Language of document : ECLI:EU:C:2021:401

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Mejju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Settur agrikolu – Qtil ta’ annimali affettwati minn mard infettiv – Kumpens lill-persuni li jrabbu l‑annimali – Obbligi ta’ notifika u ta’ standstill – Artikolu 108(3) TFUE – Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Eżenzjonijiet skont il-kategorija ta’ għajnuna – Regolament (UE) Nru 702/2014 – Għajnuna de minimis – Regolament (UE) Nru 1408/2013”

Fil-Kawża C‑128/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Azienda Sanitaria Provinciale di Catania

vs

Assessorato della Salute della Regione Siciliana,

fil-preżenza ta’:

AU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Azienda Sanitaria Provinciale di Catania, minn A. Ravì, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Georgieva u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Azienda Sanitaria Provinciale di Catania (l-Awtorità tas-Sanità Provinċjali ta’ Catania, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“ASPC”) u l-Assessorato della Salute della Regione Siciliana (id-Direttorat tas-Saħħa tar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja) dwar talba sabiex l-ewwel parti tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ kumpens favur AU, persuna li trabbi l-annimali li ġiet imġiegħla toqtol annimali affettwati minn mard infettiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jistabbilixxi, fl-Artikolu 1(b)(ii) u (ċ) tiegħu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

(ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(ċ)      ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament […] Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

2.      L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

a)      żieda fl-estimi ta’ skema awtorizzata għall-għajnuna li teċċedi l-20 %;

b)      it-tiġdid ta’ skema eżistenti awtorizzata sa massimu ta’ sitt snin, b’żieda fl-estimi jew mingħajra;

[…]”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013

5        Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU 2013, L 352, p. 9, rettifika fil-ĠU 2019, L 246, p. 38):

“1.      Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) [TFUE], u għalhekk għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 108(3) [TFUE], jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.      L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż […]15 000 [euro] fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.”

6        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 702/2014

7        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 193, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014, jipprevedi, fil-punti 12 u 29 tiegħu, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(12)      ‘għajnuna individwali’ tfisser:

[…]

(b)      għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

[…]

(29)      ‘data tal-għoti tal-għajnuna’ tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont l-iskema legali nazzjonali applikabbli”.

8        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, jipprovdi:

“Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija skont skemi ta’ għajnuna u għajnuna ad hoc għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) [TFUE] u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategoriji rilevanti tal-għajnuna stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.”

9        Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 702/2014, l-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi limiti f’termini ta’ ekwivalenti tal-għotja gross li lil hinn minnhom dan ir-regolament ma japplikax għall-għajnuna individwali, filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament jissuġġettaw l-applikazzjoni tiegħu għall-kundizzjonijiet, rispettivament, ta’ trasparenza u ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. L-Artikoli 9 u 10 tal-istess regolament jirrigwardaw, rispettivament, il-pubblikazzjoni u l-informazzjoni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-pubblikazzjoni doppja.

10      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 702/2014, l-Artikolu 26 ta’ dan jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu:

“1.      Għajnuna lill-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)] attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali jew tal-pesti tal-pjanti u għajnuna bħala kumpens għal dawn l-impriżi għal telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

[…]

6.      Skemi ta’ għajnuna għandhom jiġu introdotti fi żmien tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-ispiża jew telf ikkawżat mill-marda tal-annimali jew mill-pesta tal-pjanti.

L-għajnuna titħallas fi żmien erba’ snin minn din id-data.”

11      L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 702/2014, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament “għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna individwali tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9 u 10”.

