Language of document :

Kawża T-386/06

Pegler Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Effett dissważiv”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Impriża — Kunċett — Kumpannija “inattiva” — Esklużjoni

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A, paragrafi 4 u 5)

1.      Id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi. Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika.

Kumpannija “inattiva”, skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż, peress li ma eżerċitatx attivitajiet ekonomiċi u ma kellha ebda dħul mill-bejgħ, ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parteċipanta diretta f’akkordju, u lanqas tista’ tinżamm responsabbli ta’ ksur kommess f’isimha minn entitajiet oħra tal-grupp ta’ kumpanniji li tagħmel parti minnhom.

(ara l-punti 46-49, 74, 86, 87)

2.      Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li timputa r-responsabbiltà ta’ ksur lill-kumpannija parent, lis-sussidjarja jew lill-kumpannija parent in solidum mas-sussidjarja.

Ir-responsabbiltà konġunta u in solidum ta’ żewġ impriżi jimplika li l-ħlas tal-ammont kollu tal-multa minn waħda minnhom jannulla l-obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija multa mill-parti l-oħra.

Responsabbiltà in solidum tista’ tiġi imputata lil impriżi anki jekk l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw l-impriża matul il-ksur ma għadhomx membri tal-istess grupp. Il-fatt li l-impriża li eżerċitat l-attivitajiet illegali ġiet maqsuma wara li spiċċa l-ksur, b’tali mod illi l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw din l-impriża ġew separati, ma jaffetwax ir-responsabbiltà in solidum tagħhom f’dak li jirrigwarda l-ksur kommess.

(ara l-punti 100, 101, 103, 106)

3.      Il-Linji ta’ gwida tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu li huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur sabiex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv. Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom jirrikonoxxu li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni.

Fil-kuntest tal-ewwel element, ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża għandhom jiġu evalwati fil-ġurnata li fiha l-multa tiġi imposta. Fir-rigward tat-tieni element, id-dħul mill-bejgħ li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs tal-impriżi inkwistjoni għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur. Minkejja li ż-żewġ elementi huma marbuta mill-qrib mad-daqs tal-impriża, huma żewġ motivi separati ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa.

Fost dawn iż-żewġ elementi, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħżel dak li hija jidhrilha li huwa l-iktar importanti għall-evalwazzjoni tagħha. Madankollu, il-fatt illi dawn iż-żewġ fatturi ġew separati u applikati b’mod separat għal żewġ kumpanniji li jifformaw parti mill-istess entità ekonomika, li waħda minnhom hija l-kumpannija parent tal-oħra u hija miżmuma responsabbli għall-ksur sempliċement minħabba din ir-raġuni, jikkostitwixxi kontradizzjoni mal-kunċett ta’ impriża skont l-Artikolu 81 KE. Huwa veru, il-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, id-dħul mill-bejgħ tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur (billi tapplika l-ewwel kriterju) jew dak fil-mument tal-ksur (billi tapplika t-tieni kriterju). Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq kriterju u tapplikah biss fil-konfront ta’ waħda miż-żewġ entitajiet li qabel kienu jifformaw l-entità ekonomika li kkommettiet il-ksur. Meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ma jibqgħux jifformaw parti minn entità ekonomika fis-sens tal-Artikolu 81 KE fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-multa ġiet imposta għall-ksur kommess, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-ex kumpannija parent tas-sena ta’ qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-fattur dissważiv applikabbli għal żewġ kumpanniji li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kienet impriża waħda, iżda li fil-frattemp inqasmet. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ ma jirriflettix il-kapaċità ekonomika effettiva tal-imsemmija impriża sabiex toħloq danni lill-operaturi l-oħra fil-mument tal-ksur.

(ara l-punti 123-125, 129, 132, 133)