Language of document : ECLI:EU:C:2020:1062

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C128/19

Azienda Sanitaria Provinciale di Catania

vs

Assessorato della Salute della Regione Siciliana,

fil-preżenza ta:

AU

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Għajnuna mill-Istat – Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Regolament (UE) Nru 702/2014 – Għajnuna għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali u għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn tali mard – Regolament (UE) Nru 1408/2013 – Għajnuna de minimis”






1.        It-tilwima fil-kawża ineżami tirriżulta minn miżura leġiżlattiva adottata fl-1989 mir-Reġjun ta’ Sicilia, li kienet tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens lill-proprjetarji ta’ annimali maqtula minħabba li kienu affettwati minn ċertu mard. Matul is-snin, dan il-kumpens kien iffinanzjat diversi drabi permezz ta’ leġiżlazzjoni adottata mir-Reġjun ta’ Sicilia. AU, bidwi Sqalli li jrabbi l-annimali, talab il-ħlas ta’ dan il-kumpens quddiem il-qrati nazzjonali fuq il-bażi tal-liġi reġjonali tal-2005, li hija l-miżura l-iktar reċenti li kienet tiffinanzja dan il-kumpens. Il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk dan il-kumpens huwiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, jekk dan ikun il-każ, jekk dan il-kumpens kienx implimentat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

2.        Id-diffikultà tinsab fil-fatt li, għalkemm il-leġiżlazzjoni inizjali tal-1989 u diversi liġijiet ta’ finanzjament kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-liġi tal-2005. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk din il-liġi msemmija l-aħħar hijiex koperta mill-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni preċedenti ta’ finanzjament.

3.        Għalhekk, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi gwida dwar il-kunċetti ta’ “għajnuna ġdida”, li, bħala tali, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel ma tiġi implimentata, u ta’ “għajnuna eżistenti”, li ma hijiex suġġetta għal dan ir-rekwiżit jew għaliex kienet diġà ġiet awtorizzata jew (inter alia) għaliex temenda, b’mod limitat, għajnuna diġà awtorizzata.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (2) jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

(ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(ċ)      ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

B.      Id-dritt Taljan

5.        L-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989 (3) jipprovdi:

“1.      Għas-sanitazzjoni ta’ rziezet li jrabbu annimali bovini affettwati mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi u mil-lewkożi, u ta’ rziezet li jrabbu annimali ovini jew kaprini affettwati mill-bruċellożi, konformement mal-Liġi tad-9 ta’ Ġunju 1964, Nru 615, mal-Liġi tat-23 ta’ Jannar 1968, Nru 33, u mal-Liġi tat-23 ta’ Jannar 1968, Nru 34, kif sussegwentement emendati u ssupplimentati, għandu jingħata kumpens lill-proprjetarji ta’ annimali bovini maqtula u/jew meqruda minħabba li kienu affettwati mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi jew mil-lewkożi, u ta’ annimali ovini jew kaprini affettwati mill-bruċellożi, flimkien mal-kumpens previst fid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, u dan sal-ammont indikat fit-tabella annessa ma’ din il-liġi.

[…]

4.      Għall-istess għanijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafi preċedenti u sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ miżuri ta’ sanitazzjoni fl-irziezet li jrabbu l-annimali, għandu jitħallas onorarju ta’ ITL 2 000, flimkien ma’ dak previst fid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, lill-professjonisti veterinarji awtorizzati li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fid-Digrieti Ministerjali tal-1 ta’ Ġunju 1968 u tat-3 ta’ Ġunju 1968, għal kull annimal bovin eżaminat. Fi kwalunkwe każ, il-kumpens totali ma jistax jaqbeż ITL 3 000.

5.      Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi awtorizzat infiq ta’ ITL 7 000 miljun għas-sena finanzjarja kurrenti u ITL 6 000 miljun għal kull waħda mis-snin finanzjarji 1990 u 1991.”

6.        L-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 (4) jipprovdi:

“Għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989], u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, qiegħed jiġi allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-awtoritajiet tas-sanità lokali ta’ Sicilia lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu għaliex infettati b’mard infettiv mifrux matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ sanitazzjoni. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ammont allokat għas-sena finanzjarja 2005 jammonta għal EUR 10 miljun (Unità Provviżorja Bażika (UPB) 10.3.1.3.2., Kapitolu 417702). Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk tal-Artikolu 3(2)(i) tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tas-27 ta’ April 1999, kif emendata u kkompletata.”

II.    Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari magħmula

7.        AU, bidwi li jrabbi l-annimali, talab il-ħlas tal-kumpens previst, inizjalment, mill-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989 u sussegwentement mill-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 għal operaturi fis-settur tat-trobbija tal-annimali li kienu mġiegħla joqtlu l-annimali infettati bil-bruċellożi.

8.        AU talab lill-Giudice unico del Tribunale di Catania (l-Imħallef Uniku tal-Qorti Distrettwali ta’ Catania, l-Italja) sabiex jordna lill-Azienda Sanitaria Provinciale di Catania (iktar ’il quddiem l-“ASPC”) tħallas EUR 11 930.08 bħala kumpens għall-qatla ta’ annimali affettwati minn mard infettiv. Permezz tal-ordni bin-numru 81/08, il-Giudice unico del Tribunale di Catania (l-Imħallef Uniku tal-Qorti Distrettwali ta’ Catania) laqa’ din it-talba.

9.        Fil-21 ta’ April 2008, l-ASPC talbet lill-Giudice unico del Tribunale di Catania (l-Imħallef Uniku tal-Qorti Distrettwali ta’ Catania) jannulla l-ordni Nru 81/08. Permezz tas-sentenza Nru 2141/2011 tat-3/8 ta’ Ġunju 2011, il-Giudice unico del Tribunale di Catania (l-Imħallef Uniku tal-Qorti Distrettwali ta’ Catania) laqa’ din it-talba u annulla l-ordni Nru 81/08.

10.      Fit-23 ta’ Lulju 2012, AU appella quddiem il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania, l-Italja), u talab li s-sentenza Nru 2141/2011 tiġi annullata. Permezz tas-sentenza Nru 1469/2013 tal-24 ta’ Lulju 2013, il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania) laqgħet l-appell u rrevediet is-sentenza Nru 2141/2011, filwaqt li ċaħdet it-talba ta’ ASPC għall-annullament tal-ordni Nru 81/08.

11.      Quddiem il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania), l-ASPC argumentat, b’mod partikolari, li l-kumpens previst fl-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li ma setgħetx tiġi implimentata qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern, u hija ma kinitx għamlet dan. Il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania) ċaħdet dan l-argument għar-raġuni, l-ewwel, li b’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (5), il-Kummissjoni kienet evalwat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-liġijiet reġjonali li, matul is-snin u sal-1997, kienu ffinanzjaw il-miżura prevista permezz tar-regola sostantiva stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, jiġifieri l-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 (6) u l-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999 (7), u, it-tieni, li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, li tali liġijiet reġjonali kienu kompatibbli mas-suq intern kienet estiża għall-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, li wkoll kienet tiffinanzja l-miżura prevista mill-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989.