 Id-dritt Taljan

 Il-Liġi Reġjonali Nru 12/1989

12      L-Artikolu 1 tal-Legge Regione Sicilia n. 12 – Interventi per favorire il risanamento e il reintegro degli allevamenti zootecnici colpiti dalla tubercolosi, dalla brucellosi e da altre malattie infettive e diffusive e contributi alle associazioni degli allevatori (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 12, li tistabbilixxi miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw is-sanitazzjoni u r-reintegrazzjoni ta’ rziezet li jrabbu l-annimali milquta mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi u minn mard infettiv ieħor mifrux ħafna u li tipprovdi għal kontribuzzjonijiet lill-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa li jrabbu l-annimali), tal-5 ta’ Ġunju 1989 (Gazzetta ufficiale della Regione Sicilia Nru 28, tas-7 ta’ Ġunju 1989) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 12/1989”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għas-sanitazzjoni ta’ rziezet li jrabbu annimali bovini affettwati mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi u mil-lewkożi, u ta’ rziezet li jrabbu annimali ovini jew kaprini affettwati mill-bruċellożi, konformement mal-[legge 9 giugno 1964, n. 615, (il-Liġi Nru 615, tad-9 ta’ Ġunju 1964)] u mal-[leggi 23 gennaio 1968, n. 33 e n. 34 (il-Liġijiet Nru 33 u Nru 34, tat-23 ta’ Jannar 1968)], kif sussegwentement emendati u ssupplimentati, għandu jingħata kumpens lill-proprjetarji ta’ annimali bovini maqtula u/jew meqruda minħabba li kienu affettwati mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi jew mil-lewkożi, u ta’ annimali ovini jew kaprini affettwati mill-bruċellożi, flimkien mal-kumpens previst fid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, u dan sal-ammont indikat fit-tabella annessa ma’ din il-liġi.

2.      L’Assessore regionale per la sanità [(id-Direttur Reġjonali għas-Saħħa)] għandu jadatta annwalment, permezz ta’ digrieti, l-ammont tal-kumpens addizzjonali previst mil-Liġi Reġjonali Nru 12/1989 […], fi proporzjon identiku għaż-żieda annwali fl-ammonti mogħtija mill-Istat f’dan il-qasam, u dan fil-limitu tal-krediti baġitarji previsti minn din il-liġi.

[…]

4.      Għall-istess għanijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafi preċedenti u sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ miżuri ta’ sanitazzjoni fl-irziezet li jrabbu l-annimali, għandu jitħallas onorarju ta’ 2 000 lira Taljana (ITL) [(madwar 1.03 euro)], flimkien ma’ dak previst fid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, lill-professjonisti veterinarji awtorizzati li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fid-Digrieti Ministerjali tal-1 ta’ Ġunju 1968 u tat-3 ta’ Ġunju 1968, għal kull annimal bovin eżaminat. Fi kwalunkwe każ, il-kumpens totali ma jistax jaqbeż ITL 3 000 [(madwar 1.55 euro)].

5.      Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi awtorizzat infiq ta’ ITL 7 000 miljun [(madwar 3 615 000 euro)] għas-sena finanzjarja kurrenti u ITL 6 000 miljun [(madwar 3 099 000 euro)] għal kull waħda mis-snin finanzjarji 1990 u 1991.”

 Il-Liġi Reġjonali Nru 40/1997

13      Skont l-Artikolu 11 tal-Legge Regione Sicilia n. 40 – Variazioni al bilancio della Regione ed al bilancio dell’Azienda delle foreste demaniali della regione siciliana per l’anno finanziario 1997 – Assestamento. Modifica dell’articolo 49 della legge regionale 7 agosto 1997, n. 30 (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 40, li tipprevedi emendi fil-baġit reġjonali u fil-baġit tal-Aġenzija Reġjonali ta’ Sicilia għall-foresti pubbliċi, għas-sena finanzjarja 1997 – Emenda tal-Artikolu 49 tal-Liġi Reġjonali Nru 30, tas-7 ta’ Awwissu 1997), tas-7 ta’ Novembru 1997 (Gazzetta ufficiale della Regione Sicilia Nru 62, tat-12 ta’ Novembru 1997) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 40/1997”):

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali Nru 12/1989], kif sussegwentement emendata u ssupplimentata, ammont ta’ ITL 16‑il biljun [(madwar 8 263 310 euro)] huwa allokat għall-ħlas tas-somom dovuti mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali ta’ Sicilia lill-proprjetarji ta’ annimali maqtula minħabba li kienu affettwati mit-tuberkulożi, mill-bruċellożi mil-lewkożi u mard infettiv ieħor matul is-snin 1993, 1994, 1995, 1996 u 1997, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fl-attivitajiet ta’ sanitazzjoni.”

 Il-Liġi Reġjonali Nru 22/1999

14      L-Artikolu 7 tal-Legge Regione Sicilia n. 22 – Interventi urgenti per il settore agricolo (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia, Nru 22, li tipprevedi interventi urġenti fis-settur agrikolu) tat-28 ta’ Settembru 1999 (Gazzetta ufficiale della Regione Sicilia Nru 47, tal-1 ta’ Ottubru 1999) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 22/1999”) alloka, “għas-sena finanzjarja 1999, ammont ta’ ITL 20 biljun [(madwar 10 329 138 euro)] għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali Nru 40/1997”.

