Language of document : ECLI:EU:C:2021:824

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 (1)

Kawża C489/20

UB

vs

Kauno teritorinė muitinė,

intervenjent:

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Merkanzija b’kuntrabandu maqbuda u sussegwentement ikkonfiskata wara li ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni – Estinzjoni ta’ dejn doganali – Konsegwenzi tal-ġbir ta’ dazju tas-sisa u VAT”






1.        Din id-domanda għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja) primarjament jikkonċerna l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik (2). B’mod iktar speċifiku, tikkonċerna l-estinzjoni ta’ dejn doganali fir-rigward ta’ merkanzija importata illegalment fl-Unjoni Ewropea, li kienet inqabdet minn awtoritajiet doganali mhux f’uffiċċju doganali jew fiż-żona libera meta tkun iddaħħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni, iżda waqt li kienet qiegħda tinġarr bit-triq minn naħa għal oħra tal-Istat Membru kkonċernat wara li qasmet, illegalment, fruntiera ta’ Stat Membru fil-konfini tal-Unjoni (3), billi ttieħdet lil hinn mill-ewwel uffiċċju doganali li kien jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma kienet ippreżentata hemmhekk (4).

2.        Madankollu, is-sentenza fil-kawża Dansk Transport og Logistik kienet dwar ix-xenarju klassiku tas-sejba ta’ tali merkanzija minn awtoritajiet doganali waqt li kienet qiegħda tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni, jew fl-ewwel uffiċċju doganali minn meta ddaħħlet hemmhekk jew fiż-żona libera. Tinqala’, għalhekk, il-kwistjoni jekk il-prinċipji elaborati f’Dansk Transport og Logistik dwar estinzjoni ta’ dejn doganali fid-dawl ta’ qbid u, sussegwentement, konfiska, ta’ tali merkanzija humiex applikabbli fil-kawża prinċipali.

3.        It-tieni, u b’rabta’ ma’ dan, din il-problema hija rregolata bl-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (5), li meta ngħatat is-sentenza fil-kawża Dansk Transport og Logistik, tali sitwazzjoni kienet irregolata bl-Artikolu 233(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6). Il-formulazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma hijiex l-istess bħall-formulazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dan l-element ukoll, għalhekk, huwa rilevanti sabiex ikun iddeterminat jekk id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx ġie estint bil-qbid tal-merkanzija waqt li kienet qiegħda tinġarr bit-triq minn naħa għal oħra tat-territorju ta’ Stat Membru.

4.        Żewġ kwistjonijiet oħra jsegwu minn dan. Il-ġbir ta’ dazji tas-sisa fir-rigward ta’ merkanzija importata huwa rregolat bl-Artikolu 2(b) u bl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (7). Il-ġbir tal-VAT fir-rigward ta’ merkanzija importata huwa rregolat bl-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (8). Jekk id-dejn doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun fil-fatt jaqa’ fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ikunu għadhom jistgħu jiġu imposti dazju tas-sisa u VAT?

5.        Wasalt għall-konklużjoni li, filwaqt li d-dejn doganali kien ġie estint fil-kawża prinċipali, kemm id-dazju tas-sisa, kif ukoll il-VAT, jibqgħu dovuti, li r-raġunijiet għal dan jitfissru fid-dettall iktar ’il quddiem. L-analiżi li ġejja tħares ir-regoli stabbiliti fil-ġurisprudenza, jiġifieri li l-kompetenza għall-irkupru ta’ dazju doganali, dazju tas-sisa u VAT għandha tkun analizzata separatament (9).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu b’titolu “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”. Jipprevedi, b’mod partikolari, dan li ġej fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ […]

(a)      wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni;”

7.        L-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu b’titolu “Estinzjoni” u jgħid dan li ġej fil-paragrafu 1(e) tiegħu:

“[…] dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin: […]

(e)      fejn il-merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tkun ikkonfiskata jew maqbuda u simultanjament jew sussegwentement ikkonfiskata;”

8.        L-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu b’titolu “Mizuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali” jistipula dan li ġej fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“[l]-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluż il-konfiska u l-bejgħ, jew il-qerda, biex jeħilsu minn merkanzija […]

(a)      fejn wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar       id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkunx ġie sodisfatt, jew il-merkanzija tkun ġiet miżmuma mis-superviżjoni doganali;”

9.        L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa jgħid dan li ġej:

“[i]l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’ […] l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità.”