12.      Fis-7 ta’ Marzu 2014, l-ASPC appellat mis-sentenza tal-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania) quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).

13.      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Fid-dawl tal-[Artikoli 107 u 108 TFUE], kif ukoll tal-[‘Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura’] (8), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(16) tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005], skont liema ‘għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989], u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tal-Liġi Reġjonali Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, qiegħed jiġi allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-AUSL [Azienda Unità Sanitaria Locale, l-awtoritajiet tas-sanità lokali] ta’ Sqallija lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu għaliex infettati b’mard infettiv mifrux matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ qtil [sanitazzjoni]. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ammont allokat għas-sena finanzjarja 2005 jammonta għal EUR 10 miljun (Unità Provviżorja Bażika (UPB) 10.3.1.3.2., Kapitolu 417702). Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk tal-Artikolu 3(2)(i) tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tas-27 ta’ April 1999 kif emendata u kkompletata’, jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat li toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet?

(2)      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(16) tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005], skont liema ‘għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989], u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tal-Liġi Reġjonali Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, qiegħed jiġi allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-AUSL [Azienda Unità Sanitaria Locale, l-awtoritajiet tas-sanità lokali] ta’ Sqallija lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu għaliex infettati b’mard infettiv mifrux matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ qtil [sanitazzjoni]. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ammont allokat għas-sena finanzjarja 2005 jammonta għal EUR 10 miljun (Unità Provviżorja Bażika (UPB) 10.3.1.3.2., Kapitolu 417702). Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk tal-Artikolu 3(2)(i) tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tas-27 ta’ April 1999 kif emendata u kkompletata’, jistgħu jikkostitwixxu, bħala prinċipju, għajnuna mogħtija mill-Istat li, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, jista’ madankollu jitqies li dawn huma kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE], fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu lill-[Kummissjoni], fid-[Deċiżjoni tal-2002], tqis li, peress li l-kundizzjonijiet previsti mil-[Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura] huma ssodisfatti, id-dispożizzjonijiet simili tal-Artikolu 11 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997] u tal-Artikolu 7 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999] huma kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE]?”

14.      L-ASPC, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Is-seduta ppjanata għat-30 ta’ April 2020 tħassret minħabba l-pandemija Covid-19. Minflok, il-mistoqsijiet għal tweġiba orali li kienu ntbagħtu lill-partijiet qabel is-seduta tbiddlu f’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub indirizzati lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Taljana ntalbet tagħti tweġiba għal mistoqsijiet addizzjonali. L-ASPC, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Analiżi

15.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk il-kumpens previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989 favur il-proprjetarji ta’ annimali maqtula minħabba li kienu affettwati minn ċertu mard infettiv (iktar ’il quddiem il-“kumpens inkwistjoni”) u ffinanzjat mill-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

16.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 għandux jitqies li huwa “kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE], fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu lill-[Kummissjoni], fid-[Deċiżjoni tal-2002], tqis li, […] dispożizzjonijiet simili tal-Artikolu 11 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997] u tal-Artikolu 7 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999] huma kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE]” (9).

17.      Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina biss it-tieni domanda magħmula. Jiena għalhekk ser nassumi, għas-saħħa tal-argument, li l-kumpens inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda magħmula

18.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni domanda magħmula hija inammissibbli għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern.

19.      Jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda.

20.      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern, minħabba li tali evalwazzjoni taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni Ewropea (10).

21.      Madankollu, jien jidhirli li, permezz tat-tieni domanda tagħha, kif riprodotta fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kumpens inkwistjoni huwiex kompatibbli mas-suq intern. Jiena nenfasizza li dik il-qorti tar-rinviju stess tinnota, fid-digriet tar-rinviju, li “ma huwiex fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà [tal-kumpens inkwistjoni] mas-suq intern, minħabba li dik l-evalwazzjoni […] taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.”

22.      Fid-dawl tar-riferiment, fit-tieni domanda, għad-deċiżjoni tal-2002, jidhirli li l-qorti tar-rinviju pjuttost qed tfittex li tivverifika jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 huwiex kopert bid-deċiżjoni tal-2002, bil-konsegwenza li dik il-miżura ma kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, u awtorizzata minnha, qabel ma ġiet implimentata.

23.      F’dan ir-rigward, jiena ninnota li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-proċedura hija differenti skont jekk l-għajnuna tkunx għajnuna “eżistenti” — li, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, ikun il-każ tal-kumpens inkwistjoni, jekk dan ikun meqjus bħala li huwa kopert mid-deċiżjoni tal-2002 — jew għajnuna “ġdida”. Filwaqt li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna ġdida għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni fiż-żmien stipulat u ma tistax tiġi implimentata qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, tkun legalment implimentata sakemm il-Kummissjoni ma tkun ikkonstatat ebda inkompatibbiltà. Għalhekk, fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, b’differenza minn għajnuna ġdida, ma hemmx rekwiżit li hija tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni (11).

24.      Għaldaqstant, jiena jidhirli li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk, fid-dawl tal-fatt li dispożizzjonijiet simili ġew awtorizzati preċedentement bid-deċiżjoni tal-2002, l-Artikolu 15(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxix għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999.

25.      Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju gwida dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tgħinha tiddetermina jekk miżura nazzjonali tikkostitwixxix għajnuna eżistenti jew ġdida (12).

26.      Jiena nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda magħmula.

B.      Evalwazzjoni tat-tieni domanda magħmula

27.      Jiena ser neżamina iktar ’il quddiem, l-ewwel, jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxix għajnuna eżistenti li, bħala tali, ma hijiex meħtieġa li tiġi nnotifikata qabel ma tiġi implimentata. It-tieni, billi, fil-fehma tiegħi, dan mhuwiex il-każ, jiena ser nivverifika jekk, bħalma jsostni l-Gvern Taljan, dik il-miżura tistax madankollu tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE għar-raġuni li hija tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (13), jew jekk, bħalma tissuġġerixxi l-Kummissjoni, dan il-kumpens jistax jiġi eżentat mill-istess rekwiżit għaliex huwa jikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (14).

1.      L-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxi għajnuna eżistenti?

28.      L-ASPC issostni li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Skont l-ASPC, dan huwa għaliex, l-ewwel, dik il-miżura ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni; it-tieni, fid-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni qieset li miżuri simili kienu ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE; u, it-tielet, id-deċiżjoni tal-2002 hija vinkolanti fuq il-qrati nazzjonali.

29.      Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 għandu jitqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 107 u 108 TFUE. Fil-fehma tal-Gvern Taljan, din il-leġiżlazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014 u għalhekk hija eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE. Dik il-leġiżlazzjoni għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-2002, li miżuri simili jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Din il-konstatazzjoni għandha tiġi kkonfermata fir-rigward tal-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005.

30.      Il-Kummissjoni ma tagħmilx sottomissjonijiet rigward il-mertu tat-tieni domanda li hija tqis inammissibbli.

31.      Jiena nqis li l-miżuri evalwati fid-deċiżjoni tal-2002 jikkostitwixxu għajnuna eżistenti iżda li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 huwa bidla f’dawk il-miżuri li ma hijiex ta’ natura purament formali jew amministrattiva, bir-riżultat li għandha titqies bħala għajnuna ġdida u, bħala tali, għandha tiġi nnotifikata qabel l-implimentazzjoni tagħha.

