peress li dan il-fatt jikkostitwixxi element rilevanti tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95. L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu din l-evalwazzjoni għandhom jagħtu prijorità lill-eżami tal-applikazzjoni u jieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 603/2013, li jipprovdi għal mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fejn l-ewwel Stat Membru għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni mit-tieni Stat Membru f’terminu ferm iqsar minn dak applikabbli f’ċirkustanzi normali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 101), u d-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed et (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 43).


3      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).


4      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”).


5      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”).


6      Ara l-kawżi El Baheer (C‑288/23), Cassen (C‑551/23), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għal estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794) u, għal deskrizzjoni ulterjuri, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawk il-konklużjonijiet.


7      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.


8      Digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019 (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964).


9      Din l-aħħar kwistjoni hija konsegwenza tad-domanda preliminari, u l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet fis-seduta sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni.


10      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 168).


11      Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, UE:C:2019:219, punt 83).


12      Ibid., punt 85, din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


13      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81, iktar ’il quddiem is-“sentenza N.S. et”).


14      Il-frażi “ċirkustanzi eċċezzjonali” hija enfasizzata fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, (EU:C:2014:2454, punt 191), u fis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jirrikjedi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iqis li l-Istati Membri l-oħra kollha qegħdin jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara l-premessa 5 tar-Regolament Dublin III.


17      Sentenza N.S. et, punt 81.


18      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


19      Sentenza N.S. et, punt 94.


20      Għandi nżid li, fis-sentenza seminali tagħha tas‑16 ta’ Frar 2027, C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet sfumatura addizzjonali għar-rekwiżit ta’ nuqqasijiet sistemiċi, billi kkonstatat li trasferiment fih innifsu jista’ jkun jinvolvi riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, meta t-trasferiment ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ikun jirriżulta f’riskju reali u pprovat ta’ deterjorament sinjifikattiv u permanenti fl-istat tas-saħħa tagħha. Għaldaqstant, tali riskju jista’ jkun jeżisti, irrispettivament mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha.


21      Fi kwalunkwe każ, jekk il-kompetenza tal-awtoritajiet Ġermaniżi ma tkunx ibbażata fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, dawn l-awtoritajiet jistgħu madankollu jibbażaw il-kompetenza tagħhom fuq l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn il-“klawżola diskrezzjonali” stabbilita f’dan l-aħħar artikolu ma tistax tkun applikabbli fix-xenarju tas-sentenza  N.S. et. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta dawn l-awtoritajiet ma jkunux jixtiequ jsegwu l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u minflok ikunu jippreferu jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom sabiex isiru l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni. Madankollu, ta’ min jinnota li din id-dispożizzjoni ma hijiex imsemmija fil-proċess ta’ din il-kawża.


22      Sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑18/17, C‑19/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76), u tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 23).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 28 u 29).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N.S. et, punti 78 u 80. Ara wkoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 85)), u tat-22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 29).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 83 sa 94), u d-digriet tat‑-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punti 34 sa 36).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022 Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara punt 27 iktar ’il fuq.


28      Għal reviżjoni kritika dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ fiduċja reċiproka, ara Xanthopoulou, E., “Mutual trust and rights in EU criminal and asylum law: Three phases of evolution and the uncharted territory beyond blind trust”, Common Market Law Review, Vol. 55, Nru 2, 2018, p. 489 sa 509.


29      Ara Lenaerts, K. “La vie après l’avis: exploring the principle of mutual (yes not blind) trust”, Common Market Law Review, Vol. 54, Nru 3, 2017, p 805 sa 840.


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N.S. et, punt 106.


31      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), li hija magħmula minn żewġ allegazzjonijiet separati li jittrattaw l-għarfien tal-proċeduri tal-ażil nieqsa u tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja kuntrarji għall-KEDB.


32      Hoogenboom, A., “Origin and Meaning of Mutual Recognition as Foundational Principle in the European Integration Process”, Europarättslig Tidskrift, Vol 17, Nru 2, 2014, p. 237 sa 265, disponibbli fuq: https://ssrn.com/abstract=2477453).


33      Madankollu, fil-qasam tas-suq intern, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma huwiex minn natura tiegħu awtomatiku (ara, pereżempju, Janssens, C. “The principle of mutual recognition in EU law”, OUP Oxford, 2013, L-Ewwel Parti, Kapitoli 2 u 4).


34      Ara Mitsilegas, V., Mutual Recognition of Positive Asylum Decisions in the European Union; disponibbli fuq https://free-group.eu/2015/05/12/mutual-recognition-of-positive-asylum-decisions-in-the-european-union/.