 Il-Liġi Reġjonali Nru 19/2005

15      Skont l-Artikolu 25(16) tal-Legge Regione Sicilia n. 19 – Misure finanziarie urgenti e variazioni al bilancio della Regione per l’esercizio finanziario 2005. Disposizioni varie (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 19, li tistabbilixxi miżuri finanzjarji urġenti u li temenda l-baġit tar-Reġjun għas-sena finanzjarja 2005. Dispożizzjonijiet varji) tat-22 ta’ Diċembru 2005 (Gazzetta ufficiale della Regione Sicilia Nru 56, tat-23 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 19/2005”):

“Għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali Nru 12/1989], u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tal-[legge regionale della Sicilia n. 32 (il-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia Nru 32)] tat-23 ta’ Diċembru 2000, qiegħed jiġi allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-awtoritajiet tas-sanità lokali ta’ Sicilia lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu għaliex kienu infettati b’mard infettiv mifrux matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ sanitazzjoni. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ammont allokat għas-sena finanzjarja 2005 jammonta għal EUR 10 miljun (Unità Provviżorja Bażika (UPB) 10.3.1.3.2., Kapitolu 417702). Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk tal-Artikolu 3(2)(i) tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tas-27 ta’ April 1999, kif emendata u kkompletata”.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      AU ressaq quddiem it-Tribunale di Catania (il-Qorti ta’ Catania, l-Italja) talba intiża sabiex l-ASPC tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 11 930.08 bħala kumpens previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali Nru 12/1989. Dan il-kumpens huwa ffinanzjat skont l-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali Nru 19/2005, favur l-operaturi fis-settur tat-trobbija tal-annimali mġiegħla joqtlu l-annimali affettwati minn mard infettiv (iktar ’il quddiem il-“kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Permezz tad-Digriet Nru 81/08, dik il-qorti laqgħet din it-talba.

17      L-ASPC madankollu talbet u kisbet l-annullament ta’ dan id-digriet permezz ta’ sentenza mogħtija mill-istess qorti.

18      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Lulju 2013, il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania, l-Italja) laqgħet l-appell ippreżentat minn AU u rriformat dik is-sentenza.

19      Dik il-qorti ċaħdet l-argument tal-ASPC li l-miżura prevista fl-Artikolu 25(16) tal-Liġi Reġjonali Nru 19/2005 (iktar ’il quddiem il-“miżura tal-2005”) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li ma setgħetx tiġi implimentata qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjaratha kompatibbli mas-suq intern.

20      L-imsemmija qorti rrilevat li, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002, dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 37/98 (ex N 808/97) u NN 138/02 – L-Italja (Sicilia) – Għajnuna minħabba mard epiżootiku: Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali Nru 40/1997 “Bidliet fil-karta tal-bilanċ tar-Reġjun u fil-karta tal-bilanċ tal-Aġenzija Statali tal-Foresti għas-sena finanzjarja 1997 – Emenda tal-Artikolu 49 tal-Liġi Reġjonali Nru 30/1997” (Għajnuna NN 37/98) u tal-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 22/1999 “Interventi urġenti għas-settur agrikolu” (Għajnuna N 138/02) (C(2002) 4786) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), il-Kummissjoni kienet diġà awtorizzat, bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet reġjonali li, sas-sena 1997, kienu ffinanzjaw il-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali Nru 40/1997 u l-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 22/1999 (iktar ’il quddiem il-“miżuri tal-1997 u tal-1999”). Il-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania) ikkunsidrat li l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-2002, li tgħid li l-miżuri tal-1997 u tal-1999 kienu kompatibbli mas-suq intern, kienet testendi għall-miżura tal-2005, li kienet tiffinanzja wkoll dan il-kumpens.