10.      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa jgħid dan li ġej:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-“rilaxx għall-konsum” għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

11.      L-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT jgħid dan li ġej:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(d)      l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

12.      L-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT jgħid dan li ġej:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”

B.      Id-dritt Litwan

13.      L-Artikolu 93, bit-titolu “Estinzjoni tal-obbligu fiskali”, tal-Lietuvos Respublikos mokesčių administravimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxi) (kif emendata bil-Liġi Nru IX-2112 tat‑13 ta’ April 2004) jgħid fil-paragrafu 2(3) tiegħu li “kull obbligu fir-rigward ta’ taxxi amministrati mid-Dwana għandu jieqaf […] jekk il-merkanzija tinżamm fil-waqt tad-dħul illegali tagħha u, f’dak l-istess waqt jew wara, tinqabad.”

14.      Skont id-digriet tar-rinviju, sabiex tkun indirizzata bidla min-naħa tal-leġiżlatura nazzjonali fir-rigward tal-mod kif jitqies il-waqt li fih ikun estint l-obbligu tal-pagament tad-dazju tas-sisa u tal-VAT fuq l-importazzjoni, għandu jkun innotat li l-Artikolu 93(2) tal-Liġi Dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxi kien tħassar fl‑1 ta’ Jannar 2017, u kienu daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienu adottati b’mod partikolari skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

– L-Artikolu 20(2) tal-Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Dwar dazju tas-Sisa) (kif emendata bil-Liġi Nru XII‑2696 tat‑3 ta’ Novembru 2016), jipprevedi li “l-obbligu ta’ ħlas ta’ dazju tas-sisa lid-dwana għandu jkun estint mutatis mutandis fil-każijiet speċifikati fil-punti (d) sa (g) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni […]

– L-Artikolu 121(2) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Dwar it-Taxxa Fuq il-Valur Miżjud) (kif emendata bil-Liġi Nru XII‑2697 tat‑3 ta’ Novembru 2016), jipprevedi li “l-obbligu ta’ pagament lid-dwana tal-VAT fuq l-importazzjoni għandu jkun estint mutatis mutandis fil-każijiet speċifikati fil-punti (d) sa (g) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni […]

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

15.      L-appellant quddiem il-qorti tar-rinviju, li qiegħed jaġixxi fi grupp ta’ kompliċi, organizza l-importazzjoni illegali (kuntrabandu) ta’ merkanzija suġġetta għal dazju tas-sisa mill-Bjelorussja għat-territorju tal-Litwanja – fit‑22 ta’ Settembru 2016, għal post imbiegħed. Sitt elef pakkett sigarretti (iktar ’il qudiem il-“merkanzija inkwistjoni”) kienu ntefgħu in-naħa l-oħra tal-fruntiera tal-pajjiż u kienu rkuprati. Fl-istess jum il-vettura bil-mutur li kienet qiegħda ġġorr dik il-merkanzija fit-territorju tal-Litwanja twaqqfet b’forza minn uffiċjali tal-fruntiera u s-sigarretti misjuba fil-vettura nqabdu wkoll fit‑22 ta’ Settembru 2016.

16.      B’digriet penali tat‑23 ta’ Jannar 2017 adottat mill-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja) fi proċeduri kriminali, l-appellant kien instab ħati ta’ att kriminali skont id-dritt kriminali nazzjonali, u kien immultat EUR 16 947. Kien deċiż ukoll li l-merkanzija inkwistjoni tiġi kkonfiskata, u l-awtoritajiet kompetenti ngħataw struzzjonijiet sabiex jeqirduha. Dan seħħ sena wara li kienet inqabdet fit‑22 ta’ Settembru 2016 (10).

17.      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl ta’ dak id-digriet penali, l-Uffiċċju Doganali ta’ Kaunas irrikonoxxa lill-appellant (in solidum ma’ persuni oħra) bħala li kien responsabbli għal ħlas ta’ dejn doganali u rreġistra obbligu fiskali ta’ EUR 10 237 f’dazju tas-sisa u EUR 2 679 f’VAT fuq l-importazzjoni, flimkien ma’ EUR 1 674 u EUR 438 li kienu jikkorrispondu għal interessi moratorji fuq dawk it-taxxi rispettivi. Fid-dawl tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dik l-amministrazzjoni lokali tat-taxxi ma kkalkolatx u ma rreġistratx dejn doganali fuq importazzjoni fir-rigward tal-appellant minħabba li qieset li d-dejn doganali kien estint.

18.      B’deċiżjoni Nru 1A‑199 tad‑9 ta’ Mejju 2018, kienet ikkonfermata d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Doganali ta’ Kaunas.