32.      Bħalma ssemma fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li l-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat bħala għajnuna eżistenti jew ġdida għandha konsegwenzi importanti f’dak li huwa t-trattament proċedurali tagħha.

33.      Skont l-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna ġdid għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, u għandha tiġi awtorizzata minnha, qabel ma tiġi implimentata. Għajnuna ġdida mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni titqies bħala illegali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk tali għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern u, f’każ li tikkonstata li ma hijiex, hija għandha tordna li din tiġi rkuprata sakemm dan ma jkunx imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (15). Il-qrati nazzjonali għandhom jiġbdu l-inferenzi kollha meħtieġa minn ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, b’konformità mal-liġi nazzjonali, kemm rigward il-validità tal-atti li wasslu għall-għoti tal-għajnuna kif ukoll rigward l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija b’nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni (16).

34.      Sa fejn jikkonċerna l-għajnuna eżistenti, mill-Artikolu 108(1) TFUE isegwi li, jekk il-Kummissjoni tqis li skema ta’ għajnuna eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex, kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa lill-Istat Membru kkonċernat, bħalma huwa tibdil ta’ din l-iskema jew it-tħassir tagħha. Jekk l-Istat Membru jaċċetta dawn il-proposti, ikun marbut li jimplimentahom. Jekk l-Istat Membru ma jaċċettax il-miżuri proposti, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali (17). Minn dan isegwi li għajnuna eżistenti ma teżiġix notifika u li tista’ tiġi implimentata legalment sakemm il-Kummissjoni ma tikkonstatax li hija inkompatibbli mas-suq intern (18).

35.      Għalkemm il-kunċett ta’ għajnuna eżistenti jissemma fl-Artikolu 108(1) TFUE, ma huwiex iddefinit hemmhekk. Għalhekk ikollha ssir referenza għad-definizzjonijiet li hemm fid-dritt sekondarju, u, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 659/1999.

36.      Skont l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna eżistenti tfisser, inter alia, “għajnuna awtorizzata”, jiġifieri, “skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill” (il-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni) (19).

37.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi “għajnuna ġdida” bħala “kull għajnuna […] li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”. Bidliet fl-għajnuna eżistenti huma ddefiniti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (20) bħala “xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]”.

38.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 jgħid li “żieda fl-estimi [fil-baġit] oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti”. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, żidiet fl-estimi [fil-baġit] ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata li jaqbżu l-20 % jikkostitwixxu bidliet li għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

39.      Skont il-ġurisprudenza, il-miżuri li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bidliet fl-għajnuna eżistenti li ma humiex ta’ natura purament formali jew amministrattiva, u li, għalhekk, jikkostitwixxu għajnuna ġdida: l-estensjoni (jew ir-restrizzjoni) tal-lista ta’ benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna approvata; l-estensjoni tat-tul ta’ din l-iskema; jew (bla ħsara għal-limitu ta’ 20 % imsemmi fil-punt preċedenti) żidiet fil-baġit allokat għall-iskema (21).

40.      Sa fejn huma kkonċernati l-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala għajnuna ġdida: bidla fil-kriterji użati biex jiġu identifikati dawk eliġibbli għal tnaqqis fit-taxxa tal-enerġija (qabel kienu biss impriżi attivi fil-qasam tal-manifattura tal-merkanzija, imbagħad ukoll dawk li jipprovdu servizzi) (22); l-estensjoni għal impriżi f’Venezia u Ghioggia (l-Italja) ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti għall-ħelsien mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’Mezzogiorno (l-Italja) (23); u r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-iskema tat-taxxa applikabbli għal għaqdiet sportivi professjonali (qabel miftuħa għal kwalunkwe għaqda sportiva bħal dawn, imbagħad ristretta biss għall-erba’ għaqdiet sportivi professjonali li kellhom bilanċ finanzjarju pożittiv matul is-sena finanzjarja preċedenti) (24).

41.      Rigward estensjonijiet ta’ żmien għal skema ta’ għajnuna approvata, wieħed jista’ jirreferi, pereżempju, għas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315, punti 232 sa 234), ikkonfermata fl-appell (25), li biha l-Qorti Ġenerali qieset li l-bidla, l-ewwel, fit-tul tal-krediti tat-taxxa eżistenti, it-tieni, fil-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għalihom (u, għalhekk, fil-lista ta’ benefiċjarji), u, it-tielet, tal-bażi taxxabbli u tal-perċentwali ta’ dawn il-krediti, kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. B’mod simili, il-
Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala għajnuna ġdida l-estensjoni ta’ 14‑il xahar tal-applikazzjoni ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku, li rriżultat minn ordni proviżorja ta’ qorti nazzjonali (26).

42.      Rigward żidiet fil-baġit ta’ skema ta’ għajnuna approvata, għandu jingħad li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “baġit ta’ skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 ma huwiex limitat għall-ammont ta’ għajnuna fil-fatt allokata. Dan il-kunċett, għall-kuntrarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal dispożizzjonijiet baġitarji, jiġifieri, l-ammonti disponibbli għall-korp responsabbli għall-għoti ta’ għajnuna għal dan l-iskop, kif innotifikata lill-Kummissjoni mill-Istat Membru kkonċernat u approvata mill-Kummissjoni (27).

43.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dawn il-miżuri li ġejjin bħala li jikkostitwixxu bidliet li ma kinux ta’ natura purament formali jew amministrattiva: żieda fil-baġit allokat lil skema ta’ għajnuna awtorizzata f’ammont li jaqbeż il-50 % (flimkien ma’ estensjoni ta’ sentejn għal din l-iskema) (28); żieda fil-baġit innotifikat għall-iskema ta’ għajnuna awtorizzata, li kien jammonta għal EUR 10 miljun, b’EUR 10 miljun oħra (29); u żieda fid-dħul mit-taxxi li jiffinanzjaw diversi skemi ta’ għajnuna, meta mqabbel mal-previżjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni (ħlief fejn dik iż-żieda baqgħet taħt il-livell minimu ta’ 20 % previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004) (30). B’kuntrast, il-bidla fis-sistema għall-finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ tariffa tax-xandir pagabbli abbażi tal-pussess ta’ apparat li jirċievi x-xandir b’kontribuzzjoni għax-xandir pagabbli abbażi tal-okkupazzjoni ta’ dar jew ta’ uffiċċju tan-negozju nstabet li ma tikkostitwixxix bidla f’għajnuna eżistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li s-sostituzzjoni tat-tariffa għax-xandir bil-kontribuzzjoni għax-xandir ma wasslitx għal żieda sostanzjali fil-kumpens rċevut mix-xandara pubbliċi (31).

44.      Fil-każ preżenti, kif issemma fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fid-deċiżjoni tal-2002, fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 jew fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999 (iktar ’il quddiem il-“miżuri tal-1997 u tal-1999”).