21      Adita b’appell ippreżentat mill-ASPC mis-sentenza tal-Corte d’appello di Catania (il-Qorti tal-Appell ta’ Catania), il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), tistaqsi jekk il-miżura tal-2005 tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, fl-affermattiv, jekk din il-miżura hijiex kompatibbli mal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-[Artikoli 107 u 108 TFUE], kif ukoll tal-[‘Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura’] [(ĠU 2000, C 28, p. 2)], id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(16) tal-[Liġi Reġjonali Nru 19/2005], skont liema ‘għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-[Liġi Reġjonali Nru 12/1989], u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134 tal-Liġi Reġjonali Nru 32 tat-23 ta’ Diċembru 2000, qiegħed jiġi allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għall-ħlas tal-ammonti dovuti mill-[awtoritajiet tas-sanità lokali] ta’ Sqallija lill-proprjetarji tal-annimali li nqatlu għaliex infettati b’mard infettiv mifrux matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006, kif ukoll għall-ħlas, għall-istess snin, tal-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ qtil [sanitazzjoni]. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-ammont allokat għas-sena finanzjarja 2005 jammonta għal EUR 10 miljun (Unità Provviżorja Bażika (UPB) 10.3.1.3.2., Kapitolu 417702). Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk tal-Artikolu 3(2)(i) tal-Liġi Reġjonali Nru 10 tas-27 ta’ April 1999 kif emendata u kkompletata’, jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat li toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet?

2)      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(16) tal-[Liġi Reġjonali Nru 19/2005] […] jistgħu jikkostitwixxu, bħala prinċipju, għajnuna mogħtija mill-Istat li, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, toħloq jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, jista’ madankollu jitqies li dawn huma kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE], fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu lill-[Kummissjoni], fid-[Deċiżjoni tal-2002], tqis li, peress li l-kundizzjonijiet previsti mil-[Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura] huma ssodisfatti, id-dispożizzjonijiet simili tal-Artikolu 11 tal-[Liġi Reġjonali Nru 40/1997] u tal-Artikolu 7 tal-[Liġi Reġjonali Nru 22/1999] huma kompatibbli mal-[Artikoli 107 u 108 TFUE]?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Is-seduta ppjanata għat-30 ta’ April 2020 tħassret minħabba riskji marbuta mal-pandemija tal-coronavirus.

24      Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2020, il-mistoqsijiet għal tweġiba orali li kienu ntbagħtu lill-partijiet qabel is-seduta tbiddlu f’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub indirizzati lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Taljana ntalbet tagħti tweġiba għal mistoqsijiet addizzjonali.

25      L-ASPC, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

26      Fir-rigward tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tfakkar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, eżerċitata taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, u tqis li din id-domanda, li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżura tal-2005 mal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, għandha għalhekk tiġi ddikjarata inammissibbli.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għad-deċiżjoni tal-2002, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet awtorizzat miżuri simili għall-miżura tal-2005. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess tirrikonoxxi li l-qorti nazzjonali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali mas-suq intern.

28      Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura s-salvagwardja, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ eventwali ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE. Tali ksur, meta jiġi invokat mill-individwi u kkonstatat mill-qrati nazzjonali, għandu jwassalhom sabiex jisiltu minnu l-konsegwenzi kollha skont id-dritt nazzjonali tagħhom, mingħajr madankollu ma d-deċiżjonijiet tagħhom jinvolvu evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni u li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, A‑Fonds, C‑598/17, EU:C:2019:352, punt 46). F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali jista’ jkollha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija teħtieġ għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija mitluba tiddeċiedi dwarha.

29      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 108(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura stabbilita minn Stat Membru, intiża sabiex tiffinanzja, għal perijodu mifrux fuq diversi snin u ta’ ammont ta’ EUR 20 miljun, minn naħa, kumpens favur il-persuni li jrabbu l-annimali li kienu mġiegħla joqtlu annimali affettwati minn mard infettiv u, min-naħa l-oħra, l-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ sanitazzjoni, għandha tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista minn din id-dispożizzjoni, inkluż fl-ipoteżi li l-Kummissjoni tkun awtorizzat miżuri simili.

30      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 108 TFUE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna mill-Istat tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-Artikolu 108(1) TFUE jippermetti li l-għajnuna eżistenti tiġi eżegwita sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern, l-Artikolu 108(3) TFUE jimponi li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, fi żmien xieraq, bil-proġetti intiżi sabiex jistabbilixxu għajnuna ġdida jew sabiex jibdlu għajnuna eżistenti, li ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura ta’ investigazzjoni tkun wasslet għal deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”.

32      Skont l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, il-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti” jinkludi “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”, filwaqt li, skont l-Artikolu 1(ċ) ta’ dan ir-regolament, “għajnuna ġdida” tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

33      Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprevedi li, “[g]ħall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament [Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]”.