19.      L-appellant fetaħ kawża quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja), billi ssottometta, b’mod partikolari, li, essenzjalment, minħabba li kien hemm raġuni għall-estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-obbligu tiegħu li jħallas id-dazju tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni fuq il-merkanzija inkwistjoni li kienet iddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea wkoll kien ġie estint. Dak ir-raġunament tal-appellant kien ibbażat b’mod partikolari fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Dansk Transport og Logistik.

20.      B’sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnjus) ċaħdet l-azzjoni tal-appellant bħala infondata. Dik il-qorti b’mod partikolari kienet tal-fehma li r-raġunijiet għall-estinzjoni tal-obbligu ta’ pagament tad-dazju tas-sisa u/jew tal-VAT fuq l-importazzjoni ma humiex koperti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u, meta rrifjutat li tevalwa l-argumenti tal-appellant b’rabta mal-interpretazzjoni mogħtija f’Dansk Transport og Logistik, dik il-qorti nnotat b’mod partikolari li dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ingħatat biex ikun interpretat il-Kodiċi Doganali tal-Komunità li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma kinux rilevanti għal dan il-każ, minħabba li l-miżura fis-seħħ kien il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

21.      L-appellant appella quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) li għamlet id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari.

“(1)      L-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (EU) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li dejn doganali jkun estint meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, merkanzija b’kuntrabandu hija ssekwestrata [maqbuda] u sussegwentement ikkonfiskata wara li kienet diġà ġiet introdotta b’mod illegali (rilaxxata għal konsum) fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea?

(2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2(b) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE kif ukoll l-Artikoli 2(1)(d) u 70 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu ta’ ħlas tad-dazju tas-sisa u/jew tal-VAT ma jkunx estint meta, bħal fil-kawża prinċipali, merkanzija b’kuntrabandu hija ssekwestrata u sussegwentement ikkonfiskata wara li tkun diġà ġiet introdotta b’mod illegali (rilaxxata għal konsum) fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk id-dejn doganali jiġi estint għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013?”

22.      Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika tal-Litwanja u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta.

III. Analiżi

A.      Risposta għall-ewwel domanda

23.      L-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat li jfisser li dejn doganali jkun estint meta merkanzija importata illegalment tinqabad u wara tiġi kkonfiskata wara li tkun iddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

24.      Dan huwa hekk għar-raġunijiet li ġejjin.

25.      Ma huwiex ikkontestat li kien hemm dejn doganali fil-kawża prinċipali. Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jkun hemm dejn doganali fuq l-importazzjoni minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ […] “wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni”. L-Artikolu 139(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni bit-titolu “Il-preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana” jgħid li “Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun ppreżentata lid-dwana minnufih mal-wasla tagħha fl-uffiċċju doganali nominat jew kwalunkwe post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali jew fiż-żona ħielsa minn waħda mill-persuni li ġejjin: (a) il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni; (b) il-persuna li f’isimha jew għan-nom tagħha taġixxi l-persuna li daħħlet il-merkanzija f’dak it-territorju; (c) il-persuna li ħadet ir-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara li ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni” (11).

26.      Kien stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-Kodiċi Doganali tal-Komunità li l-għan tal-obbligu ta’ “preżentazzjoni” kien “li jiżgura li l-awtoritajiet doganali jkunu informati mhux biss bil-fatt li tkun waslet il-merkanzija, imma wkoll b’kull informazzjoni rilevanti fir-rigward tat-tip tal-oġġett jew prodott ikkonċernat kif ukoll bil-kwantità ta’ din il-merkanzija. Fil-fatt, hija din l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni korretta tal-merkanzija għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tat-tariffi fir-rigward tagħha u, jekk ikun il-każ, tal-kalkolu tad-dazju fuq l-importazzjoni” (12). Il-fatt li ċerta merkanzija tkun inħbiet f’kompartimenti sigrieti fil-vettura li fiha tkun inġarret ma għandux l-effett li jkun hemm ħelsien minn dak l-obbligu (13).

27.      Il-preżenza, fit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni għandha r-riskju li din il-merkanzija tispiċċa tagħmel parti miċ-ċirkwiti ekonomiċi tal-Istati Membri mingħajr ma tkun għaddiet mid-dwana (14). B’hekk, l-impożizzjoni ta’ dazju doganali huwa ġġustifikat meta, pereżempju, l-għibien tal-merkanzija jkun ta’ riskju li jidħol fiċ-ċirkwiti ekonomiċi tal-Unjoni (15).