45.      Jiena rrid nispjega li l-għan tal-miżuri tal-1997 u tal-1999 kien il-finanzjament tal-kumpens previst mill-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989. Dawn il-miżuri jagħmlu riferiment espliċitu għal dik id-dispożizzjoni. L-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 awtorizza nfiq f’ammont ta’ 16-il biljun lira Taljana (ITL) għall-ħlas tal-kumpens dovut rigward l-annimali maqtula fl-1993, l-1994, l-1995, l-1996 u l-1997 (32). L-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999 awtorizza nfiq addizzjonali f’ammont ta’ ITL 20 biljun għall-istess skop (33). Jien nenfasizza li — abbażi tad-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — il-miżuri tal-1997 u tal-1999 ma jidhru li kellhom ebda impatt fuq id-dritt għal kumpens, jew fuq il-karatteristiċi ta’ dan il-kumpens, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989.

46.      Fid-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri tal-1997 u tal-1999 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-għajnuna kienet, madankollu, kompatibbli mas-suq intern għaliex kienet tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 11.4.2 sa 11.4.5 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura (34). L-ewwel, skont id-deċiżjoni tal-2002, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-mard li kien is-suġġett tal-miżuri tal-1997 u tal-1999, jiġifieri t-tuberkulożi, il-bruċellożi u l-lewkożi, kienu ta’ tħassib għall-awtoritajiet pubbliċi u li kienu parti minn qafas regolatorju nazzjonali intiż biex jippreveni, jikkontrolla u jeqred tali mard. It-tieni, id-deċiżjoni tal-2002 tgħid li, skont l-awtoritajiet Taljani, il-miżuri tal-1997 u tal-1999 kellhom għanijiet kemm ta’ prevenzjoni kif ukoll ta’ kumpens. It-tielet, din id-deċiżjoni tindika li, dejjem skont l-awtoritajiet Taljani, il-miżuri tal-1997 u tal-1999 kienu kompatibbli mal-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tar-regoli veterinarji tal-Unjoni. Ir-raba’, skont id-deċiżjoni tal-2002, l-awtoritajiet Taljani enfasizzaw li l-għajnuna mogħtija taħt il-miżuri tal-1997 u tal-1999 kienet se tkopri 50% tal-ħsara mġarrba mill-bdiewa li jrabbu l-annimali, filwaqt li 30 % addizzjonali (fil-każ ta’ annimali bovini) jew 50 % (fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini) kienu se jkunu koperti b’kumpens mogħti taħt miżuri nazzjonali, u mhux reġjonali; għaldaqstant, 80% tal-ħsara mġarrba mill-proprjetarji ta’ annimali bovini u 100% tal-ħsara mġarrba mill-proprjetarji ta’ annimali ovini u kaprini kienu ser ikunu koperti. Id-deċiżjoni tal-2002 tinnota wkoll li, fil-fehma tal-awtoritajiet Taljani, kwalunkwe riskju li jingħata kumpens żejjed seta’ jinqala’ biss fil-każ ta’ annimali ixjeħ ta’ valur ġenetiku baxx. Il-Kummissjoni nnotat, f’dan ir-rigward, li ċertu ammont ta’ kumpens żejjed kien aċċettabbli f’każijiet individwali, fejn dan il-kumpens żejjed kien jirriżulta mir-rekwiżiti tas-sempliċità fl-amministrazzjoni fejn kellhom jiġu pproċessati eluf ta’ applikazzjonijiet individwali.

47.      Konsegwentement, il-Kummissjoni, filwaqt li ddispjaċiha li l-miżuri tal-1997 u tal-1999 ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (35), ikkonkludiet li dawn kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) u, għalhekk, kienu kompatibbli mas-suq intern.

48.      Isegwi li l-miżuri tal-1997 u tal-1999 għandhom jiġu meqjusa bħala skema ta’ għajnuna awtorizzata, u, għalhekk, bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

49.      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxix bidla fil-miżuri tal-1997 u tal-1999 li ma hijiex ta’ natura purament formali jew amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

50.      Wieħed għandu jiftakar li, skont il-ġurisprudenza, inkwantu derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, kif stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jawtorizzaw skemi ta’ għajnuna għandhom jiġu interpretati b’mod strett (36).

51.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxi bidla fl-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni tal-2002 li ma hijiex ta’ natura purament formali jew amministrattiva.

52.      Ir-raġuni għal dan hija li l-għan tal-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 huwa li jiġi ffinanzjat il-kumpens previst mill-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, li għalih huwa jagħmel referenza espliċita. Għal dan il-għan, huwa jawtorizza n-nefqa ta’ EUR 20 miljun fir-rigward tal-annimali maqtula bejn l-2000 u l-2006. Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju u b’mod simili għall-miżuri tal-1997 u tal-1999 (37), l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 ma jidhirx li għandu xi impatt fuq id-dritt għall-kumpens inkwistjoni jew fuq kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi tiegħu.

53.      Isegwi li l-għan tal-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 huwa, l-ewwel, li jipprovdi għal estensjoni tal-kumpens inkwistjoni (li huwa dovut lill-proprjetarji tal-annimali maqtula bejn l-2000 u l-2006; meta l-miżuri tal-1997 u tal-1999 kienu japplikaw biss fir-rigward tal-annimali maqtula bejn l-1993 u l-1997), u, t-tieni, li jżid il-baġit allokat għal dan il-kumpens (b’EUR 20 miljun; meta l-miżuri tal-1997 u tal-1999 awtorizzaw nefqa ta’ ITL 36 biljun, jiġifieri, bejn wieħed u ieħor EUR 18 592 448) (38).

54.      Iż-żieda fil-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna, kif riprodotta fid-deċiżjoni tal-2002, tidher għalhekk ’il fuq sew mil-limitu ta’ 20% stabbilit bl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 794/2004 (39). Dan huwa, ovvjament, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju. F’każ li din il-qorti kellha tikkonferma li ż żieda taqbeż il-limitu ta’ 20%, dan ikun jimplika li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 ma jikkostitwixxix bidla ta’ natura purament formali jew amministrattiva tal-iskema awtorizzata fid-deċiżjoni tal-2002. Dan ikun iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li ż-żieda fil-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna eżistenti hija kkombinata ma’ estensjoni ta’ sitt snin ta’ din l-iskema. Dan isegwi wkoll mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq.

55.      Barra minn dan, jiena ninnota li miżuri li jixbhu lill-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 u lill-miżuri tal-1997 u tal-1999, jiġifieri, miżuri li l-għan tagħhom kien li jiffinanzjaw il-kumpens stabbilit bl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, ġew innotifikati lill-Kummissjoni, li ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tagħhom. Skont l-informazzjoni li hemm fid-deċiżjoni tal-2002 (40) – kif ikkonfermat mill-Gvern Taljan bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura – dan kien il-każ, l-ewwel, tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 5/1993 (41), li awtorizzat nefqa ta’ ITL 10 biljun (bejn wieħed u ieħor EUR 5 miljun), u kienet approvata b’deċiżjoni tat-2 ta’ April 1993 (42), u, it-tieni, tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 28/1995 (43), li awtorizzat nefqa ta’ ITL 16-il biljun (bejn wieħed u ieħor EUR 9.7 miljun) u kienet approvata b’deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 1995 (44). Dan isostni l-konklużjoni tiegħi li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, bħal miżuri oħra ta’ finanzjament, jikkostitwixxi għajnuna ġdida li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel ma tiġi implimentata.