34      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-miżuri tal-1997 u tal-1999, li kellhom l-għan li jiffinanzjaw il-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li allokaw, għal dan il-għan, rispettivament, ammont ta’ ITL 16‑il biljun (madwar 8 263 310 euro) u ta’ ITL 20 biljun (madwar 10 329 138 euro) għall-perijodu bejn is-sena 1993 u s-sena 1997, ġew awtorizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-2002. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, skema ta’ għajnuna awtorizzata, u, għaldaqstant, “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

35      F’dak li jirrigwarda l-miżura tal-2005, filwaqt li l-għan tagħha jikkoinċidi ma’ dak tal-miżuri tal-1997 u tal-1999, jiġifieri l-finanzjament mill-ġdid tal-kumpens previst fl-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali Nru 12/1989, hija tipprevedi kemm, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, żieda ta’ EUR 20 miljun tal-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal-2002, kif ukoll estensjoni tal-perijodu ta’ finanzjament mill-ġdid tal-kumpens mis-sena 2000 għas-sena 2006.

36      Issa, tali bidliet magħmula fl-iskema ta’ għajnuna awtorizzata ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura purament formali jew amministrattiva, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004. Għall-kuntrarju, huma jikkostitwixxu tibdil ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

37      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna approvata preċedentement, ikkombinata, jew le, ma’ żieda fil-baġit allokat għal din l-iskema, toħloq għajnuna ġdida, distinta mill-iskema ta’ għajnuna approvata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punti 46 u 47; tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 58; tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 59; kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 50, 58 u 59).

38      Bl-istess mod, l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 794/2004 jelenka t-“tiġdid ta’ skema eżistenti awtorizzata sa massimu ta’ sitt snin, b’żieda fl-estimi jew mingħajra”, fost it-tibdil magħmul f’għajnuna eżistenti li għandu, fil-prinċipju, jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni permezz tal-formola ta’ notifika ssemplifikata.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżura li tipprevedi kemm l-estensjoni mis-sena 2000 għas-sena 2006 ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata kif ukoll iż-żieda ta’ EUR 20 miljun tal-baġit allokat għal din l-iskema estiża għandha titqies li tistabbilixxi għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

40      Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jistabbilixxi tali għajnuna huwa għalhekk, fil-prinċipju, marbut li josserva l-obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ din l-għajnuna lill-Kummissjoni u dak li jastjeni milli jimplimentaha qabel ma l-proċedura li għaliha hija suġġetta tkun wasslet għal deċiżjoni finali, previsti fl-Artikolu 108(3), TFUE.

41      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-miżura tal-2005 tistax tiġi eżentata minn dan l-obbligu ta’ notifika b’applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 26 tar-Regolament Nru 702/2014.

42      Ir-Regolament Nru 702/2014, li ġie adottat skont l-Artikolu 108(4) TFUE, jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, li, minkejja l-obbligu ġenerali ta’ notifika ta’ kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew tibdel “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, Stat Membru jista’ jinvoka l-eżenzjoni minn dan l-obbligu, skont dan ir-regolament, jekk il-miżura ta’ għajnuna li huwa jkun adotta jew il-proġett ta’ għajnuna li huwa għandu l-intenzjoni li jadotta jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fih. Dawn il-kundizzjonijiet, inkwantu deroga mill-imsemmi obbligu ġenerali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Bil-kontra, l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta mir-Regolament Nru 702/2014 tibqa’ suġġetta għall-obbligi ta’ notifika u ta’ astensjoni mill-implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 59, 60 u 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 702/2014 għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 51 tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament japplika għall-għajnuna individwali mogħtija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti minnu, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9 u 10.

44      Skont l-Artikolu 2(12)(b) tar-Regolament Nru 702/2014, il-kunċett ta’ “għajnuna individwali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi, b’mod partikolari, kull għajnuna mogħtija lil benefiċjarju individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, id-“data tal-għoti tal-għajnuna” hija ddefinita fl-Artikolu 2(29) tal-imsemmi regolament bħala d-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt li jirċievi l-għajnuna, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

45      Minkejja li r-Regolament Nru 702/2014 ma jiddefinixxix it-terminu “mogħtija” imsemmi fl-Artikolu 51(1) ta’ dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mill-mument li fih id-dritt għal assistenza, ipprovduta permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jingħata lill-benefiċjarju abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C-129/12, EU:C:2013:200, punt 40, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 36).