28.      Madankollu, ikun tajjeb jiġi nnotat li tali riskju ġeneralment ikun minimu, minħabba li l-merkanzija nqabdet fl-istess jum li ddaħħlet, għalkemm wara li kienet għaddiet għal ġot-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma l-merkanzija kienet ippreżentata hemmhekk (16). Kif diġà kien innotat, anki għalkemm dan ta lok għal dejn doganali (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) bid-dħul illegali u l-ħolqien ta’ dejn simultanjament (17), il-perijodu qasir li fih il-merkanzija kienet ittieħdet lil hinn mill-ewwel uffiċċju doganali li kien jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma kienet ippreżentata hemmhekk (18), u kienet inġarret minn naħa għal oħra tat-territorju Litwan biss, dan ifisser li r-riskju ta’ dħul fiċ-ċirkwiti ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea kien għeb kważi malli l-merkanzija kienet iddaħħlet illegalment (19). Tabilħaqq, il-Kummissjoni targumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-merkanzija biss li effettivament tkun iddaħħlet fil-katina ekonomika tal-Unjoni toħloq dejn doganali (20).

29.      Minbarra dan, l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jgħid li “[…] dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin: […] fejn il-merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tkun ikkonfiskata jew maqbuda u simultanjament jew sussegwentement ikkonfiskata […]”.

30.      Id-differenza ewlenija bejn din id-dispożizzjoni u d-dispożizzjoni fis-seħħ meta ngħatat is-sentenza Dansk Transport og Logistik, jiġifieri il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità,  hija li din l-aħħar dispożizzjoni torbot l-estinzjoni tad-dejn doganali mal-waqt tal-importazzjoni, li l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jagħmilx. Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jgħid:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni taż dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

[…]

(d)      fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.” (21)

31.      Din id-dispożizzjoni kienet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Dansk Transport og Logistik. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel, li “l-qbid ta’ tali merkanzija, flimkien mal-konfiska tagħha simultanjament jew sussegwentement fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali, tista’ tirriżulta fl-estenzjoni tad-dejn doganali biss jekk dan il-qbid seħħ qabel ma l-imsemmija merkanzija qabżet iż-żona li fiha jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità” (22). Hija żiedet tgħid li “iż-żamma u l-qirda ta’ din il-merkanzija seħħu waqt il-qsim tal-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka, jiġifieri wara din l-‘introduzzjoni kontra l-liġi [importazzjoni irregolari]’ u mhux waqtha. Għaldaqstant, il-fatti ta’ din il-kawża ma jidhrux li jaqgħu taħt l-ipoteżi stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali” (23).

32.      It-tieni, kien deċiż ukoll f’Dansk Transport og Logistik li “it-terminu ‘qbid’ tal-merkanzija fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali għandu jinftiehem bħala l-intervent materjali tal-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-pussess tal-merkanzija f’idejhom, sabiex jikkustoduha u jimpedixxu li hija tidħol fiċ-ċirkwiti ekonomiċi tal-Istati Membri” (24). Fil-kawża prinċipali dan ma seħħx sakemm wara li l-merkanzija importata illegalment kienet għaddiet lil hinn mill-ewwel uffiċċju doganali li kien jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma kienet ippreżentata hemmhekk (25), għalkemm dan seħħ fl-istess jum li l-merkanzija kienet qasmet il-fruntiera għal ġot-territorju tal-Unjoni.

33.      Madankollu, intendi naċċetta argumenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Litwanja u tal-Kummissjoni jiġifieri li l-mument li fih merkanzija importata illegalment tinqabad huwa irrelevanti sabiex tkun iddeterminata estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

34.      Dan huwa ċar, l-ewwel, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni. Kif kien irrilevat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Italja, għalkemm dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jwasslu għall-estinzjoni ta’ djun doganali għandhom ikunu interpretati b’mod strett sabiex jitħarsu r-riżorsi proprji tal-Unjoni (26), l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni sempliċement ma jinkludix il-kelma “ma’”, kuntrarjament għall-Artikolu 233(d) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (27).