56.      Ninnota wkoll li l-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, li jidher li huwa r-regola sostantiva li tipprevedi l-kumpens inkwistjoni (45), kien huwa stess suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-1989”) (46). F’dan ir-rigward, jiena nenfasizza li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 għandux jitqies bħala bidla ta’ natura purament formali jew amministrattiva għal għajnuna eżistenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-deċiżjoni tal-2002, u mhux fid-dawl tad-deċiżjoni tal-1989. Dan għaliex il-bidla tikkonċerna, b’mod partikolari, il-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna awtorizzata, li kien miżjud f’diversi okkażjonijiet, u l-aħħar żieda kienet is-suġġett tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-deċiżjoni tal-2002.

57.      Jiena nikkonkludi li miżura nazzjonali, bħall-Artikolu 25(16) tal- Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, li l-għan waħdieni tagħha huwa li żżid il-baġit allokat għal skema ta’ għajnuna awtorizzata u li tipprovdi għal estensjoni ta’ sitt snin ta’ din l-iskema, jikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, sakemm dik iż-żieda tibqa’ taħt il-limitu ta’ 20% stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

58.      Isegwi li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, u awtorizzat minnha, qabel ma ġie implimentat, b’konformità mal-Artikolu 108(3) TFUE.

59.      Huwa stabbilit li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni.

60.      Madankollu, kif issemma fil-punt 27 iktar ’il fuq, l-Artikolu 25(6) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 xorta waħda kien ikun eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika kieku, kif isostni l-Gvern Taljan, kien ibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista bir-Regolament Nru 702/2014, jew kieku, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, kien jikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament Nru 1408/2013. Issa ser neżamina jekk dan huwiex il-każ.

2.      L-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 huwa eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika skont ir-Regolament Nru 702/2014 jew skont ir-Regolament Nru 1408/2013?

61.      Jiena ninnota li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan sostna li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 702/2014. Fil-fehma tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti abbażi tal-Artikolu 51 tiegħu, u, kif intqal fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014.

62.      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament Nru 702/2014 kienx applikabbli ratione temporis għal din il-kawża u jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament.

63.      Bi tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, l-ASPC sostniet li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 702/2014, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu. Fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni reġjonali ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014.

64.      Il-Gvern Taljan tenna l-pożizzjoni tiegħu kif miġbura fil-qosor fil-punt 61 iktar ’il fuq.

65.      Il-Kummissjoni sostniet li r-Regolament Nru 702/2014 kien applikabbli ratione temporis, iżda li ma kienx probabbli li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament.

66.      Fid-dawl tat-tagħrif limitat li jinsab fil-proċess, miniex f’pożizzjoni li niddetermina jekk il-kundizzjonijiet fir-Regolament Nru 702/2014 humiex issodisfatti f’din il-kawża. Madankollu, ser nipprova nipprovdi xi punti ta’ gwida lill-qorti tar-rinviju.

67.      L-ewwel nett, kif isostnu l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 702/2014 jidher li huwa applikabbli ratione temporis għal din il-kawża.

68.      Ir-Regolament Nru 702/2014 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014 (47), jiġifieri, probabbli (48) wara li l-kumpens inkwistjoni kien tħallas lil AU (49).

69.      Madankollu, l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 702/2014 jgħid li huwa japplika għal “għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”, sakemm tali għajnuna individwali tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-regolament.

70.      Għalhekk, sakemm jiġu ssodisfatti tali kundizzjonijiet, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan ir-regolament huwa applikabbli għall-kawża ineżami (50).

71.      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 702/2014, għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern u hija eżenti mir-rekwiżit ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE jekk tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

72.      Rigward il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 702/2014, jiena ninnota, b’mod partikolari, li l-ebda wieħed mil-limiti ta’ notifika elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma jidher li japplika; li l-kumpens inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza għaliex jikkonsisti f’għotja (ara l-Artikolu 5(2)(a)); u li, sa fejn huwa intiż bħala kumpens għall-ħsara mġarrba mill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu, ma hija meħtieġa ebda prova ta’ effett ta’ inċentiv (ara l-Artikolu 6(5)(d)).

73.      Rigward il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 702/2014, il-kategorija relevanti ta’ għajnuna hija dik iddefinita fl-Artikolu 26, li tikkonċerna fost l-oħrajn għajnuna għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, kontroll u qerda tal-mard tal-annimali u biex tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata minn dan il-mard.

74.      L-ewwel, il-Gvern Taljan isostni, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jagħmel parti minn programm nazzjonali għall-prevenzjoni, kontroll jew qerda tal-mard tal-annimali kkonċernati, kif mitlub mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 702/2014. Jiena ninnota li l-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, id-deċiżjoni tal-2002 u t-tweġiba ta’ ASPC għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu għal kumpens ieħor, li huwa previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali – mhux reġjonali –, u li jikkumplementa l-kumpens inkwistjoni (51).

75.      It-tieni, il-mard tal-annimali li għalih jingħata kumpens skont l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, jiġifieri, it-tuberkulożi u l-lewkożi (fil-każ ta’ annimali bovini) u l-bruċellożi (fil-każ ta’ annimali bovini, ovini u kaprini), jissemma fil-lista ta’ mard tal-annimali stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (52), kif mitlub mill-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 702/2014.

76.      It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 702/2014 li l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data li fiha jkunu saru l-ispejjeż jew it-telf ikkawżati mill-mard tal-annimali ma hijiex issodisfatta fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, jiena ninnota li l-kumpens inkwistjoni probabbilment tħallas lil AU mhux iktar kmieni mill-2008 (53), u li, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ASPC, kien jikkonċerna annimali maqtula mill-2003 ’l quddiem. Jekk jirriżulta li dan huwa minnu, jista’ jkun li tal-inqas parti mill-kumpens inkwistjoni tħallset lil AU bi ksur tal-Artikolu 26(6) tar-Regolament Nru 702/2014. Dan għandu, mill-ġdid, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77.      Ir-raba’, l-ASPC targumenta li l-kumpens inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(7) u (8) tar-Regolament Nru 702/2014 għaliex, pjuttost milli jkopri spejjeż eliġibbli kif huma mniżżla f’dawn id-dispożizzjonijiet, huwa intiż biss biex jikkumpensa lil bdiewa li jrabbu l-annimali għal ħsara mġarrba. Barra minn dan, fil-fehma tal-ASPC, il-kalkolu tal-kumpens inkwistjoni b’referenza għall-ispeċi, il-ġeneru u l-età tal-annimali ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(9) tal-istess regolament, li jeżiġi li l-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq il-valur tas-suq tal-annimali maqtula.