46      Minn dan isegwi li “għajnuna individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(12) tar-Regolament Nru 702/2014, mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2014, abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, bħall-miżura tal-2005, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

47      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjonijiet li għalihom ir-Regolament Nru 702/2014 jissuġġetta l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-obbligu ġenerali ta’ notifika, mill-Artikolu 3 tiegħu jirriżulta li, sabiex l-għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna tkun eżentata minn dan l-obbligu, din għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament kif ukoll il-kundizzjonijiet speċjali applikabbli għall-kategorija ta’ għajnuna kkonċernata, previsti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament.

48      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 702/2014, l-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi limiti f’termini ta’ ekwivalenti tal-għotja gross li lil hinn minnu dan ir-regolament ma japplikax għall-għajnuna individwali, filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament jissuġġettaw l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-kundizzjonijiet, rispettivament, ta’ trasparenza u ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 702/2014 jirrigwardaw, rispettivament, l-intensità tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli, kif ukoll ir-regoli ta’ kumulu. Fir-rigward tal-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-regolament, dwar, rispettivament, il-pubblikazzjoni u l-informazzjoni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-pubblikazzjoni doppja, mill-Artikolu 51(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-kundizzjonijiet li huma previsti fl-imsemmija artikoli 9 u 10 għandhom jiġu ssodisfatti biss fir-rigward ta’ għajnuna li ma hijiex għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament.

49      Rigward il-kundizzjonijiet partikolari, previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 702/2014, l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ prevenzjoni, kontroll u qerda tal-mard tal-annimali u biex tiġi rrimedjata l-ħsara kkawżata minn dan il-mard.

50      Skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 702/2014, l-għajnuna favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli għall-ispejjeż relatati mal-prevenzjoni u mal-qerda, b’mod partikolari, ta’ mard tal-annimali, u l-għajnuna intiża sabiex tikkumpensa lil dawn l-impriżi għat-telf ikkawżat, b’mod partikolari, minn mard tal-annimali, hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 13 tal-imsemmi Artikolu 26 tal-Kapitolu I tar-Regolament Nru 702/2014. Fost dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(6) jipprovdi li tali għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data li fiha jkunu seħħew l-ispejjeż jew it-telf ikkawżat mill-marda tal-annimali.

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni, imqajma mill-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk il-kumpens mitlub minn AU, taħt il-miżura tal-2005 jikkostitwixxix għajnuna de minimis, fis-sens tar-Regolament Nru 1408/2013, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li l-formulazzjoni tiegħu hija analoga għal dik tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 702/2014, ir-Regolament Nru 1408/2013 japplika għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li huwa jipprevedi.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE u bħala li ma hijiex suġġetta, minħabba f’hekk, għall-obbligu ġenerali ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-imsemmi regolament, fosthom dik prevista fl-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, irrilevata mill-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija mill-Istat Membru lil impriża waħda ma jistax jeċċedi EUR 15 000 fuq perijodu ta’ tliet snin fiskali.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura stabbilita minn Stat Membru, intiża sabiex tiffinanzja, għal perijodu mifrux fuq diversi snin u ta’ ammont ta’ EUR 20 miljun, minn naħa, kumpens favur il-persuni li jrabbu l-annimali li kienu mġiegħla joqtlu annimali affettwati minn mard infettiv u, min-naħa l-oħra, l-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ sanitazzjoni, għandha tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista f’din id-dispożizzjoni, meta din il-miżura ma tkunx koperta minn deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ħlief jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 702/2014 jew il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1408/2013.

 Fuq l-ewwel domanda

54      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura stabbilita minn Stat Membru, intiża sabiex tiffinanzja, għal perijodu mifrux fuq diversi snin u ta’ ammont ta’ EUR 20 miljun, minn naħa, kumpens favur il-persuni li jrabbu l-annimali li kienu mġiegħla joqtlu annimali affettwati minn mard infettiv u, min-naħa l-oħra, l-onorarji dovuti lill-veterinarji li jaħdmu għal rashom li pparteċipaw fil-miżuri ta’ sanitazzjoni, għandha tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista f’din id-dispożizzjoni, meta din il-miżura ma tkunx koperta minn deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ħlief jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] jew il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.