35.      It-tieni, intendi naċċetta l-argumenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Litwanja u tal-Kummissjoni (28) jiġifieri li l-oriġini tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jsostni l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità rrappreżenta mod iktar strett tal-liġi b’paragun mal-miżura li kien hemm qabel, bil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jmur lura għal mudell iktar bikri, li bih il-punt ta’ riferiment għall-estinzjoni tad-dejn doganali kien il-konfiska tal-merkanzija inkwistjoni importata illegalment (29). Meqjus f’dan il-kuntest (30), kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan qisu jidher li jmur kontra għażla ċara ta’ politika tal-Unjoni Ewropea jekk il-mument ta’ qbid ta’ merkanzija importata illegalment kellu jibqa’ rilevanti għall-estinzjoni tad-dejn doganali.

36.      It-tielet, l-għan tal-estinzjoni tad-dejn doganali jista’ jitqies li huwa l-istess fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kif kien fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità. L-għan tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 il-Kodiċi Doganali tal-Komunità huwa li tkun evitata l-impożizzjoni ta’ dazju jekk il-merkanzija, għalkemm tkun iddaħħlet illegalment fit-territorju Komunitarju, ma setgħetx tqiegħdet fis-suq u, għalhekk, ma tikkostitwixxix theddida, f’termini ta’ kompetizzjoni, għal merkanzija Komunitarja (31). L-istess għan jidher mir-raġunijiet ta’ estinzjoni ta’ dejn doganali elenkati fl-Artikolu 124(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Kif jingħad fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-perijodu li fih il-merkanzija inkwistjoni importata illegalment kienet f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Litwanja kien qasir, minħabba li l-merkanzija nqabdet fl-istess jum hekk kif kienet qiegħda taqsam il-fruntiera.

37.      Għal dawn ir-raġunijiet l-ewwel domanda għandha tingħata risposta skont kif stabbilit fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B.      Ir-risposta għat-tieni domanda

38.      Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar id-dazju, kif ukoll l-Artikolu2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT għandhom ikunu interpretati bħala li jfissru li l-obbligu tal-ħlas ta’ dazju tas-sisa u/jew tal-VAT ma jkunx estint meta, bħal f’dan il-każ, merkanzija mdaħħla b’kuntrabandu tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata wara li tkun diġà ddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, ukoll jekk id-dejn doganali jkun ġie estint għar-raġuni mogħtija fl-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

1.      Dazju tas-sisa

39.      Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li dazju tas-sisa jsir taxxabbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum u fl-Istat Membru fejn dan iseħħ (32). L-importazzjoni hija suġġetta għat-taxxa (33), bl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa jipprevedi li “[i]l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’ […] l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità”. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-merkanzija suġġetta għal dazju tas-sisa għandha titqies li tkun iddaħħlet fit-territorju tal-Unjoni minn meta tkun ittieħdet lil hinn miż-żona li fiha jkun jinsab l-ewwel uffiċċju doganali ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Dansk Transport og Logistik li “peress li l-merkanzija b’kuntrabandu kienet importata kontra l-liġi, din hija kkunsidrata bħala rilaxxata għall-konsum” (35), u li l-obbligu ta’ pagament ta’ dazju tas-sisa jissussisti wkoll jekk il-merkanzija suġġetta għal dazju tinqabad u wara tinqered (36).

40.      Dan huwa konformi mal-Artikolu 7(2)(d) tad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa li jgħid li “‘rilaxx għall-konsum’ għandha tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: […] l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju” (37).

41.      Kif kien innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/118 tipprevedi li “Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox”.

42.      B’hekk, naqbel ma’ ċerti osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tal-Litwanja u dak tal-Italja kif ukoll dawk tal-Kummissjoni fis-sens li d-dazju tas-sisa fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li kien ġie sospiż, b’mod partikolari fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(2)(d) tad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa. Ma hemm ebda dispożizzjoni fid-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa li tipprospetta l-estinzjoni ta’ dazju tas-sisa fid-dawl tad-dħul irregolari ta’ merkanzija fl-Unjoni segwit bil-qbid u l-qirda tagħha (38) jew fil-każ tal-estinzjoni tad-dejn doganali.

2.      Il-VAT

43.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dazji tal-importazzjoni ma jinkludux il-VAT li jkollha tinġabar fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija (39). Skont Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, l-importazzjoni ta’ merkanzija għandha tkun suġġetta għall-VAT. L-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju li l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT tiġi imposta meta l-merkanzija tkun importata (40).

44.      Minħabba li l-VAT hija taxxa fuq il-konsum, hija tapplika għal oġġetti u servizzi li jidħlu fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u li jistgħu jkunu oġġetti ta’ konsum (41).