78.      Fil-fehma tiegħi, l-argumentazzjoni tal-ASPC ma hijiex konvinċenti. Irrispettivament minn dak li jallega l-Gvern Taljan fis-sens li l-kumpens inkwistjoni jista’ jkun kemm preventiv kif ukoll kumpensatorju, jiena ninnota li l-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014 jista’ jkollha bħala l-uniku għan tagħha l-kumpens lill-bdiewa li jrabbu l-annimali għall-annimali maqtula. Ir-raġuni hija li dik id-dispożizzjoni, skont l-ewwel paragrafu tagħha, tkopri mhux biss għajnuna lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju “għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda” tal-mard tal-annimali iżda wkoll għajnuna “bħala kumpens għal dawn l-impriżi għal telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali” (54). Barra minn hekk, jiena jidhirli li s-seba’, it-tmien u d-disa’ paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014 japplikaw għal miżuri differenti. Filwaqt li l-Artikolu 26(7) jikkonċerna “miżuri ta’ prevenzjoni”, l-Artikolu 26(8) jirreferi għal “miżuri ta’ kontroll u qerda”, u l-Artikolu 26(9) japplika għal “għajnuna bħala kumpens għal telf ikkawżat minn mard tal-annimali”. Għalhekk, kieku l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 għandu bħala l-uniku għan tiegħu, kif targumenta l-ASPC, il-kumpens lill-bdiewa li jrabbu l-annimali għall-annimali maqtula, il-kumpens mogħti fuq dik il-bażi jkollu jiġi kkalkolat b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 26(9) tar-Regolament Nru 702/2014, jiġifieri, b’referenza għall-“valur tas-suq tal-annimali maqtula” u għat-“t-telf ta’ dħul” relatat. F’dan il-każ, l-ispejjeż eliġibbli elenkati fl-Artikolu 26(7) u (8) ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għaliex dawn il-paragrafi japplikaw għal tipi oħra ta’ miżuri ta’ għajnuna. Fl-aħħar nett, ma nistax nara għaliex, kif issostni l-ASPC, l-ispeċi, il-ġeneru u l-età tal-annimali maqtula ma għandhomx jitqiesu bħala fatturi rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tas-suq tagħhom.

79.      Il-ħames, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika jekk, bħalma ssostni l-ASPC, ma kien hemm ebda ammissjoni formali ta’ tifqigħa, kif jeżiġi l-Artikolu 26(10) tar-Regolament Nru 702/2014.

80.      Is-sitta, jiena ninnota li, fid-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni wriet klemenza fir-rigward tar-rekwiżit, skont l-Artikolu 26(13) tar-Regolament Nru 702/2014 (55), li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 26 u “pagamenti oħrajn imħallsa lill-benefiċjarju” ikunu limitati għal 100% tal-ispejjeż eliġibbli (f’dan il-każ, 100 % tal-valur tas-suq u telf ta’ dħul relatat). Kif intqal fil-punt 46 iktar ’il fuq, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni aċċettat, għal raġunijiet ta’ sempliċità fl-amministrazzjoni, li jista’ jkun hemm ċertu livell ta’ kumpens żejjed f’każijiet individwali.

81.      Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis li l-kundizzjonijiet imniżżla fil-Kapitolu I u fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014 huma ssodisfatti f’din il-kawża, ikun isegwi li l-awtoritajiet Taljani ma kisrux l-Artikolu 108(3) TFUE meta naqsu li jinnotifikaw l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 qabel ma ġie implimentat.

82.      Għall-kuntrarju, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 76 iktar ’il fuq, li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, dik il-leġiżlazzjoni tkun ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, kif issemma fil-punt 60 iktar ’il fuq, l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 xorta waħda jkun ġie implimentat b’mod konsistenti ma’ din id-dispożizzjoni jekk, kif issuġġeriet il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament Nru 1408/2013.

83.      F’dan ir-rigward, jiena ninnota li, għalkemm dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 (56), madankollu jidher li huwa applikabbli ratione temporis bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tiegħu. Din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 702/2014, tgħid li r-Regolament Nru 1408/2013 “japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati [fih]”. F’dan ir-rigward, ir-raġunament użat fir-rigward tar-Regolament Nru 702/2014 jista’ jintuża wkoll fir-rigward tal-Artikolu Nru 1408/2013 (57).

84.      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/2013, il-miżuri ta’ għajnuna “jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Artikolu 107(1) [TFUE] u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) [TFUE], jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament”.

85.      Il-kumpens mogħti lil AU, li jammonta għal EUR 11 930.08, ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1408/2013 (jekk nassumu li, matul perijodu ta’ tliet snin fiskali, AU ma ngħatax għajnuna addizzjonali li, ikkombinata ma’ dik imsemmija hawn fuq, tkun taqbeż il-limitu massimu de minimis). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi agrikoli fl-Italja ma jaqbiżx il-massimu nazzjonali stabbilit fl-Artikolu 3(3) u fl-anness ta’ dan ir-regolament.

86.      Jiena nikkonkludi li miżura nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali Nru 19/2005 jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I u fl-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 702/2014, b’mod partikolari, il-kundizzjoni taħt l-Artikolu 26(6) tiegħu li l-għajnuna titħallas fi żmien erba’ snin mid-data li fiha sar l-infiq jew it-telf ikkawżat mill-mard tal-annimali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Tali miżura tista’, barra minn hekk, tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/2013, u dan ukoll għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

IV.    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-tieni domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja):

(1)      Miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-uniku għan tagħha huwa li żżid il-baġit allokat għal skema ta’ għajnuna awtorizzata u li tipprovdi għal estensjoni ta’ sitt snin ta’ din l-iskema, tikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE], sakemm din iż-żieda ma tibqax taħt il-livell minimu ta’ 20 % stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE], u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(2)      Tali miżura tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I u fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(6) ta’ dan ir-regolament li l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data li fiha sar l-infiq jew it-telf ikkawżat mill-mard tal-annimal, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Din il-miżura tista’, barra minn hekk, tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura, u dan ukoll għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.


3      Legge Regione Sicila 5 giugno 1989, n. 12 — Interventi per favorire il risanamento e il reintegro degli allevamenti zootecnici colpiti dalla tubercolosi, dalla brucellosi e da altre malattie infettive e diffusive e contributi alle associazioni degli allevatori (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tal-5 ta’ Ġunju 1989, Nru 12, li tistabbilixxi miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw is-sanitazzjoni u r-reintegrazzjoni ta’ rziezet li jrabbu l-annimali milquta mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi u minn mard infettiv ieħor mifrux ħafna u li tipprovdi għal kontribuzzjonijiet lill-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa li jrabbu l-annimali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989”).


4      Legge Regione Sicilia 22 dicembre 2005, n. 19 — Misure finanziarie urgenti e variazioni al bilancio della Regione per l’esercizio finanziario 2005. Disposizioni varie (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tat-22 ta’ Diċembru 2005, Nru 19, li tistabbilixxi miżuri finanzjarji urġenti u li temenda l-baġit tar-Reġjun għas-sena finanzjarja 2005. Dispożizzjonijiet varji) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005”).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 37/98 (ex N 808/97) u NN 138/02 – L-Italja (Sicilia) – Għajnuna minħabba mard epiżootiku: Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali Nru 40/1997 “Bidliet fil-karta tal-bilanċ tar-Reġjun u fil-karta tal-bilanċ tal-Aġenzija Statali tal-Foresti għas-sena finanzjarja 1997 – Emenda tal-Artikolu 49 tal-Liġi Reġjonali Nru 30 tas-7 ta’ Awwissu 1997” (Għajnuna NN 37/98) u Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 22/1999 “Interventi urġenti għas-settur agrikolu” (Għajnuna N 138/02) (C(2002) 4786) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”).