35      Ara l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE.


36      Ara b’analoġija, l-Artikolu 67(3)u 4 TFUE, li jikkonċerna r-rikonoxximent ta’ ċerti deċiżjonijiet ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji, fejn dawn iż-żewġ paragrafi jirreferu espliċitament għal rikonoxximent reċiproku, u l-Artikolu 82(1) TFUE li jgħid li “[i]l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi”. Ara wkoll l-Artikolu 53(1) TFUE, li jikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u ta’ kwalifiki. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 78 TFUE ma fih l-ebda riferiment għar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali.


37      Ara, fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 45 TFUE; fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 49 TFUE; u fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 56 TFUE. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu bħala l-iktar bażi ġuridika adegwata għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, ara Janssens, C., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq, p. 29.


38      Ara, pereżempju; is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133), dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; tal‑21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, EU:C:1974:68), dwar il-libertà ta’ stabbiliment; u tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131) dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.


39      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), (C‑483/20, EU:C:2021:780, punt 42), fejn huwa jargumenta li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri “[j]ikkostitwixxi forma ta’ rikonoxximent impliċitu tal-evalwazzjoni korretta mill-ewwel Stat Membru tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”. Enfasi miżjuda.


40      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), (C‑391/16, C-77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 72).


41      Fi kliem ieħor, filwaqt li jista’ jiġi argumentat li l-Artikolu 78(2) TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni s-setgħa li “jimplimenta” iktar milli joħloq “status uniformi”, u li l-istatus uniformi huwa inerenti fil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, fil-fehma tiegħi, il-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 78(1) u (2) TFUE jagħmluha ċara li din ma kinitx l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattat.


42      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 45).


43      Ara wkoll il-kliem tal-Artikolu 3(2) TUE li jirreferi għal “miżuri xierqa” fir-rigward tal-ażil, inter alia.


44      Kamminga, M. “Extraterritoriality”, in Wolfrum, R. (Ed.), The Max Planck Encyclopedia of Public International Law, Oxford University Press, 2020, disponibbli fuq https://opil.ouplaw.com/display/10.1093/law:epil/9780199231690/law-9780199231690-e1040?print. Ara wkoll l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), Nota dwar l-Effett Ekstraterritorjali tad-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat taħt [il-Konvenzjoni ta’ Genève] u l-Protokoll tal1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, EC/SCP/9, 24 ta’ Awwissu 1978. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Ara, Milanović, M., “From Compromise to Principle: Clarifying the Concept of State Jurisdiction in Human Rights Treaties”, Human Rights Law Review, Vol. 8, Nru 3, 2008, p. 411 sa 448, disponibbli fuq https://doi.org/10.1093/hrlr/ngn021.


45      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB tal‑5 ta’ Marzu 2020, M.N. et vs Il-Belġju (Nru 3599/18, ECLI:CE:ECHR:2020:0505DEC000359918, punti 98 sa 102) li kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni għall-viża umanitarja ta’ familja Sirjana fl-ambaxxata Belġjana f’Bejrut (il-Lebanon) skattatx l-obbligi tal-Istat konvenut fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-Awla Manja tal-Qorti EDB mhux biss fakkret li l-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ Stat għall-fini tal-Artikolu 1 hija “primarjament territorjali”, iżda enfasizzat ukoll l-approċċ tagħha li bih kwalunkwe eżerċizzju ekstraterritorjali ta’ ġurisdizzjoni huwa “bħala regola ġenerali, iddefinit u limitat mid-drittijiet territorjali sovrani tal-Istati rilevanti l-oħra”. Ara wkoll Gammeltoft‑Hansen, T. u Tan, N. F.,  “Adjudicating old questions in refugee law: MN and Others v Belgium and the limits of extraterritorial refoulement”, European Migration Law Blog, 2020, disponibbli fuq https://eumigrationlawblog.eu/.


46      Il-Qorti EDB iddeċidiet li għandu jiġi vverifikat li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma jiġix applikat awtomatikament u mekkanikament għad-detriment ta’ drittijiet fundamentali (sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Mejju 2016, Avotiņš vs IlLatvja, CE:ECHR:2016:0523JUD001750207, punti 105 sa 127, b’mod partikolari l-punt 116). Fl-opinjoni konkorrenti tiegħu fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs IlBelġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117), l-Imħallef Spano jirreferi għall-“mekkaniżmi tal-Unjoni ta’ rikonoxximent reċiproku”.


47      Protokoll (Nru 24) dwar l-asil għal ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 204).


48      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2014:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2023:794, punt 65).


50      Fis-seduta f’din il-kawża, il-Gvern Taljan irrefera għas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti) (C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 42) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma tistax issir deroga” mill-“formulazzjoni ċara” ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III sabiex jinżamm l-għan li jiġu evitati movimenti sekondarji matul il-proċess tal-ażil fl-Unjoni. Skont dan il-gvern, din l-evalwazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tistax issir deroga mill-“prinċipju ġenerali” ta’ rikonoxximent reċiproku sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu evitati movimenti sekondarji. Madankollu, għandi nfakkar li l-Gvern Taljan ma invokax “formulazzjoni ċara” li timmilita favur rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ refuġjat fi kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni iżda minflok irrefera għall-Artikolu 78(2)(a) TFUE, speċifikament għall-kliem li jippermetti l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni ta’ status uniformi.


51      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti) (C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 33).


52      Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari  (C‑646/16, EU:C:2017:586), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti tal-Avukat Ġenerali Sharpston favur nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi tar-refuġjati tal‑2015.


53      Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III


54      Ara, pereżempju, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Dublin III.


55      Mitsilegas, V., “Humanizing solidarity in European refugee law: The promise of mutual recognition”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 24,Nru 5, 2017, p. 721 sa 739.


56      Vavoula, N., “Information Sharing in the Dublin System: Remedies for Asylum Seekers In-Between Gaps in Judicial Protection and Interstate Trust” German Law Journal, Vol. 22, Nru 3, 2021, p. 381 sa 415.


57      Mitsilegas, V., “Humanizing solidarity in European refugee law: The promise of mutual recognition”, artiklu ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 iktar ’il fuq.


58      Ara, inter alia, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Spazju ta’ libertà, sigurtà u Ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin, COM(2009) 262 final), p. 27 sa 28.


59      Ara l-premessa 7 tar-Regolament Dublin III.


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 30), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Addis (C‑517/17, UE:C:2020:225, punt 74).


61      Ara l-punti 38 sa 40 iktar ’ fuq.


62      Ara l-punt 58 iktar ’il fuq.


63      Digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 42). Enfasi miżjuda.


64      Ara l-premessi 5, 6 u 9 tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Skont Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi l-istandards għal, l-ewwel, il-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, it-tieni, status uniformi għar-refuġjati jew għall-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u, it-tielet, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija


65      Filwaqt li tibbaża fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki żżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura li s-sistema Ewropea tal-ażil, li din id-direttiva tgħin sabiex tiddefinixxi, tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirreferu għal dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (ara l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 12(1)(a), l-Artikolu 14(6) u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva dwar il-kwalifika) jew jirriproduċu l-kontenut tagħha (ara, inter alia, l-Artikolu 2(d), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika).


66      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


67      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      Ara l-Artikoli 22 sa 30 tad-Direttiva dwar il-kwalifika.


69      Ara wkoll l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li taħtu l-istatus ta’ refuġjat għandu jiġi aċċettat minn Stat kontraenti ieħor.


70      Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1).


71      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


72      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, it-tieni Stat Membru għandu jivverifika jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi permess ta’ residenza jew sabiex dan jiġġedded. Dan jista’ jkun il-każ anki jekk dan iċ-ċittadin ikollu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li dan tal-aħħar ikun tah jew l-istatus ta’ refuġjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main u Stadt Offenbach am Main (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C 129/22, EU:C:2023:525). Din id-direttiva għalhekk teħtieġ li t-tieni Stat Membru jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ permess ta’ residenza mogħti fl-ewwel Stat Membru, iżda huwa t-tieni Stat Membru li għandu jistabbilixxi jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet materjali sabiex tingħata permess ta’ residenza. Fi kliem ieħor, it-tieni Stat Membru jista’ jimponi kundizzjonijiet ta’ residenza inkluża l-konformità ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni.


73      Ara l-punt 69 iktar ’il fuq.


74      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


75      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3)(a) sa (c) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq bażi individwali u għandha tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti kollha kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni “ġdida”, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni li juru persekuzzjoni jew periklu serju, u l-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant.


76      Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kwistjoni, madankollu, ma hijiex is-suġġett tal-proċeduri preżenti u għalhekk ma ġietx diskussa hawnhekk.


77      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għal proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni sussidjarja.


78      Ara l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Dublin III.


79      Ara l-punt 43 iktar ’il fuq dwar id-distinzjoni bejn it-telf ta’ fiduċja fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u t-telf ta’ fiduċja fir-rigward tal-proċeduri tal-ażil.


80      Ara l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Dublin III, li jikkonferma dan ir-rekwiżit. Ara wkoll l-UNHCR “Titjib fil-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”, Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat, 2016, p. 5, EC/67/SC/CRP.12.


81      Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jagħmilha ċara li “[f]ejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita [fir-Regolament Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu”. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Ġermanja tipproċessa l-applikazzjoni ta’ QY fi żmien sitt xhur mid-determinazzjoni li l-Ġermanja hija l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħha.


82      Jekk l-iskambju ta’ informazzjoni ma jistax iseħħ fl-iskadenza stabbilita ta’ ħames ġimgħat, it-tieni Stat Membru jista’ mbagħad jiddeċiedi b’mod indipendenti dwar it-talba.


83      Għandu jsir riferiment għad-dmir ta’ kooperazzjoni in bona fide stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.