45.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja “dejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali li ġġenera dan id-dejn kien jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni u setgħet tiġi suġġetta għall-konsum, u b’hekk jiskatta l-fatt taxxabbli tal-VAT” (42). Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata jekk merkanzija tkun iddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni permezz tat-territorju ta’ Stat Membru ieħor (43), iżda dawn il-fatti ma jirriżultawx fil-kawża prinċipali. Hemm Stat Membru wieħed biss li fih il-merkanzija importata illegalment iddaħħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, jiġifieri l-Litwanja (44).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sa fejn merkanzija totalment meqruda jew irrimedjabbilment mitlufa waqt li kienet tinsab taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma tistax tiġi integrata fis-sistema ekonomika tal-Unjoni u, għalhekk, ma tistax toħroġ minn din il-proċedura, din la ma tista’ titqies li ġiet ‘importata’, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, u lanqas ma tista’ tkun suġġetta għall-VAT” (45).

47.      Madankollu, il-kawża prinċipali ma tfissirx okkażjoni ta’ qirda ta’ merkanzija importata illegalment, peress li dan ma seħħx qabel sena wara li kienet inqabdet, u anki hemmhekk biss b’ordni ta’ qorti.

48.      Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali juru karatteristiċi essenzjali komparabbli minħabba li jirriżultaw mill-fatt tal-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni Ewropea u d-distribuzzjoni sussegwenti ta’ dik il-merkanzija permezz tal-kanali ekonomiċi tal-Istati Membri. Din in-natura parallela hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jawtorizza lill-Istati Membri jorbtu l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u d-data li fiha l-VAT fuq l-importazzjoni ssir eżiġibbli ma’ dawk stabbiliti għal dazji doganali (46). L-importazzjoni hija, għalhekk, il-punt ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk il-VAT tkunx eżiġibbli u, bla dubju, kien hemm importazzjoni fil-kawża prinċipali.

49.      Barra minn dan, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li “meta l-merkanzija nqabdet u simultanjament jew sussegwentement ġiet ikkonfiskata wara li għaddiet mill-ewwel uffiċċju doganali li jkun jinsab ġewwa t-territorju tal-Komunità, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, il-fatt li jwassal għall-impożizzjoni tal-VAT ikun diġà seħħ u għalhekk saret eżiġibbli” (47).

50.      Fl-aħħar nett, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-preżenza biss fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni twassal għar-riskju li dik il-merkanzija tispiċċa tagħmel parti miċ-ċirkwiti ekonomiċi tal-Istati Membri mingħajr ma tkun għaddiet mid-dwana (48). Dan huwa r-rekwiżit obbligatorju li huwa l-bażi għall-ġbir tal-VAT fuq merkanzija importata illegalment. Dan ir-riskju seħħ malli l-merkanzija ddaħħlet fit-territorju Litwan, lil hinn mill-ewwel żona doganali relattiva għall-punt li fih tkun ġiet importata. Din is-soluzzjoni hija konsistenti mal-għanijiet ewlenin tas-sistema komuni tal-VAT, kif innotat il-Litwanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tiggarantixxi kompetizzjoni ħielsa u newtralità fiskali mingħajr ma tfixkel il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, minħabba li ma hemm ebda dispożizzjoni fid-Direttiva tal-VAT li ġġib l-estinzjoni tar-responsabbiltà għall-VAT jekk ikun hemm estinzjoni ta’ dejn doganali.

C.      Konklużjoni

51.      Għalhekk qiegħed nipproponi dan li ġej għad-domandi magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja):

1.      L-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (EU) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jkun interpretat bħala li jfisser li dejn doganali jiġi estint meta merkanzija importata illegalment tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata wara li tkun diġà ddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

2.      L-Artikoli 2(b) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, u l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom ikunu interpretati bħala li jfissru li l-obbligu tal-ħlas ta’ dazju tas-sisa u/jew tal-VAT ma jkunx estint meta merkanzija b’kuntrabandu tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata wara li tkun diġà ddaħħlet illegalment (rilaxxata għall-konsum) fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk id-dejn doganali jkun ġie estint għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      C‑230/08, EU:C:2010:231 (iktar ’il quddiem “is-sentenza Dansk Transport og Logistik”).


3      Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Prankl (C‑175/14, EU:C:2015:142).


4      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Suez II (C‑643/17, EU:C:2019:179, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dansk Transport og Logistik, punt 50.


5      ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”).


7      ĠU 2009, L 9, p. 12 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Dazju tas-Sisa’). Id-Direttiva 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p.), kienet il-miżura rilevanti fis-seħħ fiż-żmien tas-sentenza Dansk Transport og Logistik. Ara b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5(1) u (2), 6, 7, 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE.