6      Legge Regione Sicilia 7 novembre 1997, n. 40 — Variazioni al bilancio della Regione ed al bilancio dell’Azienda delle foreste demaniali della regione siciliana per l’anno finanziario 1997 — Assestamento. Modifica dell’articolo 49 della legge regionale 7 agosto 1997, n. 30 (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tas-7 ta’ Novembru 1997, Nru 40, li tipprevedi emendi fil-baġit reġjonali u fil-baġit tal-Aġenzija Reġjonali ta’ Sicilia għall-foresti pubbliċi, għas-sena finanzjarja 1997 – Emenda tal-Artikolu 49 tal-Liġi Reġjonali tas-7 ta’ Awwissu 1997, Nru 30) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997”).


7      Legge Regione Sicilia 28 settembre 1999, n. 22 — Interventi urgenti per il settore agricolo (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tat-28 ta’ Settembru 1999, Nru 22, li tipprevedi interventi urġenti fis-settur agrikolu) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999”).


8      ĠU 2000, C 232, p. 17.


9      Nosserva li l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, li l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikoli 107 u 108 TFUE hija s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni domanda magħmula, ma jiffinanzjax biss il-kumpens inkwistjoni, iżda wkoll l-onorarju mħallas lill-professjonisti veterinarji li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ sanitazzjoni, li huwa previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989. Madankollu, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna biss il-kumpens inkwistjoni, li skont AU huwa dovut lilu. It-tilwima ma tikkonċernax il-ħlas tal-onorarju lill-professjonisti veterinarji. Jiena għalhekk ser neżamina l-kompatibbiltà tal-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 mal-Artikoli 107 u 108 TFUE sa fejn huwa kkonċernat biss il-ħlas lil AU tal-kumpens inkwistjoni.


10      Sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 22); tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG (C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 19); u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 83).


11      Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 36); tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank (C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 35); tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 45); tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 86); u tal-20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et (C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 25). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża P (C‑6/12, EU:C:2013:69, punti 22 sa 26 u 35), u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2018:712, punti 37 sa 41).


12      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 43).


13      Regolament tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 193, p. 1).


14      Regolament tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU 2013 L 352, p. 9, rettifiki fil-ĠU 2019, L 246, p. 38 u fil-ĠU 2019, L 246, p. 41).


15      Ara l-Artikolu 1(f) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999.


16      Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2015, KlausnerHolz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 24, 26 u 46); tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 89, 92 u 95); u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punti 84, 87 u 88).


17      Ara l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament 659/1999.


18      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


19      Fid-dawl tal-enfasi mill-qorti tar-rinviju fuq id-deċiżjoni tal-2002, jiena ser neżamina biss jekk l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 jikkostitwixxix għajnuna eżistenti fis-sens tal-punt (ii) tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, mhux ser neżamina jekk din il-leġiżlazzjoni taqax taħt il-punt (iv) ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprovdi li għajnuna għandha “tinftiehem li hi għajnuna eżistenti” meta jiskadi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin għall-irkupru tagħha mill-Kummissjoni, previst fl-Artikolu 15 tal-istess regolament. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-kumpens imħallas lil AU jistax “jinftiehem li huwa għajnuna eżistenti” ma ssemmietx fir-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet. Barra minn hekk u irrispettivament mill-portata li għandha tingħata lill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 meta jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 80; tat-23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 62; u tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punt 130), l-informazzjoni li tinsab fil-proċess hija insuffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-perijodu skadiex jew le fil-kawża ineżami (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ’il quddiem).


20      Regolament tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3).


21      Ara wkoll, fir-rigward tal-ksur ta’ kundizzjoni marbuta mad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-Kummissjoni (jiġifieri, ir-rekwiżit li l-applikazzjoni għal għajnuna għal proġett ta’ investiment tipproċedi l-bidu tax-xogħol), is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 93 sa 95).


22      Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel (C‑585/17, EU:C:2019:969, punti 51 u 61). Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 47).


23      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il-Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, EU:T:2008:537, punti 361 u 362), ikkonfermata fl-appell b’sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368).


24      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Athletic Club vs Il-Kummissjoni (T‑679/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:112, punti 98 sa 102). Ir-raġuni għaliex din ir-restrizzjoni tal-portata ratione personae tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti tqieset li kienet bidla li ma kinitx ta’ natura purament formali jew amministrattiva kienet għaliex hija introduċiet differenzazzjoni fiskali fi ħdan is-settur tal-isport professjonali. Din id-differenzazzjoni seta’ jkollha impatt fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, peress li kienet tipprekludi lill-Gvern Spanjol milli jinvoka b’mod konvinċenti l-għan li jiġu promoss l-isport.


25      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑471/09 P sa C‑473/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:521).


26      Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 58 u 59). Ara wkoll is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58), u tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni (C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175, punti 30 sa 39).


27      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et (C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 34).


28      Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 47).


29      Sentenza tat-3 ta’ Frar 2011, Cantiere navale De Poli vs Il-Kummissjoni (T‑584/08, EU:T:2011:26, punt 65), ikkonfermata fl-appell b’digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, Cantiere navale De Poli vs Il-Kummissjoni (C‑167/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:164).


30      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et (C‑510/16, EU:C:2018:751, punti 39 sa 41, 50 u 53).


31      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 63 sa 67). Rigward miżuri li ma ġewx meqjusa bħala għajnuna eżistenti, għandu jsir ukoll riferiment għas-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur - Les assurances du crédit (C‑44/93, EU:C:1994:311, punti 28, 29 u 35), li kienet tikkonċerna l-estensjoni tal-qasam ta’ attività ta’ stabbiliment pubbliku li kien jirċievi għajnuna; u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punti 45 sa 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma fetħitx investigazzjoni fir-rigward ta’ miżura tal-Istat għal perijodu relattivament twil ma setax minnu nnifsu jagħti lil din il-miżura n-natura oġġettiva ta’ għajnuna eżistenti.


32      L-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 jipprovdi li “għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989, kif sussegwentement emendata u ssupplimentata, qiegħed jiġi awtorizzat infiq ta’ ITL 16-il biljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-awtoritajiet lokali tas-sanità f’Sicilia lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu minħabba li kienu infettati bit-tuberkulożi, bil-bruċellożi, bil-lewkożi jew b’mard infettiv ieħor fis-snin 1993, 1994, 1995, 1996 u 1997, kif ukoll għall-ħlas tal-onorarji dovuti lill-professjonisti veterinarji li pparteċipaw fl-attivitajiet ta’ sanitazzjoni matul dawk is-snin”.


33      L-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 22/1999 kien jawtorizza, “għas-sena finanzjarja 1999, infiq ta’ ITL 20 biljun għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997”.


34      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


35      L-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 ġie nnotifikat lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tiegħu, iżda huwa daħal fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002.


36      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et (C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 37).


