Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2023 – Fondazione Save The Chickens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1086/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Fondazione Save The Chickens ETS (Milano, l-Italja) (rappreżentant: C. Ceriello, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-dispożizzjoni li tinvalida l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End The Slaughter Age” minħabba li ma ntlaħaqx il-quorum ta’ miljun firma (Link: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2022/000003_en) u, filwaqt li twettaq għadd mill-ġdid, tiddikjara li nqabeż il-quorum ta’ miljun firma u b’hekk, tiddikjara l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End The Slaughter Age” bħala valida;

sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni tgħodd il-firem mill-ġdid filwaqt li tiddikjara li qieset bħala validi l-firem espressi fuq karti fi kwalunkwe forma tagħhom jew bis-sempliċi rieda ta’ ffirmar espressa mill-organizzaturi;

b’mod iktar sussidjarju, fid-dawl tal-istat tal-firem miġbura u tan-nuqqas ta’ servizz tajjeb ripetutament kif ukoll kontinwament tal-portal matul is-sena tal-ġbir tal-firem, tordna l-ftuh mill-ġdid tat-termini ta’ żmien għall-ġbir tal-firem, billi testendi l-ġbir tal-firem on-line bi 30 ġurnata oħra, u dan biex min ta permess lill-organizzaturi biex jiffirma għalihom ikun jista’ jiffirma huwa stess on-line.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv jikkontesta n-nuqqas ta’ għadd korrett tal-firem kollha espressi fuq karti, indikati wkoll fl-anness mar-rikors. Jiġi kkontestat kif ir-rieda ta’ ffirmar, minbarra on-line anki b’mod “analoġiku”, tista’ tiġi espressa b’metodi differenti, minbarra li tiġi pprovata mill-istess entitajiet ta’ assoċjazzjoni, li huma rappreżentanti ta’ interessi mifuxa, ir-rieda espressa miċ-ċittadini li jiffirmaw.

It-tieni motiv jallega li l-portal uffiċjali ta’ ġbir tal-firem tal-Kummissjoni esperjenza matul iż-żmien problemi tekniċi li ma kinux jippermettu liċ-ċittadini jiffirmaw, speċjalment matul tmiem il-ġimgħa, meta dejjem kien iktar probabbli li jinkisbu firem mingħand iċ-ċittadini. Għaldaqstant inkiser id-dritt għal sena sħiħa biex jinkisbu l-firem on-line, u għalhekk ma tistax titqies bħala suffiċjenti l-estensjoni ta’ ġurnata waħda biss konċessa mill-Kummissjoni għall-ġbir tal-firem.

____________