8      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, (iktar ’il qudddiem id-“Direttiva tal-VAT”). Fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza Dansk Transport og Logistik, din kienet irregolata bl-Artikoli 7 u 10(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/85/KE tat‑22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 330) (“is-Sitt Direttiva”).


9      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post fejn tinħoloq il-VAT)) (C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


11      Il-punt 33 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jgħid “‘preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana’ tfisser ‘in-notifika lill-awtoritajiet doganali tal-wasla ta’ merkanzija fl-uffiċċju doganali jew fi kwalunkwe post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali u tad-disponibbiltà ta’ dik il-merkanzija għal kontrolli doganali’”.


12      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar il-ġarr għall-uffiċċju doganali indikat jew għaż-żona libera u l-kalkolu tad-dazji, ara reċentement is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Suez II (C‑643/17, EU:C:2019:179, punti 45 u 46).


13      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, DSV Road A/S (C‑234/09, EU:C:2010:435, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2014, X (C‑480/12, EU:C:2014:329, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.


16      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punti 24 u 25). Ara wkoll is-sentenzi Dansk Transport og Logistik, punt 48, u tas‑7 ta’ Marzu 2019, Suez II (C‑643/17, EU:C:2019:179, punt 47).


17      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 27). Dan il-prinċipju kien żviluppat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.


18      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Suez II (C‑643/17, EU:C:2019:179, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Dansk Transport og Logistik, punt 50.


19      Ara s-sitwazzjoni fattwali li hemm fis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2014, X (C‑480/12, EU:C:2014:329). Din il-kawża kienet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.


20      Barra minn hekk, qiegħed ikun sottomess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika tal-Italja li l-unika raġuni li għaliha d-dejn doganali jista’ jitqies li jkun estint fil-kawża prinċipali kienet għaliex ma kienx hemm opportunità li l-merkanzija titqiegħed fis-suq. Xort’oħra, id-dejn doganali jibqa’.


21      Enfasi miżjuda.


22      Dansk Transport og Logistik, punt 53.


23      Sentenza Dansk Transport og Logistik, punt 59. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punti 33 u 34): “Huwa, fil-fatt, fl-uffiċċji doganali, imqiegħda strateġikament fil-punti ta’ dħul tul il-fruntieri esterni, li l-awtoritajiet huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jeżerċitaw livell ta’ kontroll għoli fuq il-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità, sabiex jevitaw kemm il-kompetizzjoni żleali fil-konfront tal-produtturi Komunitarji kif ukoll it-telf ta’ dħul fiskali li jinvolvu l-importazzjonijiet frawdolent. Minn dan isegwi li l-qbid ta’ merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità bi ksur tal-formalitajiet previsti fl-Artikoli 38 sa 41 tal-Kodiċi Doganali, li jseħħ lil hinn mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa dan it-territorju u li jseħħ prattikament b’kumbinazzjoni, ma jistax iġib miegħu l-estinzjoni tad-dejn doganali fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali.”


24      Dansk Transport og Logistik, punt 61.


25      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, Suez II (C‑643/17, EU:C:2019:179, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Dansk Transport og Logistik, punt 50.


26      Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Berel et (C‑78/10, EU:C:2011:93, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ma hemmx diverġenza lingwistika bejn il-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u, pereżempju, il-verżjoni Franċiża, Bulgara, Taljana, Spanjola, Svediża, Portugiża, Ġermaniża, Pollakka, Ċeka u Slovakka.


28      Il-Kummissjoni tirreferi, barra minn dan, għall-istorja leġiżlattiva, għall-ispjegazzjoni introduttorja għall-kodiċi doganali modernizzat tat‑23 ta’ Frar 2005 (TAXUD/447/2004 Rev 2) li tgħid li l-għan għar-reviżjoni tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien li titneħħa l-kundizzjoni supplimentari “avant qu’il en ait été donné mainlevée” (qabel ma tkun ġiet ir-rilaxxata) sabiex id-dejn doganali jiġi estint, b’mod partikolari meta l-merkanzija inkwistjoni tinqabad.


29      Dan jingħad fid-dettall fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Elshani (C‑459/07, EU:C:2008:596, punti 64 sa 66): “Ir-regoli dwar l-estinzjoni tad-dejn doganali wara qbid u konfiska ta’ merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu inklużi fil-punt d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali [Komunitarju] jikkostitwixxu verżjoni iktar ħarxa tas-sistema prevista, f’dan ir-rigward, sad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali nnifsu, mir-Regolament Nru 2144/87(26) [tat‑13 ta’ Lulju 1987 dwar dazju doganali (ĠU 1987, L 201, p. 15)] […] Fil-fatt, dan ir-regolament kien jipprevedi, fl-Artikolu 8(1)(b) għall-estinzjoni tad-dejn doganali fil-każijiet kollha ta’ konfiska tal-merkanzija […] Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 450/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1)] li fih il-Kodiċi Doganali l-ġdid li dalwaqt jidħol fis-seħħ, jerġa’ jipproponi fl-Artikolu 86, l-approċċ ‘artab’ diġà inkluż fir-Regolament Nru 2144/87, u jistabbilixxi, b’mod partikolari li d-dejn doganali jispiċċa ‘fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi konfiskata’ (paragrafu 1(d)), ‘fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi simultanjament jew sussegwentement konfiskata’ (paragrafu 1(e)), kif ukoll ‘fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni tinqered taħt superviżjoni tad-dwana jew abbandunata lill-Istat’ (paragrafu 1(f)). Għalhekk, anki fil-Kodiċi Doganali l-ġdid, il-mument li fih iseħħ il-qbid u/jew il-konfiska huwa rrilevanti għall-finijiet tal-estinzjoni tad-dejn doganali […] [P]eress li l-Kodiċi Doganali li huwa fis-seħħ attwalment, fir-rigward tal-estinzjoni tad-dejn doganali għal merkanzija mdaħħla bil-kuntrabandu, jippreżenta ruħu bħala leġiżlazzjoni partikolarment iebsa, inkluża, mill-aspett kronoloġiku, bejn żewġ leġiżlazzjonijiet ħafna inqas riġidi, jidhirli li l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali [Komunitarju] b’mod restrittiv ħafna twassal, b’kull probabbiltà, għall-isfurzar tal-loġika interna tal-ordinament Komunitarju u tar-rieda preżumibbli tal-leġiżlatur.”


30      Ara wkoll dwar il-funzjoni tal-kuntest fl-interpretazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pinckernelle (C‑35/15,  EU:C:2016:996, punti 40 sa 59).


31      Sentenza tat‑2 ta’ April 2009 Elshani (C‑459/07, EU:C:2009:224, punt 29).


32      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑590/16, EU:C:2018:77, punt 40).


33      Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa (C‑64/15, EU:C:2016:62, punt 21). Ara wkoll Dansk Transport og Logistik, punt 70.


34      Dansk Transport og Logistik, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din il-konstatazzjoni kienet saret fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12 KE. Madankollu, kif kien innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, tali konstatazzjonijiet huma applikabbli għad-Direttiva dwar Dazju tas-Sisa fis-seħħ bħalissa.


35      Sentenza Dansk Transport og Logistik, punt 81.


36      Sentenza Dansk Transport og Logistik, punti 80, 81 u 85.


37      Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑590/16, EU:C:2018:77, punt 40).


38      Kif kien innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, id-Direttiva 2020/262 (UE) tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifika fil-ĠU 2020, L 409, p. 38) tqiegħed l-estinzjoni tad-dejn doganali fl-istess linja mal-estinzjoni ta’ dazju doganali, iżda din id-dispożizzjoni għadha ma hijiex fis-seħħ.


39      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:405, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kawża kienet dwar l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva, iżda l-istess prinċipju japplika għall-kawża prinċipali.


40      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung (C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 40).


41      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-konsum huwa l-att li fuqu tinġabar il-VAT. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:405, punt 65). Ara, iktar reċenti, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Wallenborn Transports (C‑571/15, EU:C:2017:417, punt 54); u s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung (C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 44).


42      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post fejn tinħoloq il-VAT) (C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post fejn tinħoloq il-VAT) (C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post fejn tinħoloq il-VAT) (C‑7/20, EU:C:2021:161).


45      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 71).


46      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post fejn tinħoloq il-VAT)) (C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Sentenza Dansk Transport og Logistik, punt 94). Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Wallenborn Transports (C‑571/15, EU:C:2017:417, punt 54), u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Eurogate Distribution u DHL Hub Leipzig (C‑226/14 u C‑228/14, EU:C:2016:405, punt 65). Għalkemm din il-konstatazzjoni kienet saret fil-kuntest tas-Sitt Direttiva, hija wkoll rilevanti fil-proċeduri fil-kawa prinċipali u fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT.


48      Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2014, X (C‑480/12, EU:C:2014:329, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-enfasi hija tiegħi.