37      Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


38      Il-konverżjoni f’euro hija skont il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-2002 (ara l-p. 4 tagħha).


39      Dan huwa minnu anki jekk titqies il-possibbiltà, imsemmija fid-deċiżjoni tal-2002 (ara l-p. 4 tagħha), li tista’ tingħata għajnuna addizzjonali fl-ammonti ta’ ITL 17 637 516 000 għall-1996 (madwar EUR 9 109 017) u ta’ ITL 19 898 146 000 (madwar EUR 10 276 535) għall-1997.


40      Ara l-p. 3 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tad-deċiżjoni tal-2002.


41      Legge Regione Sicilia 5 gennaio 1993, n. 5 — Rifinanziamento dell’articolo 1 della legge regionale 5 giugno 1989, n. 12 relativa a ‘Interventi per favorire il risanamento ed il reintegro degli allevamenti zootecnici colpiti dalla tubercolosi, dalla brucellosi e da altre malattie infettive e diffusive e contributi alle associazioni degli allevatori’ (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tal-5 ta’ Jannar 1993, Nru 5, li tiffinanzja mill-ġdid l-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989]) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 5/1993”). L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 5/1993 jipprovdi li “għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989], qiegħed jiġi awtorizzat infiq ta’ ITL 9 biljuni għas-sena finanzjarja 1992 u ta’ ITL 1 biljun għas-sena finanzjarja 1993 għall-għoti tal-kumpens li għandu jitħallas lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu fl-1990, fl-1991 u fl-1992 minħabba li ġew infettati bit-tuberkulożi, bil-bruċellożi, bil-lewkożi jew b’mard infettiv ieħor, kif ukoll għall-ħlas tal-onorarji dovuti lill-professjonisti veterinarji li pparteċipaw fl-attivitajiet ta’ sanitazzjoni”.


42      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 1993 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru 125/93 – L-Italja (Sicilia) – Emenda ta’ għajnuna eżistenti (Nru 149/89) permezz ta’ miżura ta’ finanzjament mill-ġdid. Diżinfezzjoni ta’ annimali tal-ifrat u ta’ nagħaġ morda (ĠU 1993 C 183, p. 7). Ir-rata tal-konverżjoni f’euro hija meħuda minn din id-deċiżjoni.


43      Legge Regione Sicilia 4 aprile 1995, n. 28 — Norme per favorire il risanamento e il reintegro degli allevamenti zootecnici colpiti da malattie infettive. Istituzione dell’anagrafe zootecnica. Norme per l’Ente di sviluppo agricolo e per il settore agricolo. Modificheallaleggeregionale 25 marzo 1986, n. 13 (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia tal-4 ta’ April 1995, Nru 28, li tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw is-sanitazzjoni u r-reintegrazzjoni ta’ rziezet li jrabbu l-annimali affettwati minn mard infettuż, li tistabbilixxi r-reġistru għall-popolazzjonijiet tal-annimali, li tistabbilixxi miżuri għall-benefiċċju tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Agrikolu u tas-settur agrikolu, u li temenda l-Liġi Reġjonali tal-25 ta’ Marzu 1986, Nru 13) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 28/1995”). L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 28/1995 jipprovdi li “għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989], qiegħed jiġi awtorizzat infiq ta’ ITL 16-il biljun għas-sena finanzjarja 1995 għall-għoti tal-kumpens li għandu jitħallas lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu fl-1993, fl-1994 u fl-1995 minħabba li ġew infettati bit-tuberkulożi, bil-bruċellożi, bil-lewkożi jew b’mard infettiv ieħor, kif ukoll għall-ħlas tal-onorarji dovuti lill-professjonisti veterinarji li pparteċipaw fl-attivitajiet ta’ sanitazzjoni”.


44      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 1995 dwar l-Għajnuna mill- N485/A/95 — L-Italja (Sicilia) — Artikoli 1, 2 u 8 tal-Liġi Reġjonali Nru 28/95 (ĠU 1997 C 216, p. 26). Ir-rata tal-konverżjoni f’euro hija meħuda minn din id-deċiżjoni.


45      Kif intqal fil-punti 45 u 53 iktar ’il fuq, l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005 u l-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40/1997 jirreferu espliċitament għall-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989 iżda ma jibdlux id-dritt għal kumpens jew kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi ta’ dan il-kumpens (kif previst mill-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989).


46      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 1989 dwar l-Għajnuna mill-Istat N 149/89 – L-Italja (Sicilia) – Miżuri sabiex jittejbu l-merħliet bit-tuberkulożi u bil-bruċellożi (ara d-Dsatax-il Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, ippubblikat fl-1990, p. 297).


47      Ara l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 702/2014.


48      Mill-proċess ma joħroġx b’mod ċar meta eżattament tħallas il-kumpens inkwistjoni lil AU – jew saħansitra, kif tosserva l-Kummissjoni, jekk dan il-kumpens tħallasx. Madankollu, għas-saħħa tal-argument, ser nassumi li dan il-kumpens tħallas lil AU sa fejn, fl-assenza ta’ tali ħlas, ma jistax jingħad li AU ngħata għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan għaliex, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ skema multiannwali bħal dik prevista fl-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19/2005, l-għajnuna titqies bħala li ma ngħatatx lill-benefiċjarju sad-data li fiha dan ikun effettivament irċieva l-għajnuna – b’kuntrast mad-data li fiha ġiet adottata l-iskema multiannwali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82; digriet tal-5 ta’ Ottubru 2016, Diputación Foral de Bizkaia vs Il-Kummissjoni, C‑426/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:757, punti 29 u 30; sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2020, INAIL, C‑608/19, EU:C:2020:865, punt 34, u tad-29 ta’ Novembru 2018, ARFEA vs Il-Kummissjoni, T‑720/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:853, punti 171 sa 187).


49      Jista’ jkun li l-kumpens inkwistjoni tħallas lil AU mhux iktar kmieni mill-2008, peress li, fl-2008, il-Giudice unico del Tribunale di Catania (l-Imħallef Uniku tal-Qorti Distrettwali ta’ Catania) laqa’ t-talba ta’ AU għal ordni intiża sabiex l-ASPC tħallas il-kumpens inkwistjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).


50      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel (C‑585/17, EU:C:2019:969, punti 76 u 77). Din is-sentenza tikkonċerna l-Artikolu 58(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1), li, bħall-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 702/2014, jipprovdi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament […]”


51      B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12/1989 jirreferi għal-legge 9 giugno 1964, n. 615 — Bonifica sanitaria degli allevamenti dalla tuberculosis e dalla brucellosis (il-Liġi tad-9 ta’ Ġunju 1964, Nru 615, dwar is-sanitazzjoni tal-merħliet affettwati mit-tuberkulożi u mill-bruċellożi), li għaliha tirreferi wkoll l-ASPC.


52      Din il-lista hija disponibbli fuq is-sit internet tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.


53      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ’il fuq.


54      Enfasi miżjuda.


55      Pjuttost, fir-rigward tar-rekwiżit simili li jinsab fil-punt 11.4.5 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il fuq), peress li r-Regolament Nru 702/2014 ma kienx ġie adottat meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-2002.


56      Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1408/2013.


57      Ara l-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq.